Language of document : ECLI:EU:T:2004:189

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

22 ta' Ġunju 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Oppożizzjoni – Probabbiltà ta' konfużjoni – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja verbali PICARO – Trade mark verbali preċedenti PICASSO"

Fil-kawża T-185/02,

Claude Ruiz-Picasso, residenti f'Pariġi (Franza),

Paloma Ruiz-Picasso, residenti f'Londra (ir-Renju Unit),

Maya Widmaier-Picasso, residenti f'Pariġi,

Marina Ruiz-Picasso, residenti f'Ġinevra (l-Isvizzera),

Bernard Ruiz-Picasso, residenti f'Pariġi,

irrappreżentati minn C. Gielen, advocaat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider u U. Pfleghar, bħala aġenti,

konvenut,

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

DaimlerChrysler AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Völker, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-18 ta' Marzu 2002 (każ R 0247/2001-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn "l-aventi kawża Picasso" u DaimlerChrysler AG,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Novembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-11 ta' Settembru 1998, l-intervenjenti ppreżentat lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, fil-Ġermaniż, taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbal PICARO.

3       Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 12 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Karozzi u l-partijiet tagħhom, omnibusijiet".

4       Fil-25 ta' Mejju 1999, l-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji.

5       Fid-19 ta' Awwissu 1999, l-aventi kawża Picasso, komproprjetà fis-sens ta' l-Artikoli 815 et seq tal-Kodiċi Ċivili Franċiż li l-komproprjetarji tagħha huma r-rikorrenti, għamlet oppożizzjoni taħt l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fir-rigward tal-kategoriji kollha ta' prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Il-motiv invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trade mark Komunitarja Nru. 614 867, li tagħha l-aventi kawża Picasso hija l-proprjetarja (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti"). It-trade mark preċedenti, jiġifieri s-sinjal verbali PICASSO, kienet ġiet ippreżentata fl-1 ta' Awwissu 1997 u rreġistrata fis-26 ta' April 1999 fir-rigward ta' prodotti li jaqgħu fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Vetturi, apparat għal-lokomozzjoni bl-art, arja, jew ilma, karozzi, karozzi tal-linja, trakkijiet, vannijiet, karavani u trejlers".

6       Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Jannar 2001, id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

7       Fis-7 ta' Marzu 2001, l-aventi kawża Picasso ressqet rikors quddiem l-UASI taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 intiż biex jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u biex tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal trade mark.

8       Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Marzu 2002, innotifikata lir-rikorrenti fis-17 ta' April 2002 (każ R 247/2001-3, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad ir-rikors. Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appell qies li, fid-dawl tal-livell għoli ta' attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, it-trade marks in kwistjoni ma kinux simili la mill-aspett fonetiku u lanqas mill-aspett viżiv. Barra minn hekk, il-Bord qies li l-impatt kunċettwali tat-trade mark preċedenti kien ta' natura tali li jġib fix-xejn kull xebh fonetiku u/jew viżiv bejn it-trade marks in kwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9       Permezz ta' rikors bl-Ingliż li ġie ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Ġunju 2002, ir-rikorrenti, taħt l-isem kollettiv "aventi kawża Picasso", ressqu dan ir-rikors.

10     Minħabba li l-intervenjenti, fit-terminu stabbilit mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza għal dan il-għan, opponiet li l-Ingliż isir il-lingwa tal-kawża, il-Ġermaniż, bħala l-lingwa li fiha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, intgħażel bħala l-lingwa tal-kawża, u dan skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

11     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi domandi lir-rikorrenti u lill-UASI, li ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għal dawn id-domandi fit-terminu mogħti għal dan il-għan.

12     Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-11 ta' Novembru 2003.

13     Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tilqa' l-oppożizzjoni u tiċħad l-applikazzjoni għat-trade mark;

–       tikkundanna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż.

