Language of document : ECLI:EU:T:2012:242

Kawża T-344/08

EnBW Energie Baden-Württemberg AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Fajl amministrattiv ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Tfittxija ta’ interess personali mill-applikant — Assenza ta’ effett fuq id-dritt għal aċċess

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Deroga mill-obbligu ta’ eżami — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Portata — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4; Regolamenti tal-Kunsill Nru 659/1999 u Nru 1/2003)

5.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata — Esklużjoni tal-obbligu — Possibbiltà ta’ eżami skont il-kategoriji ta’ dokumenti — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

6.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eżami li jirriżulta partikolarment oneruż u inopportun — Deroga mill-obbligu ta’ eżami — Portata limitata — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-istituzzjoni — Obbligu tal-istituzzjoni li tiftiehem mal-applikant

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4, 7 (3) u 8 (2))

7.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Applikazzjoni ratione temporis — Possibbiltà ta’ applikazzjoni wara l-għeluq ta’ dawn l-attivitajiet — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81 KE, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

8.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Portata — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

9.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt taʼ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna determinata — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

10.    Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Interpretazzjoni awtonoma fid-dawl tad-dritt ta’ aċċess previst mir-Regolament Nru 1/2003 fil-kawżi ta’ kompetizzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li twettaq, wara l-eżami ta’ kawża ta’ kompetizzjoni, eżami ġdid tal-applikazzjoni għal aċċess ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

11.    Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

1.      L-obbligu ta’ istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija f’kull applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jikkostitwixxi soluzzjoni ta’ prinċipju, li għandha tapplika indipendentement mill-qasam li jkunu relatati miegħu d-dokumenti mitluba, anki jekk din is-soluzzjoni ta’ prinċipju ma tfissirx li tali eżami huwa rikjest fiċ-ċirkustanzi kollha.

Konsegwentement, l-eżami ta’ ksur potenzjali ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi stadju preliminari tal-eżami tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni għandha fi kwalunkwe każ tistħarreġ, fil-kuntest tal-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk il-Kummissjoni wettqitx eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba, jew jekk stabbilixxietx li d-dokumenti rrifjutati kienu koperti interament minn eċċezzjoni.

(ara l-punti 28, 29)

2.      L-interess personali li jista’ jfittex l-applikant permezz tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess huwa kriterju totalment estranju għar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, b’tali mod li ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni jew li twettaq suppożizzjonijiet f’dan ir-rigward, u lanqas li tislet minnhom konklużjonijiet dwar l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

(ara l-punt 36)

3.      Id-derogi mill-obbligu ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba minn istituzzjoni abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jistgħu jiġu previsti fi tliet każijiet. Dan jiġri, fl-ewwel lok, fil-każ fejn ikun ċar li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat jew għall-kuntrarju, mogħti. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti jkunu koperti b’mod manifest fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, għall-kuntrarju, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, fl-aħħar nett, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili. L-istituzzjonijiet jistgħu wkoll, sabiex jispjegaw kif l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura. Fit-tieni lok, l-istess ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata għal dokumenti li jappartjenu għall-istess kategorija, u dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni, il-kriterju komuni tad-dokumenti inkwistjoni għaldaqstant jirrigwarda l-kontenut tagħhom. Hija mbagħad il-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-eċċezzjoni invokata tkoprix manifestament u fl-intier tagħhom id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

Fit-tielet lok, eċċezzjonalment u unikament meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta li huwa partikolarment tqil, u b’hekk jeċċedi l-limiti ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest, tista’ tiġi ammessa deroga għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

(ara l-punti 45-47)

