Language of document : ECLI:EU:T:2021:189

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ April 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Azzjoni soċjali indipendenti – Sussidji mogħtija lill-assoċjazzjonijiet ta’ grupp reġjonali ta’ azzjoni karitatevoli – Ċaħda ta’ lment – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni – Rikors għal annullament – Kwalità ta’ parti interessata – Protezzjoni tad-drittijiet proċedurali – Effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva – Ammissibbiltà – Assenza ta’ diffikultajiet serji – Assenza ta’ bidla sostanzjali ta’ għajnuna eżistenti”

Fil-Kawża T‑69/18,

Verband Deutscher Alten- und Behindertenhilfe, Landesverband Niedersachsen/Bremen und Hamburg/Schleswig-Holstein eV, stabbilita fi Hannover (il-Ġermanja),

CarePool Hannover GmbH, stabbilita fi Hannover,

irrappreżentati minn T. Unger, avukat, u S. Korte, professur,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Diakonisches Werk evangelischer Kirchen in Niedersachsen eV, stabbilita fi Hannover, irrappreżentata minn A. Bartosch, avukat,

minn

Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Hannover eV, stabbilita fi Hannover, irrappreżentata minn C. Jürschik, avukata,

u minn

Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Braunschweig eV, stabbilita fi Braunschweig (il-Ġermanja), u l-partijiet intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn U. Karpenstein, R. Sangi u C. Johann, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7686 finali tat‑23 ta’ Novembru 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat SA.42268 (2017/E) – Deutschland Staatliche Beihilfe zur Förderung wohlfahrtspflegerischer Aufgaben u SA.42877 (2017/E) – Deutschland CarePool Hannover GmbH implimentati mill-Ġermanja favur assoċjazzjonijiet karitatevoli għal missjonijiet ta’ assistenza soċjali (ĠU 2018, C 61, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        L-ewwel rikorrenti, Verband Deutscher Alten- und Behindertenhilfe, Landesverband Niedersachsen/Bremen und Hamburg/Schleswig-Holstein eV, hija assoċjazzjoni li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Länder Niedersachsen (il-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja), Freie Hansestadt Bremen (il-Land ta’ Bremen, il-Ġermanja), Schleswig-Holstein (il-Land ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja) u Freie und Hansestadt Hamburg (il-Land ta’ Hamburg, il-Ġermanja). Skont ir-rikors, hija tirrappreżenta l-interessi ta’ 160 impriża li, huma stess, jamministraw jew joperaw stabbilimenti residenzjali ta’ assistenza u ta’ kura out-patient u stazzjonarja lill-persuni dipendenti u ta’ għajnuna lill-persuni b’diżabbiltà, lit-tfal u liż-żgħażagħ.

2        It-tieni rikorrenti, CarePool Hannover GmbH, hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, stabbilita f’Hannover (il-Ġermanja) u membru tal-ewwel rikorrenti. Hija tipprovdi servizzi ta’ assistenza u ta’ kura out-patient fid-dar lill-persuni dipendenti.

3        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7686 finali tat‑23 ta’ Novembru 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat SA.42268 (2017/E) – Deutschland Staatliche Beihilfe zur Förderung wohlfahrtspflegerischer Aufgaben u SA.42877 (2017/E) – Deutschland CarePool Hannover GmbH implimentati mill-Ġermanja favur assoċjazzjonijiet karitatevoli għal missjonijiet ta’ assistenza soċjali (ĠU 2018, C 61, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lilhom fil‑11 ta’ Diċembru 2017. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna diversi miżuri nazzjonali li permezz tagħhom il-Land ta’ Niedersachsen jagħti appoġġ lill-entitajiet, attivi fit-territorju ta’ dan il-Land, li jappartjenu għall-azzjoni soċjali indipendenti.

4        B’mod partikolari, dawn il-miżuri nazzjonali jinkludu appoġġ finanzjarju li ilu jingħata sa mill-1956, fuq il-bażi ta’ testi leġiżlattivi u regolamentari li żviluppaw matul iż-żmien, lil assoċjazzjonijiet karitatevoli ewlenin indipendenti (iktar ’il quddiem l-“appoġġ finanzjarju”). Dawn jipprovdu, permezz ta’ assoċjazzjonijiet membri, servizzi soċjali diversi lill-persuni dipendenti u vulnerabbli, bħal kura out-patient, in-patient jew imħallta, għajnuna lill-persuni mingħajr dar u lir-refuġjati u għajnuna spiritwali. Ir-rikorrenti, entitajiet privati li jipprovdu ċerti servizzi analogi jew li jirrappreżentaw impriżi li jipprovdu tali servizzi, iqisu li huma leżi mill-appoġġ finanzjarju.

5        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li, sa fejn l-appoġġ finanzjarju kien jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dan kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9). B’dan il-mod, hija ċaħdet l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti.

I.      Il-kuntest ġuridiku dwar il-miżuri nazzjonali kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata

6        L-azzjoni soċjali (Wohlfahrtspflege) hija ddefinita kif ġej mill-Artikolu 66(2) tal-Abgabenordnung (Il-Kodiċi tat-Taxxi Ġermaniż):

“L-azzjoni soċjali tikkonsisti fil-kura tal-persuni fil-bżonn jew fil-periklu b’mod ippjanat, fl-interess tal-kollettività u mingħajr skop ta’ lukru. Din l-assistenza tista’ testendi għas-saħħa, għall-benesseri morali, edukattiv jew ekonomiku u tista’ tkun intiża sabiex tipprevjeni jew tirrimedja sitwazzjoni partikolari.”

7        Kif jirriżulta minn diversi testi, l-espressjoni “azzjoni soċjali indipendenti” tirreferi għall-azzjoni soċjali volontarja ta’ organi li ma jaqgħux taħt l-Istat (ara b’mod partikolari l-Artikolu 1(5) tal-Istatuti tal-Bundesarbeitsgemeinschaft der Freien Wohlfahrtspflege eV (il-Konfederazzjoni Federali tal-Azzjoni Soċjali Indipendenti) u l-Artikolu 4 tad-Dritte Verordnung zur Durchführung des Gesetzes über die Ablösung öffentlicher Anleihen (it-Tielet Regolament li Jimplimenta l-Liġi dwar ir-Rimbors tas-Self mill-Istat) tal‑4 ta’ Diċembru 1926).

8        L-appoġġ finanzjarju tal-azzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet karitatevoli ġie previst mill-Gesetz über das Zahlenlotto (il-Liġi dwar il-Lotterija), tas‑27 ta’ Frar 1956 (Nds. GVB1. 1956 IV, p. 9, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija”), li daħlet fis-seħħ fl-istess jum.

9        Skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 12(1) tal-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija, l-assoċjazzjonijiet karitatevoli ewlenin kienu jirċievu, għall-finijiet tat-twettiq ta’ missjonijiet soċjali, perċentwali tat-tariffi ta’ konċessjonijiet imħallsa mill-impriżi li jorganizzaw l-imħatri tal-Land ta’ Niedersachsen.

10      Fl-1956, ir-Richtlinien für die Verwendung der Konzessionsabgabe zur Erfüllung wohlfahrtspflegerischer Aufgaben (il-Linji Gwida dwar l-Użu tal-Tariffa fuq il-Konċessjonijiet għall-Finijiet tat-Twettiq ta’ Missjonijiet Soċjali), ippubblikati fin-Niedersächsisches Ministerialblatt (Nds. MB1. 1956, p. 855), kienu jirregolaw l-użu tat-tariffi.

11      Id-determinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju ġiet emendata diversi drabi b’liġijiet suċċessivi differenti. Il-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija ġiet emendata fis‑7 ta’ Ġunju 1968 (Nds. GVBl. 1968, p. 91) u fit‑18 ta’ Frar 1970 (Nds. GVBl. 1970, p. 27). Din il-liġi ġiet issostitwita fl-1997 permezz tan-Niedersächsisches Gesetz über das Lotterie- und Wettwesen (il-Liġi ta’ Niedersachsen dwar il-Lotterija u l-Imħatri) (Nds. GVBl. 1997, p. 289), li ġiet emendata fl-2003 mill-Haushaltsbegleitgesetz li daħlet fis-seħħ fl-2004 (il-Liġi tal-2004 li Takkumpanja l-Baġit) (Nds. GVBl. 2003 I, p. 446, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2004 li Takkumpanja l-Baġit”), li daħlet fis-seħħ fl-2004. L-ammont tal-appoġġ finanzjarju tnaqqas fl-2005, żdied fl-2007 min-Niedersächsisches Glückspielgesetz (il-Liġi ta’ Niedersachsen dwar il-Logħob tal-Ażżard) (Nds. GVBl. 2007, p. 756, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2007 dwar il-Logħob tal-Ażżard”), li daħlet fis-seħħ fl-2008, u emendat mill-ġdid b’liġi adottata fl-2012 u li daħlet fis-seħħ fl-2013 (Nds. GVBl. 2012, p. 544).

12      Il-Liġi tal-2007 dwar il-Logħob tal-Ażżard ġiet issostitwita min-Niedersächsisches Gesetz zur Förderung der Freien Wohlfahrtspflege (il-Liġi tal-Land ta’ Niedersachsen dwar l-Appoġġ tal-Azzjoni Soċjali Indipendenti), tas‑16 ta’ Diċembru 2014 (Nds. GVB1. 2014, p. 429, iktar ’il quddiem il-“WohlFödG”), applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2015. Il-Linji Gwida dwar l-Użu tal-Tariffa fuq il-Konċessjonijiet għall-Finijiet tat-Twettiq ta’ Missjonijiet Soċjali wkoll ġew emendati.

13      It-titolu tal-Artikolu 2 tal-WohlFödG huwa intitolat “Għajnuna finanzjarja lill-assoċjazzjonijiet tas-settur tal-karità indipendenti u lil-Landesstelle für Suchtfragen”. Il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-WohlFödG jipprovdi li din l-għajnuna finanzjarja tingħata lill-assoċjazzjonijiet ewlenin imlaqqa’ fil-Landesarbeitsgemeinschaft der Freien Wohlfahrtspflege eV (il-Grupp Reġjonali tal-Azzjoni Soċjali Indipendenti, iktar ’il quddiem il-“LAG”). L-Artikolu 2(2) tal-WohlFödG jipprovdi għall-eżami, mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen, tat-twettiq mill-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-missjonijiet tagħhom u tal-ħtieġa ta’ żieda fl-appoġġ finanzjarju msemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1). Fir-rigward tal-Artikolu 2(3) tal-WohlFödG, dan jipprovdi li, meta d-dħul li l-Land jikseb mit-taxxi fuq il-logħob tal-ażżard jaqbeż l-ammont ta’ EUR 146 300 000, l-imsemmi Land għandu jalloka, bħala appoġġ finanzjarju addizzjonali, 18.63 % tad-dħul żejjed lill-assoċjazzjonijiet ewlenin mlaqqa’ fil-LAG u 0.74 % tad-dħul eċċessiv lil-Landesstelle für Suchtfragen (l-Uffiċċju Reġjonali għall-Problemi ta’ Dipendenza).

14      Il-LAG, li għalih tirreferi l-WohlFödG, huwa assoċjazzjoni rreġistrata li l-bażi legali tagħha hija kkostitwita mill-istatuti tagħha. Din l-assoċjazzjoni kienet diġà teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija.

15      Fil-preambolu tal-istatuti tiegħu, il-LAG huwa ddefinit kif ġej:

“Il-[LAG] hija l-iggruppar tat-tlettax-il federazzjoni tas-settur tal-azzjoni soċjali indipendenti f’Niedersachsen.”

16      It-tlettax-il assoċjazzjoni ewlenija membri tal-LAG huma subdiviżjonijiet territorjali fil-livell tal-Land ta’ Niedersachsen tas-sitt konfederazzjonijiet jew “familji” tas-settur tal-azzjoni soċjali indipendenti fil-Ġermanja, jiġifieri l-Arbeiterwohlfahrt (AWO), Caritas, Das Rote Kreuz (Is-Salib l-Aħmar (Red Cross)), Diakonie, Die Jüdische Wohlfahrt (Assistenza Reċiproka Lhudija) u Der paritätische Wofahrverband.