14     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

15     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

16     L-intervenjenti ssostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li l-aventi kawża Picasso la hi persuna fiżika u lanqas ma hi persuna ġuridika. Ir-rikors ma jindikax x'tip ta' persuna ġuridika hija din l-entità u din l-entità ma hemżet l-ebda prova ta' l-eżistenza ġuridika tagħha mar-rikors, kuntrarjament għal dak li jitlob l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

17     Bi tweġiba għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti indikaw li komproprjetà fis-sens ta' l-Artikoli 815 et seq tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, minkejja li m'għandhiex personalità ġuridika, hija entità indipendenti mill-membri tagħha u tista' tkun kreditriċi jew debitriċi u għandha dritt li tirrikorri għal proċedimenti legali. Alternattivament, ir-rikorrenti ddikjaraw li r-rikors għandu jitqies bħala li kien ġie mressaq f'isem il-ħames komproprjetarji. Barra minn hekk, ġew ippreżentati dikjarazzjonijiet fejn is-Sinjur Claude Ruiz-Picasso ingħata l-mandat biex iwettaq, f'isem l-erba' suċċessuri l-oħra, l-atti kollha intiżi biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tax-xogħol u l-isem ta' Pablo Picasso.

18     L-UASI esponiet li l-aventi kawża Picasso kienet reġistrata, fir-reġistru tat-trade marks Komunitarja, bħala l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti u li, għaldaqstant, hija kellha locus standi fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni taħt id-dispożizzjonijiet, meħudin flimkien, ta' l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u ta' l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19     Biex jippruvaw il-kapaċità ta' l-aventi kawża Picasso li tirrikorri għal proċedimenti legali bħala entità indipendenti mill-membri tagħha, ir-rikorrenti rreferew biss għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 815 et seq tal-Kodiċi Ċivili Franċiż. Meta ġew mitluba mill-Qorti tal-Prim'Istanza biex jissupplimentaw l-indikazzjonijiet tagħhom dwar dan il-punt u biex jipprovdu, skond l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-prova ta' l-eżistenza ġuridika ta' din l-entità, kull ma għamlu hu li rreferew mill-ġdid għall-Artikoli 815 et seq tal-Kodiċi Ċivili Franċiż. Minflok ma ppreżentaw provi addizzjonali li jistgħu jippruvaw, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-awtonomija u r-responsabbiltà, anki jekk limitata, ta' l-aventi kawża Picaso, u minflok ma pprovdew il-prova li l-mandat ta' l-avukat tagħhom kien ġie mogħti kif inhu xieraq minn rappreżentant ta' din l-entità awtorizzat għal dan l-iskop, il-komproprjetarji pprovdew, b'mod alternattiv, l-indirizz tagħhom, is-setgħat li erba' minnhom taw lil Claude Ruiz-Picasso, kif ukoll il-mandat maħruġ minn dan ta' l-aħħar.

20     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-aventi kawża Picasso kienet ġiet reġistrata bħala proprjetarja tat-trade mark preċedenti u li, bħala tali, hija pparteċipat fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni u fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors imressaq f'isimha jitqies bħala li jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

21     Kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, dan ma jfissirx li r-rikors huwa inammissibbli. Fil-fatt, il-kliem "aventi kawża Picasso" jirreferu b'mod kollettiv għall-ħames komproprjetarji li, bħala persuni fiżiċi, mhumiex suġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jitqies bħala mressaq mill-ħames komproprjetarji.

22     Il-fatt li l-komproprjetarji għażlu li jressqu dan ir-rikors billi jużaw l-isem kollettiv "aventi kawża Picasso" ma jolqotx l-ammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, m'hemm l-ebda dubju dwar l-identità tal-persuni li qegħdin jaġixxu taħt dan l-isem kollettiv. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża, l-ebda interess leġittimu tal-partijiet l-oħra fil-kawża ma jipprekludi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tirrettifika, ex officio, l-isem tar-rikorrenti għall-finijiet ta' din is-sentenza.

 Fuq il-mertu

23     Ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi in sostenn tar-rikors tagħhom, ibbażati, minn naħa, fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta' rispett tal-prinċipji proċedurali stabbiliti fl-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, f'dak li l-Bord ta' l-Appell ma rrispettax il-limiti tal-kontroversja bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni. It-tieni motiv għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' prinċipji proċedurali, fis-sens li l-Bord ta' l-Appell ma rrispettatx il-limiti tal-kontroversja bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

24     Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjoni dwar il-livell għoli ta' attenzjoni tal-pubbliku rilevanti fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll is-suppożizzjonijiet dwar l-impatt tat-trade mark preċedenti fuq is-suq u l-perċezzjoni ta' din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti, li jinstabu fil-punti 19 sa 21 ta' din id-deċiżjoni, m'huma bbażati fuq l-ebda prova ppreżentata mill-partijiet fil-proċedura ta' oppożizzjoni. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma kellux dritt jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq preżunzjonijiet u suppożizzjonijiet li ma kinux ġew invokati mill-partijiet.

