Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Bulgarija) fit-23 ta’ Jannar 2024 – K. M. H. vs Obshtina Stara Zagora

(Kawża C-43/24, Shipov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven kasatsionen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: K. M. H.

Konvenut: Obshtina Stara Zagora

Domandi preliminari

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ moviment liberu, stabbiliti fl-Artikolu 9 TUE kif ukoll fl-Artikoli 8 u 21 TFUE, kif ikkonfermati fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ Stat Membru li teskludi kwalunkwe possibbiltà li titwettaq bidla fid-data diġà rreġistrata fir-rigward tal-ġeneru, tal-isem u tan-numru ta’ identifikazzjoni personali fl-atti ċivili ta’ applikant li jsostni li huwa transġeneru?

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ moviment liberu, stabbiliti fl-Artikolu 9 TUE kif ukoll fl-Artikoli 8 u 21 TFUE, flimkien mal-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 10 TFUE, ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif ikkonfermati fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB, u flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jippermettu l-adozzjoni ta’ prassi ġudizzjarja nazzjonali (f’dan il-każ id-Deċiżjoni interpretattiva Nru 2/203 tal-assemblea plenarja tal-awli ċivili tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni)) li minnha jirriżulta li d-dritt sostantiv oġġettiv fis-seħħ fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropew ma jipprevedix il-possibbiltà li titwettaq bidla fir-rigward tal-ġeneru, tal-isem u tan-numru ta’ identifikazzjoni personali fl-att ċivili ta’ applikant li jsostni li huwa transġeneru, b’tali mod li dan l-applikant isib ruħu f’sitwazzjoni differenti minn dik li kien isibu ruħu fiha fi Stat Membru ieħor li mill-prassi ġudizzjarja tiegħu jirriżulta l-kuntrarju?

Hija permessa prassi nazzjonali li, minħabba valuri reliġjużi u standards morali, ma tippermettix bidla fl-identità tal-ġeneru, ħlief fil-każ li dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet medikali u dan biss fil-każ ta’ persuni intersesswali?

Hija permessa wkoll prassi nazzjonali li, minħabba valuri reliġjużi u standards morali, tippermetti bidla fil-ġeneru f’każijiet speċifiċi biss u għal raġunijiet medikali, iżda dan fil-każ biss ta’ ċerti persuni (intersesswali) u mhux f’każijiet oħra ta’ bidla fl-identità tal-ġeneru minħabba raġunijiet medikali differenti oħra?

L-obbligu ta’ Stat Membru tal-Unjoni li jirrikonoxxi l-istat ċivili tal-persuni kkonstatat fi Stat Membru konformement mad-dritt ta’ dan tal-aħħar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE 1 u tal-Artikolu 21(1) TFUE (konformement mas-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et 2 u tal-14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” 3 ) japplika wkoll fir-rigward tal-ġeneru bħala wieħed mill-elementi fundamentali tar-reġistrazzjoni tal-istat ċivili u, fil-każ ta’ bidla fil-ġeneru, ikkonstatata fi Stat Membru ieħor, minn persuna li hija wkoll ċittadina Bulgara, dan l-obbligu jirrikjedi wkoll li dan il-fatt jiġi rreġistrat ukoll fir-reġistru korrispondenti tar-Repubblika tal-Bulgarija?

Fid-dawl tad-dritt għal smigħ xieraq, kif irrikonoxxut fil-Karta u fil-KEDB, huwa permess li tiġi adottata interpretazzjoni vinkolanti tal-Kostituzzjoni, mogħtija permezz ta’ deċiżjoni tal-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sens li l-kunċett ta’ ġeneru għandu jinftiehem biss fis-sens bioloġiku tiegħu, u dan huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u jista’ jikkostitwixxi ostakolu legali għar-reġistrazzjoni tal-bidla fil-ġeneru?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

1     C-673/16, EU:C:2018:385.

1     C-490/20, EU:C:2021:1008.