Language of document : ECLI:EU:T:2021:51

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

3 ta’ Frar 2021 (*) (1)

“Dritt istituzzjonali – Parlament – Fastidju psikoloġiku – Deċiżjonijiet tal‑President tal-Parlament li jikkonstataw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju mġarrba minn żewġ Assistenti Parlamentari Akkreditati u li jippronunzjaw kontra Deputat is-sanzjoni ta’ telf tad-dritt għall-allowance ta’ residenza għal tnax‑il jum – Artikoli 11 u 166 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Rikors intern – Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li tikkonferma s-sanzjoni – Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Rikors għal annullament – Terminu għall‑preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Drittijiet tad-difiża – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑17/19,

Giulia Moi, residenti f’[data personali] (l-Italja), irrappreżentata minn M. Pisano u P. Setzu, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn T. Lazian, S. Seyr u M. Windisch, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament ta’ diversi atti adottati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ fastidju miftuħa kontra r-rikorrenti u, sussidjarjament, talba intiża għall-konstatazzjoni tan-natura eċċessiva u/jew sproporzjonata tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha u għas-sostituzzjoni tagħha b’dik prevista fl-Artikolu 166(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex il-Parlament jiġi kkundannat jagħtiha kumpens u jiġi ordnat irendi l-informazzjoni pubblika f’sessjoni plenarja tal-Parlament,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul (Relatur), R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Giulia Moi, kienet Membru tal-Parlament Ewropew mill‑2014 sal‑2019.

2        Fit‑22 ta’ Novembru 2017, tnejn mill-Assistenti Parlamentari Akkreditati tagħha (iktar ’il quddiem iż-“żewġ APA”) ressqu talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), billi invokaw sitwazzjoni ta’ xogħol diffiċli.

3        Fis‑27 u fit‑28 ta’ Novembru 2017, iż-żewġ APA ppreżentaw ilment dwar fastidju quddiem il-kumitat dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol li jittratta lmenti bejn Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv”), stabbilit bl-Artikolu 1(1) tar-Regoli Interni dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni Tiegħu fil-Post tax-Xogħol li Jittratta Lmenti bejn Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015”).

4        Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2018, il-Kumitat Konsultattiv informa lir-rikorrenti bil-kontenut tal-ilmenti taż-żewġ APA u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-allegazzjonijiet tagħhom.

5        Fis‑27 ta’ Frar 2018, iż-żewġ APA nstemgħu mill-Kumitat Konsultattiv.

6        Fid‑9 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ilmenti taż-żewġ APA.

7        Fl‑20 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti nstemgħet mill-Kumitat Konsultattiv.

8        Fit‑28 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti bagħtet dokumenti addizzjonali lill-Kumitat Konsultattiv.

9        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Mejju 2018, il-Presidenta tal-Kumitat Konsultattiv bagħat opinjoni lill-President tal-Parlament li fiha l-Kumitat Konsultattiv ikkonkluda li kien hemm fastidju fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

10      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2018, innotifikata l-għada, il-President tal-Parlament informa lir-rikorrenti bil-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-eżistenza ta’ fastidju u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn il-konklużjonijiet sal‑20 ta’ Lulju 2018.

11      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2018, li waslet għand il-Parlament fl‑20 ta’ Lulju ta’ wara, ir-rikorrenti wieġbet għall-istedina tal-President billi kkontestat l-eżistenza ta’ fastidju.

12      F’ittra tat‑2 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-Parlament, wara li eżamina l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, informaha li “[huwa qabel] mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, li [ġie] stabbilit li s-sitwazzjoni invokata miż-żewġ lanjanti [kienet] taqa’ taħt fastidju psikoloġiku fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal”. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Parlament indika din l-ittra bħala d-“deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju”. Din l-indikazzjoni ser tintuża fil-kumplament ta’ din is-sentenza sabiex jiġi indikat id-dokument inkwistjoni.

13      Fl-istess jum, il-President tal-Parlament bagħat dokument ieħor lir-rikorrenti, intitolat “Deċiżjoni tal-President tat‑2 ta’ Ottubru 2018”, li fih, minn naħa, huwa afferma li l-aġir tar-rikorrenti “[kien] jikser il-prinċipji u l-valuri li għalihom ir-Regoli [ta’ Proċedura tal-Parlament] [kienu] jirreferu, b’mod partikolari l-Artikolu 2 [TUE] u l-Artikoli 1 (rispett tad-dinjità tal-bniedem) u 31 (dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tal-ħaddiema) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, u, min-naħa l-oħra, huwa indika li kien “iddeċieda li jimponi fuq [ir-rikorrenti], bħala sanzjoni għall-aġir tagħha fil-konfront taż-[żewġ APA], ikklassifikat bħala fastidju psikoloġiku, it-telf tad-dritt tagħha għall-allowance ta’ residenza għal perijodu ta’ tnax‑il jum”. Matul il-proċedura, il-Parlament indika din l-ittra bħala d-“deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni”. Din l-indikazzjoni ser tintuża fil-kumplament ta’ din is-sentenza sabiex jiġi indikat l-imsemmi dokument.

14      Iż-żewġ dokumenti msemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq ġew innotifikati flimkien lir-rikorrenti.

15      Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti, kif kien jippermettilha tagħmel l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, kif applikabbli (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), ippreżentat rikors intern quddiem il-Bureau tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni. F’dan ir-rikors, hija kkontestat il-fatt li l-aġir tagħha fil-konfront taż-żewġ APA jista’ jiġi kklassifikat bħala fastidju u, sussidjarjament, talbet li tiġi imposta fuqha sanzjoni iktar ħafifa.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2018, mogħtija fl‑14 ta’ Novembru ta’ wara f’seduta plenarja u nnotifikata fl-istess jum, il-Bureau tal-Parlament ikkonferma d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament”).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att tal‑11 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Parlament jippreżenta ċerti dokumenti u għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti għal dan l-għan.

19      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

20      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2020.