25     L-UASI jwieġeb li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq fatti li introduċa ex officio fil-proċedura. Għall-kuntrarju, skond l-UASI, il-Bord ta' l-Appell għamel, b'mod rilevanti, evalwazzjoni ġuridika ta' fatti magħrufa li fuqhom kienet diġà bbażat id-deċiżjoni tagħha id-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni.

26     L-intervenjenti jidhrilha li l-UASI kellu dritt jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq fatti magħrufa, anki jekk dawn ma kinux ġew invokati minn waħda mill-partijiet fil-proċedura. Skond l-intervenjenti, il-fatt li l-vetturi huma prodotti mibjugħa bi prezzijiet għoljin kif ukoll il-fatt li, meta tiġi biex tinxtara vettura, numru partikolarment għoli ta' fatturi jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-konsumatur huma fatti magħrufa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

27     Skond l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, "fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-[UASI] għandu jkun ristrett għal [eżami] ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba".

28     Din id-dispożizzjoni tillimita l-eżami magħmul mill-UASI minn żewġ aspetti. Hija tkopri, minn naħa, il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta' l-UASI, jiġifieri l-fatti u l-provi li fuqhom dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati b'mod validu [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marin (Chef), T-232/00, Ġabra p. II-2749, punt 45], u, min-naħa l-oħra, il-bażi ġuridika ta' dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li l-awtorità aġġudikatriċi kkonċernata għandha tapplika. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell, meta jiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni li għalqet proċedimenti ta' oppożizzjoni, jista' biss jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq dawk ir-raġunijiet relattivi għal rifjut li ġew invokati mill-parti kkonċernata kif ukoll fuq il-fatti u l-provi relatati ppreżentati minn din il-parti [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 32].

29     Madankollu, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali ta' l-eżami magħmula mill-Bord ta' l-Appell ma teskludix li dan jieħu in kunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa espressament mill-partijiet fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta' sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli.

30     Fil-fatt, qabel kollox, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li r-regola ta' dritt stabbilita fl-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija eċċezzjoni għall-prinċipju ta' l-eżami ex officio ta' l-UASI stess stabbilit fil-bidu ta' l-istess dispożizzjoni. Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta li tiddefinixxi l-portata tagħha b'tali mod li ma tmurx oltre dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

31     Issa, fir-rigward tar-regola ta' dritt stabbilita fl-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-iskop tagħha huwa li teħles lill-amministrazzjoni mill-inkarigu li tinvestiga hija stess il-fatti fil-kuntest ta' proċedimenti bejn partijiet. Dan l-għan ma jiġix kompromess jekk l-UASI jieħu in kunsiderazzjoni fatti magħrufa.

32     Min-naħa l-oħra, l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax ikollha bħala għan li ġġiegħel lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni jew lill-Bord ta' l-Appell jadottaw deċiżjoni meta jafu li hija bbażata fuq sitwazzjonijiet fattwali manifestament inkompleti jew kuntrarji għar-realtà. Lanqas ma teżiġi li l-partijiet fi proċedimenti ta' oppożizzjoni jippreżentaw quddiem l-UASI l-fatti magħrufa kollha li jista' jkollhom rilevanza fir-rigward tad-deċiżjoni li ser tingħata. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni li teskludi li fatti magħrufa jittieħdu in kunsiderazzjoni ex officio, iġġiegħel lill-partijiet jinkludu fid-dokumenti tagħhom, bħala prekawzjoni, spjegazzjoni dettaljata ta' fatti magħrufa b'mod ġenerali u għalhekk toħloq ir-riskju li ttaqqal konsiderevolment il-proċedimenti ta' oppożizzjoni.

33     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta' l-Appell irrispettax il-limiti tal-kontroversja bejn il-partijiet meta ħa in kunsiderazzjoni d-diversi elementi koperti minn dan il-motiv.