4.      Għalkemm, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti ppreżentata skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-istituzzjoni kkonċernata tista’, bil-għan li tirrifjuta tali aċċess, tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti u li jistgħu jkunu bbażati fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ aċċess għall-fajl ta’ proċedura partikolari, xorta jibqaʼ l-fatt li tali sistemi, indipendentement minn jekk ikunux fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jew fil-qasam tal-akkordji, huma applikabbli biss matul il-perijodu tal-proċedura inkwistjoni, u mhux għal sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni tkun diġà adottat deċiżjoni finali li tagħlaq il-fajl li jkun intalab aċċess għalih. Barra minn hekk, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl eżistenti fil-kuntest ta’ proċeduri partikolari, bħall-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u fil-qasam tal-kompetizzjoni, tali teħid inkunsiderazzjoni ma jippermettix li jiġi preżunt li d-dokumenti kollha li jkunu jinsabu fil-fajls tagħha f’dan il-qasam huma awtomatikament koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1409/2001 u dan sabiex ma tiġix affettwata l-kapaċità tal-Kummissjoni li trażżan l-akkordji.

(ara l-punti 55, 57, 61)

5.      Fil-qasam tad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti, l-istess ġustifikazzjoni għar-rifjut ta’ tali aċċess tista’ tiġi applikata fir-rigward tad-dokumenti li jkunu jaqgħu taħt l-istess kategorija, partikolarment jekk ikun fihom l-istess tip ta’ informazzjoni. Madankollu, eżami fuq bażi ta’ dokument b’dokument huwa fi kwalunkwe każ neċessarju bil-għan li jitwettaq l-eżami obbligatorju skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ta’ aċċess parzjali eventwali għad-dokumenti mitluba. Għaldaqstant, huwa biss fl-ipoteżi fejn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess tkun tkopri manifestament u interament id-dokumenti li jkunu jaqgħu taħt kategorija li l-istituzzjoni tista’ teżenta ruħha minn eżami individwali ta’ dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, il-kategoriji ta’ dokumenti fformati mill-istituzzjoni inkwistjoni għandhom jiġu ddefiniti skont informazzjoni inkluża fid-dokumenti. Għaldaqstant, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dokumenti li jaqgħu taħt kategorija jkunu jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni, li r-rifjut tal-iżvelar ta’ grupp sħiħ ta’ dokumenti jista’ jkun is-suġġett tal-istess ġustifikazzjoni. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ gruppi ta’ dokumenti tiffaċilita jew tissemplifika l-kompitu tal-Kummissjoni fl-eżami tal-applikazzjoni u l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

Minn dan jirriżulta li l-fatt li eżami fir-rigward ta’ kategoriji huwa ta’ natura utli għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal aċċess huwa kundizzjoni tal-legalità ta’ tali eżami. Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-kategoriji tad-dokumenti għandha ssir skont kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tapplika raġunament komuni għad-dokumenti kollha inklużi f’kategorija.

(ara l-punti 64-67, 76, 79, 85)

6.      Sa fejn id-dritt għall-aċċess tad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jammonta għal soluzzjoni li għandha tkun applikata fil-prinċipju, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tinvoka eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu. Fir-rigward tal-piż ta’ xogħol neċessarju sabiex tiġi pproċessata applikazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu ma huwiex fil-prinċipju rilevanti sabiex jirregola l-portata tad-dritt ta’ aċċess. Barra minn hekk, il-piż ta’ xogħol neċessarju sabiex jitwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni jiddependi mhux biss min-numru ta’ dokumenti msemmija fl-applikazzjoni u mill-volum tagħhom iżda wkoll min-natura tagħhom. Għaldaqstant, in-neċessità li jitwettaq eżami konkret u individwali ta’ għadd kbir ħafna ta’ dokumenti bl-ebda mod ma tagħti indikazzjoni, fiha nnifisha, tal-piż ta’ xogħol neċessarju sabiex tiġi pproċessata applikazzjoni għal aċċess peress li l-imsemmi piż ta’ xogħol jiddependi wkoll mid-dettall meħtieġ minn dan l-eżami.