21      Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni kif ukoll “kull att preċedenti, relatat jew konsekuttiv [għa]s-sanzjoni msemmija”;

–        sussidjarjament, “tikkonstata li s-sanzjoni dixxiplinari imposta hija eċċessiva [jew] sproporzjonata u, sussegwentement, tissostitwixxiha b’dik prevista fl-Artikolu 166[(3)](a) tar-Regoli ta’ Proċedura”;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Parlament jagħtiha kumpens li jiddetermina b’mod ġust, li jikkonsisti fil-ħlas ta’ somma stabbilita għal EUR 50 000 jew kwalunkwe ammont ieħor ogħla jew inqas meqjus ġust, u jordna lill-President tal-Parlament irendi l-informazzjoni pubblika f’sessjoni plenarja;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

22      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel diversi talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji kif ukoll talbiet għall-produzzjoni ta’ provi u ta’ offerti ta’ provi.

23      Il-Parlament jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad bħala inammissibbli t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni;

–        tiċħad it-talba għall-annullament ta’ kwalunkwe att ieħor preparatorju, relatat jew konsekuttiv għas-sanzjoni bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talbiet magħmula lill-Qorti Ġenerali sabiex toħroġ ordnijiet lill-Parlament u tissostitwixxi lil dan tal-aħħar bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talbiet għall-produzzjoni tal-provi u tal-offerti ta’ provi kif ukoll it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talbiet għad-danni bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat fir-rigward tal-kumplament;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

III. Id-dritt

A.      Fuq id-dritt applikabbli

24      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet applikabbli għal dan il-każ huma l-Artikoli 11, 166 u 167 tar-Regoli ta’ Proċedura kif ukoll tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015.

25      Kif irrikonoxxa l-Parlament fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti Ġenerali, kien bi żball li, fid-deċiżjoni tiegħu dwar is-sanzjoni, il-President tal-Parlament irrefera għad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat‑2 ta’ Lulju 2018 dwar il-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv responsabbli għall-eżami tal-ilmenti dwar fastidju li jikkonċernaw Membri tal-Parlament u l-proċeduri f’dan il-qasam.

26      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 15(1) tagħha, din l-aħħar deċiżjoni tapplika biss għat-talbiet għal assistenza mressqa wara l‑1 ta’ Settembru 2018. Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, it-talbiet għal assistenza tressqu miż-żewġ APA fit‑22 ta’ Novembru 2017.

B.      Fuq it-talba għal annullament

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament fid-dawl tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura

27      Mingħajr ma jqajjem espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Parlament josserva li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma strutturatx it-talba tagħha għal annullament fuq motivi identifikati b’mod ċar.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu, b’mod partikolari, jinkludi s-suġġett tat-tilwima u espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr informazzjoni oħra sabiex issostnihom. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, SH vs Il‑Kummissjoni, T‑283/17, EU:T:2018:917, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, huwa minnu li r-rikors ma huwiex ibbażat fuq l-invokazzjoni suċċessiva ta’ motivi ppreżentati taħt titoli distinti.

30      Madankollu, kif tirrileva r-rikorrenti fir-replika, dan il-metodu ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli tidentifika, insostenn tat-talba għal annullament, tliet motivi, li l-Parlament barra minn hekk ikkontesta. Dawn il-motivi huma bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tad-dmir ta’ imparzjalità kif ukoll tad-“dritt għal parteċipazzjoni u għal kontradittorju”, it-tieni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u, it-tielet, fuq użu ħażin ta’ poter.

31      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.      Fuq is-suġġett tat-talba għal annullament

32      Kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors u tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament.

33      Fuq l-ewwel paġna tar-rikors, fid-definizzjoni tas-suġġett tar-rikors, ir-rikorrenti barra minn hekk titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni.

34      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju la hija msemmija espliċitament fid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors, u lanqas fit-talbiet tagħha fost l-atti li l-annullament tagħhom huwa mitlub, mill-espożizzjoni tal-motivi jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni ċara li tikkontesta din id-deċiżjoni.

35      Barra minn hekk, dan il-punt ma huwiex ikkontestat mill-Parlament.

36      Peress li l-Parlament seta’ jidentifika din it-talba u seta’ jwieġeb għaliha b’mod iddettaljat, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal annullament tirrigwarda wkoll id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, anki jekk din id-deċiżjoni ma tidhirx formalment fid-deskrizzjoni fir-rikors tas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 1967, Simet u Feram vs L-Awtorità Għolja, 25/65 u 26/65, EU:C:1967:4, p. 53).

37      Il-fatt li t-talba għal annullament tikkonċerna wkoll id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju huwa kkonfermat mit-talba magħmula mir-rikorrenti fid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors kif ukoll fil-punt 17 tar-rikors u li tirrigwarda l-annullament ta’ kwalunkwe att ieħor preċedenti, relatat jew konsekuttiv għas-sanzjoni.

38      Mill-proċess ma jirriżultax li, permezz ta’ din l-aħħar talba, ir-rikorrenti rreferiet għal deċiżjonijiet oħra minbarra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju.

39      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal annullament tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

3.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, sa fejn din tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni

40      Il-Parlament iqis li t-talba għal annullament, sa fejn hija diretta kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għal żewġ raġunijiet, invokati, waħda, prinċipalment, u l-oħra, sussidjarjament.

41      Prinċipalment, il-Parlament isostni li d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni ġiet issostitwita bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament, li tikkostitwixxi t-teħid ta’ pożizzjoni finali tal-istituzzjoni u għalhekk dik li kontriha kellu jiġi ppreżentat ir-rikors.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ġiet adottata wara rikors intern ippreżentat mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni.

43      Issa, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ rimedju amministrattiv kontra deċiżjoni, irrispettivament minn jekk dan ir-rimedju huwiex ta’ natura obbligatorja jew fakultattiva, ma għandhiex effett fuq id-dritt tal-persuna kkonċernata li tippreżenta, fi kwalunkwe mument, azzjoni ġudizzjarja kontra l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 34).

44      Għaldaqstant, ma jistax jitqies, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-fatt li tinbeda proċedura ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura jippreġudika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni kontenzjuża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 35).

45      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni ġudizzjarja, anki jekk tkun formalment ippreżentata kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandha l-effett li tressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 36, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 45).

46      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, ir-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk ikun ippreżentat kontra d-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-ilment biss, kemm kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment u kemm jekk kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, bil-kundizzjoni li l-imsemmi lment u r-rikors kienu ppreżentati fit-termini previsti fl-imsemmija artikoli (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ma tipprekludix lir-rikorrenti milli tippreżenta r-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, anki jekk din l-aħħar deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura.