34     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw il-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li josserva li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju tista' tvarja skond il-kategorija tal-prodotti in kwistjoni u li "jista' jiġi preżunt li, f'dan il-każ, il-konsumatur ikkonċernat jagħti attenzjoni partikolari għax-xiri ta' dawn il-prodotti" (jiġifieri l-karozzi u l-partijiet tagħhom kif ukoll l-omnibusijiet). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Bord ta' l-Appell talli ħa in kunsiderazzjoni, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impatt kunċettwali ta' l-isem "Picasso" fis-suq ikkonċernat u talli stqarr "li [kien] permess li jiġi preżunt li l-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej jassoċjaw il-kelma "PICASSO" mal-pittur tas-seklu għoxrin l-aktar magħruf fid-dinja kollha: Pablo Picasso". Fit-tielet lok, ir-rikorrenti huma ta' l-opinjoni li l-Bord ta' l-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq l-affermazzjonijiet magħmula fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata li "l-karattru distintiv inerenti fis-sinjal PICASSO huwa tant għoli li kull differenza li tista' tiġi pperċepita tista' tkun biżżejjed biex teskludi kull probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumaturi kkonċernati" u li "l-konsumatur ikkonċernat, meta kkonfrontat bl-isem PICASSO u t-trade mark li dan jirrappreżenta, qatt m'hu ħa jagħmel assoċjazzjoni bejn it-trade mark PICARO u l-artist Spanjol li għalih tirreferi t-trade mark PICASSO".

35     Fil-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata riprodotti iktar 'il fuq, il-Bord ta' l-Appell ma introduċiex fatti ġodda, magħrufin jew le, iżda ppreċiża u applika l-kriterju rilevanti, skond ġurisprudenza stabbilita, biex jevalwa l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati, jiġifieri il-perċezzjoni preżunta, minn konsumatur medju raġonevolment attent u prudenti, tal-kategorija ta' prodotti jew servizzi in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23; tas-16 ta' Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C-210/96, Ġabra p. I-4657, punt 31, u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punti 25 u 26). Għaldaqstant, dan huwa element essenzjali fir-raġunament tal-Bord ta' l-Appell. Issa, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-Bord ta' l-Appell, meta uża dan il-kriterju indispensabbli għall-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta' konfużjoni, ma rrispettax il-limiti tal-kontroversja bejn il-partijiet.

36     Fir-rigward tat-tieni element imsemmi iktar 'il fuq, għandu jingħad ukoll li l-aventi kawża Picasso stess, fil-paġna 3 tas-sottomissjonijiet bil-miktub li jesponu l-motivi tar-rikors tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, indikat kif ġej:

"L-[UASI] josserva, qabel kollox, li Picasso ser jiġi rikonoxxut mill-konsumaturi Ewropej bħala pittur magħruf Spanjol. Ir-rikorrenti taqbel ma' dan il-punt." ("The Office firstly notes that PICASSO will be recognized by the European consumers as a famous Spanish painter. The Appellant shares this point of view.")

37     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Bord ta' l-Appell talli fid-deċiżjoni kkontestata ħa in kunsiderazzjoni din il-perċezzjoni preżunta tal-pubbliku, perċezzjoni kkonfermata espressament mill-aventi kawża Picasso fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ċċitati iktar 'il fuq. Għaldaqstant, minn dan l-aspett, il-motiv huwa żbaljat ukoll fil-fatt.