17      Il-membri tal-LAG huma identifikati fl-Artikolu 2 tal-Istatuti tiegħu kif ġej:

“1.      Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Braunschweig eV,

2.      Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Hannover eV,

3.      Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Weser-Ems eV,

4.      Caritasverband für die Diözese Hildesheim eV,

5.      Caritasverband für die Diözese Osnabrück eV,

6.      Landes Caritasverband für Oldenburg eV,

7.      Paritätischer Wohlfahrtsverband Niedersachsen eV,

8.      Deutsches Rotes Kreuz Landesverband Niedersachsen eV,

9.      Deutsches Rotes Kreuz Landesverband Oldenburg eV,

10.      Diakonisches Werk Evangelischer Kirchen in Niedersachsen eV,

11.      Diakonisches Werk der Ev.-luth. Kirche in Oldenburg eV,

12.      Diakonisches Werk der Ev.-refref. Kirche,

13.      Landesverband der Jüdischen Gemeinden von Niedersachsen.”

18      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-Istatuti tal-LAG tipprovdi li assoċjazzjonijiet ewlenin ta’ azzjoni soċjali oħra jistgħu jiġu ammessi, jekk kemm-il darba assoċjazzjoni ewlenija ta’ azzjoni soċjali tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

“— hija teżerċita l-attività tagħha fil-livell inter-reġjonali f’Niedersachsen;

— l-għajnuna effettiva li hija tagħti direttament tinkludi bħala prinċipju l-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt l-azzjoni soċjali indipendenti, u mhux biss uħud mill-fergħat tagħha;

— hija tinkoraġġixxi x-xogħol fuq bażi volontarja u mhux professjonali;

— hija tgħaqqad kompletament b’sistema ta’ federazzjoni lill-organizzazzjonijiet u lill-entitajiet li jsegwu l-istess idea;

— teżisti, bejn l-assoċjazzjoni ewlenija u l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, rabta ta’ sħubija jew rabta organika;

— l-assoċjazzjoni ewlenija toffri, globalment u tramite l-importanza tal-organizzazzjonijiet u tal-entitajiet li hija tgħaqqad f’sistema ta’ federazzjoni, il-garanzija ta’ xogħol kostanti, komplet u kkwalifikat, kif ukoll ġestjoni affidabbli;

— l-organizzazzjoni ssegwi għan ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż fis-sens tal-Kodiċi tat-Taxxi Ġermaniż.”

19      Kif jirriżulta mill-ħames inċiż tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-assoċjazzjonijiet ewlenin huma marbuta ma’ organizzazzjonijiet u ma’ entitajiet li jipprovdu l-azzjoni soċjali indipendenti. L-Istatuti tal-LAG ma jimponux forma partikolari fir-rigward tal-modalitajiet ta’ ggruppar bejn, minn naħa, dawn l-assoċjazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija organizzazzjonijiet u entitajiet.

20      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Istatuti tal-LAG, l-uffiċċju tal-LAG jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-adeżjoni ta’ membri ġodda. Fil-każ ta’ ċaħda, l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tista’ tiġi mitluba fil-laqgħa tal-membri.

21      L-Artikolu 3(1) tal-WohlFödG jipprovdi dan li ġej:

“L-għajnuna finanzjarja msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u fil-punt 1 tal-Artikolu 2(3) għandha tintuża insostenn tal-missjonijiet tas-settur karitatevoli indipendenti […] Għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jservu għal missjonijiet soċjali l-miżuri kollha intiżi sabiex joffru assistenza lill-persuni li għandhom bżonn ta’ għajnuna jew li jkollhom bżonnha fin-nuqqas ta’ assistenza kif ukoll il-miżuri intiżi sabiex jistabbilixxu jew itejbu l-kundizzjonijiet organizzazzjonali u personali tal-provvista ta’ assistenza […]”

22      Skont l-Artikolu 3(2) tal-WohlFödG, l-għoti tal-appoġġ finanzjarju lil-LAG huwa suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ sussidju bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen u l-assoċjazzjonijiet ewlenin kollha mlaqqa’ fil-LAG (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sussidju”), liema ftehim jiġi sussegwentement ippubblikat mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali fin-Niedersächsisches Ministerialblatt (il-Ġurnal Uffiċjali Ministerjali tal-Land ta’ Niedersachsen) u fuq l-internet. Dan il-ftehim għandu jirregola tal-inqas l-elementi li ġejjin:

“1.      it-tqassim tal-għajnuna finanzjarja bejn id-diversi assoċjazzjonijiet ewlenin jew gruppi ta’ assoċjazzjonijiet ewlenin,

2.      il-missjonijiet soċjali li insostenn tagħhom għandha tintuża l-għajnuna finanzjarja,

3.      fir-rigward ta’ mill-inqas 67 % tal-għajnuna finanzjarja msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1), il-missjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati, u dan billi tiġi ppreċiżata, għal kull waħda minnhom, il-parti minima tal-appoġġ li għandha tiġi allokata għaliha,

4.      il-parti massima tal-għajnuna finanzjarja li tista’ tintuża għal kompiti amministrattivi,

5.      il-prova tal-użu konformi mal-assenjazzjoni tagħha tal-għajnuna finanzjarja kif ukoll tar-riżorsi provenjenti minn din l-għajnuna, mogħtija lil terzi, li għandha tingħata mill-assoċjazzjonijiet ewlenin.”

23      Skont l-Artikolu 3(3) tal-WohlFödG, fin-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim, il-Ministeru kompetenti jista’ jirregola dawn id-diversi aspetti permezz ta’ digriet ministerjali.

24      Fit‑8 ta’ Frar 2016 ġie konkluż ftehim dwar l-użu tal-għajnuna finanzjarja mogħtija skont il-WohlFödG bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali, għas-Saħħa u għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa tal-Land ta’ Niedersachsen u t-tlettax-il assoċjazzjoni ewlenija mlaqqa’ fi ħdan il-LAG (Nds. MB1. Nr. 8/2016, p. 244), li ssostitwixxa l-ftehim preċedenti konkluż fl-2007 abbażi tal-Liġi tal-2007 dwar il-Logħob tal-Ażżard.

25      Il-preambolu ta’ dan il-ftehim tal-2016 jipprevedi b’mod partikolari li “[i]l-partijiet kontraenti jaqblu li huma jixtiequ jikkontribwixxu flimkien għall-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali f’Niedersachsen b’osservanza tal-indipendenza tal-assoċjazzjonijiet tas-settur karitatevoli indipendenti” u li “[d]an l-għan huwa espress mill-indikazzjoni tal-missjonijiet karitatevoli eliġibbli għal għajnuna skont l-Anness 1”.

26      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) ta’ dan l-istess ftehim tal-2016 jipprovdi li “[l]-assoċjazzjonijiet tas-settur tal-karità jistgħu jittrasferixxu lill-membri tagħhom il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom”.

27      Fit‑12 ta’ Marzu 2018, ġie konkluż ftehim ġdid ta’ sussidju bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali, għas-Saħħa u għall-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa tal-Land ta’ Niedersachsen u t-tlettax-il assoċjazzjoni ewlenija mlaqqa’ fi ħdan il-LAG (Nds. MB1. Nr. 12/2018, p. 206). Fit-tielet premessa tiegħu, dan id-dokument jindika li ser tiġi żgurata l-osservanza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal‑20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, L 7, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni SIEĠ tal-2012”) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal‑25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, L 114, p. 8).

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

28      Fis‑16 ta’ Ġunju u fit‑12 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti distinti, irreġistrati bir-referenzi SA.42268 u SA.42877 (iktar ’il quddiem l-“ilmenti”), u intiżi sabiex l-appoġġ finanzjarju ta’ missjonijiet ta’ għajnuna soċjali f’Niedersachsen jiġi kklassifikat bħala għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

29      Il-benefiċjarji ta’ dan l-appoġġ finanzjarju huma l-assoċjazzjonijiet ewlenin, imsemmija fil-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq, li permezz tal-assoċjazzjonijiet tagħhom, reġjonali jew lokali, jipprovdu servizzi li jistgħu jkunu ta’ natura ekonomika, bħal kura out-patient, kura in-patient jew kura imħallta, jew mhux ekonomika, bħall-għajnuna u l-akkomodazzjoni lill-persuni mingħajr dar, l-għajnuna spiritwali jew l-għajnuna lir-refuġjati.

30      Fl-ilmenti, ir-rikorrenti sostnew li kienu jinsabu f’kompetizzjoni mal-assoċjazzjonijiet karitatevoli f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari servizzi ta’ kura lill-persuni dipendenti. Skont ir-rikorrenti, dawn l-assoċjazzjonijiet karitatevoli jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju li jippermettilhom iħallsu aħjar lill-persunal tagħhom milli l-impriżi privati jew li joffru s-servizzi tagħhom b’tariffi inqas għoljin minn dawk ta’ dawn l-impriżi. Konsegwentement, l-impriżi privati jinsabu żvantaġġati f’dak li jirrigwarda r-reklutaġġ ta’ persunal. Barra minn hekk, waqt negozjati mal-fondi tal-assigurazzjoni għal dipendenza u l-korpi ta’ għajnuna soċjali, it-tariffi proposti mill-impriżi privati jiġu rrifjutati, peress li huma kkunsidrati bħala għoljin wisq meta mqabbla mat-tariffi mitluba mis-settur tal-karità. Dan iġiegħel lill-impriżi privati joffru s-servizzi tagħhom bi prezzijiet li ma jippermettux li l-ispejjeż tagħhom jiġu koperti korrettament.

31      Barra minn hekk, fl-ilmenti r-rikorrenti sostnew li l-Liġi ta’ Niedersachsen dwar il-Lotterija u l-Imħatri adottata fl-1997 kienet emendat b’mod sostanzjali l-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija, peress li l-assoċjazzjonijiet ewlenin ġew allokati ammont fiss, u mhux iktar perċentwali tat-tariffi ta’ konċessjonijiet. Bl-istess mod, il-WohlFödG emendat ukoll b’mod sostanzjali l-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija, peress li, ħlief parzjalment, l-appoġġ finanzjarju tal-assoċjazzjonijiet karitatevoli ma għadux jiġi mid-dħul tal-lotterija u, fir-realtà, issa ġej fil-biċċa l-kbira mill-baġit tal-Land.

32      Minbarra l-kwistjoni tal-appoġġ finanzjarju lill-assoċjazzjonijiet ewlenin mill-WohlFödG, l-ilment irreġistrat bir-referenza SA.42877 kien jikkonċerna wkoll żewġ miżuri oħra, jiġifieri, minn naħa, allegati vantaġġi fiskali indiretti fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward tal-kollaboraturi volontiera tal-assoċjazzjonijiet karitatevoli u, min-naħa l-oħra, l-iffissar ta’ tariffi awdjoviżivi mnaqqsa għall-istituzzjonijiet tal-imsemmija assoċjazzjonijiet.

33      Permezz ta’ ittri tat‑30 ta’ Lulju 2015 u tat‑8 ta’ Frar 2016, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE]; (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li rrispondew permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Settembru 2015 u tas‑6 u s‑7 ta’ April 2016.

34      Fil‑5 ta’ Lulju 2016 inżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi, li matulha l-Kummissjoni kkomunikat oralment l-evalwazzjoni provviżorja tagħha tal-appoġġ finanzjarju u l-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti prevista. Fil-minuti interni tal-Kummissjoni dwar din il-laqgħa, ikkomunikati minnha lill-Qorti Ġenerali, huwa rrilevat li l-miżuri ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni SIEĠ tal-2012, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kontabbiltà, it-trasparenza u l-mod kif jiġi evitat il-kumpens żejjed.

