Language of document : ECLI:EU:T:2004:196

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

30 ta' Ġunju 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Trade mark preċedenti figurattiva – Applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja BIOMATE –Nuqqas ta' produzzjoni ta' provi fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni – Aspettativa leġittima – Regoli 16, 17 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95"

Fil-kawża T-107/02,

GE Betz Inc., preċedentement BetzDearborn Inc., stabbilita f'Trevose, Pennsylvania (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Glas u K. Manhaeve, Avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) inizjalment irrappreżentat minn E. Joly, u mbagħad minn G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

bil-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija Atofina Chemicals Inc., stabbilita f'Philadelphia, Pennsylvania (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Edenborough u M. Medyckyj, solicitor,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) tas-17 ta' Jannar 2002 (Każ R 1003/2000-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Atofina Chemicals Inc. u GE Betz Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  N. J. Forwood, President, J. Pirrung u A. W. H. Meij, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' April 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Lulju 2002,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti Atofina Chemicals Inc. ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Lulju 2002,

wara s-seduta tas-17 ta' Settembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikoli 42 u 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, jipprovdu li:

"Artikolu 42

Oppożizzjoni

[…]

3. L-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir […] Fi żmien perjodu stabbilit mill-Uffiċċju, l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.

[…]

Artikolu 73

Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati

Id-deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem[a] il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom."

2        Ir-regoli 15 sa 18 u 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"regolament ta' implementazzjoni"), huma fformulati bil-mod segwenti:

"Regola 15

Kontenut ta' l-avviż [ta'] oppożizzjoni

[…]

2.       L-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jkun fih:

[…]

b)       f’dak li għandu x’jaqsam [mat-trade mark] preċedenti jew jedd preċedenti li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni:

i)       meta l-oppożizzjoni hija bbażata fuq [trade mark] preċedenti, prospett f’dak is-sens u indikazzjoni li [t-trade mark] preċedenti hija [trade mark] tal-Komunità jew indikazzjoni ta’ l-Istat Membru jew Stati Membri inkluż, fejn huwa applikabbli, il-Benelux, fejn [it-trade mark] preċedenti kienet irreġistrata jew fejn saret l-applikazzjoni għaliha, jew, fejn [it-trade mark] preċedenti hija [trade mark] [i]rreġistrata internazzjonalment, indikazzjoni ta' l-Istat Membru jew Stati Membri inkluż, fejn huwa applikabbli, il-Benelux, li għalihom ġiet estiża il-protezzjoni ta’ dik [it-trade mark] preċedenti;

ii)       meta huwa disponibbli, in-numru tal-file jew in-numru ta’ reġistrazzjoni u d-data tal-preżentazzjoni, inkluża d-data ta’ prijorità [tat-trade mark] preċedenti;

[…]

vi)      rappreżentazzjoni u, fejn huwa xieraq, deskrizzjoni [tat-trade mark] preċedenti jew jedd preċedenti;

vii)      l-prodotti u servizzi li għalihom [it-trade mark] preċedenti kienet reġistrata jew għaliha saret applikazzjoni jew li għalihom [it-trade mark] preċedenti hija magħrufa sew skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament jew għandha reputazzjoni skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament; il-parti li tkun qegħda topponi għandha, meta tindika l-prodotti u servizzi kollha li għalihom [it-trade mark] preċedenti hija protetta, tindika wkoll dawk l-prodotti u servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni;

[…]

Regola 16

Fatti, provi u argumenti ppreżentati biex isaħħu l-oppożizzjoni

1. Kull avviż ta’ oppożizzjoni jista' jkun fih dettalji tal-fatti, provi u argumenti ppreżentati biex isaħħu l-oppożizzjoni, flimkien mad-dokumenti annessi rilevanti.

2. Jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti li mhijiex trade mark tal-Komunità, l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu preferibilment ikollu miegħu prova tar-reġistrazzjoni jew applikazzjoni għal dik [it-trade mark] preċedenti, per eżempju ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. […]

3. Id-dettalji tal-fatti, provi u argumenti u dokumenti oħra annessi kif imsemmi f’paragrafu 1, u l-provi msemmija f’paragrafu 2 jistgħu, jekk ma jingħatawx flimkien ma' l-avviż ta’ oppożizzjoni jew wara, jingħataw f’dak iż-żmien wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kif l-Uffiċċju jista' jispeċifika skond ir-Regola 20(2).

Regola 17

Użu ta' lingwi fi proċedimenti ta' oppożizzjoni

1. Meta l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jiġix ippreżentat bil-lingwa ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Komunità, jekk dik il-lingwa tkun waħda mil-lingwi ta' l-Uffiċċju, jew bit-tieni lingwa indikata meta l-applikazzjoni kienet ġiet ippreżentata, il-parti li tkun qegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni ta' l-avviż ta’ oppożizzjoni f’waħda minn dawk il-lingwi fi żmien xahar minn meta jiskadi iż-żmien għall-oppożizzjoni

2. Meta il-provi li jsaħħu l-oppożizzjoni kif provdut fir-Regoli 16 (1) u (2) ma jiġux ippreżentati bil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li tkun qegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni ta’ dawk il-provi f’dik il-lingwa fi żmien xahar minn meta jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni jew, fejn huwa applikabbli, fiż-żmien speċifikat mill-Uffiċċju skond ir-Regola 16(3).

[…]

Regola 18

Rifjut ta' l-avviż ta' oppożizzjoni bħala inammissibbli

1. Jekk l-Uffiċċju jsib illi l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jħarisx id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 42 tar-Regolament, jew fejn l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jidentifikax b’mod ċar l-applikazzjoni li kontriha saret l-oppożizzjoni jew [it-trade mark] preċedenti jew il-jedd preċedenti li fuq il-bażi tiegħu qegħda ssir l-oppożizzjoni, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-avviż ta’ oppożizzjoni bħala inammissibbli sakemm dawk in-nuqqasijiet ma jkunux ġew rimedjati qabel jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni […]

2. Jekk l-Uffiċċju jsib illi l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jħarisx disposizzjonijiet oħra tar-Regolament jew ta’ dawn ir-Regoli, għandu jinforma b’dan lill-parti li tkun qegħda topponi u għandu jsejħilha sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet misjuba fi żmien xahrejn. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux rimedjati qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-avviż ta’ oppożizzjoni bħala inammissibbli.

