Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2008 - Norilsk Nickel Harjavalta Oy u Umicore NV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-532/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Norilsk Nickel Harjavalta Oy (Harjavalta, il-Finlandja) u Umicore SA/NV (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: K. Nordlander, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li dan ir-rikors huwa ammissibbli;

tannulla l-atti kkontestati;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti f'dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-inklużjoni speċifika ta' grupp ta' erba' legi relatati mal-karbonat tan-nikel - Idroksilkarbonat tan-nikel, karbonat tan-nikel pur u żewġ legi oħra (il-"karbonati tan-nikel") - fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE 1 (it-"30 Direttiva ATP"), li huwa adattament għall-progress tekniku ("ATP") tad-Direttiva 67/548/KEE 2 (id-"Direttiva dwar sustanzi perikolużi").

L-allegazzjoni ewlenija tar-rikorrenti hija li l-klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikel ma kinitx ibbażata fuq il-kriterji legali applikabbli. Skont ir-rikorrenti, il-klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikel tikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi billi din ma kinitx sostnuta minn data u ma kinitx adattament għall-progress tekniku. Minflok, qiegħed jiġi sostnut li l-Kummissjoni rrevediet il-klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikel fuq studju tar-riskji tal-karbonati tan-nikel imwettaq għal skop differenti taħt ir-Regolament (KE) Nru 793/93 3 (ir-"Regolament għall-istudju tar-riskji"). Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha b'mod partikolari fuq dikjarazzjoni ta' deroga li fiha erba' kumpanniji individwali, inklużi r-rikorrenti, talbu permess sabiex ma jwettqux ċerti testijiet mitluba taħt ir-Regolament għall-istudju tar-riskji. Skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni ma pprovdiet l-ebda data sabiex issostni bidla fil-klassifikazzjoni tal-karbonati tan-nikel inklużi fit-30 Direttiva ATP.

Għalhekk, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament ta' żewġ atti separati tal-Kummissjoni Ewropea:

il-klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikel fi 028-010-00-0 fl-Anness1F tat-30 Direttiva ATP;

id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintuża dikjarazzjoni ta' deroga mogħtija mill-applikanti taħt ir-Regolament għall-istudju tar-riskji bħala l-bażi ta' din l-inklużjoni kkontestata.

Insostenn tat-talbiet tagħhom ir-rikorrenti jsostnu li l-atti kkontestati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi għar-raġunijiet li ġejjin:

a) l-atti kkontestati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kriterji ddettaljati u tad-data xjentifika għall-klassifikazzjoni f'kull klassi ta' riskju taħt l-Anness VI tad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi;

b) bl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-proprjetajiet intrinsiċi tal-karbonati tan-nikel fil-kuntest ta' ġarr normali u użu mitlub mid-Direttiva dwar sustanzi perikolużi;

c) l-atti kkontestati mhumiex adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva dwar sustanzi perikolużi u, bħala tali, m'għandhomx bażi legali fid-dritt KE;

d) bit-teħid tad-deċiżjoni kkontestata u billi din l-inklużjoni ġiet ibbażata fuq l-istudju tar-riskju tal-karbonati tan-nikel taħt ir-Regolament għall-istudju tar-riskji, mhux bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 u l-Anness VI tal-kriterji ta' klassifikazzjoni, il-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha skont id-Direttiva dwar sustanzi perikolużi.

Barra minn dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-klassifikazzjoni riveduta tal-karbonati tan-nikel fit-30 Direttiva ATP għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet li fuqhom din hija bbażata, kif mitlub mill-Artikolu 253 KE.

____________

1 - Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE tal-21 ta' Awissu 2008 li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkjettar tas-sustanzi perikolużi (ĠU 2008 L 246, p. 1)

2 - Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 1967 196, p. 1)

3 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (ĠU L 1993 84, p. 1)