35      Fit‑30 ta’ Settembru u fis‑16 ta’ Novembru 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew informazzjoni addizzjonali.

36      Permezz ta’ ittri tal‑14 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-miżuri kkontestati fl-ilmenti. Hija indikat li hija kienet tikkunsidra li, sa fejn l-appoġġ finanzjarju kkontestat kien għajnuna, dan jikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Fir-rigward taż-żewġ miżuri l-oħra kkontestati mit-tieni rikorrenti, dawn ma humiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni barra minn hekk informat lir-rikorrenti li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu żguraw li huma kienu ser japplikaw, fil-futur, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni SIEĠ tal-2012 jew, jekk ikun il-każ, jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni jkunu ssodisfatti, dawk tar-Regolament Nru 360/2012. Barra minn hekk hija enfasizzat li din kienet konklużjoni provviżorja li kienet tapplika sa meta jiġu rċevuti eventwali spjegazzjonijiet addizzjonali min-naħa tar-rikorrenti.

37      Ir-rikorrenti kkontestaw din l-evalwazzjoni preliminari permezz ta’ ittri tas‑17 u tal‑20 ta’ Frar, u tas‑6 ta’ Marzu 2017. Huma żviluppaw l-argumenti tagħhom f’ittri tal‑10 ta’ Marzu 2017. Permezz ta’ ittri tal‑31 ta’ Awwissu, tal‑5 u tal‑14 ta’ Settembru 2017, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkomunikaw informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

III. Id-deċiżjoni kkontestata

38      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, innotifikata lir-rikorrenti fil‑11 ta’ Diċembru 2017, wara li eżaminat l-emendi leġiżlattivi li seħħew mill-1956, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni ma kinitx ġiet mibdula fis-sustanza tagħha minn dak iż-żmien u li, sa fejn kienet tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ħadet nota tal-impenn tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jiżguraw, għall-futur, il-kompatibbiltà tal-appoġġ finanzjarju inkwistjoni mad-deċiżjoni SIEĠ tal-2012. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrenti sa fejn dawn kienu jirrigwardaw l-appoġġ finanzjarju inkwistjoni.

39      Fir-rigward taż-żewġ miżuri l-oħra kkontestati mit-tieni rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li din tal-aħħar ma kinitx tat l-opinjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni preliminari ta’ dawn iż-żewġ miżuri, kif ippreżentata minn din l-istituzzjoni fl-ittra tagħha tal‑14 ta’ Frar 2017. Għaldaqstant, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi, b’mod partikolari, li “[j]ekk il-parti interessata [kienet] tonqos milli tesponi l-fehmiet tiegħu fil-perjodu stabbilit, l-ilment [kien] jitiqies li jkun ġie irtirat”, il-Kummissjoni qieset li t-tieni lment kellu jitqies li ġie rtirat sa fejn kien jirrigwarda dawn iż-żewġ miżuri l-oħra.

IV.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

40      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

41      Fil‑21 ta’ April 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

42      Fis‑26 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika.

43      Fil‑31 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

44      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April u fl‑4 ta’ Mejju 2018 rispettivament, Diakonisches Werk evangelischer Kirchen in Niedersachsen eV (iktar ’il quddiem “DWEK”) u Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Hannover eV (iktar ’il quddiem “ABH”) talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

45      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Mejju 2018, Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Braunschweig eV, Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Weser-Ems eV, Caritasverband für die Diözese Hildesheim eV, Caritasverband für die Diözese Osnabrück eV, Landes‑Caritasverband für Oldenburg eV, Paritätischer Wohlfahrtsverband Niedersachsen eV, Deutsches Rotes Kreuz Landesverband Nierdersachsen eV, Deutsches Rotes Kreuz Landesverband Oldenburg eV u Landesverband der Jüdischen Gemeinden von Niedersachsen KdöR (Judische Wohlfahrt) (iktar ’il quddiem it-“tielet intervenjenti”) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

46      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tat‑3 ta’ Ottubru 2018, it-talbiet għal intervent intlaqgħu.

47      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru fit‑3 u fl‑4 ta’ Diċembru 2018, l-intervenjenti ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom, li dwarhom ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit‑23 ta’ Jannar u fil‑25 ta’ Jannar 2019 rispettivament.

48      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatriċi ġdida, sedenti fl-Ewwel Awla.

49      Fuq rapport tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, iddeċidiet li tiftaħ ex officio l-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, fis‑27 ta’ Jannar 2020 għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet. Dawn id-domandi kienu jirrigwardaw l-ammissibbiltà tar-rikors, b’mod partikolari fir-rigward tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873). Il-partijiet wieġbu għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

50      Minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID 19, is-seduta, inizjalment prevista għas‑17 ta’ Marzu 2020, ġiet posposta għall‑5 ta’ Mejju 2020, imbagħad, finalment, għal data ulterjuri. Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet għaldaqstant ġew mistiedna, fil‑15 ta’ April 2020, jippreżentaw osservazzjonijiet eventwali dwar it-tweġibiet tal-partijiet l-oħra għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2020. Huma wieġbu dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

51      Fid-dawl tat-tweġibiet tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti Ġenerali u tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija tweġibiet, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, ikkunsidrat, fid-dawl tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma kienx għadu neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fi tmiem seduta għas-sottomissjonijiet orali u, għaldaqstant, fil‑21 ta’ Settembru 2020 iddeċidiet li tagħlaq il-fażi orali tal-proċedura.

52      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors;

– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

54      L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors;

– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

V.      Fid-dritt

55      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 107 et seq TFUE.

56      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-eżami preliminari tal-għajnuna stabbilit mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandu biss bħala skop li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 38; tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 27, u d-digriet tal‑11 ta’ April 2018, Abes vs Il‑Kummissjoni, T‑813/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:189, punt 39).

57      Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu l-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħha jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għal dawn ir-raġunijiet, din għandha tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta, permezz tal-preżentata tiegħu, l-awtur ta’ dan ir-rikors ikollu l-intenzjoni li jipproteġi d-drittjiet proċedurali li huwa jislet minn din id-dispożizzjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 28; tal-15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il‑Kummissjoni, T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 42, u d-digriet tal‑11 ta’ April 2018, Abes vs Il‑Kummissjoni, T‑813/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:189, punt 40).

58      Dan huwa wkoll il-każ meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn il-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti u, b’hekk, hija tirrifjuta impliċitament il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Tali teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati jikkostitwixxi deċiżjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 26, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 53).

59      Għaldaqstant, rikors ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista f’din id-dispożizzjoni, għandu jitqies li huwa ammissibbli meta, permezz tal-preżentata tiegħu, l-awtur ta’ dan ir-rikors ikollu l-intenzjoni li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li huwa jislet minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C‑321/99 P, EU:C:2002:292, punti 61 u 66, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56).

60      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Hija għandha għalhekk turi li għandha locus standi skont l-ewwel u t-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, b’mod partikolari l-fatt li għandha status partikolari fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), jew li d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernaha direttament, konformement mat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 19).

61      F’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilmenti, li r-rikorrenti kienu ressqu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li “[k]ull parti interessata tista’ tippreżenta lment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament kontra l-liġi jew allegat użu ħażin ta’ għajnuna”.

62      F’dan il-każ, għandu jitqies li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni, filwaqt li ċaħdet l-ilmenti b’mod formali, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

63      Għandu jiġi eżaminat jekk il-motivi mressqa mir-rikorrenti għandhomx bħala għan li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ kellha, waqt l-eżami preliminari, kellha tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna eżistenti, sa fejn din hija għajnuna mill-Istat, jew jekk, għall-kuntrarju, il-motivi jew uħud minn dawn il-motivi jikkontestawx direttament il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE u għandhomx l-għan jew il-konsegwenza li jittrasformaw is-suġġett tar-rikors u, konsegwentement, jemendaw il-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 50).

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE

64      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tad-drittijiet proċedurali li huma jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE sa fejn, fi tmiem it-trattament tal-ilmenti, il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dak li jikkonċerna l-missjonijiet ta’ assistenza soċjali.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

65      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-locus standi tar-rikorrenti, bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, sabiex, permezz tal-ewwel motiv tagħhom, jinvokaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE, minħabba li hija ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dak li jirrigwarda l-missjonijiet ta’ assistenza soċjali.

66      Min-naħa l-oħra, ABH u t-tielet intervenjenti jsostnu li r-rikorrenti essenzjalment diġà bbenefikaw mid-drittijiet proċedurali kollha li dawn tal-aħħar għandhom jiġu rrikonoxxuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dawn l-intervenjenti jirrilevaw b’mod partikolari li r-rikorrenti setgħu jsiru jafu bl-evalwazzjoni provviżorja tal-miżura inkwistjoni u jippreżentaw osservazzjonijiet li ġew eżaminati fid-dettall. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rċevew kopja tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lilhom.

67      Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument. Huma jsostnu li, permezz tal-Artikoli 7 et seq tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li titlob informazzjoni neċessarja mingħand Stat Membru ieħor, mingħand impriża jew mingħand assoċjazzjoni ta’ impriżi meta hija tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex ittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni rċevuta, filwaqt li żżid it-trasparenza u ċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jippermettu l-estensjoni tat-termini għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet mil-lanjanti u jiddefinixxu obbligi ta’ motivazzjoni iktar estiżi.

68      Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, parti interessata hija “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

69      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, jekk il-kwalità partikolari ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija rrikonoxxuta lil rikorrent, din hija suffiċjenti sabiex tindividwalizzah, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, meta l-imsemmi rikors ikun intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li huwa jislet mill-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48; tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 41).

70      Hija, b’mod partikolari, parti interessata kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-impriżi li jikkompetu bejniethom u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ. Fi kliem ieħor, dan huwa grupp indeterminat ta’ destinatarji (sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 16, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 42). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tiġi klassifikata bħala “parti interessata”, sakemm hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna. B’hekk, din l-impriża trid turi, suffiċjentement fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, ir-rikorrenti huma l-awturi tal-ilmenti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata. Huma pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, huma sostnew diversi drabi li l-ewwel rikorrenti fosthom kienet assoċjazzjoni professjonali li tiddefendi l-interessi tal-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji tal-allegata għajnuna, u t-tieni waħda fosthom kienet impriża kompetitriċi ta’ dawn il-benefiċjarji u li l-interessi tagħhom setgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat, li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti stabbilixxew li għandhom il-kwalità ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 sabiex jiddefendu d-drittijiet proċedurali tagħhom.

72      Kif jirriżulta mill-punt 66 iktar ’il fuq, ABH u t-tielet intervenjenti jsostnu li r-rikorrenti diġà bbenefikaw mid-drittijiet proċedurali kollha li huma jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tal-Unjoni, f’diversi okkażjonijiet, qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tisma’ lil-lanjanti matul l-eżami preliminari tal-għajnuna stabbilit mill-Artikolu 108(3) TFUE, iżda kienet obbligata li tintima lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom biss matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 52, u tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 59), minn dan ma jistax jiġi dedott li parti li tkun ressqet ilment, miċħud mill-Kummissjoni wara li din il-parti tkun instemgħet, ma jibqagħlhiex interess sabiex tikkontesta l-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

74      Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, meta, wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

75      Kif jipprovdi l-Artikolu 7 tar-Regolament 2015/1589, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru kkonċernat, minn impriżi jew minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

76      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq, meta l-Artikolu 108(2) TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tintima lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, it-test ma jirrigwardax biss lill-partijiet interessati li ressqu lment, iżda grupp indeterminat ta’ persuni, ta’ impriżi jew ta’ assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna, b’mod partikolari l-impriżi kompetituri u l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ.