[…]

Regola 20

Eżami ta' oppożizzjoni

[…]

2. "Meta l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jkunx fih dettalji tal-fatti, provi u argumenti kif imsemmi [fir]-Regola 16 (1) u (2), l-Uffiċċju għandu jsejjaħ lill-parti li tkun qegħda topponi biex tagħti dawn id-dettalji fi żmien speċifikat mill-Uffiċċju […]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Permezz ta' applikazzjoni bid-data ta' l-20 ta' Novembru 1997 bħala d-data tal-preżentata tagħha, ir-rikorrenti talbet lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (aktar 'il quddiem l-"Uffiċċju") sabiex jirreġistra t-trade mark verbali BIOMATE.

4        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 1 skond il- Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat [traduzzjoni mhux uffiċjali] u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 1 : "Prodotti kimiċi għal użu bħala mikrobijodiċi f'sistemi ta' ilma industrijali u ta' trattament". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 72/98 tal-21 ta' Settembre 1998.

6        Permezz ta' ittra tal-21 ta' Diċembru 1998, irċevuta mill-Uffiċċju fit-22 ta' Diċembru 1998, Atofina Chemicals Inc., l-intervenjenti, ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni li għaliha saret applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva riprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Din it-trade mark figurattiva kienet is-suġġett tar-reġistrazzjonijiet segwenti:

–        reġistrazzjoni fil-Benelux Nru 39765, bid-data tat-28 ta' Ġunju 1971 bħala d-data tal-preżentata tagħha, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 1 u 5 tal-Ftehim ta' Nizza, jiġifieri:

–        klassi 1: "Prodotti kimiċi għal użu industrijali, xjentifiku, agrikolu, ortikulturali u fl-istudju tal-foresti (bl-eċċezzjoni tal-funġiċidi, erbiċidi u preparazzjonijiet għall-qerda tal-vermin), b'mod partikolari għall-qerda tal-makro u l-mikro-organiżmi"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        klassi 5: "Funġiċidi, erbiċidi u preparazzjonijiet għall-qerda tal-vermin";

–        reġistrazzjoni fi Franza (tiġdid nru 1665517), bid-data tat-23 ta' Jannar 1980 bħala d-data tal-preżentata tagħha, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 1 tal-Ftehim ta' Nizza, jiġifieri:

–        klassi 1: "Prodotti kimiċi, kompożizzjonijiet kimiċi għal użu bħala bijoċidi"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        reġistrazzjoni internazzjonali R 325543, bid-data tar-reġistrazzjoni tat-8 ta' Novembru 1966, li ġejja mill-Benelux u li għandha effett fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 1 u 5 tal-Ftehim ta' Nizza, jiġifieri:

–        klassi 1: " Prodotti kimiċi għal użu industrijali, xjentifiku, agrikolu, ortikulturali u fl-istudju tal-foresti"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        klassi 5: "Prodotti kimiċi, b'mod partikolari għall-qerda tal-makro u l-mikro-organiżmi". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-oppożizzjoni kienet ibbażat ukoll fuq it-trade mark verbali BIOMET irreġistrata fl-Italja (tiġdid nru 400859), bid-data tal-preżentata tat-30 ta' Mejju 1962, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 tal-Ftehim ta' Nizza, jiġifieri:

–        Klassi 5 : "Prodotti u kompożizzjonijiet kimiċi użati bħala ġermiċidi". 

9        Fl-aħħar nett, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-sinjal BIOMET li mhuwiex irreġistrat iżda huwa użat fil-Benelux, fi Franza, fl-Italja, fi Franza u fil-Portugall.

10      L-oppożizzjoni kienet saret kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni u kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha indikati mit-trade marks preċedenti rreġistrati.

11      Għal dak li jikkonċerna t-trade marks preċedenti rreġistrati, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94. Għal dak li jikkonċerna s-sinjal li mhux irreġistrat imsemmi aktar 'il fuq, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

12      Il-kopji taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti ġew annessi ma' l-avviż ta' oppożizzjoni.

13      Fis-7 ta' April 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni bagħtet faks lill-intervenjenti li kienet ifformulata bil-mod segwenti:

" Notification of deficiencies in the notice of opposition (Rule 15 and 18 (2) of the Implementing Regulation)

[…]

The examination of the notice of opposition has shown that the indication of the goods and services has not been provided in the language of the opposition proceedings (English).

This deficiency must be remedied within a non extendible period of two months from receipt of this notification, that is on or before 07/06/1999.

The notice of opposition will otherwise be rejected on grounds of inadmissibility. "

(" Notifika tan-nuqqasijiet fl-avviż ta' oppożizzjoni (Regoli 15 u 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni)

[…]

L-eżami ta' l-avviż ta' oppożizzjoni wera li l-indikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi ma ġietx ipprovduta fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni (l-Ingliż).

Din l-irregolarità għandha tiġi rrimedjata f'terminu li ma jistax jiġi estiż, jiġifieri mhux aktar tard mis-07/06/1999.

Fin-nuqqas ta' dan, l-avviż ta' oppożizzjoni ser jiġi miċħud bħala inammissibbli.")

14      Permezz ta' faks tat-28 ta' Mejju 1999, l-intervenjenti pprovdiet traduzzjoni tal-listi tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti. F'din il-faks jingħad ukoll li:

"If further information is required, please let us know."

("Jekk jogħġobkom informawna fil-każ li jkollkom bżonn ta' aktar informazzjoni.")

15      Fid-29 ta' Ġunju 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni bagħtet faks lill-intervenjenti li kienet ifformulata bil-mod segwenti:

"Communication to the opposing party of the date of commencement of the adversarial part of the opposition proceedings and of final date for submitting facts, evidence and arguments in support of the opposition (Rules 19 (1), 16 (3), 17 (2) and 20 (2) of the Implementing Regulation).

[…]

Your opposition has been communicated to the applicant.

