Language of document : ECLI:EU:T:2010:353

Kawża T-532/08

Norilsk Nickel Harjavalta Oy u Umicore SA/NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Ambjent u protezzjoni tas-saħħa umana — Klassifikazzjoni, ippakkjar u ttikkettjar ta’ ċerti komposti ta’ karbonat tan-nikil bħala sustanzi perikolużi — Direttiva 2008/58/KE — Direttiva 67/548/KEE — Regolament (KE) Nru 790/2009 — Regolament (KE) Nru 1272/2008 — Adattament tat-talbiet — Applikazzjoni ratione temporis tar-raba’ paragrafu tal- Artikolu 263 TFUE — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li rikors ippreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jiġi bbażat fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Assenza

(ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 230 KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti preparatorji — Esklużjoni

(Artikolu 230 KE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li persuna tkun individwalment ikkonċernata minn att ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Atti dwar proċeduri ta’ evalwazzjoni tar-riskji u ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi perikolużi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

1.      It-Trattat FUE ma jipprovdi ebda dispożizzjoni tranżitorja speċifika li tirregola l‑kwistjoni dwar jekk ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwiex applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti fl-1 ta’ Diċembru 2009. F’dak li jirrigwarda speċifikament il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli li jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu quddiem qorti tal-Unjoni, minn naħa, skont il-massima tempus regit actum, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża abbażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat, u li, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta jiġi ppreżentat ir-rikors, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tar-rikors, li jista’ jiġi rrettifikat biss meta tali rettifika sseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Konsegwentement, peress li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annulament, jiġifieri fil-mument tal-preżentata kemm tar-rikors promotur kif ukoll tat-talba għall-adattament tat-talbiet u tal-motivi għal annullament, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tiegħu kienu rregolati mill-Artikolu 230 KE, il-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti biex iressqu rikors għall-annullament tal-atti kkontestati għandha tiġi deċiża abbażi tal-imsemmi artikolu.

(ara l-punti 69, 70, 72)

2.      Att intermedjarju jew preparatorju ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, meta dan l-att ma jipproduċix effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jimmodifika b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħhom. Fil-fatt, l-eventwali illegalitajiet li jaffettwaw tali att preparatorju għandhom jiġu invokati insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li tiegħu huwa jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni. Għalhekk, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata biss b’mod inċidentali, insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-atti li temmew il-proċedura.

(ara l-punti 93, 94)

3.      Persuna oħra li ma hijiex id-destinatarja ta’ att tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, biss jekk l-att inkwistjoni jaffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikun individwalizza d-destinatarju tal-att. Madankollu, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn l‑individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il‑miżura, meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni. Għalhekk, għalkemm il-fatt li persuna tintervjeni fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni jista’ jkun ta’ natura li jindividwalizzaha fil-konfront tal-att inkwistjoni fil-każ fejn il‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ipprovdiet garanziji proċedurali favur din il‑persuna, dan ma jgħoddx fil-każ ta’ rikorrenti li jinvokaw il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji ta’ ċerti sustanzi, prevista fl-Artikoli 6 sa 10 tar-Regolament Nru 793/93, dwar il valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti, li ma hijiex applikabbli għall-proċedura, distinta minn dik preċedenti, ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza perikoluża, abbażi tad-Direttiva 67/548, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l‑imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, u tar-Regolament Nru 1272/2008, dwar il‑klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(ara l-punti 97-99, 103, 108, 109)