38     Dan ifisser li t-tieni motiv mhux fondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

39     Ir-rikorrenti jressqu sitt argumenti in sostenn ta' dan il-motiv.

40     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw il-Bord ta' l-Appell talli bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-preżunzjoni li meta jkun qiegħed jixtri karozzi jew partijiet tagħhom, il-konsumatur medju jkun partikolarment prudenti u attent. Huma jesponu li din il-preżunzjoni tikkonċerna biss il-mument tax-xiri, mentri meta jaraw il-prodotti kkonċernati mmarkati bit-trade marks in kwistjoni f'sitwazzjonijiet differenti minn dik tal-bejgħ, per eżempju meta jaraw dawn il-karozzi fit-triq, anki konsumaturi attenti jistgħu jaslu biex jemmnu li dawn il-prodotti huma b'xi mod l-istess, jew li jeżistu rabtiet ekonomiċi jew rabtiet oħra bejn l-oriġini kummerċjali tagħhom. B'dan il-mod, il-Bord ta' l-Appell naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni t-teorija magħrufa bħala "tal-konfużjoni wara l-bejgħ", teorija li hija ġeneralment rikonoxxuta fid-dritt dwar it-trade marks, b'mod partikolari fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club (C-206/01, Ġabra, p.I-10273). F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-kunċett ta' probabbiltà ta' riskju jinkludi l-probabbiltà ta' konfużjoni indiretta. Barra minn hekk, huma jikkritikaw lill-Bord ta' l-Appell talli ma indikax ir-raġunijiet li fuqhom ibbaża l-preżunzjoni tiegħu fir-rigward tal-karattru partikolarment prudenti u attent tal-pubbliku rilevanti.

41     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jesponu li t-trade marks in kwistjoni huma simili mill-aspett viżiv u fonetiku. Huma josservaw li x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn iż-żewġ trade marks għandu jiġi evalwat abbażi ta' paragun ta' dawn it-trade marks, mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni kif inhu kompost il-pubbliku rilevanti, liema fattur għandu jittieħed in kunsiderazzjoni biss waqt evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

42     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi li l-impatt kunċettwali ta' l-isem "Picasso" jipprevali fuq ix-xebh fonetiku u viżiv bejn it-trade marks in kwistjoni. Huma jippreċiżaw li s-sinjal verbali PICASSO m'għandu l-ebda tifsira fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-vetturi. Ir-rikorrenti huma ta' l-opinjoni li l-Bord ta' l-Appell kellu jeżamina l-probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta' dawn il-prodotti biss u li ma kienx rilevanti li jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tifsiriet li s-sinjal jista' jkollu barra mill-kuntest tal-karozzi. Fis-seduta, huma żiedu li r-raġunament li s-sens tal-kelma "Picasso" jinftiehem bħala tali u dejjem bħala li tirreferi għall-pittur, u mhux għall-vetturi, jista' jwassal għall-konsegwenza li l-kapaċità ta' din it-trade mark li tippermetti d-distinzjoni ta' dawn il-prodotti tkun miċħuda, mentri hija kienet fil-fatt ġiet irreġistrata mill-UASI. Barra minn hekk, dan ir-raġunament jillimita l-protezzjoni tat-trade mark PICASSO fis-sens li din il-protezzjoni tkun tista' tiġi invokata biss fir-rigward ta' sinjali perfettament identiċi, minħabba li l-kontenut semantiku tal-kelma dejjem iġib fix-xejn ix-xebh viżiv u fonetiku li dan is-sinjal verbali jista' jkollu ma' sinjali li huma ftit differenti.

43     Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li żewġ trade marks jkunu simili fir-rigward ta' wieħed mill-kriterji rilevanti, bħal ma huma l-kriterju viżiv jew il-kriterju fonetiku, jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

44     Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma rrispettatx ir-regola li tgħid li l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi rikonoxxuta aktar faċilment aktar ma t-trademark preċedenti tkun distintiva. Huma jsostnu li s-sinjal verbali PICASSO għandu karattru distintiv intrinsikament għoli u li, fl-opinjoni tagħhom, l-fatt li dan is-sinjal huwa wkoll l-isem ta' pittur magħruf mhuwiex rilevanti f'dan ir-rigward.

45     Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jidhrilhom li, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell, b'mod żbaljat, eżamina biss il-kwistjoni dwar jekk il-pubbliku rilevanti, meta kkonfrontat mit-trade mark preċedenti, jkunx influwenzat biex jaħseb fit-trade mark mitluba. Skond ir-rikorrenti, kien meħtieġ l-oppost, jiġifieri li jiġi eżaminat jekk dan il-pubbliku, meta kkonfrontat mit-trade mark mitluba, jistax jistabbilixxi rabta mat-trade mark preċedenti. Issa, ir-rikorrenti jsostnu li dan japplika f'dan il-każ meta wieħed iqis ix-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni.