[…]

The adversarial part of the proceedings will commence on 30/08/1999.

A final period of four months from receipt of this notification, that is until 29/10/1999, is allowed for you to furnish any further facts, evidence or arguments which you may feel necessary to substantiate your opposition […]

Please note that documents must be in the language of the proceedings or accompanied by a translation. "

"Komunikazzjoni lill-opponenti tad-data tal-ftuħ tal-fażi tal-kontradittorju fil-proċedura ta' oppożizzjoni u tad-data finali sabiex jiġu ppreżentati l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet in sostenn ta' l-oppożizzjoni (Regoli 19(1), 16(3), 17(2) u 20(2) tar-regolament ta' implementazzjoni).

[…]

L-applikanta ġiet innotifikata bl-oppożizzjoni tiegħek.

[…]

Il-fażi tal-kontradittorju tal-proċedura għandha tibda fit-30/08/1999.

Qiegħed jingħatalek terminu finali ta' erba' xhur li jibda jiddekorri minn meta tirċievi din in-notifika, jiġifieri sad-29/10/1999, sabiex fih inti tippreżenta fatti, provi jew osservazzjonijiet addizzjonali li inti taħseb li huma neċessarji in sostenn ta' l-oppożizzjoni tiegħek […]

Jekk jogħġbok ħu nota tal-fatt li kull dokument għandu jkun fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni jew għandu jkun akkumpanjat minn traduzzjoni.")

16      Dan it-terminu ta' erba' xhur ġie estiż sat-23 ta' Marzu 2000. Ġurnata qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu, l-intervenjenti talbet proroga ġdida. Billi kkunsidra li r-raġunijiet imressqa għal din l-estensjoni ma kinux suffiċjenti, l-Uffiċċju ma laqax din it-talba. Madankollu, peress li t-talba ġiet ippreżentata ġurnata qabel l-iskadenza tat-terminu, l-Uffiċċju ta lill-intervenjenti terminu supplementari ta' ġurnata sabiex tippreżenta elementi li jiġġustifikaw l-oppożizzjoni. F'dan l-aħħar terminu li ġie mogħti, l-intervenjenti pprovdiet argumenti addizzjonali, jiġifieri dikjarazzjoni statutorja, xi brochures u tikketta.

17      Permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Settembru, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ddeċidiet li, għal dak li jikkonċerna s-sinjal preċedenti mhux irreġistrat, l-oppożizzjoni kienet inammissibbli u li, fir-rigward tal-kumplament, l-oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi taħt l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94, b'mod partikolari, minħabba li l-opponenti ma kinitx, fin-nuqqas tat-traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti ppreżentati fil-perijodu preskritt, ġabet il-prova tal-validità u ta' l-istat legali tar-reġistrazzjonijiet preċedenti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni.

18      Għal dawn il-motivi, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fit-totalità tagħha u kkundannat lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż inkorsi.

19      Fit-13 ta' Ottubru, l-intervenjenti ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

20      Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Jannar 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti, skond hi, permezz ta' ittra rreġistrata rċevuta fit-8 ta' Frar 2002, il-Bord ta' l-Appell:

–        għal dak li jikkonċerna l-inammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni fir-rigward tas-sinjal preċedenti mhux irreġistrat, ċaħad ir-rikors;

–        għall-kumplament, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni;

–        reġa' bagħat il-każ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni biex din tkompli l-proċeduri;

–        ikkundanna kull parti tbati l-ispejjeż tagħha inkorsi fir-rigward ta' l-appell.

21      Sabiex jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni parzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, billi bagħtet il-faksijiet iċċitati fil-punti 13 u 15 aktar 'il fuq, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet nisslet fiha aspettativa leġittima dwar il-fatt li l-kopji taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni annessi ma' l-avviż ta' oppożizzjoni ma kinux ivvizjati b'irregolarità formali.

 Proċedura

22      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' April 2002, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża fil-lingwa Ingliża.

23      Peress li l-partijiet l-oħra ma oġġezzjonawx għall-fatt li l-lingwa Ingliża tkun il-lingwa tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, din ta' l-aħħar iddikjarat l-Ingliż bħala l-lingwa ta' din il-kawża.

24      Fit-23 ta' Lulju 2002, l-Uffiċċju ppreżenta r-risposta tiegħu. Fis-26 ta' Lulju 2002, l-intervenjenti ppreżentat ir-risposta tagħha.

25      Fis-17 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat nota fuq il-bażi ta' l-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Peress li r-rikorrenti ma ressqitx talba sabiex tkun tista' tippreżenta replika, u peress li r-risposti ta' l-intervenjenti u ta' l-Uffiċċju la kien fihom motivi ġodda u lanqas kien fihom talbiet li jiġġustifikaw il-preżentata ta' nota skond din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li ma tinkludix din in-nota fil-proċess.

 Talbiet tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din:

i) tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tas-7 ta' Settembru 2000;

ii) terġa' tibgħat il-każ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex din tkompli l-proċeduri;

iii) tikkundanna kull parti tbati l-ispejjeż inkorsi fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell;

–        tikkundanna lill-Uffiċċju jbati l-ispejjeż, inklużi dawk inkorsi minnha fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

27      L-Uffiċċju jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tilqa' t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

28      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni safejn din tistabbilixxi li l-oppożizzjoni bbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet preċedenti ma kinitx fondata tajjeb;

–        tannulla d-deċiżjoni meħuda mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni dwar l-ispejjeż;

–        terġa' tibgħat il-każ quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex tkompli l-proċeduri;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż inkorsi minnha fil-kuntest ta' din il-kawża.

 Fuq it-talbiet tal-partijiet

 Fuq il-portata tat-talbiet ta' l-Uffiċċju

29      Fis-seduta, l-Uffiċċju l-ewwel spjega li, permezz ta' l-ewwel kap ta' talbiet tiegħu, huwa ma kienx qed jitlob aktar minn dak li kienet qed titlob ir-rikorrenti. Konsegwentement, l-ewwel kap ta' talbiet ta' l-Uffiċċju għandu jiġi mifhum fis-sens li qed isostni l-ewwel kap ta' talbiet tar-rikorrenti.