48      Sussidjarjament, il-Parlament isostni li r-rikors, sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, huwa inammissibbli minħabba li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rimedju amministrattiv, kemm jekk ikun fakultattiv jew le, għandu l-għan li jippermetti u li jippromwovi soluzzjoni bonarja għat-tilwima li tkun qamet bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni, u dan sabiex tiġi evitata kawża (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 25, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 43).

50      F’dan il-każ, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tikkostitwixxi rimedju prekontenzjuż fakultattiv. Issa, dan tal-aħħar ikun imċaħħad mill-effett utli tiegħu jekk il-Membru kkonċernat kellu, wara li jkun uża din il-possibbiltà għall-finijiet ta’ ftehim bonarju, jippreżenta azzjoni ġudizzjarja qabel it-tmiem ta’ din il-proċedura amministrattiva, sabiex josserva t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-imsemmija proċedura (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 43).

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li, jekk il-Bureau tal-Parlament ma jiħux deċiżjoni fuq ir-rikors intern fit-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst għal dan l-għan, is-sanzjoni titqies li hija nulla u bla effett, b’tali mod li l-ebda azzjoni ġudizzjarja ma tkun neċessarja f’tali ipoteżi (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 44).

52      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti setgħet titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, l-iktar tard, fil-jum tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ikkalkolat min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 48; ara, wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 41).

53      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ġiet adottata fit‑12 ta’ Novembru 2018 u ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl‑14 ta’ Novembru ta’ wara. Issa, ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat fil‑11 ta’ Jannar 2019.

54      Minn dan jirriżulta li r-rikors, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa tardiv.

4.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, sa fejn din tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju

55      Barra minn hekk, il-Parlament iqis li t-talba għal annullament, sa fejn tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, tressqet wara l-iskadenza tat-termini previsti mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika l-Parlament, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju ġiet adottata fit‑2 ta’ Ottubru 2018 filwaqt li dan ir-rikors ġie ppreżentat fil‑11 ta’ Jannar 2019, jiġifieri iktar minn xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

57      Waqt is-seduta, il-Parlament espona li l-proċedura li tikkonċerna l-atti ta’ fastidju li bihom huma kkritikati Membri tal-Parlament ġiet organizzata b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, ix-xewqa, murija mill-Bureau tal-Parlament, li jiġi involut biss fl-ilment dwar is-sanzjoni mingħajr ma jkun assoċjat mal-parti tal-proċedura dwar il-konstatazzjoni ta’ fastidju.

58      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li ġiet implimentata proċedura f’żewġ partijiet, peress li kull waħda minn dawn il-partijiet kienet suġġetta għal sistema distinta fuq il-livell tar-rimedji ġudizzjarji, minħabba li, għall-kuntrarju tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, l-organizzazzjoni implimentata mill-Parlament tippermetti lill-persuna akkużata li tippreżenta rikors intern quddiem il-Bureau tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni.

59      Għall-Parlament, din l-organizzazzjoni hija bbażata, minn naħa, fuq l-Artikoli 166 u 167 tar-Regoli ta’ Proċedura u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 12 tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Sanzjonijiet”, jiddisponi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“F’każijiet serji ta’ diżordni jew sfrattar tal-Parlament bi ksur tal-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 11, il-President għandu jadotta deċiżjoni motivata li tistipula s-sanzjoni xierqa.”

61      L-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Proċeduri interni ta’ appell”, jiddisponi dan li ġej:

“Il-Membru kkonċernat jista’ jressaq appell intern lill-Bureau fi żmien ġimagħtejn min-notifika tas-sanzjoni imposta mill-President bis-saħħa tal-Artikolu 166(1) sa (4). Dan l-appell għandu jkollu l-effett li jissospendi l-applikazzjoni ta’ dik is-sanzjoni. Il-Bureau jista’, sa mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li jkun tressaq l-appell jew, jekk dan ma jiltaqax f’dan il-perjodu, fil-laqgħa li jmiss tiegħu, jannulla, jikkonferma jew jimmodifika s-sanzjoni imposta, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ appell esterni disponibbli għall-Membru kkonċernat. Jekk il-Bureau jonqos milli jieħu deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat, is-sanzjoni għandha titqies nulla u bla effett.”

62      Fir-rigward tal-Artikolu 12 tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015, dan jipprovdi dan li ġej:

“1.      Fid-dawl tal-opinjoni tal-[Kumitat Konsultattiv], il-President għandu jadotta deċiżjoni mmotivata dwar jekk l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju tkunx seħħet jew le. Għandu jindika bil-miktub lill-kumitat il-miżuri li għandu l-intenzjoni jieħu. Huwa għandu jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’dan. Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju, il-President għandu jisma’ lill-Membru kkonċernat.

[…]

3.      Jekk ikun il-każ, il-President tal-Parlament għandu jieħu sanzjoni kontra l-Membru kkonċernat konformement mal-Artikoli 11 u 166 tar-[Regoli ta’ Proċedura]. Is-smigħ tal-Membru skont il-paragrafu 1 għandu jitqies bħala smigħ fis-sens tal-Artikolu 166(1) tar-[Regoli ta’ Proċedura].”

63      Kuntrarjament għal dak li jindika l-Parlament, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li, meta dawn jikkonċernaw membri ta’ din l-istituzzjoni, minn naħa, il-proċeduri dwar fastidju għandhom jagħtu lok, b’mod neċessarju, għal deċiżjonijiet separati għas-sitwazzjoni ta’ fastidju u għas-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal sistemi ta’ rimedji differenti.

64      Fil-fatt, l-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Artikolu 12 tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015, jipprevedu biss li deċiżjoni motivata għandha tiġi adottata f’każ ta’ aġir oġġezzjonabbli u li tista’ tiġi imposta sanzjoni, mingħajr ma jiġi eskluż li dawn l-elementi, a priori indissoċjabbli, jiġu ttrattati fl-istess deċiżjoni.

65      Fl-istess sens, l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura sempliċement jippreċiża l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ lment billi jindika li dan it-terminu jibda jiddekorri mill-impożizzjoni tas-sanzjoni, mingħajr ma jeskludi li d-deċiżjoni li tinkludi din tal-aħħar tista’ wkoll tistabbilixxi s-sitwazzjoni ta’ fastidju.

