Language of document : ECLI:EU:C:2019:956

Kawża C233/18

Zubair Haqbin

vs

Federaal Agentschap voor de opvang van asielzoekers

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-arbeidshof te Brussel)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat12 ta’ Novembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Persuni li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 20(4) u (5) – Ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew aġir partikolarment vjolenti – Portata tad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli – Minuri mhux akkumpanjat – Limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew aġir partikolarment vjolenti – Sanzjonijiet – Irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fir-rigward tal-akkomodazzjoni, tal-ikel jew tal-ħwejjeġ – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 1; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikolu 20(4) u (5))

(ara l-punti 43, 47 sa 50, 56, u d-dispożittiv)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew aġir partikolarment vjolenti – Sanzjonijiet – Limitu – Minuri mhux akkumpanjat – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 1 u 24; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikoli 8 sa 11, u 20(4) u (5))

(ara l-punti 51, 52, 55, 56, u d-dispożittiv)


Sunt

Applikant għal protezzjoni internazzjonali ħati ta’ ksur gravi tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni li fih huwa jintlaqa’ jew ta’ aġir partikolarment vjolenti ma jistax jiġi ssanzjonat bl-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fir-rigward tal-akkomodazzjoni, tal-ikel jew tal-ħwejjeġ

Fis-sentenza Haqbin (C‑233/18), mogħtija fit‑12 ta’ Novembru 2019, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba dwar il-portata tad-dritt mogħti mill-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 (1) lill-Istati Membri li jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun ħati ta’ ksur gravi tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni li fih huwa jintlaqa’ jew ta’ aġir partikolarment vjolenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma tippermettix lill-Istati Membri jimponu f’dawn il-każijiet sanzjoni li tikkonsisti fl-irtirar, anki b’mod temporanju, tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fir-rigward tal-akkomodazzjoni, tal-ikel jew tal-ħwejjeġ.

Z. Haqbin huwa ċittadin Afgan li wasal fil-Belġju bħala minuri mhux akkumpanjat. Wara li ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, huwa ntlaqa’ f’ċentru ta’ akkoljenza. F’dan iċ-ċentru huwa kien involut fi ġlieda bejn residenti ta’ oriġini etniċi diversi. Wara dawn l-avvenimenti, id-Direttur taċ-Ċentru ta’ Akkoljenza ddeċieda li jeskludih, għal perijodu ta’ ħmistax‑il jum, mill-benefiċċju tal-għajnuna materjali fi struttura ta’ akkoljenza. Matul dan il-perijodu ta’ esklużjoni, Z. Haqbin, skont l-indikazzjonijiet tiegħu stess, għadda l-iljieli f’park fi Brussell u għand ħbieb.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju, adita b’appell ta’ Z. Haqbin kontra s-sentenza tal-ewwel istanza li ċaħdet ir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ esklużjoni, għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà għall-awtoritajiet Belġjani li jirtiraw jew li jillimitaw il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fis-sitwazzjoni ta’ Z. Haqbin. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ dan tal-aħħar, qamet il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi imposta tali sanzjoni fuq minuri mhux akkumpanjat.

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 jistgħu, bħala prinċipju, jirrigwardaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. Madankollu, konformement mal-Artikolu 20(5) tal-istess direttiva, tali sanzjonijiet għandhom ikunu oġġettivi, imparzjali, motivati u proporzjonati għas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant, u għandhom, f’kull ċirkustanza, jippreżervaw livell tal-għajxien dinjituż.

Issa, l-irtirar, anki temporanju, tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza kollha jew tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza relatati mal-akkomodazzjoni, mal-ikel jew mal-ħwejjeġ ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-obbligu li jiġi żgurat livell tal-għajxien dinjituż għall-applikant. Fil-fatt, tali sanzjoni ċċaħħdu mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu. Barra minn hekk hija tinjora r-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw livell ta’ għajxien dinjituż b’mod permanenti u mingħajr interruzzjoni u li l-awtoritajiet li huma responsabbli għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jiżguraw, b’mod sorveljat u taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza sabiex dan il-livell ta’ għajxien jiġi żgurat. Għaldaqstant dawn ma jistgħux sempliċement, kif irrilevaw l-awtoritajiet kompetenti Belġjani, jagħtu lill-applikant eskluż lista ta’ ċentri privati għall-persuni mingħajr saqaf fuq rashom li jistgħu jilqgħuh.

Fir-rigward ta’ sanzjoni li tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, bħal irtirar jew limitazzjoni tal-allowance ta’ kuljum, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiżguraw f’kull ċirkustanza li tali sanzjoni tkun, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma tippreġudikax id-dinjità ta’ dan l-applikant. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-Istati Membri jistgħu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, jipprevedu miżuri oħra minbarra dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, bħaż-żamma tal-applikant f’parti separata taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni jew it-trasferiment tiegħu lejn ċentru ta’ akkomodazzjoni ieħor. Barra minn hekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jqiegħdu lill-applikant f’detenzjoni, bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva.

Meta l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat, u għalhekk persuna vulnerabbli fis-sens tad-Direttiva 2013/33, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, meta jadottaw sanzjonijiet skont l-Artikolu 20(4) tagħha, jieħdu iktar inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-minuri kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dawn is-sanzjonijiet għandhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġu adottati billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aħjar interess tat-tfal. Barra minn hekk, id-Direttiva 2013/33 ma tipprekludix lil dawn l-awtoritajiet milli jiddeċiedu li jafdaw lill-minuri lis-servizzi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni taż-żgħażagħ.


1      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).