77      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li sostnew ABH u t-tielet intervenjenti, il-kunċett ta’ “drittijiet proċedurali” li jibbenefikaw minnhom partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE ma għandux jiġi konfuż mad-dritt, għal lanjant, li jikseb il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li fil-kuntest tagħha, bħala “parti interessata”, huwa jkun jista’ jippreżenta osservazzjonijiet bl-istess mod bħal kull operatur ieħor li jissodisfa d-definizzjoni stabbilita mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

78      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv tar-rikors għal annullament huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti billi, b’risposta għall-ilmenti tagħhom, irrifjutat li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

2.      Fuq il-mertu

79      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li diversi elementi jindikaw li l-proċedura ta’ eżami preliminari tat lok għal diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet hija żvelata permezz ta’ tliet indizji, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari, li huma jikklassifikaw bħala eċċezzjonalment twila, it-tieni, in-nuqqas ta’ kwalità tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li tixhed eżami insuffiċjenti jew inkomplet, u, it-tielet, l-attitudni ta’ din tal-aħħar matul l-imsemmija proċedura.

80      Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul totali tal-proċedura ta’ eżami preliminari, ta’ 29 xahar, huwa inkoerenti mal-qosor tal-motivi u tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha biss għaxar paġni. Huma jqisu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti tal-każ f’terminu raġonevoli, iktar u iktar peress li f’dan il-każ ma jidhirx li hija tat gradi ta’ prijorità jew dewmet l-eżami tagħha tal-appoġġ finanzjarju għall-benefiċċju ta’ kawżi oħra.

81      Huma jsostnu wkoll li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li hija twila paġna waħda, hija qasira ħafna u li hija vvizzjata minn “ineżattezzi ġuridiċi” u minn “lakuni materjali” li huma inkompatibbli mat-tul eċċessivament twil tal-proċedura u li juru li l-Kummissjoni wettqet eżami superfiċjali. Huma jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-għan ta’ żieda fil-prevedibbiltà tal-livell ta’ appoġġ finanzjarju pprovdut lill-assoċjazzjonijiet ewlenin, imfittex mill-awtoritajiet tal-Land ta’ Niedersachsen minħabba t-tneħħija progressiva tar-rabta bejn l-appoġġ tas-settur karitatevoli u r-riżorsi tal-lotteriji, li seħħet bejn l-1997 (jew l-2004) u l-2015, u dan minkejja li l-ewwel rikorrenti ċċitat siltiet tal-espożizzjoni tal-motivi tad-diversi liġijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk l-evoluzzjoni ta’ tkabbir tal-ammonti ta’ appoġġ bejn l-1956 u l-2015 kinitx tosserva l-limitu ta’ 20 % previst mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament 2015/1589 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282, tas‑27 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 325, p. 1), li jgħid li żieda fil-baġit inizjali ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti li ma taqbiżx l-20 % ma hijiex ikkunsidrata bħala bidla fl-għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, hija ma ddeċidietx dwar il-konsegwenzi tas-separazzjoni tal-appoġġ f’parti fissa u parti varjabbli, marbuta mal-evoluzzjoni tat-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq id-dikjarazzjonijiet tan-Niedersächsischer Landesrechnungshof (il-Qorti tal-Awdituri tal-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) li hija kellha fil-pussess tagħha u li, skont ir-rikorrenti, jirriżulta b’mod evidenti li l-appoġġ finanzjarju jikkostitwixxi għajnuna ġdida. Huma jikkritikaw ukoll l-assenza ta’ espożizzjoni jew ta’ definizzjonijiet ta’ dak li jikkostitwixxi bidla sostanzjali ta’ għajnuna.

82      Skont ir-rikorrenti, l-aġir tal-Kummissjoni jimmilita wkoll favur il-fatt li kienet qiegħda tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża mill-perspettiva tal-Artikoli 107 et seq. TFUE. Dawn id-diffikultajiet jirriżultaw mill-fatt li, matul il-proċedura, diversi skambji ta’ ittri u laqgħa kienu neċessarji għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ma’ dan jiżdied il-fatt li, kif jirriżulta mill-minuti stabbiliti mill-awtoritajiet Ġermaniżi fit‑8 ta’ Lulju 2016, wara l-laqgħa tagħhom mal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Lulju 2016, din kienet iktar iffukata sabiex tinstab soluzzjoni ġuridika solida għall-futur, jiġifieri l-adattament tal-appoġġ finanzjarju għad-deċiżjoni SIEĠ tal-2012, milli kienet iffukata fuq il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida.

83      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet serji u tqis li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari ma kienx irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża. Hija eżaminat fit-tul l-emendi leġiżlattivi invokati mir-rikorrenti meqjusa rilevanti, billi mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma l-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex jikkritikaw l-attitudni tas-servizzi tagħha jistgħu juru ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE.

84      Hija tenfasizza li r-rikorrenti ressqu żewġ ilmenti distinti lis-servizzi tagħha, fl‑24 ta’ Ġunju u fit‑12 ta’ Awwissu 2015, u li dak tat-tieni rikorrenti kien ikopri żewġ miżuri nazzjonali supplimentari, b’tali mod li d-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Kompetizzjoni kellu jinvestiga tliet miżuri biex jasal għall-evalwazzjoni provviżorja tiegħu. Żewġ talbiet għal informazzjoni ntbagħtu lill-awtoritajiet Ġermaniżi fit‑30 ta’ Lulju 2015 u fit‑8 ta’ Frar 2016, li rrispondew għalihom rispettivament permezz ta’ ittri twal tad‑9 ta’ Settembru 2015 u tas‑6 u s‑7 ta’ April 2016. Wara li eżaminat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-appoġġ finanzjarju kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Waqt laqgħa li nżammet fil‑5 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni wriet l-evalwazzjoni tagħha lill-awtoritajiet Ġermaniżi u vverifikat magħhom jekk huma kinux lesti li fil-futur jorganizzaw l-appoġġ finanzjarju skont ir-regoli fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jagħmlu dan is-sostenn finanzjarju b’mod konformi mad-deċiżjoni SIEĠ tal-2012 għall-futur. Iż-żewġ miżuri l-oħra kkontestati mit-tieni rikorrenti ġew ukoll diskussi waqt din il-laqgħa u informazzjoni oħra ġiet trażmessa lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Settembru 2016. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li, wara l-eżami tal-miżuri kollha msemmija fl-ilmenti, fl‑14 ta’ Frar 2017 hija bagħtet l-evalwazzjoni provviżorja tagħha dwar il-miżuri kollha rrapportati fl-ilmenti.

85      Dejjem skont il-Kummissjoni, it-tul ta’ żmien inkluż bejn it-trażmissjoni tal-imsemmija evalwazzjoni provviżorja lir-rikorrenti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex irraġonevoli, speċjalment peress li din id-deċiżjoni tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati permezz ta’ ittri tas‑17 u l‑20 ta’ Frar u tas‑6 u l‑10 ta’ Marzu 2017, kif ukoll tal-informazzjoni addizzjonali mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil‑31 ta’ Awwissu, fil‑5 u fl‑14 ta’ Settembru 2017.

86      It-tielet intervenjenti josservaw li l-eżami ta’ għajnuna li daħlet fis-seħħ qabel it-Trattat KEE jimponi li wieħed imur lura diversi għexieren ta’ snin u, xi drabi, li jsiru investigazzjonijiet storiċi abbażi ta’ arkivji.

87      Skont il-Kummissjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma turix l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Hija ssostni li eżaminat b’mod suffiċjenti l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, dawk ippreżentati mill-ewwel waħda fosthom fl‑10 ta’ Marzu 2017 sabiex tirribatti l-klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna eżistenti. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-ispjegazzjonijiet tal-ewwel rikorrenti ma kinux jaqbżu ż-żewġ paġni u kienu sempliċement jiddeskrivu l-emendi leġiżlattivi tal-1997 u tal-2014 mingħajr ma indikaw kif dawn l-emendi kienu wasslu għal żieda fl-ammont tal-appoġġ finanzjarju. L-ewwel rikorrenti lanqas ma pprovdiet informazzjoni dwar l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju effettivament mogħti sa mill-1956.

88      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, sostnuta minn DWEK, issostni li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 ma jipprovdix li żieda ta’ iktar minn 20 % tal-ammont ta’ għajnuna hija biżżejjed waħedha sabiex jiġi kkunsidrat li skema ta’ għajnuna eżistenti tittrasforma ruħha f’għajnuna ġdida. Fi kwalunkwe każ, id-data kkomunikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, b’teħid kont tal-inflazzjoni, ma tindikax żieda tal-ammonti ta’ appoġġ finanzjarju li taqbeż il-baġit inizjali b’20 %.

89      Fir-rigward tal-kritika tal-attitudni tas-servizzi tal-Kummissjoni, din issostni li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati fuq suppożizzjonijiet puri. Fi kwalunkwe każ, l-iskambju ta’ ittri mal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jagħmel parti mill-proċedura ta’ eżami ta’ lment. Fir-rigward tal-laqgħa mal-awtoritajiet Ġermaniżi, din ippermettiet lill-Kummissjoni tesponi l-evalwazzjoni tagħha tal-miżura u titlob lil-Land ta’ Niedersachsen iqiegħed l-appoġġ finanzjarju f’konformità, għall-futur, mad-deċiżjoni SIEĠ tal-2012.

90      Skont il-ġurisprudenza, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ sempliċement twettaq l-eżami preliminari msemmi fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun fil-pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, fi tmiem l-ewwel eżami, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jkun wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ukoll ma jkunx ippermetta li jingħelbu d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u għal dan il-għan tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punti 52 sa 54).

91      F’dan il-każ, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-trattament tal-ewwel motiv għandu l-għan li jeżamina jekk il-proċedura ta’ eżami preliminari tatx lok għal diffikultajiet serji fl-analiżi tal-miżura kkontestata u tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà li din tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti jikkontestaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ, bħala tali, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltà li tikklassifika l-miżura kkontestata bħala għajnuna eżistenti jew il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, iżda biss li tevalwa jekk, f’din l-evalwazzjoni, kinitx iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji.

92      Billi l-kriterju ta’ diffikultajiet serji għandu natura oġġettiva, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fi tmiem l-eżami preliminari, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 31).

93      Isegwi li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71), matul l-eżami preliminari tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 72, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 32).

94      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il‑Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 62).

95      Huma r-rikorrenti li għandhom jġibu l-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, prova li huma jistgħu jipproduċu permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 63; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il‑Kummissjoni, T‑89/09, EU:T:2015:153, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fl-analiżi tal-miżura kkontestata u fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tikklassifikaha bħala għajnuna eżistenti. Huma invokaw tliet indizji, jiġifieri t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-attitudni tal-Kummissjoni. Jeħtieġ li dawn it-tliet aspetti jiġu eżaminati b’mod suċċessiv.

a)      Fuq it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari

97      Għandu jiġi kkonstatat li għaddew 29 xahar bejn it-tressiq tal-ilmenti tar-rikorrenti, fis‑16 ta’ Ġunju u fit‑12 ta’ Awwissu 2015, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit‑23 ta’ Novembru 2017.

98      Il-Kummissjoni ssostni li t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari, ta’ 29 xahar, huwa ġġustifikat b’mod partikolari mit-talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi, mill-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, mil-laqgħa ma’ dawn l-awtoritajiet u mill-impenji tagħhom. Hija tenfasizza wkoll iż-żmien neċessarju għall-eżami tal-emendi leġiżlattivi kkontestati mir-rikorrenti u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni provviżorja li hija bagħtitilhom fl‑14 ta’ Frar 2017.

99      F’dan ir-rigward, għalkemm tali tul jista’ jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubju f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna eżistenti jew il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, dan ma jistax madankollu, waħdu, jippermetti li jiġi konkluż li l-proċedura ta’ eżami preliminari tat lok għal diffikultajiet serji li kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑95/03, EU:T:2006:385, punt 135).