Barra minn hekk, meta l-istituzzjoni tkun ipproduċiet il-prova tan-natura irraġonevoli tal-oneru amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, hija għandha l-obbligu li tipprova tiftiehem mal-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b’mod konkret il-possibbiltajiet li għandha għall-adozzjoni ta’ miżura inqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. Peress li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti jirrappreżenta l-prinċipju, l-istituzzjoni tibqa’ madankollu marbuta, f’dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ raġonevolment jiġi rikjest, tkun l-iktar waħda favorevoli għad-dritt ta’ aċċess għall-applikant. Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista’ teżenta ruħha minn kwalunkwe eżami konkret u individwali biss wara li tkun verament studjat il-possibbiltajiet l-oħra kollha u wara li tkun spjegat fid-dettall, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi possibbiltajiet kienu jinvolvu, huma wkoll, piż ta’ xogħol irraġonevoli.

(ara l-punti 100-102, 105, 106)

7.      Mill-formulazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirriżulta li din tal-aħħar ma hijiex intiża sabiex tipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-attivitajiet, li jikkonsisti, fil-każ ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, fil-verifika ta’ jekk twettaqx ksur tal-Artikolu 81 KE u, skont il-każ, is-sanzjoni li għandha tingħata lill-kumpanniji responsabbli. Huwa għal din ir-raġuni li d-dokumenti tal-fajl li jirrigwardaw id-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni sakemm dan l-għan ikun għadu ma ntlaħaqx, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess tkun intemmet.

Madankollu, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni f’kawża speċifika għandhom jitqiesu bħala mitmuma bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni annullament eventwali ulterjuri ta’ din tal-aħħar mill-qrati, peress li huwa f’dan il-mument li l-istituzzjoni inkwistjoni stess tkun qieset il-proċedura bħala mitmuma.

Fil-fatt, l-ammissjoni li d-diversi dokumenti relatati ma’ attivitajiet ta’ investigazzjoni huma koperti mill-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sakemm l-iżviluppi kollha possibbli tal-proċedura inkwistjoni jkunu ġew deċiżi, anki fil-każ fejn jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li eventwalment iwassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni, tissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avvenimenti inċerti, jiġifieri għar-riżultat tal-imsemmi rikors u l-konsegwenzi li l-Kummissjoni tista’ tislet minnu. Fi kwalunkwe każ, dawn huma avvenimenti futuri u inċerti li jiddependu fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni li tissanzjona akkordju u ta’ dawk tad-diversi awtoritajiet ikkonċernati.

Din is-soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija lill-pubbliku tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

(ara l-punti 116, 119-121)

8.      Fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, il-kunċett ta’ għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li għandu portata ġenerali, b’mod li jinkludi l-politika tal-Kummissjoni kemm dwar it-trażżin kif ukoll dwar il-prevenzjoni tal-akkordji. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun tippermetti lill-Kummissjoni teskludi mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, mingħajr limitu temporali, kull dokument inkluż f’fajl fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba s-sempliċi riferiment għall-possibbiltà ta’ preġudizzju fil-futur għall-programm ta’ klemenza tagħha. F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi li l-Kummissjoni hija mħassba dwarhom fir-rigward tal-programm tagħha ta’ klemenza jiddependu fuq diversi fatturi inċerti, fosthom, b’mod partikolari, l-użu li l-partijiet milquta b’mod negattiv minn akkordju jagħmlu mid-dokumenti miksuba, il-livell ta’ suċċess ta’ kawżi eventwali għad-danni ippreżentati minnhom, l-ammonti li jingħataw lilhom mill-qrati nazzjonali kif ukoll ir-reazzjonijiet futuri tal-impriżi li jipparteċipaw f’akkordji.

Għaldaqstant, l-interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-kunċett ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju li jipprovdi li, minħabba l-għan tal-imsemmi regolament intiż, b’konformità mal-premessa 4 tiegħu, li jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

F’dan ir-rigward, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1049/2001 li jippermetti li jitqies li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tibbenefika, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minn trattament differenti minn dak għal politiki oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jinterpreta l-kunċett ta’ għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni b’mod differenti fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni milli fil-politiki oħra tal-Unjoni.