46     Fis-sitt u l-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Bord ta' l-Appell ma fehemx sew l-argument li l-intervenjenti kellha l-intenzjoni li tieħu vantaġġ mit-trade mark preċedenti u li toħloq deliberatament konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. Huma jirrikonoxxu li l-oppożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) u mhux fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 iżda jippreċiżaw li dan l-argument jagħmel parti mill-kuntest li fih l-aventi kawża Picasso, matul il-proċedimenti ta' l-appell, kienet sostniet li meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark l-intervenjenti kienet taf liema prodotti kienu ħa jitqiegħdu fis-suq taħt it-trade mark preċedenti.

47     Il-UASI u l-intervenjenti iqisu li l-motiv mhux fondat minħabba li d-differenza bejn it-trade marks in kwistjoni hija biżżejjed biex teskludi probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

48     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni min-naħa tal-proprjetarju ta' trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għandha tiġi miċħuda meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku fit-territorju fejn t-trade mark preċedenti hija protetta.

49     Skond ġurisprudenza stabbilita, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni meta l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi b'rabtiet ekonomiċi.

50     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti għall-każ, b'mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

51     F'dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija trade mark preċedenti Komunitarja fis-sens ta' l-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-perspettiva tal-pubbliku fil-Komunità kollha. Minħabba n-natura tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, il-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-konsumaturi finali.

52     Hemm qbil li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark u dawk koperti mit-trade mark preċedenti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili.

53     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-livell ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni huwiex għoli biżżejjed biex ikun jista' jitqies li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li joħolqu, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata]. F'dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li x-xebh bejn żewġ sinjali għandu jiġi evalwat mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-kompożizzjoni tal-pubbliku rilevanti għandu jiġi miċħud, peress li dan l-aħħar aspett għandu biss jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Fil-fatt, l-analiżi tax-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni hija element essenzjali ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Għaldaqstant, bħall-evalwazzjoni, din l-analiżi għandha ssir fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

54     Għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv u fonetiku, ir-rikorrenti nnutaw b’mod rilevanti li s-sinjali in kwistjoni huma kollha komposti minn tliet sillabi, li fihom l-istess vokali f’pożizzjonijiet analogi u fl-istess ordni u li, ħlief għall-ittri ‘ss’ u ‘r’, rispettivament, fihom ukoll l-istess konsonanti li, barra minn dan, jinstabu f’pożizzjonijiet analogi. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-ewwel żewġ sillabi kif ukoll l-aħħar ittra huma identiċi huwa ta’ importanza partikolari. Min-naħa l-oħra, il-pronunzja tal-konsonanti doppja ‘ss’ tiddistingwi ruħha sew minn dik tal-konsonati ‘r’. Minn dan isegwi li ż-żewġ sinjali huma simili mill-aspett viżiv u fonetiku, iżda l-livell ta’ xebh fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett huwa dgħajjef.

55     Mill-aspett kunċettwali, is-sinjal verbali PICASSO huwa partikolarment magħruf mill-pubbliku rilevanti, bħala l-isem tal-pittur magħruf Pablo Picasso. Is-sinjal verbali PICARO jista' jinftiehem minn persuni tal-lingwa spanjola li jirreferi, b’mod partikolari, għal persunaġġ tal-letteratura spanjola, filwaqt li huwa nieqes minn kontenut semantiku għal parti (il-maġġoranza) tal-pubbliku rilevanti li mhuwiex tal-lingwa spanjola. Is-sinjali mhumiex għaldaqstant simili mill-aspett kunċettwali.

56     Differenzi bħal dawn jistgħu jġibu fix-xejn, f’ċerti ċirkustanzi, ix-xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali kkonċernati. Tixjin bħal dan jitlob li ta’ l-inqas wieħed mis-sinjali in kwistjoni jkollu, fil-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u stabbilita, b’mod li l-pubbliku jkun kapaċi li jifhimha mill-ewwel [sentenza BASS, iċċitata f'punt 52 iktar 'il fuq, punt 54].