100    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, in-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ta’ eżami preliminari għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, skont il-kuntest ta’ dan tal-aħħar, id-diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni għandha ssegwi u l-kumplessità tal-każ (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Barra minn hekk, għalkemm il-punt 47 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-Tmexxija tal-Proċeduri ta’ Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 136, p. 13) jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni se tagħmel mill-aħjar li tista’ sabiex tinvestiga l-ilment fi żmien indikattiv ta’ tnax-il xahar minn meta tirċevih”, huwa madankollu jippreċiża li “[d]an il-limitu ta’ żmien ma jikkostitwixxix impenn li jorbot[u li, s]kont iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, l-possibbiltà li jkun hemm bżonn li tintalab informazzjoni kumplimentari mingħand min qiegħed jilmenta, l-Istat Membru jew partijiet interessati jistgħu jtawwlu l-investigazzjoni tal-ilment”.

102    F’dan il-każ, minkejja n-natura partikolarment konċiża tal-ilmenti, l-eżami tagħhom kien jeħtieġ l-analiżi ta’ volum kbir ta’ dokumenti, inkluż minħabba l-adozzjoni ta’ diversi liġijiet suċċessivi bejn l-1956 u l-2015, diversi testi leġiżlattivi ta’ ċerta kumplessità, kif ukoll l-identifikazzjoni tal-ammonti mogħtija lill-assoċjazzjonijiet ewlenin matul dan il-perijodu.

103    Għalhekk, f’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni kellha titlob spjegazzjonijiet u informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi, li kellhom iwettqu r-riċerki neċessarji sabiex jipprovdu d-data meħtieġa. F’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti jippreżentaw osservazzjonijiet.

104    Għaldaqstant, anki jekk it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari kien pjuttost twil, u manifestament itwal mit-terminu indikattiv ta’ tnax-il xahar imsemmi mill-Kummissjoni fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattika tagħha, mill-proċess ma jirriżultax li dan it-tul huwa dovut għal diffikultajiet serji li kellhom jiġu ffaċċjati fl-analiżi tal-miżura kkontestata u għall-evalwazzjoni tal-possibbiltà li din tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti.

105    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u mill-punt 48 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħti gradi ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha (sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punt 88, u tal‑4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑475/04, EU:T:2007:196, punt 158).

106    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li t-tul tal-proċedura preliminari ma jurix li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-miżura bħala li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

b)      Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

107    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Bayerische Motoren Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑671/14, EU:T:2017:599, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Permezz tal-motivazzjoni esposta f’deċiżjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżami tal-appoġġ finanzjarju li hija wettqet u, għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni dwar in-natura suffiċjentement kompleta jew suffiċjenti tal-imsemmi eżami.

108    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni li hija tadotta fi tmiem l-eżami tal-ilment, bħad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni hija obbligata tesponi b’mod suffiċjenti lil-lanjant ir-raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati fl-ilment ma kinux suffiċjenti sabiex jintwera li l-miżura kontenzjuża kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Għalhekk, fiha għandu jkun hemm korrelazzjoni bejn l-argumenti li jinsabu fl-ilment u l-ispjegazzjonijiet li l-Kummissjoni tagħti fid-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew, bħal f’dan il-każ, li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96).

109    Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet interessati, iżda huwa biżżejjed jekk tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il‑Kummissjoni, T‑36/06, EU:T:2010:61, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni dwar elementi invokati fi lment li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew ċarament sekondarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 63 u 64, u tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 180).

110    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret it-test tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli u, b’mod iktar partikolari, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna eżistenti. Fil-punti 34 sa 43 ta’ din id-deċiżjoni, hija ddeskriviet l-iżviluppi leġiżlattivi, mill-1956 sal-2014, dwar il-miżuri inkwistjoni, billi ppreċiżat kull darba l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mogħti lill-assoċjazzjonijiet ewlenin u l-oriġini ta’ din l-għajnuna finanzjarja. Minn din l-espożizzjoni jirriżulta li dan l-appoġġ finanzjarju kien ġej jew mit-tariffi ta’ konċessjoni relatati mal-lotterija u mal-imħatri sportivi, jew mit-taxxi fuq il-logħob tal-ażżard, jew kemm mill-baġit tal-Land ta’ Niedersachsen kif ukoll mit-taxxi fuq il-logħob tal-ażżard meta d-dħul minn dawn it-taxxi kien jaqbeż ċertu ammont.

111    Fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għan tal-appoġġ finanzjarju pubbliku u l-benefiċjarji ma kinux ġew emendati sa mill-1956. Fil-punti 48 u 49 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq il-kritiki, dwar il-leġiżlazzjonijiet tal-1997 u tal-2014, imsemmija mir-rikorrenti fl-ilmenti tagħhom. Skont ir-rikorrenti, dawn il-leġiżlazzjonijiet jinkludu emendi importanti u huma għajnuna ġdida li tiffavorixxi lill-assoċjazzjonijiet ewlenin permezz tal-għoti ta’ ammonti fissi li jiżguraw lil dawn l-organizzazzjonijiet sigurtà ta’ programmazzjoni.

112    Fir-rigward qabel kollox il-mogħdija minn ammont espress f’perċentwali għal ammont fiss li seħħ fl-1997, il-Kummissjoni rrilevat li din l-emenda ma seħħitx fl-1997, kif kien indikat b’mod żbaljat fl-ilment, iżda fl-2004, fil-kuntest tal-Liġi tal-2004 li Takkumpanja l-Baġit. Filwaqt li rreferiet għall-motivazzjoni tal-Artikolu 11 tal-abbozz ta’ din il-Liġi, hija kkonstatat li ma kienx hemm bidla sostanzjali, peress li din il-bidla ma kinitx tinfluwenza d-dritt fundamentali tal-assoċjazzjonijiet ewlenin li jiġu allokati appoġġ finanzjarju pubbliku għas-servizzi ta’ għajnuna soċjali li huma kienu jipprovdu. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-emenda kienet tikkonċerna biss l-ammont ta’ appoġġ u li hija kienet ikkawżat tnaqqis fl-appoġġ finanzjarju lill-assoċjazzjonijiet karitatevoli.

113    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tneħħija allegata, mill-WohlFödG, tar-rabta eżistenti bejn l-appoġġ finanzjarju lis-settur karitatevoli u t-tariffi mil-logħob tal-ażżard, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għad-dispożizzjonijiet legali sa mill-1956, qieset li la n-natura u lanqas is-sors tal-appoġġ finanzjarju ma kienu ġew emendati, peress li t-tariffi ta’ konċessjoni mħallsa mill-organizzaturi tal-logħob tal-ażżard kienu dejjem tħallsu fil-baġit tal-Land ta’ Niedersachsen.

114    Għalkemm il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni b’mod espress dwar l-għan ta’ allegata żieda ta’ prevedibbiltà, permezz tal-għoti ta’ somma fissa, li tippermetti ppjanar aħjar tal-attivitajiet soċjali tal-assoċjazzjonijiet karitattivi, hija madankollu eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-għoti ta’ ammonti fissi kienx jinvolvi bidla sostanzjali tal-iskema ta’ għajnuna u rrispondiet għaliha fin-negattiv.

115    Fir-rigward tal-għanijiet allegatament segwiti mill-abbozzi ta’ liġi ċċitati mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107 TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi statali fuq il-bażi tal-kawżi jew l-għanijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 87 u 89, u tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 87). B’hekk, l-analiżi tal-miżuri kontenzjużi magħmula mill-Kummissjoni ma kellhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni għanijiet allegati mir-rikorrenti, anki jekk jitqies li dawn kienu l-għanijiet reali segwiti mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-emenda tal-miżuri kontenzjużi.

116    Fir-rigward tal-allegata omissjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-evoluzzjoni ta’ tkabbir tal-appoġġ finanzjarju bejn l-1956 u l-2015 kienx josserva l-limitu ta’ 20 % previst mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 33 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-emendi magħmula sa mill-1956 għall-miżuri ta’ appoġġ għas-settur karitatevoli kienu ta’ natura purament formali jew amministrattiva, indipendentement mill-iżvilupp preċiż tal-ammonti inkwistjoni. Għaldaqstant, motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-eventwali osservanza ta’ dan il-limitu ma kinitx neċessarja.

117    Fi kwalunkwe każ, mill-informazzjoni finanzjarja li ġiet ikkomunikata lilha mill-awtoritajiet Ġermaniżi matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li ż-żidiet fl-ammont tal-appoġġ finanzjarju ma tawx lok, b’mod ġenerali, għal livell ta’ għajnuna li jaqbeż b’iktar minn 20 % l-ammont inizjali ta’ dan l-appoġġ.

118    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet marbuta mid-dikjarazzjonijiet tan-Niedersächsischer Landesrechnungshof (il-Qorti tal-Awdituri tal-Land ta’ Niedersachsen) u, għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li din ma ddeċidietx fuq dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistax ikollu effett fuq il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

119    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-Kummissjoni wettqet eżami superfiċjali, insuffiċjenti jew saħansitra inkomplet tal-miżura kontenzjuża jew li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-miżura bħala li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Bl-istess mod, ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ttrattatx b’mod utli argument li jinsab fl-ilmenti tagħhom, għajr dawk sekondarji, insinjifikattivi jew irrilevanti.

c)      Fuq l-attitudni tal-Kummissjoni

120    Fir-rigward tal-attitudni tal-Kummissjoni, u, b’mod iktar partikolari, tal-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Ġermaniżi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li ġew stabbiliti diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul l-eżami preliminari u li, f’dan il-kuntest, setgħet tintalab informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni dwar il-miżuri suġġetti għall-istħarriġ tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala indizju li din kienet iltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2012, TF1 et vs Il‑Kummissjoni, T‑520/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:352, punt 76).

121    Konformement mal-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u mad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat ikkonċernat jew ma’ terzi sabiex, matul l-eżami preliminari, tegħleb diffikultajiet li eventwalment tiltaqa’ magħhom. Issa, din il-possibbiltà tippreżupponi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-pożizzjoni tagħha skont ir-riżultati tad-djalogu mibdi, mingħajr ma dan l-adattament għandu jiġi interpretat a priori bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 71, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 35). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ legalment tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2015/1589, deċiżjoni li permezz tagħha, filwaqt li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, tieħu nota tal-impenji meħuda mill-Istat Membru (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 36; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 72).

122    F’dan il-każ, fid-dawl tan-neċessità li tiġi analizzata l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kif ukoll ir-rendikonti relatati mal-appoġġ finanzjarju tal-assoċjazzjonijiet karitatevoli sa mill-1957, in-numru ta’ talbiet għal informazzjoni u għal korrispondenza kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ laqgħa, jistgħu juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet materjali sabiex jinftiehem b’mod korrett il-funzjonament tad-dispożittiv regolatorju inkwistjoni, iżda ma jistgħux a priori jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata mir-rikorrenti.

123    Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni magħmula lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li jadattaw l-appoġġ finanzjarju għad-deċiżjoni SIEĠ tal-2012, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa att li ma jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni u lanqas ma jista’ jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

124    Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet informat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, fl-istess mument, bil-fatt li, fil-fehma tagħha l-appoġġ finanzjarju seta’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna eżistenti u bil-fatt li din il-miżura ma kinitx tosserva l-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjoni SIEĠ tal-2012. Mill-proċess ma jirriżultax li l-ewwel evalwazzjoni, dwar in-natura eżistenti tal-għajnuna, kienet tiddependi mit-tqegħid f’konformità, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, tal-appoġġ finanzjarju ma’ din id-deċiżjoni.

125    Fir-realtà, il-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi jadottaw spontanjament id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jirrendu l-għajnuna eżistenti konformi mad-deċiżjoni SIEĠ tal-2012 kien jippermetti lill-Kummissjoni tevita li jkollha tipproponi, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament 2015/1589, l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa.

126    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-attitudni tal-Kummissjoni kkontestata mir-rikorrenti ma tistax tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

127    Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi kkonstatat li l-indizji kollha eżaminati, evalwati globalment, ma jagħtux prova tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet serji.

