Language of document : ECLI:EU:C:2019:1119

Kawża C460/18 P

HK

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad19 ta’ Diċembru 2019

“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 1d – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kunċett ta’ ‘konjuġi superstiti’ ta’ uffiċjal tal-Unjoni – Żwieġ u sħubija mhux matrimonjali – Konkubinaġġ – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Sitwazzjoni paragunabbli – Assenza – Kundizzjoni ta’ anzjanità taż-żwieġ – Ġlieda kontra l-frodi – Ġustifikazzjoni”

1.        Proċedura ġudizzjarja – Motivazzjoni tas-sentenzi – Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

(ara l-punti 38, 50 sa 53)

2.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Żwieġ – Assimilazzjoni tas-sħubija mhux matrimonjali rreġistrata maż-żwieġ taħt ċerti kundizzjonijiet – Assimilazzjoni tal-konkubinaġġ maż-żwieġ – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikoli 1d(1), Anness VII, Artikolu 1(2)(ċ) u Anness VIII, Artikolu 17(1))

(ara l-punti 68 sa 78)

3.        Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Pensjoni tas-superstiti – Konkubinaġġ u żwieġ – Sitwazzjonijiet mhux komparabbli

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d u l-Anness VIII, Artikolu 17(1); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2)

(ara l-punti 84, 85)

4.        Uffiċjali – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Żwieġ – Tul minimu ta’ żwieġ – Kundizzjoni mhux diskriminatorja li sservi sabiex jiġu miġġielda l-abbużi u l-frodi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d u l-Anness VIII, Artikolu 17(1); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2)

(ara l-punti 89, 90)

5.        Rikorsi tal-uffiċjali – Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament – Ċaħda ta’ talba għal annullament li twassal għaċ-ċaħda tat-talba għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

(ara l-punt 93)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal tal-Unjoni Ewropea kellu jkun marbut ma’ dan tal-aħħar għal iktar minn sena fil-kuntest ta’ żwieġ jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ sħubija mhux matrimonjali rreġistrata sabiex jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti

Fis-sentenza HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Mejju 2018, HK vs Il‑Kummissjoni (1) u, b’deċiżjoni finali dwar it-tilwima, ċaħdet kemm ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellant kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta li tagħtih il-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti bħala konjuġi superstiti ta’ uffiċjal kif ukoll ir-rikors tiegħu għal kumpens għad-danni materjali u morali allegatament imġarrba.

Din il-kawża kienet tirrigwarda t-talba tal-appellant sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti bħala konjuġi superstiti ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea li mietet fil‑11 ta’ April 2015, li kien ilu miżżewweġ magħha mid‑9 ta’ Mejju 2014. Il-koppja kienu ilhom f’konkubinaġġ mill‑1994. L-appellant regolarment kien irċieva l-flus mingħand is-sieħba tiegħu minħabba problemi tas-saħħa li kienu jipprekluduh milli jaħdem jew milli jsegwi taħriġ.

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet ir-rikors tal-appellant, minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma kinitx turi b’mod ċar u b’mod li jinftiehem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u dan kellu importanza għall-kwistjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet meqjusa għall-finijiet tal-eżami tal-konformità ta’ din id-dispożizzjoni statutorja mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

Billi qieset li l-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement qieset li l-Kummissjoni setgħet ġustament tirrifjuta l-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti lill-appellant minħabba li dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni dwar it-tul minimu ta’ sena żwieġ mal-uffiċjal deċedut imposta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li la l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-konkubini, u lanqas il-fatt li hija timponi tali tul minimu ta’ żwieġ sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti ma kienu manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan tal-pensjoni tas-superstiti u lanqas ma kienu jiksru l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-pensjoni tas-superstiti ma huwiex marbut mal-possibbiltà ta’ dipendenza finanzjarja tal-konjuġi fuq il-mejjet. Madankollu, il-benefiċjarju ta’ din il-pensjoni kellu jkun marbut mal-uffiċjal deċedut fil-kuntest ta’ relazzjoni ċivili li tkun ħolqot sett ta’ drittijiet u ta’ obbligi bejniethom, bħaż-żwieġ jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħas-sħubija mhux matrimonjali rreġistrata.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li fost dawn il-kundizzjonijiet hemm b’mod partikolari l-fatt li s-sieħeb superstiti jkollu jipprovdi dokument uffiċjali rrikonoxxut bħala tali minn Stat Membru jew minn kwalunkwe awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxi l-istatus bħala msieħba mhux miżżewġa, u li l-koppja ma kellhiex aċċess għaż-żwieġ ċivili.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li unjoni ta’ fatt, bħalma huwa l-konkubinaġġ, li ma hijiex, bħala prinċipju, is-suġġett ta’ status stabbilit mil-liġi, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa u li, għaldaqstant, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti, il-konkubini ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-persuni miżżewġa u lanqas ma’ dik tal-imsieħba li kkonkludew unjoni rreġistrata li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmija pensjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġu miġġielda l-abbużi, u saħansitra l-frodi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti u li l-kundizzjoni li ż-żwieġ għandu jkun dam għal mill-inqas sena sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti kienet intiża li tiżgura r-realtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-rikors għal kumpens għad-danni materjali jew morali allegatament imġarrba kellu wkoll jiġi miċħud bħala infondat, peress li t-talbiet tal-appellant f’dan ir-rigward kienu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li huma stess kienu ġew miċħuda bħala infondati.


1      T‑574/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:252.