66      Barra minn hekk, id-distinzjoni magħmula mill-Parlament bejn id-deċiżjoni dwar is-sanzjoni u dik li tikkonstata l-fastidju, jekk wieħed jassumi li hija tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet riprodotti fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, twassal għal trattament asimetriku ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-possibbiltajiet għal rimedju, meta dawn huma indissoċjabbilment marbuta.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif enfasizza l-Bureau tal-Parlament fil-punt 4 tad-deċiżjoni tiegħu, ir-rimedji għandhom ikunu ta’ natura “effettiva”.

68      Dan ir-rekwiżit huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha żgurati mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju li għandu tali natura.

69      Kif jindika l-Parlament, fl-assenza ta’ rikors intern ippreżentat mill-Membru tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, il-qorti tal-Unjoni, adita direttament b’rikors kontra din id-deċiżjoni, għandha l-possibbiltà li tanalizza, fil-kuntest tal-istess proċedura ġudizzjarja, ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn is-sanzjoni, il-fatti u l-proċedura.

70      Fid-dawl tal-obbligu li tiġi żgurata n-natura effettiva tar-rimedju, l-ebda raġuni ma tiġġustifika li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni jvarja, meta l-Membru tal-Parlament jippreżenta, qabel ma tiġi adita l-qorti, rikors intern kontra din id-deċiżjoni.

71      Fil-fatt, l-effettività tar-rimedju teħtieġ li, bħalma huwa l-każ meta ma jiġi ppreżentat l-ebda rikors intern kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, l-eżami tal-qorti tal-Unjoni jista’ jirrigwarda kemm id-deċiżjoni li tikkonċerna l-aġir kif ukoll dik relatata mas-sanzjoni, peress li sanzjoni tkun legali biss jekk, l-ewwel, l-aġir ikun ġie stabbilit u l-konstatazzjoni li tikkonċernah tkun ibbażata fuq provi suffiċjenti, it-tieni, dan kien is-suġġett ta’ klassifikazzjoni legali xierqa u, it-tielet, is-sanzjoni tkun proporzjonata għall-gravità tal-imsemmi aġir, li kollha flimkien iwasslu għal deċiżjonijiet adottati fl-aħħar ta’ proċedura li ma tkunx ivvizzjata.

72      L-eżistenza ta’ rabtiet indissoċjabbli bejn il-konstatazzjoni tal-fastidju, is-sanzjoni u l-iżvolġiment tal-proċedura ġiet irrikonoxxuta, barra minn hekk, mill-President tal-Parlament innifsu. Minn naħa, dan tal-aħħar irrileva, fil-punt 7 tad-deċiżjoni tiegħu dwar is-sanzjoni, li “[i]l-konklużjonijiet u l-motivi tad-deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku [kienu] jikkostitwixxu l-bażi ta’ din id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni”. Min-naħa l-oħra, huwa indika, fil-punt 11 tal-istess deċiżjoni, u b’hekk jiddeskrivi huwa stess ir-relazzjoni li teżisti bejn id-diversi elementi tas-sitwazzjoni, li kien “[f]id-dawl tal-gravità tal-aġir tar-[rikorrenti], li hija [kienet] wettqet tul perijodu u b’mod ripetittiv u sistematiku, u li [kienet] tixhed assenza flagranti ta’ osservanza tal-valuri u tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tar-Regoli ta’ [Proċedura]”, li “[i]s-sanzjoni imposta […] [kienet] xierqa u proporzjonata għall-ksur imwettaq”.

73      F’dan il-każ, wieħed jista’ jifhem li, peress li xtaqet tiddefendi ruħha, ir-rikorrenti għamlet użu mill-possibbiltà, offruta mir-Regoli ta’ Proċedura, li tippreżenta rikors intern kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni.

74      Madankollu, dan il-fatt ma jistax ikollu l-effett, fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata n-natura effettiva ta’ kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni, li jċaħħad lir-rikorrenti minn stħarriġ ġudizzjarju li matulu ser jiġu eżaminati, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jgħaqqduhom, l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni kontenzjuża.

75      Barra minn hekk, li kieku r-rikorrenti kienet ikkontestat id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-Bureau tal-Parlament kien ikollu jagħmel għażla bejn żewġ possibbiltajiet, li l-ebda waħda minnhom ma kienet tkun sodisfaċenti fil-konsegwenzi amministrattivi u ġudizzjarji tagħha. Fl-ewwel għażla, il-Bureau seta’ jiddeċiedi dwar is-sanzjoni mingħajr ma jistenna d-deċiżjoni tal-qorti, f’liema każ ir-rikorrenti setgħet tippreżenta rikors ukoll kontra din id-deċiżjoni, li probabbilment kien iwassal lill-qorti sabiex tgħaqqad iż-żewġ rikorsi kontenzjużi u għalhekk tipposponi l-eżami tagħha tal-legalità fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ fastidju. Fit-tieni waħda, il-Bureau seta’ xtaq jistenna d-deċiżjoni tal-qorti, f’liema każ kien ikun espost għar-riskju li ma jkunx jista’ jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ eżami mill-ġdid tas-sanzjoni, peress li, minn naħa, bis-saħħa tal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Bureau f’terminu ta’ erba’ ġimgħat wara l-preżentata tar-rikors, is-sanzjoni kkontestata adottata mill-President tal-Parlament titqies nulla u bla effett u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura ma jirriżultax li l-Bureau għandu l-possibbiltà li jissospendi l-proċedura quddiemu fl-istennija tal-eżitu ta’ proċedura ġudizzjarja.

76      F’tali ċirkustanzi, id-dritt għal rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġu, it-tnejn flimkien, li l-qorti tiġi adita, fl-istess ħin, f’dan il-każ, bil-legalità tad-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-istess tilwima waħda, jiġifieri, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ fatti ta’ fastidju u dik, li tiddependi fuqha, li tiddeċiedi dwar is-sanzjoni mitluba minn tali fatti.

77      Għalhekk, għandu jitqies li, peress li d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju hija marbuta indissoċjabbilment ma’ dik dwar is-sanzjoni, it-terminu tar-rikors għal annullament kontra l-ewwel waħda beda jiddekorri biss, bħal fil-każ tat-tieni waħda, min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament adottata wara r-rikors intern ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).