128    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

129    Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija relattivament żgħira u insuffiċjenti, li hija tinjora kunċetti tad-dritt tal-Unjoni, li hija tiddeskrivi b’mod sommarju s-sitwazzjoni legali rilevanti u li hija ma tinkludi ebda riferiment ġurisprudenzjali. Fir-replika tagħhom, huma jippreċiżaw li l-Kummissjoni naqset milli tirrispondi għall-ilment ibbażat fuq il-prevedibbiltà ikbar tar-riżorsi sabiex jittejjeb l-ippjanar tal-attivitajiet soċjali mill-assoċjazzjonijiet karitatevoli.

130    Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti, formalment ippreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv, jikkorrispondu fir-realtà għal dawk ippreżentati fil-kuntest tal-ewwel motiv, sabiex juru li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

131    Għalhekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-punti 107 sa 119 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi invokati fl-ilmenti, qieset li l-miżura kkontestata ma kinitx is-suġġett ta’ bidla sostanzjali.

132    Konsegwentement, it-tieni motiv huwa miċħud.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 107 et seq TFUE

1.      Fuq l-ammissibbiltà

133    Għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat jekk kemm il-darba dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, PGNiG Supply & Trading vs Il‑Kummissjoni, C‑117/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1042, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Għandu jiġi eżaminat it-tieni każ, relatat mat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

135    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

136    Minn naħa, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att regolatorju, peress li ma hijiex ta’ portata ġenerali, meta l-appoġġ finanzjarju stabbilit mill-WohlFödG, li huwa mqiegħed inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwixxix skema ta’ għajnuna fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Konsegwentement, il-prinċipji li ħarġu fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), ma jistgħux jiġu trasposti għal dan il-każ.

137    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li l-benefiċjarji ma humiex iddefiniti b’mod ġenerali u astratt, iżda huma identifikabbli, peress li l-appoġġ finanzjarju huwa mogħti lill-assoċjazzjonijiet ewlenin membri tal-LAG, jiġifieri tlettax-il federazzjoni tas-settur tal-azzjoni soċjali indipendenti fin-Niedersachsen. It-tieni nett, dawn il-partijiet isostnu li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu dan is-sostenn jeħtieġu miżuri addizzjonali ta’ implimentazzjoni, jiġifieri l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ sussidju jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-adozzjoni ta’ digriet ministerjali li jirregola, b’mod partikolari, it-tqassim tal-imsemmi appoġġ. It-tielet nett, sa fejn l-appoġġ finanzjarju jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, dan ikun jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tat-tieni parti tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, liema tip ta’ skema tikkonċerna “impriża waħda jew iktar”, u mhux impriżi ddefiniti b’mod ġenerali u astratt.

138    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax direttament lir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrewx ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata tista’ tqegħidhom f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u, għaldaqstant, tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom. Barra minn hekk, il-miżura kontenzjuża allegatament kellha bħala għan esklużivament l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lill-assoċjazzjonijiet ewlenin magħquda fil-LAG, u mhux id-distribuzzjoni ulterjuri ta’ mezzi finanzjarji lill-istabbilimenti membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, liema distribuzzjoni barra minn hekk taqa’ taħt r-responsabbiltà tal-imsemmija organizzazzjonijiet. Issa, hija biss din id-distribuzzjoni li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

139    Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument.

140    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ġiet introdotta t-tielet parti, li rrendiet inqas riġidi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, din il-parti, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta, tiftaħ dan ir-rimedju ġudizzjarju fir-rigward tal-“atti regolatorji”, jiġifieri l-atti kollha mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali, li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernaw direttament lir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 22 u 28).

141    Il-kundizzjonijiet previsti mit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huma kumulattivi, tant li, jekk waħda minnhom tkun nieqsa, ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra dan l-att għandu jitqies li huwa inammissibbli.

a)      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ att regolatorju tad-deċiżjoni kkontestata

142    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ikollu portata ġenerali jekk ikun japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu skema ta’ għajnuna nazzjonali għandhom portata ġenerali. Din il-portata ġenerali tirriżulta mill-fatt li tali deċiżjonijiet japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għandhom effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    L-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 jiddefinixxi l-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna bħala li jkopri, fil-kuntest tal-ewwel ipoteżi ddefinita fl-ewwel parti “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt”, u, fil-kuntest tat-tieni ipoteżi ddefinita fit-tieni parti, “kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”. La minn din id-definizzjoni u lanqas mis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), ma jirriżulta li skema ta’ għajnuna li tista’ taqa’ taħt it-tieni ipoteżi tal-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” previst fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 hija nieqsa minn portata ġenerali.

145    F’dan il-każ, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tal-WohlFödG jipprovdi li “s-settur karitatevoli indipendenti huwa appoġġjat permezz ta’ għajnuna finanzjarja tal-Land [ta’ Niedersachsen]”, b’tali mod li din il-miżura leġiżlattiva tikkonċerna s-settur karitatevoli indipendenti kollu kemm hu u fuq il-livell ta’ dan il-Land.

146    Bl-istess mod, it-titolu tal-Artikolu 2 tal-WohlFödG jgħid li l-Land jagħti l-għajnuna finanzjarja b’mod partikolari lill-assoċjazzjonijiet tas-settur karitatevoli indipendenti, u b’hekk jindika li l-benefiċjarji tal-għajnuna huma l-assoċjazzjonijiet kollha tas-settur karitatevoli indipendenti tal-Land ta’ Niedersachsen, iddefiniti b’mod ġenerali u astratt. Barra minn hekk, il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-WohlFödG jipprovdi li l-appoġġ finanzjarju prevista minn dan it-test għandu jingħata lill-assoċjazzjonijiet ewlenin membri tal-LAG. L-imsemmi test jirreferi għalhekk għal kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri assoċjazzjonijiet ewlenin, attivi fis-settur karitatevoli indipendenti tal-Land ta’ Niedersachsen u membri tal-LAG.

147    Ċertament, kif jirriżulta mill-preambolu u mill-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-LAG, dan jikkostitwixxi r-raggruppament tat-tlettax-il federazzjoni ewlenin tas-settur tal-azzjoni soċjali indipendenti f’Niedersachsen, li ilhom membri tal-LAG sa minn data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-WohlFödG jipprovdi li l-ħlas tal-appoġġ finanzjarju huwa suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ sussidju bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen u l-assoċjazzjonijiet ewlenin imlaqqa’ fil-LAG, b’tali mod li l-ammissjoni ta’ assoċjazzjoni ewlenija addizzjonali bħala membru tal-LAG teħtieġ il-konklużjoni ta’ ftehim ġdid ta’ sussidju.

148    Madankollu, minn naħa, dawn iċ-ċirkustanzi ma jeskludux li assoċjazzjonijiet ewlenin oħra jsiru membri tal-LAG. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tal-Istatuti tal-LAG, dan jista’ jilqa’ membri ġodda, jekk kemm il-darba assoċjazzjoni ewlenija kandidata tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) ta’ dawn l-istatuti, li jirrikjedu b’mod partikolari li l-attivitajiet ta’ tali assoċjazzjoni kandidata jkunu jaqgħu taħt l-azzjoni soċjali indipendenti għal għan ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż fis-sens tal-Kodiċi tat-Taxxi u li l-ammissjoni tal-imsemmija assoċjazzjoni tiġi aċċettata mill-uffiċċju tal-LAG. Barra minn hekk, mill-kliem tal-WohlFödG jew mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li, fil-każ li assoċjazzjoni ewlenija tiġi aċċettata bħala membru tal-LAG, ma huwiex possibbli, jekk ikun il-każ, għall-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen u għall-assoċjazzjonijiet ewlenin imlaqqa’ fil-LAG, li jikkonkludu ftehim ġdid ta’ sussidju.

149    Min-naħa l-oħra, in-natura regolatorja ta’ att ma hijiex ikkontestata mill-possibbiltà li jiġu ddeterminati b’ċertu livell ta’ preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari sakemm huwa paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att, b’rabta mal-għan ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Zuckerfabrik Watenstedt vs Il-Kunsill, 6/68, EU:C:1968:43, p. 605). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li impriża partikolari kienet fil-fatt l-unika benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna li tikkorrispondi għal eżenzjoni minn dazju tas-sisa ma kienx jeskludi li l-benefiċjarji tal-imsemmija eżenzjoni kienu ġew iddefiniti b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑369/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:955, punt 39).

150    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(2) tal-ftehim ta’ sussidju tal-2016 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), l-assoċjazzjonijiet ewlenin, benefiċjarji diretti tal-appoġġ finanzjarju, jistgħu jittrasferixxu lill-membri tagħhom stess il-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, li jikkostitwixxu benefiċjarji indiretti ta’ dan l-appoġġ finanzjarju. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet ewlenin jistgħu jilqgħu organizzazzjonijiet karitatevoli ġodda bħala membri lokali jew reġjonali stabbiliti fil-Land ta’ Niedersachsen. L-imsemmija membri lokali jew reġjonali jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

151    Fit-tielet lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, inkwantu l-appoġġ finanzjarju inkwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna, dan kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589. F’dan il-kuntest, anki jekk jiġi preżunt li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni jikkostitwixxu ċirku ristrett, din id-deċiżjoni ttawwal l-effetti tal-miżura ġenerali u astratta li dan l-appoġġ jikkostitwixxi fir-rigward ta’ numru indeterminat ta’ kompetituri tal-benefiċjarji, diretti jew indiretti, tal-imsemmi appoġġ, b’tali mod li l-imsemmija deċiżjoni tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 31, 36 u 38).

152    Fid-dawl tas-suespost, għandu jitqies li d-deċiżjoni kkontestata għandha portata ġenerali u, għaldaqstant, tikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

b)      Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti

153    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tkun tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Fir-rigward, b’mod speċifiku, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi enfasizzat li dawn għandhom l-għan li jippreżervaw il-kompetizzjoni. B’hekk, f’dan il-qasam, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni żżomm kompletament l-effetti ta’ miżuri nazzjonali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent ikun sostna, fi lment indirizzat lil dik l-istituzzjoni, li ma kinux kompatibbli ma’ dan l-għan u li qegħduh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata, jippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalkemm ma hijiex il-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li għandha tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-miżuri nazzjonali evalwati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħad-deċiżjoni kkontestata, l-inċidenza diretta tar-rikorrenti ma tistax madankollu tiġi dedotta mis-sempliċi potenzjalità ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Fil-fatt, sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta teżiġi li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar esponiex b’mod rilevanti r-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħet tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u, għaldaqstant, tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 47).

157    F’dan il-każ, it-tieni rikorrenti hija impriża li tipprovdi servizzi ta’ assistenza u ta’ kura out-patient fl-agglomerazzjoni ta’ Hannover (il-Ġermanja), il-kapitali tal-Land ta’ Niedersachsen, u, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, hija tinsab f’kompetizzjoni ma’ mill-inqas uħud mill-organizzazzjonijiet membri tal-assoċjazzjonijiet ewlenin imlaqqa’ fil-LAG u li jinsabu qrib il-post ta’ stabbiliment tagħha, fatt dan li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Issa, a priori, dawn l-organizzazzjonijiet huma, permezz tal-assoċjazzjonijiet ewlenin tagħhom, eliġibbli għal parti mill-fondi mħallsa mil-Land Niedersachsen fil-kuntest tal-appoġġ finanzjarju inkwistjoni. Barra minn hekk, inkwantu dan l-appoġġ jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż tal-funzjonament tal-assoċjazzjonijiet ewlenin, dan jibbenefika wkoll lil dawn l-organizzazzjonijiet inkwantu huma membri tal-imsemmija assoċjazzjonijiet.

158    Sa fejn fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li hija obbligata tiddeċiedi b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-appoġġ finanzjarju inkwistjoni, għandu jitqies li t-tieni rikorrenti ġġustifikat b’mod rilevanti li d-deċiżjoni kkontestata, li żżomm bis-sħiħ l-effetti tal-appoġġ finanzjarju inkwistjoni, tista’ tqegħidha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħha, b’mod partikolari d-dritt tagħha li f’dan is-suq ma ġġarrabx kompetizzjoni distorta minn dan l-appoġġ finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 50).