30      Sussegwentement, matul is-seduta l-Uffiċċju ppreċiża li, sussidjarjament, huwa kien qed jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tagħti s-sentenza li jidhrilha li hi xierqa fid-dawl tat-talbiet u l-argumenti tal-partijiet l-oħra. B'hekk l-Uffiċċju jidher li għandu l-intenzjoni li jissuġġetta ruħu għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

31      F'dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, matul l-istess seduta, l-intervenjenti sostna li, peress li l-Bord ta' l-Appell ma kienx, bħala tali, irrappreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kien l-Uffiċċju li kellu jirrappreżentah quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

32      F'dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-Uffiċċju ġie mwaqqaf permezz tar-Regolament Nru 40/94, partikolarment għall-finijiet ta' l-amministrazzjoni tad-dritt dwar it-trade mark Komunitarja u huwa għandu jeżerċita kull waħda mid-diversi funzjonijiet tiegħu skond dan ir-regolament, fl-interess ġenerali ta' dan l-inkarigu.

33      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-Bordijiet ta' l-Appell jifformaw parti integrali mill-Uffiċċju [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II-5275, punt 19] u filwaqt li hemm kontinwità fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom bejn il-Bordijiet ta' l-Appell, l-eżaminatur u/jew id-diviżjoni kompetenti [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra. p. II-2383, punt 38], il-Bordijiet ta' l-Appell u l-membri tagħhom igawdu minn indipendenza funzjonali fit-twettiq ta' l-inkarigi tagħhom. Għalhekk l-Uffiċċju ma jistax jagħtihom istruzzjonijiet.

34      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrikonoxxut li, filwaqt li l-Uffiċċju m'għandux il-kapaċità meħtieġa biex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell, min-naħa l-oħra, huwa ma jistax ikun meħtieġ li jiddefendi kull deċiżjoni kkontestata ta' Bord ta' l-Appell sistematikament jew li, bilfors jitlob li kull rikors imressaq kontra tali deċiżjoni jiġi miċħud.

35      Filwaqt li huwa minnu li fl-Artikolu 133(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Uffiċċju huwa indikat bħala konvenut quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, din l-indikazzjoni ma tistax tibdel il-konsegwenzi li jirriżultaw mil-loġika tar-Regolament Nru 40/94 għal dak li jikkonċerna l-Bordijiet ta' l-Appell. L-aktar l-aktar, din tippermetti deċiżjoni fuq l-ispejjeż, f'każ ta' annullament jew ta' tibdil tad-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-pożizzjoni adottata mill-Uffiċċju quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

36      F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemm xejn li jfixkel lill-Uffiċċju milli jikkonferma talba tar-rikorrenti jew li milli sempliċement jissuġġetta ruħu għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt li jippreżenta l-argumenti kollha li jaħseb li huma xierqa fil-kuntest ta' l-inkarigu tiegħu kif indikat fil-punt 32 aktar 'il fuq, sabiex jipprovdi kjarimenti lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li talba ġdida ppreżentata biss matul is-seduta hija neċessarjament ippreżentata tard u għaldaqstant inammissibbli, il-preċiżjoni sussidjarja, f'dan il-każ ipprovduta fis-seduta, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala talba fil-veru sens tal-kelma u għalhekk m'għandhiex għax tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħha.

 Fuq il-portata tat-talbiet ta' l-intervenjenti

38      Matul is-seduta, l-intervenjenti ppreċiżat li hija fformulat it-tieni, it-tielet u r-raba' kapijiet tat-talbiet tagħha sabiex tevita kull ambigwità biss u li, fil-verità, peress li dawn jirriżultaw awtomatikament mill-ewwel kap ta' talbiet tagħha, lill-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx qed titlobha iżjed minn dak li hija titlob permezz ta' l-ewwel u l-ħames kapijiet ta' talbiet tagħha. Konsegwentement, it-talbiet ta' l-intervenjenti għandhom jiġu mifhuma fis-sens li huma intiżi sabiex jiksbu ċ-ċaħda tar-rikors u l-kundanna tar-rikorrenti għat-tbatija ta' l-ispejjeż inkorsi mill-intervenjenti fil-kuntest ta' din il-kawża.

 Fuq il-mertu

 Argumenti tal-partijiet

39      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tar-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.

40      Hija ssostni li l-Bord ta' l-Appell qabel mal-konstatazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni ma kinux ġew ippreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u li ma kienet ġiet ipprovduta ebda traduzzjoni ta' dawn iċ-ċertifikati fi żmien xieraq. Skond ir-rikorrenti, peress li ma kien hemm ebda prova tal-validità u ta' l-istat legali tat-trade marks preċedenti, l-oppożizzjoni bbażata fuqhom kellha tiġi miċħuda fuq il-mertu.

41      Barra minn hekk, hija tallega li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta, billi bbaża fuq il-faksijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tas-7 ta' April 1999 u tad-29 ta' Ġunju 1999, ikkunsidra li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet kisret l-aspettativa leġittima ta' l-intervenjenti.

42      Skond ir-rikorrenti, peress li l-faks tas-7 ta' April 1999 tirreferi espressament għar-Regola 15 u għar-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni kif ukoll għall-possibbiltà ta' ċaħda minħabba inammissibbiltà, u peress li l-avviż ta' oppożizzjoni ma kienx jissodisfa l-eżiġenzi tar-Regola 15(2)(b)(vii) tar-regolament ta' implementazzjoni, din il-faks setgħet biss tiġi interpretata bħala li tirrigwarda l-inammissibbiltà ta' l-avviż ta' oppożizzjoni u mhux bħala li tirrigwarda l-provi li għandhom jiġu pprovduti in sostenn ta' l-oppożizzjoni, li fir-rigward tagħhom, skond ir-rikorrenti, ma jeżistux motivi ta' inammissibbiltà. Permezz ta' faks tat-28 ta' Mejju 1999, l-intervenjenti rrimedjat l-irregolarità ta' l-avviż ta' oppożizzjoni msemmi mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

43      Ir-rikorrenti tippreċiża li, kuntrarjament għal każ ta' ċaħda ta' l-avviż ta' oppożizzjoni minħabba inammissibbiltà, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kinitx obbligata tinforma lill-opponenti bin-nuqqas ta' traduzzjoni msemmija fir-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.