78      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju ma tistax titqies li hija tardiva u għalhekk hija ammissibbli.

5.      Fuq il-mertu

79      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura li wasslet, minn naħa, għall-klassifikazzjoni tal-aġir tagħha bħala fastidju u, min-naħa l-oħra, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni, hija la kellha aċċess, minkejja li għamlet talba għal dan, għad-dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni, la għall-ilmenti mressqa miż-żewġ APA, u lanqas għad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom quddiem il-Kumitat Konsultattiv.

80      Dan l-argument huwa kkontestat mill-Parlament.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

81      Permezz ta’ mistoqsija bil-miktub, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet jekk ir-regola msejħa “ta’ konkordanza” bejn l-ilment u r-rikors kinitx applikabbli f’din it-tilwima u x’inhu l-effett ta’ din l-applikazzjoni eventwali, peress li l-imsemmija regola teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv jew kap ta’ kontestazzjoni ppreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà ġie applikat fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża jew li jkun marbut mill-qrib ma’ kritika mqajma fl-istess kuntest.

82      Il-Parlament wieġeb li, li kieku din ir-regola kellha tapplika għal dan il-każ, il-motiv dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, għaliex ma tqajjimx mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors intern tagħha quddiem il-Bureau tal-Parlament.

83      Il-pożizzjoni tal-Parlament hija kkontestata mir-rikorrenti.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u mhux fuq l-Artikolu 270 TFUE.

85      Issa, huwa fil-kuntest tat-tilwimiet imressqa abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u fir-rigward tal-ilment obbligatorju li għandu jitressaq qabel stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal li ġiet stabbilita r-regola ta’ konkordanza, mingħajr ma ġiet estiża, f’dan l-istadju, mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali, għar-rikorsi li, peress li ġew ippreżentati abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, huma ppreċeduti minn fażi amministrattiva.

86      Sa fejn huwa meħtieġ, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE, ir-regola tal-konkordanza tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku rregolat minn din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li jissuġġettaw, b’mod espliċitu, l-ammissibbiltà tar-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, għall-preżentata ta’ lment minn qabel u, min-naħa l-oħra, għal deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda mill-Awtorità tal-Ħatra.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li la r-Regoli ta’ Proċedura u lanqas ebda test ieħor applikabbli f’dan il-każ ma jissuġġettaw l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni minn Membru tal-Parlament għall-preżentata ta’ lment minn qabel fi ħdan il-Parlament. Fl-assenza ta’ tali test, fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-rikorrenti għandha tingħata l-possibbiltà li tqajjem kwalunkwe motiv quddiem il-qorti tal-Unjoni, anki jekk hija ma għamlitx dan quddiem il-Bureau tal-Parlament.

88      F’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regola ta’ konkordanza hija inqas u inqas iġġustifikata peress li, kif deskritt mill-Parlament, il-proċedura ta’ rikors intern prevista fl-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tista’ tirrigwarda biss is-sanzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tfittxija ta’ ftehim bonarju ma tistax twassal sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni ta’ fastidju, li tista’ tiġi kkontestata biss quddiem il-qorti, u għalhekk ma testendix għat-tilwima sħiħa bejn il-Membru kkonċernat u l-Parlament.

89      Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-rikorrenti ma fformulatx preċedentement l-argument ibbażat fuq id-drittijiet tad-difiża baqa’ mingħajr effett fuq l-eżami tar-rikors intern, għaliex, kif jindika fil-punti 4 u 5 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bureau tal-Parlament, fil-mument tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu, ivverifika li l-proċedura segwita ma kienet ivvizzjata b’ebda difett manifest li seta’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, EU:T:2000:272, punti 37 u 38).

90      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ir-regola tal-konkordanza ma hijiex applikabbli għal tilwima bħal dik imressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, li l-ewwel motiv ma jistax jiġi ddikjarat bħala inammissibbli minħabba li l-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma ġiex invokat quddiem il-Bureau tal-Parlament fil-kuntest tar-rikors intern ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura.

b)      Fuq il-fondatezza tal-motiv

91      Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddisponi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju, kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

92      Fis-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt għal smigħ previst minn din id-dispożizzjoni jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa negattivament l-interessi tagħha.

93      B’applikazzjoni tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’każ fejn ir-rikors għal annullament kien ġie ppreżentat minn persuna li ġarrbet fastidju kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, li l-kumitat ta’ investigazzjoni, qabel ma jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-istituzzjoni u, fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar, qabel ma jieħu deċiżjoni li taffettwa negattivament lir-rikorrenti, kienu obbligati li jirrispettaw id-dritt għal smigħ tagħha fil-kwalità tagħha bħala lanjanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 56).

94      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bħala lanjanti, ir-rikorrenti kellha d-dritt, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha, li jiġi kkomunikat lilha, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tad-diversi xhieda mismugħa, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ntużaw mill-kumitat ta’ investigazzjoni, fir-rapport tiegħu, sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lill-President tal-istituzzjoni inkwistjoni, li fid-dawl tagħhom dan tal-aħħar kien ibbaża d-deċiżjoni kontenzjuża, u l-komunikazzjoni ta’ dan is-sunt għandha titwettaq fl-osservanza, skont il-każ, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 57).

95      Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punti 57 sa 62), li fiha, bl-applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fi proċedura oħra li wasslet għaċ-ċaħda ta’ lment dwar fastidju, li, bħala lanjanti, il-persuna li ġarrbet fastidju kellha d-dritt li jiġi kkomunikat lilha, tal-inqas, sunt kemm tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv kif ukoll tal-minuti tas-smigħ tax-xhieda, sa fejn l-awtorità li kienet responsabbli sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ fastidju bbażat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq dawn id-dokumenti.

96      Fil-punt 66 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tax-xhieda u l-għanijiet li din tipproteġi, filwaqt li jiġi żgurat li kien b’mod utli li r-rikorrenti nstemgħet qabel ma ġiet adottata deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, setgħu jintużaw ċerti tekniki bħall-anonimizzazzjoni, jew saħansitra l-iżvelar tas-sustanza tax-xhieda fil-forma ta’ sunt, jew ukoll li jinħbew ċerti partijiet tal-kontenut tax-xhieda.