Barra minn hekk, il-programmi ta’ klemenza u ta’ kooperazzjoni li l-Kummissjoni tfittex li tipproteġi l-effikaċja tagħhom ma humiex l-uniċi modi ta’ kif tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kawżi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni.

(ara l-punti 123, 125-128)

9.      Kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata għall-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ħlief biex iżżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. Minkejja l-fatt li kawżi għad-danni kontra kumpannija jistgħu mingħajr dubju jwasslu għal spejjeż elevati, anki jekk dawn ikunu biss fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukati u anki fl-eventwalità fejn azzjonijiet bħal dawn jiġu miċħuda iktar tard bħala infondati, xorta jibqa’ l-fatt li l-interess ta’ kumpannija li tkun ipparteċipat f’akkordju, li tevita kawżi bħal dawn, ma jikkwalifikax bħala interess kummerċjali u, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxix interess li għandu jiġi protett, partikolarment fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna sabiex titlob kumpens għad-danni li jista’ jikkawżalha aġir li jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 134, 148)

10.    Id-drittijiet tad-difiża bħala drittijiet speċifiċi u li jaqgħu taħt id-drittijiet fundamentali tal-impriżi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, jagħtu lok, unikament għall-finijiet speċifiċi, għal aċċess għal dokumenti speċifiċi li minnu huma esklużi biss id-dokumenti interni tal-istituzzjoni, is-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħra u informazzjoni kunfidenzjali oħra. Għall-kuntrarju, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bħala dritt ġenerali, potenzjalment jagħti lok, mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal-użu tad-dokumenti miksuba, għal aċċess għad-dokumenti kollha fil-pussess tal-istituzzjonijiet, fejn dan l-aċċess jista’ jiġi rrifjutat għal sensiela ta’ raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-fatt li l-Kummissjoni diġà evalwat sa liema punt hija setgħet tagħti aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl relatat ma’ kawża ta’ kompetizzjoni, fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl skont id-drittijiet tad-difiża, jew sa liema punt din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata, fil-kuntest tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċedura li tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni, ma jistax jeżentaha minn eżami ġdid ta’ dawn il-kwistjonijiet, fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mad-dritt ta’ aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

Anki jekk ma jistax ikun il-każ li tiġi applikata regola stretta li tipprovdi li l-informazzjoni kollha relatata ma’ fatti li għandhom ċertu żmien għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma jaffettwawx iktar l-interessi kummerċjali tal-kumpannija li huma marbuta magħha, il-fatt li l-informazzjoni inkwistjoni jkollha ċertu żmien iżid il-probabbiltà li l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati ma jibqgħux iktar affettwati sal-punt li tkun iġġustifikata l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ trasparenza espressa fir-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, il-fatt li l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpanniji inkwistjoni kienet tkopri perijodu ta’ sittax-il sena, jista’ jobbliga lill-Kummissjoni twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba fid-dawl tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Bl-istess mod, il-fatt innifsu li kien iddekorra perijodu ta’ iktar minn sentejn bejn l-aċċess għall-fajl mogħti skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huwa suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata twettaq eżami ġdid tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

(ara l-punti 142, 145, 146)

11.    L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jikkonċerna l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, jagħmel distinzjoni ċara bejn il-każ fejn il-proċedura tkun ingħalqet u dak fejn ma tkunx. Għalhekk, huwa biss għal parti waħda mid-dokumenti għall-użu intern, jiġifieri dawn li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fejn l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, ladarba d-deċiżjoni tkun adottata, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali huma inqas akuti, b’mod li l-iżvelar ta’ kull dokument minbarra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jista’ qatt jippreġudika l-imsemmi proċess u r-rifjut ta’ żvelar ta’ tali dokument ma jistax jiġi awtorizzat, minkejja li l-iżvelar tiegħu kien jippreġudika b’mod gravi dan il-proċess kieku seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 152-154)