44      Huwa l-opponent li għandu jipproduċi l-provi li jqis neċessarji in sostenn ta' l-oppożizzjoni tiegħu. F'dan il-każ, skond ir-rikorrenti, l-intervenjenti ma setgħetx tirrimedja n-nuqqasijiet f'dan ir-rigward billi sempliċement tistieden lid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, fi kliem vag, sabiex tinformaha jekk kien ikollha bżonn aktar informazzjoni, bil-mod kif kienet għamlet fil-faks tagħha tat-28 ta' Mejju 1999, speċjalment peress li din il-faks intbagħtet bħala risposta għall-faks tas-7 ta' April 1999, dwar l-ammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni. Li tiġi aċċettata ipoteżi kuntrarja jkun ifisser li jiġi impost obbligu fuq id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tassisti lill-opponent.

45      Fir-rigward tal-faks tad-29 ta' Ġunju 1999, l-uniku għan tagħha kien li tippermetti lill-intervenjenti li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 16(3) tar-regolament ta' implementazzjoni, tipprovdi, jekk hija kienet tqis li dan huwa neċessarju, provi addizzjonali in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha.

46      La l-faks tas-7 ta' April 1999 u lanqas dik tad-29 ta' Ġunju 1999, ikkunsidrati weħidhom jew flimkien, ma setgħu jnisslu aspettativa leġittima fl-intervenjenti fir-rigward ta' l-eżiġenzi lingwistiċi tar-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni. Għall-kuntrarju, il-faks tad-29 ta' Ġunju 1999 kienet tiġbdilha l-attenzjoni għal dawn l-eżiġenzi.

47      Skond l-Uffiċċju, il-Bord ta' l-Appell kien ikkunsidra, ġustament, li f'dan il-każ ir-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni ma kinitx ġiet imħarsa. Fis-sentenza tat-13 ta' Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marin (Chef), T-232/00, Ġabra p. II-2749, punt 42), il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ikkonfermat id-distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligu li jirriżulta mir-Regola 15(2)(b)(vii) tar-regolament ta' implementazzjoni, li jiġu indikati l-prodotti li huma koperti mit-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, li tiġi ippreżentata informazzjoni dettaljata dwar il-fatti, provi u osservazzjonijiet, kif indikat fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94 u fir-Regola 16(1) u (2) u fir-Regola 20(2) tar-regolament ta' implementazzjoni. Bis-saħħa tar-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, in-nuqqas ta' twettiq ta' l-ewwel obbligu jġib miegħu l-inammissibbiltà ta' l-oppożizzjoni, filwaqt li n-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' informazzjoni msemmija bħala t-tieni obbligu, iwassal biex din ma titteħidx in kunsiderazzjoni fl-eżami tal-mertu ta' l-oppożizzjoni.

48      Peress li r-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni tobbliga lill-opponent jipprovdi traduzzjoni tal-provi ppreżentati in sostenn ta' l-oppożizzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti, in-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' traduzzjoni ikun ekwivalenti għan-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' provi bħal dawn. F'din iċ-ċirkustanza, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tista' biss tiċħad l-oppożizzjoni kkonċernata.

49      Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju jqis li l-Bord ta' l-Appell għamel żball meta kkunsidra li kienet ġiet miksura l-aspettativa leġittima ta' l-intervenjenti.

50      F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-intervenjenti ma setgħetx, b'mod leġittimu, tinjora d-dispożizzjonijiet rilevanti, peress li dawn huma ċari u peress li dawn qatt ma ġew mibdula minn meta ġew adottati.

51      It-tieni nett, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, la fil-faks tagħha tas-7 ta' April 1999 u lanqas f'dik tad-29 ta' Ġunju 1999, ma tat assigurazzjonijiet preċiżi, espliċiti jew impliċiti lill-intervenjenti li l-provi mressqa kienu jissodisfaw l-eżiġenzi lingwistiċi.

52      It-tielet nett, in-natura stess ta' notifiki bħall-faks tad-29 ta' Ġunju 1999 twaqqafhom milli jkunu preċiżi u speċifiċi. L-ewwel nett, mill-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94, mir-Regola 16(3) u mir-Regola 20(2) tar-regolament ta' implementazzjoni jirriżulta li r-rwol ta' l-Uffiċċju huwa li, f'termini ġenerali, jistieden lill-opponent iressaq fatti, provi u osservazzjonijiet, u mhux li jindika xi irregolaritajiet partikolari. L-indikazzjoni ta' irregolaritajiet bħal dawn teħtieġ eżami tal-mertu tal-kawża qabel ma jiġu ppreżentati tali fatti, provi u osservazzjonijiet, sitwazzjoni li l-leġiżlatur ma ħasibx għaliha u li hija eskluża minħabba li n-natura tal-proċedura ta' oppożizzjoni hija tal-kontradittorju. Sussegwentement, mill-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 u mir-Regola 16(3) tar-regolament ta' implementazzjoni jirriżulta li, ladarba l-oppożizzjoni hija kkunsidrata ammissibbli, il-partijiet huma liberi fir-rigward tal-mod kif jippreżentaw il-każ tagħhom. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 74(1) jirriżulta li l-Uffiċċju mhuwiex awtorizzat li jgħin lill-opponent fir-rigward tal-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet li għandu jippreżenta. Dawn il-prinċipji japplikaw b'analoġija għall-eżiġenzi lingwistiċi.

53      Filwaqt li jirreferi għal diversi deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell, l-Uffiċċju josserva wkoll li m'hemm ebda qbil dwar jekk il-kliem standard, kif użat fil-faks tad-29 ta' Ġunju 1999, huwiex suffiċjentement ċar. Madankollu, skond l-Uffiċċju, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun waħda pożittiva.

54      L-intervenjenti ssostni li, hekk kif kull waħda mill-partijiet tkun taf, mingħajr ambigwità, il-fatti essenzjali, il-provi u l-osservazzjonijiet li għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuqhom l-parti l-oħra, l-oppożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjentement motivata.

