Language of document : ECLI:EU:T:2013:469

Kawża T‑378/10

Masco Corp. et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Ksur uniku”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

1.      Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Akkordju globali — Kriterji — Għan uniku — Modalitajiet tat-twettiq tal-ksur — Assenza ta’ effett

(Artikolu 101(1) TFUE)

2.      Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża minħabba parteċipazzjoni fi ksur meqjus fl-intier tiegħu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE)

3.      Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Klassifikazzjoni ta’ ksur uniku — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 101(1) TFUE)

1.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn ftehimiet jew minn prattiki miftiehma li huma iżolati u li għandhom jiġu ppenalizzati bħala diversi ksur separati, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, b’tali mod li l-komponenti tagħhom jistgħu, ġustament, jiġu kkunsidrati bħala li huma elementi kostituttivi ta’ ksur uniku.

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma inkwistjoni, għalkemm jirrigwardaw oġġetti, servizzi jew territorji separati, jifformaw parti minn pjan ġenerali implementat intenzjonalment mill-impriżi kkonċernati għat-twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku. Rabtiet ta’ komplementarjetà bejn ftehimiet jew prattiki miftiehma jikkostitwixxu indikazzjonijiet oġġettivi tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali. Il-Kummissjoni hija obbligata li teżamina l-punti kollha ta’ fatt li jistgħu jistabbilixxu jew jikkontestaw dan il-pjan ġenerali.

Il-Kummissjoni ma twettaq l-ebda żball ta’ liġi meta tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku abbażi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali segwit mill-impriżi kkonċernati, pjan li l-uniku għan tiegħu huwa li jippermetti li l-manifatturi tat-tliet sottogruppi ta’ prodotti komplementari jikkoordinaw, fil-qafas tal-istess sistema ta’ distribuzzjoni fuq tliet livelli, iż-żidiet fil-prezzijiet li huma jiffatturaw lill-grossisti li kienu l-klijenti komuni tagħhom u li għandhom setgħa ta’ negozjar importanti.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-allegata assenza ta’ identità tal-impriżi li jipparteċipaw fil-prattiki illegali. Fil-fatt, din l-identità ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-eżistenza tal-ksur bħala tali iżda biss indizju fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali jew ta’ ksur distint. Barra minn hekk, il-fatt li l-impriżi kkonċernati jipprovdu prodotti li jaqgħu taħt swieq distinti u li ma humiex sostitwibbli ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ ksur uniku. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ksur tippreżumi, skont id-definizzjoni, id-diversità ta’ prodotti jew territorji affettwati mill-aġir antikompetittiv. L-istess jgħodd għall-fatt li l-prattiki illegali kienu bdew f’dati differenti, skont l-Istati Membri u s-sottogruppi ta’ prodotti kkonċernati peress li kien jeżisti numru ta’ koinċidenzi materjali, ġeografiċi u ratione temporis bejn il-prattiki illegali li jirrigwardaw il-prodotti inkwistjoni.

(ara l-punti 21-23, 29, 32, 59, 67, 79)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għan uniki komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illegali previst jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħaq l-istess għan, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa lil impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi ksur uniku u, konsegwentement, tal-imsemmi ksur fl-intier tiegħu, biss meta jiġi stabbilit li din l-impriża pparteċipat direttament f’dan l-aġir kollu jew meta jiġi stabbilit li pparteċipat biss f’parti minnu, iżda kienet taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju.

Il-Kummissjoni ma twettaq l-ebda żball ta’ liġi meta tikkunsidra li s-sempliċi fatt li kull parteċipant jista’ jkollu rwol adattat għal każ partikolari tiegħu ma jeskludix il-fatt li huwa responsabbli għall-ksur fl-intier tiegħu, meta l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra jew setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju.

(ara l-punti 24-26, 28, 29)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 57)