159    Fir-rigward ta’ rikors wieħed u identiku, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tal-ewwel rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 31).

160    Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-kriterji msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li, inkwantu tikkostitwixxi għajnuna, il-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, din id-deċiżjoni żżomm bis-sħiħ l-effetti tal-miżura inkwistjoni u tipproduċi l-effetti legali tagħha b’mod purament awtomatiku bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 54).

161    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament lir-rikorrenti.

c)      Fuq l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni

162    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma jkollhiex rimedju ġuridiku quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa fil-konfront tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Għall-kuntrarju, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni li dan l-att jinvolvi (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Meta l-implimentazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implimentazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jistgħu jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni. Meta din l-implimentazzjoni tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwassluhom sabiex jagħmlu, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt għal azzjoni legali taħt it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra hija irrilevanti. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    F’dan il-każ, kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti.

167    Fil-fatt, minn naħa, ma teżistix miżura ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li toriġina mill-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.

168    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma humiex ikkonċernati mill-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni possibbilment rilevanti f’din il-kawża, f’dan il-każ il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ sussidju jew l-adozzjoni ta’ digriet ministerjali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tqassim tal-appoġġ finanzjarju bejn l-assoċjazzjonijiet ewlenin membri tal-LAG. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tiddistingwi ruħha minn dik tal-benefiċjarji, diretti jew indiretti, tal-appoġġ finanzjarju, sa fejn huma ma jistgħux isiru membri ta’ tali assoċjazzjoni, u lanqas tal-LAG, fid-dawl tal-fatt li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan, b’mod partikolari l-kundizzjoni marbuta man-natura karitatevoli tal-attivitajiet tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun artifiċjali li jiġi mistenni li r-rikorrenti jikkontestaw, quddiem qorti nazzjonali, ftehim ta’ sussidju, digriet ministerjali jew kwalunkwe miżura nazzjonali oħra li tikkonċerna t-tqassim tal-appoġġ finanzjarju, sabiex dik il-qorti titwassal sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-appoġġ finanzjarju inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 65 sa 67, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il-Kummissjoni, C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, punti 38 sa 42).

169    Fid-dawl ta’ dak suespost, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli anki sa fejn huwa bbażat fuq it-tielet motiv.

2.      Fuq il-mertu

170    It-tielet motiv fih żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li huwa bi ksur tal-Artikoli 107 et seq TFUE li l-Kummissjoni qieset li l-appoġġ finanzjarju kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jallegaw li din il-miżura kontenzjuża tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

a)      Fuq l-ewwel parti, dwar l-iżbalji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589

171    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-appoġġ finanzjarju ma kienx għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589 u, sussidjarjament, jekk jitqies li din il-miżura kontenzjuża setgħet ikkostitwixxiet għajnuna eżistenti, li din kienet ġiet mibdula sostanzjalment u saret għajnuna ġdida, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jew tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-WohlFödG.

1)      Fuq l-iżball fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589

172    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li, għalkemm kien previst mill-Artikolu 12 tal-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija, x’aktarx kien biss wara l-1 ta’ Jannar 1958, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-appoġġ finanzjarju ġie eżegwit u effettivament tħallas għall-ewwel darba lill-assoċjazzjonijiet ewlenin.

173    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti jippreżentaw biss ipoteżijiet, mingħajr prova, u li huma ma kinux ressqu dan l-argument qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, sostnuta mit-tielet intervenjenti, hija tirrileva li r-rikorrenti ma jikkontestawx li t-trasferiment tat-tariffi lill-assoċjazzjonijiet ewlenin eliġibbli kien tabilħaqq seħħ fl-1957, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE. Filwaqt li tirreferi għal dokumenti tal-arkivji, DWEK issostni wkoll li l-ewwel ħlasijiet effettivi tar-riżorsi probabbilment seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE.

174    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-mument tal-implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali huwa dak tal-adozzjoni jew tal-konklużjoni tal-att legalment vinkolanti li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti timpenja ruħha b’mod inkundizzjonali li tagħti għajnuna lill-benefiċjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il-Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-att li permezz tiegħu kien previst il-ħlas tal-appoġġ finanzjarju lill-assoċjazzjonijiet karitatevoli kien il-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija, adottata fis‑27 ta’ Frar 1956 u li daħlet fis-seħħ fl-istess jum. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 10 iktar ’il fuq, il-Linji Gwida li jirregolaw l-użu tat-tariffi fuq il-konċessjonijiet għall-finijiet tat-twettiq tal-missjonijiet soċjali ġew ippubblikati fin-Niedersächsisches Ministerialblatt fl-1956. Din il-liġi u dawn il-linji gwida għalhekk ġew adottati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE.

176    Barra dan, mill-proċess tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li fl-1956 u fl-1957 ġew mogħtija xi ammonti lill-assoċjazzjonijiet tas-settur karitatevoli. B’hekk, ir-rikorrenti jsemmu huma stess il-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 6.8 miljun mark Ġermaniż fl-1956, filwaqt li għamlu riferiment għall-kontijiet baġitarji tal-Land ta’ Niedersachsen tal-1956 u tal-1957, Taqsima 13. Barra minn hekk, minbarra d-dokumenti tal-arkivji ppreżentati minn DWEK, għandu jiġi kkonstatat li l-ammonti mħallsa fl-1956 u fl-1957 huma ppreċiżati fl-Anness 16 tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tas‑6 ta’ April 2016 li tinkludi l-ammonti tal-għajnuniet allokati lill-azzjoni karitatevoli indipendenti sa mill-1957. Għaldaqstant, ħlasijiet effettivi tal-appoġġ finanzjarju inkwistjoni seħħew anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2016, L‑Irlanda u Aughinish Alumina vs Il‑Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T-69/06 RENV II, EU:T:2016:227, punt 201).

177    Minn dan isegwi li l-appoġġ finanzjarju inkwistjoni ġie implimentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE u li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li din il-miżura, sa fejn kienet tikkostitwixxi għajnuna, kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589.

178    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li suq tal-provvista ta’ kura out-patient u stazzjonarja kien għadu ma jeżistix fl-1956, peress li l-popolazzjoni kienet tieħu ħsieb hija stess il-ġenerazzjoni li kienet qed tixjiħ jew il-morda. Huma jqisu li l-appoġġ finanzjarju sar għajnuna ġdida minħabba bidla ulterjuri fil-kamp ta’ attività tas-settur karitatevoli indipendenti. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti jżidu li din il-bidla hija distinta minn “evoluzzjoni tas-suq intern” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, b’tali mod li l-imsemmi appoġġ ma jistax jikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

179    Sostnuta mit-tielet intervenjenti, il-Kummissjoni ssostni li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti huma ineffettivi.

180    F’dan ir-rigward, u kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkostitwixxi għajnuna, l-appoġġ finanzjarju huwa għajnuna eżistenti sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE, li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589. Konsegwentement, l-argumenti dwar l-ineżistenza, fl-1956, ta’ suq tas-servizzi privati ta’ kura out-patient u stazzjonarja u dwar l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 huma irrilevanti.

2)      Fuq il-bidla sostanzjali tal-miżura inkwistjoni

181    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jitqies li l-appoġġ iffinanzjat mit-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard introdott fl-1956 seta’ kkostitwixxa għajnuna eżistenti, din, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-WohlFödG, kienet ġiet sostanzjalment mibdula u saret għajnuna ġdida, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jew tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li jikkostitwixxi għajnuna ġdida, b’mod partikolari, “tibdil fl-għajnuna eżistenti”. Ir-rikorrenti jippreżentaw ħames argumenti. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-assoċjazzjonijiet ewlenin għandhom influwenza ikbar, peress li l-Artikolu 3(3) tal-WohlFödG jipprevedi l-possibbiltà, għall-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen, li jadotta digriet ministerjali minflok il-ftehim ta’ sussidju, biss meta n-negozjati dwar il-modalitajiet ta’ użu tal-appoġġ mal-assoċjazzjonijiet karitattivi ma jirnexxux, filwaqt li l-Artikolu 16(2) tal-Liġi tal-2007 dwar il-Logħob tal-Ażżard kien jagħtih il-possibbiltà li jadotta regolament unilaterali minflok il-konklużjoni ta’ ftehim mal-assoċjazzjonijiet ewlenin.

182    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-appoġġ lis-settur karitatevoli ma għadux jiddependi mis-suq tal-logħob tal-ażżard, iżda mill-baġit tal-Land ta’ Niedersachsen, u dan iżid il-prevedibbiltà fil-qasam tal-ippjanar.

183    Fit-tielet lok, huma jqisu li “l-kuntest ġuridiku u fattwali” dwar id-dħul mil-logħob tal-ażżard u l-firxa ta’ attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet karitatevoli kienu ġew sostanzjalment emendati, peress li d-dħul mil-logħob tal-ażżard ma għadux ikkunsidrat bħala utli, peress li ma għadux jirriżulta minn attività soċjalment mhux mixtieqa. Fir-risposta tagħhom għan-noti ta’ intervent, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-fatt li r-rabta bejn id-dħul mil-logħob tal-ażżard u l-appoġġ ta’ proġetti soċjali saret iktar dgħajfa, idgħajjef dak li fuqu hija bbażata l-leġittimità tal-għoti inkwistjoni.

184    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li n-natura sostanzjali tal-bidliet tirriżulta minn analiżi globali tal-emendi leġiżlattivi li seħħew sa mill-1956, li jinkludu, l-ewwel nett, il-mogħdija fl-2004 tal-finanzjament tal-appoġġ permezz ta’ perċentwali tat-taxxa fuq il-logħob tal-ażżard għal finanzjament permezz ta’ ammont fiss, iffinanzjat mill-imsemmija taxxa sal-2014, imbagħad direttament mill-baġit tal-Land, it-tieni, il-modifika tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-appoġġ finanzjarju, inizjalment iddeterminati bl-għajnuna ta’ linji gwida tal-gvern stabbiliti b’mod unilaterali mil-Land, imbagħad permezz ta’ negozjati bejn il-Land u l-assoċjazzjonijiet ewlenin u, it-tielet, l-evoluzzjoni kunsiderevoli tal-ammont tal-għajnuna. Minn dan isegwi li kemm l-emendi leġiżlattivi kif ukoll l-appoġġ prinċipali eżistenti mill-1956 għandhom, sa mhux iktar tard mill-2015, jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida.

185    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 2(3) tal-WohlFödG iwassal għal bidla sostanzjali, peress li jipprovdi li l-assoċjazzjonijiet ewlenin issa jistgħu jqassmu liberament appoġġ addizzjonali fost l-oqsma ta’ attivitajiet previsti mill-ftehim ta’ sussidju. Skont l-istimi tar-rikorrenti, dan għandu l-konsegwenza li medja ta’ 22 % tar-riżorsi għas-sena 2015 setgħu jintużaw liberament, b’tali mod li dan iwassal għal bidla sostanzjali tal-għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004.

186    Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-parti l-kbira ta’ dawn l-ilmenti ma ġewx ifformulati matul il-proċedura amministrattiva, b’tali mod li ma kienx possibbli li tittieħed pożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għall-kumplament, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-ilmenti u jikkunsidraw li l-bidliet invokati mir-rikorrenti ma humiex sostanzjali.

187    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida tapplika għal kull għajnuna, jiġifieri kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali, li ma hijiex għajnuna eżistenti, kif ukoll kull bidla ta’ għajnuna eżistenti.

188    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004, intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-[Regolament Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.”

189    Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, il-bidliet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jkunux ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna ma humiex meqjusa bħala bidliet ta’ għajnuna eżistenti. Sabiex tikkostitwixxi għajnuna ġdida, il-bidla ta’ għajnuna eżistenti għandha tkun sostanzjali (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2014, Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni, T‑151/11, EU:T:2014:631, punt 62).