97      Fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490), il-persuna li talbet id-dritt għal smigħ xieraq, kif indikat fil-punti 93 u 95 iktar ’il fuq, kienet lanjanti li qieset li kienet suġġetta għal fastidju.

98      Tali sitwazzjoni hija differenti minn dik f’din il-kawża, fejn l-argument dwar aċċess insuffiċjenti għall-fajl ma huwiex ifformulat mil-lanjant, iżda mill-persuna akkużata b’fastidju li ġiet issanzjonata għal din ir-raġuni.

99      F’dan il-każ, huwa l-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, invokat ukoll mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li japplika fil-portata kollha tiegħu.

100    Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju ġenerali huwa impost f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika b’mod partikolari meta l-proċedura tista’ twassal għal sanzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 92). Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 27; tad‑9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, EU:C:2006:710, punt 37; u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 72).

101    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet tad-difiża jinkludu d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl u huma fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Dan il-prinċipju japplika f’dan il-każ, peress li l-proċedura miftuħa kontra r-rikorrenti setgħet twassal, u wasslet, għal sanzjoni kontra Membru tal-Parlament għal fastidju.

103    Fi proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fastidju, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li, fl-osservanza ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, il-persuna akkużata tkun tista’, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, tara d-dokumenti kollha tal-fajl, kemm favuriha u kontriha, dwar l-imsemmi fastidju u li tinstema’ dwarhom.

104    Il-komunikazzjoni tad-dokumenti kollha tal-fajl hija barra minn hekk espressament prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għall-persuni li għalihom japplikaw dawn ir-regolamenti u li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni dixxiplinari wara investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

105    F’dan il-każ, mill-proċess u mis-seduta jirriżulta li, matul il-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ fastidju u għall-impożizzjoni tas-sanzjoni, għalkemm, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ġiet informata bil-kontenut tal-ilmenti taż-żewġ APA, hija la kellha aċċess għad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom fis‑27 ta’ Frar 2018 quddiem il-Kumitat Konsultattiv u lanqas għad-dokumenti tal-fajl, b’mod partikolari l-posta elettronika u l-messaġġi, minkejja li din l-informazzjoni differenti ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li jeżisti fastidju u sabiex ir-rikorrenti tkun issanzjonata.

106    Waqt is-seduta, il-Parlament sostna li osserva l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iżda ma kienx obbligat jagħti lir-rikorrenti aċċess għall-fajl fl-intier tiegħu. Fi kwalunkwe każ, huwa jsostni qabel kollox li r-rikorrenti fl-ebda mument ma talbet l-aċċess għall-fajl. Sussegwentement, il-komunikazzjoni tal-posta elettronika u tal-messaġġi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kumitat Konsultattiv u sussegwentement il-President tal-Parlament sabiex jadottaw l-opinjoni u d-deċiżjoni tagħhom iltaqgħet ma’ diffikultajiet marbuta man-natura kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi ma kinitx neċessarja peress li, minħabba li dawn kienu indirizzati lir-rikorrenti jew ġew mibgħuta minnha, hija kienet taf bil-kontenut tagħhom.

107    Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, fil-kuntest ta’ proċedura dwar fastidju, l-aċċess għall-fajl ma jistax ikun suġġett għal talba tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, hija l-awtorità kompetenti, li tmexxi l-proċedura miftuħa kontra din il-persuna, li għandha tosserva l-garanziji kollha meħtieġa, b’mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet tad-difiża, mingħajr ma tistenna li tiġi mistiedna tagħmel dan.

108    F’dak li jirrigwarda t-tieni argument, għandu jiġi kkonstatat li, fl-argumenti tiegħu, il-Parlament irrefera, b’mod ġenerali, għan-neċessità li jiġu protetti l-lanjanti sabiex jispjega li l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati kien ġie limitat fil-proċedura kkunsidrata, mingħajr ma identifika l-informazzjoni li, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha, kienet teħtieġ forma ta’ kunfidenzjalità, u lanqas ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw dan.

109    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-kunfidenzjalità tista’ tiġi żgurata bl-użu ta’ diversi tekniki bħall-anonimizzazzjoni, l-iżvelar tas-sustanza tad-dokumenti tal-fajl fil-forma ta’ sunt jew il-ħabi ta’ ċerti partijiet tal-kontenut tagħhom (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 66).

110    Fir-rigward tat-tielet argument, li, barra minn hekk, jikkontradixxi t-tieni wieħed, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, il-persuna akkużata għandu jkollha l-possibbiltà li tkun taf bi preċiżjoni d-dokumenti tal-fajl li fuqhom ġew ibbażati l-akkużi mressqa kontriha fid-deċiżjonijiet li jikkonċernawha.

111    Waqt is-seduta, il-Parlament sostna li huwa kellu jidentifika l-elementi li kellhom jiġu kkomunikati lill-persuna akkużata b’fastidju, bil-kundizzjoni li din il-persuna kellha titlob id-dokumenti li fuqhom kienu bbażati dawn l-elementi jekk hija qieset li dan kien neċessarju.

112    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-kuntest ta’ proċedura dwar fastidju, huma l-korpi kompetenti li għandhom jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata, fl-osservanza ta’ kwalunkwe rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, mhux biss l-elementi li fuqhom huma bbażati l-allegazzjonijiet ta’ fastidju, iżda wkoll id-dokumenti insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, bħal dawk, jekk ikun il-każ, li jippermettu li dawn jiġu kkonfutati, peress li l-persuna kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li tiddetermina hija stess kif tipprepara u timmotiva d-difiża tagħha.

113    Għalhekk, l-argumenti invokati mill-Parlament kontra l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu miċħuda.

114    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ġie miksur il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

c)      Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

115    Skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76).

116    Għall-qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt meta, peress li ma kellhiex aċċess għad-dokumenti li kellhom jiġu kkomunikati lilha b’applikazzjoni tar-rispett dovut għad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti ma setgħetx utilment issostni l-osservazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punti 77 u 78, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 73) u għalhekk ġiet imċaħħda mill-opportunità, anki ridotta, li tiżgura d-difiża tagħha aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 56).

