Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Awissu 2008 - Batchelor vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-342/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Edward William Batchelor (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: F. Young, Solicitor, A. Barav, Barrister u D. Reymond, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni negattiva impliċita li, skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta' Aċċess, hija meqjusa li ngħatat mill-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta' Ġunju 2008, id-deċiżjoni negattiva espliċita SG/E/3/HP/cr D(2008)5545, mogħtija mill-Kummissjoni fit-3 ta' Lulju 2008, u d-deċiżjoni negattiva espliċita SG/E/3/EV/psi D(2008)6636, mogħtija mill-Kummissjoni fis-7 ta' Lulju 2008, dwar talba għal aċċess għal dokumenti mressqa skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p.43);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż inkorsi mir-rikorrent f'din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230(4) KE ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni negattiva impliċita tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2008 u kontra d-deċiżjonijiet negattivi espliċiti SG/E/3/HP/cr D(2008)5545 tat-3 ta' Lulju 2008 u SG/E/3/EV/psi D(2008)6636 tas-7 ta' Awwissu 2008, mogħtija skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/20011 (ir-"Regolament ta' Aċċess"), li permezz tagħhom il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrent għal aċċess għal dokumenti dwar in-notifika ta' miżuri taħt l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni2, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/35/KE tat-30 ta' Ġunju 19973.

Ir-rikorrent jikkontendi li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet adegwati u suffiċjenti li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti mitluba, jammonta għal ksur ta' l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta' Aċċess u li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali, kif previst fl-Artikolu 230(2) KE.

Ir-rikorrent isostni wkoll li, billi żbaljatament ibbażat ruħha fuq l-eċċezzjonijiet permissibbli sabiex tiċħad l-aċċess għad-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 255 KE u l-Artikoli 1(a), 2(1) u (3), 4(1) sa (6) tar-Regolament ta' Aċċess u li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tat-Trattat u ta' kull regola ta' liġi konnessa ma' l-applikazzjoni tiegħu, kif previst fl-Artikolu 230(2) KE.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p. 43)

2 - ĠU 1989 L 298, p. 23

3 - ĠU 1997 L 202, p. 60