190    Barra minn hekk, hija biss il-bidla bħala tali li tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sostanza stess tal-iskema ta’ għajnuna inizjali li din l-iskema ssir skema ta’ għajnuna ġdida. Għall-kuntrarju, bidla ma taffettwax is-sostanza stess tal-iskema inizjali meta l-element ġdid ikun manifestament separabbli mill-iskema inizjali (sentenzi tat‑30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, EU:T:2002:111, punti 109 sa 111; tal‑20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punt 55, u tal‑11 ta’ Lulju 2014, Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs Il‑Kummissjoni, T‑151/11, EU:T:2014:631, punt 63).

191    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk l-iżviluppi leġiżlattivi suċċessivi tawx lok għal bidla sostanzjali tal-appoġġ finanzjarju stabbilit mil-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija. B’dan il-mod, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-bidliet ippreġudikawx l-elementi kostituttivi ta’ din l-iskema ta’ finanzjament, bħaċ-ċirku tal-benefiċjarji, l-għan tal-appoġġ finanzjarju u l-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lill-benefiċjarji, kif ukoll is-sors ta’ dan l-appoġġ u l-ammont tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, EU:C:1994:311, punt 29; tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 41, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 60 sa 63).

192    Issa, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-benefiċjarji tal-appoġġ finanzjarju attwali huma l-istess assoċjazzjonijiet ewlenin bħal dawk li bbenefikaw mill-appoġġ iffinanzjat skont il-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-appoġġ finanzjarju, jiġifieri li jgħin lill-assoċjazzjonijiet karitatevoli għall-provvista ta’ servizzi soċjali, ma ġiex emendat sa mill-istabbiliment ta’ din il-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija.

193    Fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti mfakkra fil-punti 181 sa 185 iktar ’il fuq, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(3) tal-WohlFödG ma tax lill-assoċjazzjonijiet ewlenin influwenza ikbar billi ppreveda l-possibbiltà, għall-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen, li jadotta digriet ministerjali minflok il-ftehim ta’ sussidju biss meta n-negozjati dwar il-modalitajiet ta’ użu tal-appoġġ mal-assoċjazzjonijiet ewlenin ma jkunux irnexxew. Fil-fatt, il-kliem u l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma joħolqux differenza fir-rigward tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi tal-2007 dwar il-Logħob tal-Ażżard, li kien jagħti wkoll lil dan il-Ministeru l-possibbiltà li jadotta regolament unilaterali minflok il-konklużjoni ta’ ftehim mal-assoċjazzjonijiet ewlenin. Kif irrilevat DWEK, l-Artikolu 16(2) ta’ din il-liġi tal-2007 kien jipprevedi l-istess awtorizzazzjoni bħal dik prevista mill-WohlFödG.

194    Fi kwalunkwe każ, l-argument dwar iż-żieda fl-influwenza tal-assoċjazzjonijiet ewlenin ma huwiex rilevanti, peress li ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjonijiet li l-għan tal-għoti tal-appoġġ finanzjarju, in-natura tal-attivitajiet u ċ-ċirku tal-benefiċjarji ma nbidlux, essenzjalment, mill-adozzjoni tal-Liġi tal-1956 dwar il-Lotterija.

195    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar l-oriġini tar-riżorsi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fondi mogħtija fil-kuntest tal-appoġġ finanzjarju dejjem oriġinaw mill-baġit tal-Land Niedersachsen, li kien iffinanzjat mid-dħul mil-lotterija u mil-logħob tal-ażżard. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ppreċiżat li n-natura u s-sors tar-remunerazzjoni ma nbidlux bid-dħul fis-seħħ tal-WohlFödG, peress li l-imprendituri tal-lotteriji dejjem kellhom iħallsu t-tariffi ta’ konċessjoni u ta’ logħob tal-ażżard lil-Land.

196    Fir-rigward tat-titjib f’termini ta’ prevedibbiltà tal-ammont mogħti, li jiffavorixxi l-ippjanar, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-mogħdija ta’ ammont espress f’perċentwali għal ammont fiss, li seħħet permezz ta’ emenda li tinsab fil-Liġi tal-2004 li Takkumpanja l-Baġit, ma kinitx tikkostitwixxi bidla sostanzjali, peress li ma kinitx tinfluwenza d-dritt fundamentali tal-assoċjazzjonijiet ewlenin għal appoġġ finanzjarju pubbliku għas-servizzi ta’ assistenza soċjali li huma jipprovdu. Fir-rigward tal-effett tal-WohlFödG fuq l-appoġġ finanzjarju, ma jistax jingħad mod ieħor, tant li, bħal fl-2004, din ma hijiex bidla sostanzjali, iktar u iktar għaliex la l-Liġi tal-2004 li Takkumpanja l-Baġit u lanqas il-WohlFödG ma taw lok għal żieda fis-sussidju meta mqabbel mal-ammonti mogħtija qabel din il-mogħdija.

197    Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jibbażaw l-argument tagħhom fuq l-għajbien tar-rabta bejn id-dħul mil-logħob tal-ażżard u l-appoġġ ta’ proġetti soċjali, għandu jiġi rrilevat li dawn l-elementi kostituttivi tal-miżura ma ġewx sostanzjalment mibdula, peress li d-dħul mil-logħob tal-ażżard fl-1957 kien jagħmel parti mill-baġit tal-Land u peress li l-proġetti soċjali tal-assoċjazzjonijiet ewlenin baqgħu essenzjalment l-istess bħal fl-1957.

198    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi globali ppreżentata mir-rikorrenti ma tippermettix li jiġi konkluż li hemm bidla li taffettwa l-iskema ta’ għajnuna fis-sustanza tagħha. Fil-fatt, minn eżami tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti u tal-evoluzzjoni tagħhom bejn l-1956 u l-2016 jirriżulta li l-emendi tal-bażijiet legali kienu ta’ natura purament formali jew amministrattiva, inkwantu dawn ma kellhomx l-effett li jemendaw b’mod sostanzjali l-elementi li jikkostitwixxu l-miżura bħal, b’mod partikolari, l-ammont tal-appoġġ mogħti lill-benefiċjarji. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-WohlFödG, li ma biddlitx il-benefiċjarji tal-miżura, l-għan tal-appoġġ, l-oriġini tal-għajnuna u lanqas, b’mod sostanzjali, l-ammont tal-appoġġ.

199    Fir-rigward tal-emendi tal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dan l-appoġġ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 3(3) tal-WohlFödG, dawn il-kundizzjonijiet huma ddeterminati mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali tal-Land ta’ Niedersachsen jekk in-“negozjati” bejnu u l-LAG ma jirnexxux, b’tali mod li s-sitwazzjoni ma żviluppatx b’mod sinjifikattiv sa minn meta, kif jirriżulta mill-punt 10 iktar ’il fuq, il-Land ta’ Niedersachsen kien jistabbilixxi unilateralment l-imsemmija kundizzjonijiet f’linji gwida. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tal-WohlFödG huwa intiż sabiex jirregola dawn in-negozjati. Għaldaqstant, mill-evoluzzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-imsemmi appoġġ ma jirriżultax li din l-evoluzzjoni kellha neċessarjament bħala effett li tbiddel is-sustanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, u lanqas li din wasslet għal bidla sostanzjali tal-miżura inkwistjoni.

200    Fir-rigward tal-ammonti ta’ appoġġ, kif dan huwa espost fil-punt 117 iktar ’il fuq, mill-informazzjoni finanzjarja li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li ż-żidiet fl-ammont tal-appoġġ finanzjarju ma tawx lok, b’mod ġenerali, għal livell ta’ għajnuna li jaqbeż b’iktar minn 20 % l-ammont inizjali ta’ dan l-appoġġ. Għaldaqstant, l-adattamenti tal-ammonti tal-imsemmi appoġġ ma qabżux il-livell indikat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004.

201    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-Artikolu 2(3) tal-WohlFödG, li jgħid li, fil-każ ta’ dħul sinjifikattiv li joriġina mit-taxxi fuq il-logħob tal-ażżard, għandu jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali parzjalment lill-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-LAG u, parzjalment, lil-Uffiċċju Reġjonali għall-Problemi ta’ Dipendenza (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-ilment dwar l-allegata flessibbiltà fl-użu tal-appoġġ addizzjonali ma ġiex invokat waqt il-proċedura amministrattiva. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jurux li dan l-appoġġ addizzjonali jibdel is-sustanza tal-appoġġ finanzjarju jew jikkostitwixxi element separabbli mill-appoġġ prinċipali previst fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-istess liġi.

202    Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tal-WohlFödG jiddeskrivi l-missjonijiet tas-settur karitatevoli indipendenti u l-kundizzjonijiet imposti fuq l-assoċjazzjonijiet ewlenin imlaqqa’ fil-LAG. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-WohlFödG jippreċiża li “[l]-għajnuna finanzjarja msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u fil-punt 1 tal-Artikolu 2(3) għandha tintuża insostenn tal-missjonijiet tas-settur karitatevoli indipendenti”. Minn dan isegwi li l-appoġġ finanzjarju addizzjonali kkontestat mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix bidla sostanzjali tal-miżura li tittrasformaha f’għajnuna ġdida minħabba li dan l-appoġġ addizzjonali jista’ jintuża liberament mill-assoċjazzjonijiet ewlenin. Fil-fatt, kemm l-appoġġ prinċipali kif ukoll l-appoġġ addizzjonali huma intiżi biss insostenn ta’ missjonijiet karitatevoli eliġibbli. Minbarra dan, il-ħlas ta’ appoġġ addizzjonali ma huwiex barra minn hekk sistematiku, peress li jiddependi mill-eżistenza ta’ dħul eċċessiv mil-logħob tal-ażżard li jaqbeż l-ammont ta’ EUR 147 300 000.

203    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżura inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ bidla sostanzjali sa mill-introduzzjoni tagħha fl-1956. Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kwistjoni ta’ tali bidla sostanzjali ma ssemmietx matul il-proċedura amministrattiva, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it-tieni parti, dwar l-iżball fir-rigward tal-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE

204    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-miżura kontenzjuża tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

205    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

206    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jfittxu li juru li l-appoġġ finanzjarju inkwistjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Issa, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat u la ddeċidiet dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 TFUE u lanqas dwar il-kompatibbiltà eventwali tal-imsemmija miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-rikorrenti huwa ineffettiv. Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet motiv u, għaldaqstant, it-tielet motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

207    Minn dan kollu suespost jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

VI.    Fuq l-ispejjeż

208    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Verband Deutscher Alten- und Behindertenhilfe, Landesverband Niedersachsen/Bremen und Hamburg/Schleswig-Holstein eV u CarePool Hannover GmbH huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Diakonisches Werk evangelischer Kirchen in Niedersachsen eV, minn Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Hannover eV kif ukoll minn Arbeiterwohlfahrt Bezirksverband Braunschweig eV u l-intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ April 2021.

Firem


Werrej


I. Il-kuntest ġuridiku dwar il-miżuri nazzjonali kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

III. Id-deċiżjoni kkontestata

IV. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

V. Fid-dritt

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE

1. Fuq l-ammissibbiltà

2. Fuq il-mertu

a) Fuq it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari

b) Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

c) Fuq l-attitudni tal-Kummissjoni

B. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 107 et seq TFUE

1. Fuq l-ammissibbiltà

a) Fuq il-klassifikazzjoni ta’ att regolatorju tad-deċiżjoni kkontestata

b) Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti

c) Fuq l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni

2. Fuq il-mertu

a) Fuq l-ewwel parti, dwar l-iżbalji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589

1) Fuq l-iżball fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589

2) Fuq il-bidla sostanzjali tal-miżura inkwistjoni

b) Fuq it-tieni parti, dwar l-iżball fir-rigward tal-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-appoġġ finanzjarju bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE

VI. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Il-lista tal-intervenjenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.