55      F'dan il-każ, l-avviż ta' oppożizzjoni kien jgħid li kien hemm kopja taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni annessa mal-formula ta' oppożizzjoni u li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li għalihom kienu ġew irreġistrati t-trade marks preċedenti. Skond l-intervenjenti, il-faks tas-7 ta' April 1999 kienet naturalment tfisser li l-listi tal-prodotti indikati minn dawn iċ-ċertifikati kienu jifformaw parti mill-avviż ta' oppożizzjoni u kellhom jiġu tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Din it-traduzzjoni ġiet ipprovduta fit-28 ta' Mejju 1999. B'hekk l-informazzjoni essenzjali sabiex jiġi ddeterminat il-mertu ta' l-oppożizzjoni kienet tinsab jew direttament fl-avviż ta' oppożizzjoni jew inkella kienet inkluża f'dan l-avviż permezz ta' referenza li kien fih għat-traduzzjoni tal-listi tal-prodotti pprovduta fil-faks tat-28 ta' Mejju 1999.

56      L-intervenjenti ssostni li mhuwiex neċessarju li ssir traduzzjoni ta' l-informazzjoni kollha li tinsab f'ċertifikat ta' reġistrazzjoni peress li ċerta informazzjoni li tinsab fih mhijiex rilevanti jew peress li mhuwiex possibbli li tiġi tradotta, per eżempju, l-ismijiet u n-numri, u li, barra minn dan, lanqas mhuwa neċessarju li tiġi tradotta informazzjoni bħalma hija, per eżempju, data ta' prijorità, meta din ma tiġix invokata. F'dan ir-rigward, matul is-seduta, hija żiedet tgħid li meta wieħed jibbaża biss fuq parti żgħira minn dokument twil, fl-opinjoni tagħha, kien spropozjonat u irraġonevoli li wieħed ikollu jittraduċi d-dokument kollu.

57      Filwaqt li tirreferi għar-Regola 16(1) u (2) tar-regolament ta' implementazzjoni, hija żżid tgħid li m'hemm ebda obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti.

58      Matul is-seduta hija sostniet ukoll li l-prova tal-validità u l-istat legali tat-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni ma kinux jirriżultaw mit-traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni, iżda miċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni stess.

59      Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li l-faks tad-29 ta' Ġunju 1999, mifhuma fis-sens normali tagħha, kienet tfisser li l-irregolarità kkonstatata fil-faks tas-7 ta' April 1999 kienet ġiet irrimedjata u li għalhekk l-oppożizzjoni ma kinitx ser tiġi miċħuda bħala inammissibbli. L-osservazzjoni, f'din il-faks, dwar il-lingwa tal-proċedimenti kienet tirreferi għall-fatti, il-provi jew l-osservazzjonijiet addizzjonali, u mhux għal dawk diġà ppreżentati. Jekk id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet tikkunsidra li l-imsemmija irregolarità ma kinitx ġiet irrimedjata, skond l-intervenjenti, kien ikun loġiku li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda bħala inammissibbli, xi ħaġa li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni m'għamlitx.

60      L-intervenjenti taqbel mar-raġunament tal-Bord ta' l-Appell li hija kellha aspettativa leġittima, ibbażata fuq l-indikazzjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, safejn jirrigwarda l-fatt li hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-oppożizzjoni tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala fondata.

61      Fl-aħħar nett, hija tagħmel riferiment għal ħames deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju li fihom dan iddeċieda li ma kienx neċessarju li tiġi tradotta l-informazzjoni kollha li tinsab fiċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni kkonċernati u, fi tnejn minn dawn id-deċiżjonijiet, iddeċieda li, minħabba l-imġieba tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, l-opponent seta' jkollu aspettativa leġittima li kien issodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji f'dan ir-rigward.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

62      Fl-argumentazzjoni tagħha in sostenn ta' l-uniku motiv tagħha, ir-rikorrenti tagħmel distinzjoni bejn il-kwistjoni ta' l-eżiġenzi lingwistiċi tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u, b'mod partikolari, dik tal-ksur tar-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, u bejn il-kwistjoni tal-ksur, mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ta' l-aspettativa leġittima ta' l-intervenjenti. L-istess distinzjoni ssir ukoll mill-Uffiċċju u mill-intervenjenti. Din id-distinzjoni għandha tiġi adottata fl-eżami ta' dan l-uniku motiv.

 Fuq l-eżiġenzi lingwistiċi tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni

63      Għal dak li jikkonċerna l-eżiġenzi lingwistiċi relatati mat-trade marks preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li "[l-]opponenti [l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza] għandha għaldaqstant tippreżenta, fil-lingwa tal-proċedimenti, id-data eżatta li tidher fir-reġistru". Huwa jżid jgħid li, f'dan il-każ, ma kien hemm ebda dubju li l-opponenti ma kinitx ippreżentat it-traduzzjoni kompluta tad-dokumenti maħruġa jew ippubblikati mill-awtoritajiet kompetenti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar kunsiderazzjoni m'hija kkontestata minn ebda waħda mill-partijiet.

64      F'dan il-każ, hemm qbil li l-avviż ta' oppożizzjoni kien jindika li kien hemm kopja taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni annessa mal-formula ta' oppożizzjoni, li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li għalihom kienu ġew irreġistrati t-trade marks preċedenti, iżda li l-listi ta' dawn il-prodotti ma kinux akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti ta' l-oppożizzjoni.

65      Għaldaqstant, l-avviż ta' oppożizzjoni ma kienx jissodisfa l-eżiġenza lingwistika li tirriżulta mir-Regola 15(2)(b)(vii) u mir-Regola 17(1) tar-regolament ta' implementazzjoni, peress li l-avviż ta' oppożizzjoni ma kienx fih traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti, tal-listi tal-prodotti u s-servizzi li għalihom kienu ġew irreġistrati t-trade marks preċedenti. Din is-sitwazzjoni mhijiex waħda mill-każijiet imsemmija fir-Regola 18(1) tar-regolament ta' implementazzjoni, iżda taqa' taħt ir-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni li jirrigwarda l-każijiet fejn l-avviż ta' oppożizzjoni jissodisfa biss dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-regolament ta' implementazzjoni msemmija fir-Regola 18(1) tar-regolament ta' implementazzjoni, peress li f'dan il-każ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra huma r-Regoli 15(2)(b)(vii) u r-Regola 17(1) tar-regolament ta' implementazzjoni.

