Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2021 minn Fakro sp. z o.o. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-515/18, Fakro vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-149/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellant: Fakro sp. z o.o (rappreżentanti: A. Radkowiak-Macuda u Z. Kiedacz, radcy prawni)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, jiġiferi l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza;

tagħti deċiżjoni finali għall-kawża u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet prinċipali, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 105(1) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u dan billi aċċettat li:

il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta qieset li l-interess tal-Unjoni li jsir eżami ulterjuri tal-każ kien baxx u meta ċaħdet l-ilment fuq il-bażi li huwa ta’ prijorità baxxa. Dan l-aggravju jinqasam f’erba’ lmenti speċifiċi li jirrigwardaw żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali billi aċċettat li: (i) il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta ddeċidiet li teżisti biss possibbiltà limitata li l-eżistenza tal-allegat ksur tiġi stabbilita, (ii) il-Kumissjoni ma wettqitx żball manifest meta ddeċidiet li l-portata tal-investigazzjoni neċessarja hija sproporzjonata għall-possibbiltà li l-eżistenza tal-allegat ksur tiġi stabbilita, (iii) il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest meta ma wiżnitx l-effett tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq intern, u li (iv) kundizzjonijiet oħra għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni għajr dawk adottati mill-Kummissjoni huma inammissibbli;

żewġ kanali ta’ distribuzzjoni ta’ tamboċċi (bejgħ għal investiment jew bejgħ ieħor) ma jikkostitwixxux provvisti ekwivalenti.

Permezz tat-tieni aggravju, li jinqasam f’żewġ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iktar ’il quddiem il-“Karta”), flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (Artikolu 47 tal-Karta) kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE minħabba l-interpretazzjoni żbaljata min-naħa tagħha fejn hija aċċettat li:

it-tul tal-proċeduraimenti quddiem il-Kummissjoni u n-nuqqas ta’ għoti ta’ deċiżjoni fuq il-mertu ma kellux effett fuq il-possibbiltà li Farko tasserixxi d-drittijiet fundamentali tagħha;

f’dan il-każ il-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u, konsegwentement, aċċettat li l-istabbiliment ta’ nuqqas ta’ interess tal-Unjoni li l-kawża tinstema’ ma kienx ibbażat fuq raġunijiet diskriminatorji.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt fil-forma ta’ effett utli (effet utile) tal-Artikolu 102 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE, mal-Artikolu 105 TUE, mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi aċċettat li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza esklużiva sabiex tmexxi l-proċedura, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tanalizza s-sitwazzjoni ta’ Fakro fir-rigward tal-possibbiltà effettiva ta’ investigazzjoni, minnha, tad-drittijiet koperti mill-ilment lill-Kummissjoni, filwaqt li Fakro, sabiex tasserixxi d-drittijiet tagħha kienet obbligata tibda, b’mod parallel mal-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni, azzjonijiet legali quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u quddiem il-qrati fit-territorji tal-Istati Membri ta’ fejn twettqu l-ksur ikkontestat.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE permezz tal-interpretazzjoni żbaljata tagħha u billi aċċettat li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu li tagħti motivazzjoni xierqa fil-kuntest ta’ ditti f’kompetizzjoni u tnaqqis fuq l-investiment.

____________