57      Is-sinjal verbali PICASSO għandu, għall-pubbliku rilevanti, kontenut semantiku ċar u stabbilit. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-rilevanza tat-tifsira tas-sinjal għall-finijet ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mhijiex affetwata, f'dan il-każ, minħabba l-fatt li din it-tifsira mhijiex relatata mal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, ir-reputazzjoni tal-pittur Pablo Picasso hija tali li mhuwiex plawżibbli li jiġi kkunsidrat, fin-nuqqas ta’ xi ħjiel konkret fis-sens kuntrarju, li s-sinjal PICASSO, bħala trade mark għal xi vetturi, jista jiġi superimpost, fil-perċezzjoni tal-konsumatur medju, għal fuq l-isem tal-pittur b’mod li dan il-konsumatur, meta jiġi kkonfrontat bis-sinjal PICASSO fil-kuntest tal-prodotti kkonċernati, jista’ minn hemm ’l quddiem jinjora t-tifsira tas-sinjal bl-isem tal-pittur u jipperċepiha prinċipalment bħala trade mark fost trade marks oħra tal-vetturi.

58     Minn dan isegwi li d-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali in kwistjoni huma ta’ natura li, f’dan il-każ, iġibu fix-xejn ix-xebh viżiv u fonetiku msemmi fil-punt 54 iktar ’il fuq.

59      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jitqies, barra minn dan, il-fatt li, fid-dawl tan-natura tal-prodotti kkonċernati u, b’mod partikolari, tal-prezz u tal-karattru teknoloġiku partikolari tagħhom, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti meta jakkwistahom, ikun partikolarment għoli. Il-possibbiltà, imqajma mir-rikorrenti, li xi membri tal-pubbliku rilevanti jistgħu wkoll jipperċepixxu l-prodotti kkonċernati f’sitwazzjonijiet fejn huma ma jagħtux attenzjoni bħal din, ma tipprekludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan il-livell ta’ attenzjoni. Fil-fatt, ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark minħabba l-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark preċedenti huwa ġġustifikat minħabba li konfużjoni bħal din tista’ tinfluwenza indebitament il-konsumaturi kkonċernati meta jagħmlu l-għażliet tagħhom fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati. Minn dan isegwi li hemm lok li, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, jitqies il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fil-mument meta huwa jipprepara u jagħmel l-għażliet tiegħu fost prodotti jew servizzi differenti li jaqgħu fil-kategorija li għaliha hija rreġistrata t-trade mark.

60     Għandu jiġi miżjud li l-kwistjoni tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti li għandu jitqies sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija differenti minn dik li tikkonċerna l-kwistjoni ta' jekk xi ċirkustanzi li seħħew wara s-sitwazzjoni ta' l-akkwist setgħux ikunu ta’ rilevanza sabiex jiġi evalwat jekk hemmx ksur ta’ xi dritt ta’ trade mark, bħal ma ġie rrikonoxxut fir-rigward ta’ l-użu ta’ sinjal li huwa identiku għat-trade mark, fis-sentenza Arsenal Football Club, (punt 40 iktar 'il fuq), invokata mir-rikorrenti.

61     Barra minn dan, ir-rikorrenti għandhom żball meta jinvokaw, f’din il-kawża, il-ġurisprudenza li tgħid li t-trade marks li għandhom karattru li huwa ferm distintiv, kemm intrinsikament, kemm minħabba r-reputazzjoni tagħhom fis-suq, igawdu minn protezzjoni aktar estiża minn dawk li għandhom karattru anqas distintiv (sentenza SABEL, punt 35 iktar 'il fuq, punt 24, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18). Fil-fatt, ir-reputazzjoni tas-sinjal verbali PICASSO, li huwa assoċjat ma’ l-isem tal-pittur magħruf Pablo Picasso mhijiex ta’ natura tali li żżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks għall-prodotti kkonċernati.

62     Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks in kwistjoni mhuwiex għoli biżżejjed sabiex ikun jista jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-prodotti kkonċernati jiġu mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra ġustament li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

63     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument imressaq fis-sottomissjonijiet bil-miktub li jesponu l-motivi tar-rikors quddiem l-UASI, li l-għażla tat-trade mark mitluba mill-intervenjenti tista' sservi biss biex tieħu vantaġġ li mhux dovut, b'mod frawdolenti, mis-suċċess kummerċjali tat-trade mark preċedenti, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li dan l-argument huwa rilevanti biss fil-kuntest ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 li fuqu ma kinitx ibbażata l-oppożizzjoni.

64     Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

65     Dan ifisser li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

66     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti, skond it-talbiet tagħhom f'dan is-sens.  

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti huma ordnati jbatu l-ispejjeż.

Forwood

Pirrung

Meij  

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.