66      Konsegwentement, billi stiednet lill-intervenjenti, permezz ta' faks tas-7 ta' April 1999, sabiex tipprovdi traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti, tal-listi tal-prodotti u s-servizzi li għalihom kienu ġew irreġistrati t-trade marks preċedenti, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni aġixxiet b'mod konformi mar-Regola 15(2)(b)(vii), mar-Regola 17(1) u mar-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni. Barra minn dan, fin-naħa ta' fuq ta' din il-faks hemm imsemmija "[i]r-Regoli 15 u 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni ("[r]ule 15 and 18(2) of the Implementing Regulation").

67      Hemm qbil ukoll li, fit-28 ta' Mejju 1999, l-intervenjenti pprovdiet traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti, tal-listi tal-prodotti u s-servizzi li għalihom kienu ġew irreġistrati t-trade marks preċedenti. B'hekk, l-avviż ta' oppożizzjoni sar jikkonforma mad-"dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament [Nru 40/94] jew [tar-regolament ta' implimentazzjoni]", kif indikati mir-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.

68      Sussegwentement, permezz ta' faks tad-29 ta' Ġunju 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tat lill-intervenjenti terminu sabiex tippreżenta l-fatti, il-provi jew l-osservazzjonijiet addizzjonali li kienet tikkunsidra utli in sostenn ta' l-oppożizzjoni, filwaqt li indikat li kull dokument kellu jiġi fformulat fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni jew kellu jkun akkumpanjat minn traduzzjoni.

69      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-faks tikkonforma ma' l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, mar-Regola 16(2) u (3) u mar-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni, safejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li l-fatti, il-provi jew l-osservazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati in sostenn ta' l-oppożizzjoni jistgħu jiġu ppreżentati f'terminu konċess mill-Uffiċċju. Barra minn dan, fin-naħa ta' fuq ta' din il-faks, tissemma r-Regola 19(1), ir-Regola 16(3), ir-Regola 17(2) u r-Regola 20(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.

70      Barra minn hekk, huwa minnu li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma informatx lill-opponenti bin-nuqqas ta' traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni, kif indikat fir-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni. Madankollu, kif jirriżulta mis-sentenza Chef, iċċitata aktar 'il fuq (punti 52 u 53), l-eżiġenzi legali li jikkonċernaw il-provi u t-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti ta' l-oppożizzjoni huma kundizzjonijiet sostantivi ta' l-oppożizzjoni u, għaldaqstant, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kinitx obbligata li tindika lill-intervenjenti l-irregolarità li kienet tikkonsisti fin-nuqqas tagħha li tipproduċi traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas ta' traduzzjoni tal-listi tal-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks irreġistrati huwa kuntrarju għar-Regola 15(2)(b)(vii) u għar-Regola 17(1) tar-regolament ta' implementazzjoni u, għalhekk jaqa' taħt ir-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti mhuwa kuntrarju għal ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-regolament ta' implementazzjoni msemmija fir-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.

71      Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-intervenjenti, esposti fil-punti 54 et seq.

72      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ir-regola li l-provi ppreżentati in sostenn ta' l-oppożizzjoni għandhom jiġu ppreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni jew għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni f'din il-lingwa, hija ġġustifikata mill-bżonn li jiġi mħares il-prinċipju tal-kontradittorju u l-prinċipju ta' equality of arms bejn il-partijiet fil-proċeduri inter partes. Filwaqt li huwa minnu li, kif issostni l-intervenjenti, l-opponent m'għandu ebda obbligu li jipprovdi traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti, dan ma jfissirx li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għandha l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni, fl-eżami tal-mertu ta' l-oppożizzjoni, iċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni pprovduti f'lingwa oħra li mhijiex dik tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Fin-nuqqas ta' traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għandha d-dritt li tiċħad l-oppożizzjoni bħala infondata, ħlief jekk hija tkun tista' tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni billi tibbaża ruħha fuq provi li jista' jkun li diġà jkollha quddiemha, skond ir-Regola 20(3) tar-regolament ta' implementazzjoni (sentenza Chef, iċċitata aktar 'il fuq, punti 42, 44, 60 u 61). Għandu jingħad ukoll li din l-aħħar eċċezzjoni ma ġietx invokata f'dan il-każ.

73      Fir-rigward ta' l-argument li l-prova li tikkonċerna t-trade marks li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni ma tirriżultax mit-traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni, iżda miċ-ċertifikati stess, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-prova fil-fatt tirriżulta miċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni u mhux mit-traduzzjoni tagħhom, jibqa' l-fatt li sabiex din il-prova tittieħed in kunsiderazzjoni, hija għandha tissodisfa l-eżiġenzi lingwistiċi stabbiliti fir-Regola 17(2) tar-regolament ta' implementazzjoni.

74      Fir-rigward tal-bżonn, ikkontestat mill-intervenjenti, li ssir traduzzjoni tad-dokumenti kollha in kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk ċerti elementi tad-dokumenti kkonċernati humiex irrilevanti għall-oppożizzjoni in kwistjoni, u għaldaqstant m'għandhomx jiġu tradotti, hija fid-diskrezzjoni ta' l-opponent iżda huma biss l-elementi li ġew effettivament tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Barra minn hekk, f'dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li t-tul tad-dokumenti pprovduti bl-Olandiż, bit-Taljan u bil-Franċiż mhuwiex tali, b'mod partikolari meta mqabbel mal-lista tal-prodotti li ġiet tradotta, li l-obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni tagħhom jista' jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat u irraġonevoli.

