Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Awwissu 2008 - Arkema France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-343/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Arkema France (Colombes, Franza) (rappreżentanti: A. Winckler, S. Sorinas Jimeno u H. Kanellopoulos, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-11 ta' Ġunju 2008 fil-każ COMP/38.695 sa fejn din tikkonċerna lil Arkema;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas, fuq il-bażi tal-Artikolu 229 KE, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz ta' din id-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 2626 finali, tal-11 ta' Ġunju 2008, fil-każ COMP/38.695 - Klorat tas-sodju, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea meta qasmu bejniethom volumi ta' bejgħ, iffissaw prezzijiet, għaddew lil xulxin informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezzijiet u l-volumi tal-bejgħ u ssorveljaw l-eżekuzzjoni ta' dawn l-arranġamenti antikompetittivi fis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi bbażati fuq:

ksur ta' regoli dwar l-imputabbiltà ta' ksur magħmul minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, inkwantu l-Kummissjoni allegatament għamlet żbalji ta' fatt meta kkunsidrat li Elf Aquitaine kellha influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tar-rikorrenti;

ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipji tal-proporzjonalità, tan-ne bis in idem, tat-trattament ugwali u tal-amminstrazzjoni tajba, peress li l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti ġie miżjud b'90% minħabba ksur ripetut;

stima baxxa tal-valur tal-informazzjoni mressqa mir-rikorrenti skont l-avviż dwar il-klemenza tal-20021, inkwantu r-rikorrenti setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta' minn 30 sa 50 %; u

żbalji ta' liġi u ta' fatt kif ukoll ksur tal-prinċipji tal-amminstrazzjoni tajba, tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali, peress li l-Kummissjoni ma naqsitx l-ammont tal-multa tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3).