117    F’każ bħal dan, nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti tal-fajl li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni jaffettwa, fil-fatt, b’mod inevitabbli, fir-rigward tal-protezzjoni dovuta tad-drittijiet tad-difiża, ir-regolarità tal-atti adottati fi tmiem proċedura li tista’ taffettwa lir-rikorrenti b’mod sfavorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 78, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 73).

118    F’dan il-każ, mill-proċess u mis-seduta jirriżulta li, matul il-proċedura li tikkonċernaha, ir-rikorrenti la kellha aċċess għad-dikjarazzjonijiet magħmula miż-żewġ APA fis‑27 ta’ Frar 2018 quddiem il-Kumitat Konsultattiv u lanqas għall-fajl kollu, b’mod partikolari għall-kontenut integrali tal-posta elettronika jew tal-messaġġi li fuqhom kienu bbażati l-akkużi, filwaqt li din l-informazzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-konstatazzjoni ta’ fastidju u fl-impożizzjoni tas-sanzjoni.

119    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tikkoinċidi ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015, timplika klassifikazzjoni kuntestwali tal-atti u tal-aġir tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, li ma hijiex dejjem faċli li titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI, T‑377/17, EU:T:2018:478, punt 99, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 75).

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 115 sa 117 iktar ’il fuq, li, peress li ma kellhiex aċċess għall-kontenut sħiħ tal-fajl, ir-rikorrenti ġiet imċaħħda, f’dan il-każ, minn opportunità li tiddefendi ruħha aħjar u li din l-irregolarità affettwat, b’mod inevitabbli, il-kontenut tad-deċiżjonijiet meħuda dwar l-eżistenza tal-fastidju u dwar is-sanzjoni.

121    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat sa fejn il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża affettwa l-legalità tad-diversi deċiżjonijiet ikkontestati.

1)      Fuq id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju

122    Id-deċiżjoni tal-President dwar il-fastidju hija l-ewwel waħda li ġiet adottata fi tmiem il-proċedura li kienet ivvizzjata mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat iktar ’il fuq.

123    Peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata mingħajr ma l-President seta’ kellu l-informazzjoni u l-argumenti li r-rikorrenti setgħet tiżviluppa li kieku, konformement ma’ dan il-prinċipju, hija kienet f’pożizzjoni li jkollha għarfien dwar id-dokumenti tal-fajl li fuqhom huwa kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu, hija għandha tiġi annullata.

2)      Fuq id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni

124    Huwa ċar li l-legalità tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni hija wkoll affettwata mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat iktar ’il fuq. Fil-fatt, din hija bbażata fuq il-fatti ta’ fastidju allegati li l-konstatazzjoni tagħhom hija stess hija affettwata minn ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

125    Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

3)      Fuq id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament

126    Il-Parlament iqis li d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tikkonċerna biss is-sanzjoni, b’tali mod li din ma tistax tiġi affettwata mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża li jikkonċerna biss id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju.

127    Għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tikkonferma d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u li din hija wkoll ibbażata fuq il-fatti ta’ fastidju allegati li l-konstatazzjoni tagħhom hija affettwata minn ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. L-illegalità li tivvizzja din il-konstatazzjoni għalhekk neċessarjament twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament.

128    Ċertament, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bureau tal-Parlament illimita l-kompitu li huwa kellu jeżerċita fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura billi indika fil-punt 4, minn naħa, li huwa “biss [kien] kompetenti sabiex jikkunsidra mill-ġdid is-sanzjoni nnifisha” u, min-naħa l-oħra, li eżami mill-ġdid dwar il-“fondatezza” tad-deċiżjoni dwar il-fastidju jew il-“fatti” li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni ma jaqax taħt il-kompetenzi tiegħu.

129    Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-istess punt 4 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bureau tal-Parlament ammetta li wettaq verifika tar-regolarità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju.

130    Għalhekk, il-Bureau tal-Parlament indika li, “sabiex jirrendi r-rikors effettiv, [huwa qies li kien] xieraq li jipproċedi b’eżami li sempliċement jivverifika li l-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku [kienet] ġiet stabbilita f’kundizzjonijiet tajbin u li, b’mod iktar speċifiku, il-proċedura segwita ma kinitx ivvizzjata b’difett manifest li jista’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni”.

131    Fl-istess sens, il-Bureau tal-Parlament afferma, fil-punt 5 tad-deċiżjoni tiegħu, li l-proċedura ma kienet affettwata bl-ebda difett li jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju u dik dwar is-sanzjoni. Fil-fatt, huwa ddikjara li, “[a]bbażi ta’ dan, il-Bureau [kien] tal-opinjoni li l-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku stabbilit mill-President […] [kienet] twettqet f’kundizzjonijiet tajbin u li l-proċedura segwita ma [kinitx] ivvizzjata b’difett manifest li jista’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni”.

132    Għalhekk, il-Bureau tal-Parlament ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq evalwazzjoni li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 91 sa 114 iktar ’il fuq, saret bi ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

133    Din id-deċiżjoni għandha għalhekk tiġi annullata minħabba ksur ta’ dan il-prinċipju.

4)      Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati la l-ilmenti l-oħra li jinsabu fl-ewwel motiv, la l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti, la t-talbiet tagħha għal produzzjoni ta’ provi u ta’ produzzjoni ta’ provi, u lanqas it-talbiet tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji, li d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament għandhom jiġu annullati.

C.      Fuq it-talba għas-sostituzzjoni tas-sanzjoni dixxiplinari imposta b’dik prevista fl-Artikolu 166(4)(a) tar-Regoli ta’ Proċedura

135    Fit-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, “tikkonstata li s-sanzjoni dixxiplinari imposta hija eċċessiva/sproporzjonata” u li “tissostitwixxiha b’dik prevista fl-Artikolu 166(a) tar-Regoli ta’ Proċedura”. Is-sanzjoni prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni hija ċanfira.

136    Peress li t-talba msemmija fil-punt 135 iktar ’il fuq għandha natura sussidjarja meta mqabbla mat-talba għal annullament u din intlaqgħet, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba.

D.      Fuq it-talba għal kumpens

1.      Fuq it-talba għad-danni

137    Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Parlament għall-ħlas ta’ EUR 50 000 jew ta’ ammont ogħla jew inqas li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi b’mod ekwu għall-aġir tal-President tiegħu u tal-membri tal-Bureau tiegħu. Is-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti kienet partikolarment dannuża għaliha minħabba n-natura inġusta tagħha u peress li din ġiet trażmessa permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mhux biss fi ħdan il-Parlament, iżda wkoll fl-Istati Membri.

138    Fir-replika, ir-rikorrenti tindika li hija ġarrbet tliet tipi ta’ dannu, jiġifieri, l-ewwel, dannu patrimonjali li jirriżulta mit-telf tal-allowance ta’ residenza għal tnax‑il jum u mill-fatt li hija kellha tikkuntenta ruħha bis-servizzi ta’ Assistent Parlamentari Akkreditat wieħed biss, it-tieni, dannu morali li jirriżulta mid-degradazzjoni tal-immaġni tagħha minħabba l-ammont ta’ rappurtaġġ tas-sanzjoni imposta fil-midja u, it-tielet, dannu li jirriżulta mill-esklużjoni tagħha mill-Movimento 5 Stelle.

139    Il-Parlament iqis li din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala, prinċipalment, inammissibbli u, sussidjarjament, infondata.

140    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-kumpens għad-dannu patrimonjali li jirriżulta mit-telf tal-allowance ta’ residenza għal tnax‑il jum huwa konsegwenza possibbli li tista’ tingħata wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Fit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tiddetermina l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti kellha tikkuntenta ruħha bis-servizzi ta’ Assistent Parlamentari Akkreditat wieħed biss, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex illeġittimu għal istituzzjoni li tieħu miżuri sabiex tbiegħed lill-persuni li jilmentaw b’fastidju minn dik akkużata.

142    Għall-kumplament, it-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi għall-kumpens ta’ dannu morali.

143    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti ta’ kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22, u tad‑9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127), sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kollu kemm hu kkumpensat b’dan l-annullament (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il‑Parlament, T‑352/17, EU:T:2018:319, punt 78).

144    F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandu jitqies li huwa suffiċjenti, iktar u iktar peress li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma tippreġudikax l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ fastidju.

145    Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, skont ir-regoli applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma esponietx l-elementi intiżi sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Parlament f’dak li jirrigwarda d-dannu morali allegat.

146    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġarrab, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, T‑644/14, EU:T:2017:533, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma indikatx, fir-rikors, fiex kien jikkonsisti “l-aġir [tal‑]President [tal-Parlament] u tal-membri tal-Bureau [tiegħu]” li ta lok għal dan id-dannu morali u r-rabta kawżali bejn dan l-aġir u dan id-dannu. Hija lanqas ma spjegat dak li hija kienet ġarrbet personalment.

148    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, “il-provi u l-offerti ta’ provi għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti”.

149    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-provi tad-dannu morali tagħha fl-anness tar-rikors, minkejja li dawn seħħew qablu. Fil-fatt, id-diversi pubblikazzjonijiet huma ddatati f’Ottubru 2018 u d-deċiżjoni li permezz tagħha hija ġiet eskluża mill-partit tagħha hija ddatata l‑31 ta’ Diċembru 2018.

150    Ċertament, skont l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura, “[i]l-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”.

151    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom il-provi li hija pproduċiet kienu ġew prodotti tardivament.

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq it-talbiet l-oħra għal kumpens

153    Fil-punt 63 tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali “tordna lill-Parlament jadotta miżuri ta’ kumpens għad-danni li jikkonsistu […] fil-komunikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija waqt sessjoni plenarja tal-Parlament […] u fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-korpi ta’ informazzjoni l-iktar importanti, permezz u għall-ispejjeż tal-Parlament […], kif ukoll fil-komunikazzjonijiet pubbliċitarji kollha xierqa sabiex tiġi rrestitwita l-kunsiderazzjoni ġusta tal-opinjoni pubblika fir-rigward tar-rikorrenti”. Bl-istess mod, fit-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-President jippubblika l-informazzjoni dwar l-eżistenza tal-kumpens f’seduta plenarja.

154    Kif jenfasizza l-Parlament, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tidħol fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tagħti ordnijiet lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, T‑881/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju ma jwassalx biss għaċ-ċaħda tat-talbiet ifformulati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament u intiżi sabiex l-istituzzjoni jew il-korp konvenut jiġi ordnat jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, iżda japplika, bħala prinċipju, ukoll, għal rikors għad-danni li fil-kuntest tiegħu rikorrent jitlob li istituzzjoni tiġi ordnata tieħu miżuri speċifiċi bl-għan li jiġi kkumpensat id-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, T‑881/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet għal kumpens li jikkonsistu fil-“komunikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija waqt sessjoni plenarja tal-Parlament […] u fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-korpi ta’ informazzjoni l-iktar importanti, permezz u għall-ispejjeż tal-Parlament […], kif ukoll fil-komunikazzjonijiet pubbliċitarji kollha xierqa sabiex tiġi rrestitwita l-kunsiderazzjoni ġusta tal-opinjoni pubblika fir-rigward tar-rikorrenti”.

IV.    Fuq l-ispejjeż

157    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

158    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

159    Skont l-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

160    F’dan il-każ, l-ekwità teħtieġ li, minkejja li t-talba għal kumpens tar-rikorrenti ġiet miċħuda, il-Parlament għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi kollha tiegħu u dawk sostnuti mir-rikorrenti peress li huwa tilef fil-parti l-kbira tal-argumenti tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat2 ta’ Ottubru 2018 li jikklassifika l-aġir ta’ Giulia Moi bħala fastidju psikoloġiku fil-konfront ta’ tnejn mill-Assistenti Parlamentari Akkreditati tagħha, id-deċiżjoni tal-President tal-Parlament tat2 ta’ Ottubru 2018 li timponi fuq G. Moi, bħala sanzjoni għall-aġir tagħha fil-konfront ta’ tnejn mill-Assistenti Parlamentari tagħha, ikklassifikat bħala fastidju psikoloġiku, it-telf tad-dritt tagħha għall-allowance ta’ residenza għal perijodu ta’ tnaxil jum u d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat12 ta’ Novembru 2018 dwar l-ilment imressaq minn G. Moi fis16 ta’ Ottubru 2018 konformement mal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Frar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Konformement mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali, ċerta data tħassret fil-verżjoni pubblika tas-sentenza permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġistratur u ssostitwita b’[data personali].