75      Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-intervenjenti waslet għalih billi bbażat fuq deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja li għandhom jittieħdu mill-Bordijiet ta' l-Appell bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi ta' dan ir-regolament, kif interpretat mill-qrati Komunitarji, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom [ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 32]

76      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-argument ta' l-intervenjenti, li jekk id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellha tikkunsidra li l-irregolarità kkonstatata fil-faks tas-7 ta' April 1999, jiġifieri n-nuqqas ta' traduzzjoni tal-listi tal-prodotti koperti mir-reġistrazzjonijiet ma kienx ġie rrimedjata, il-konsegwenza loġika kienet tkun li din tiċħad l-oppożizzjoni bħala inammissibbli, xi ħaġa li m'għamlitx, huwa biżżejjed li jingħad li din il-kawża mhijiex dwar in-nuqqas ta' traduzzjoni tal-listi tal-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti, iżda hija dwar in-nuqqas ta' traduzzjoni taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni ta' dawn it-trade marks preċedenti.

77      Għalhekk ebda wieħed mill-argumenti ta' l-intervenjenti ma jista' jiġi milqugħ.

78      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tinsab fil-punt 63 aktar 'il fuq, li l-intervenjenti kellha tipproduċi, fil-lingwa tal-proċedimenti, id-data eżatta li tidher fir-reġistru, mhijiex ivvizjata bi żball fil-liġi.

 Fuq l-aspettativa leġittima ta' l-intervenjenti

79      Fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li:

"[B]illi bagħtet in-notifiki msemmija aktar 'il fuq [jiġifieri, il-faksijiet tas-7 ta' April 1999 u tad-29 ta' Ġunju 1999], id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni nisslet fl-opponenti aspettativa leġittima li l-kopji taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni annessi ma' l-avviż ta' oppożizzjoni ma kinux ivvizjati b'irregolarità formali. L-opponenti kellha kull dritt tassumi li peress li kienet ipprovdiet it-traduzzjoni neċessarja tal-prodotti in kwistjoni, hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet formali tar-regolament."

80      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi, li tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, jestendi għal kull individwu li jinsab f'sitwazzjoni li minnha jirriżulta li, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, l-amministrazzjoni Komunitarja nisslet fih aspettativi leġittimi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T-273/01, Ġabra p. II-1093, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-proċess quddiem il-Bord ta' l-Appell ma jirriżulta li l-parti intervenjenti invokat quddiem dan ta' l-aħħar xi ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Bord ta' l-Appell ikkunsidrax, ġustament, ex officio, li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet nisslet aspettativa leġittima fl-intervenjenti, għandhom jiġu eżaminati l-elementi rilevanti f'dan il-każ.

82      L-ewwel element huwa magħmul mill-faks tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tas-7 ta' April 1999, fejn l-intervenjenti kienet mistiedna tipprovdi traduzzjoni fl-Ingliż tal-prodotti koperti mid-drittijiet preċedenti li, fin-nuqqas tagħha, l-oppożizzjoni kienet tkun kkunsidrata inammissibbli. Skond il-Bord ta' l-Appell, il-kliem ta' din l-ittra kien jagħti idea żbaljata peress li kien jagħti x'tifhem li l-unika ħaġa li kienet nieqsa kienet it-traduzzjoni fl-Ingliż tal-lista tal-prodotti mingħajr ma kien indikat li kellha tiġi pprovduta traduzzjoni kompluta taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni.

83      It-tieni element jinsab fis-sentenza tal-faks tat-28 ta' Mejju 1999 ta' l-intervenjenti li tistieden lill-Uffiċċju jinformaha jekk ikollu bżonn xi informazzjoni addizzjonali. Filwaqt li rrefera għal din is-sentenza, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li, "[f]in-nuqqas ta' risposta tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, l-opponenti loġikament ikkonkludiet (iżda kellha żball) li kollox kien sar skond ir-rekwiżiti ta' l-oppożizzjoni".

84      It-tielet element jikkonċerna s-sentenza li tinsab fil-faks tad-29 ta' Ġunju 1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li tinforma lill-intervenjenti li kien "[ingħatalha] terminu finali […] sabiex […] tippreżenta fatti, provi jew osservazzjonijiet addizzjonali [li hija kienet] tikkunsidra li huma neċessarji in sostenn ta' l-oppożizzjoni [tagħha]", moqrija flimkien mal-faks tas-7 ta' April 1999 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Skond il-Bord ta' l-Appell, din il-komunikazzjoni ma ċċaratx in-nuqqas ta' fehim li nħoloq miż-żewġ komunikazzjonijiet preċedenti.

85      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax taqbel ma' l-analiżi ta' dawn it-tliet elementi li saret mill-Bord ta' l-Appell.

86      L-ewwel nett, fir-rigward tal-faks tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tas-7 ta' April 1999, għandu jiġi nnotat li din il-faks tirreferi espressament għar-Regola 15 u għar-Regola 18(2) tar-regolament ta' implementazzjoni u li hi tgħid biss li l-indikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi ma ġietx ipprovduta fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Fin-nuqqas ta' referenzi preċiżi, b'mod partikolari, għar-Regoli 16 u 17 ta' l-istess regolament, din il-faks ma setgħetx tipprovdi l-bażi għall-aspettativa leġittima, min-naħa ta' l-intervenjenti, li hija kienet ikkonformat mal-kundizzjoni stabbilita fir-Regola 17(2) ta' l-imsemmi regolament fir-rigward tal-produzzjoni tal-provi u tad-dokumenti ġustifikattivi fil-lingwa tal-proċedimenti. Din l-evalwazzjoni hija korroborata mill-fatt li l-intervenjenti stess ma invokatx din il-faks sabiex tkun tista' tibbaża fuq l-aspettativa leġittima.

87      Għal dak li jikkonċerna t-tieni element imsemmi aktar 'il fuq, għandu jiġi rrilevat li komunikazzjoni bħal din, li ġejja mingħand l-intervenjenti stess, ma tistax tiġi assimilata ma' mġieba ta' l-amministrazzjoni Komunitarja li tista' tnissel aspettativi leġittimi fl-opponent. Fil-fatt, wieħed ma jistax jibbaża aspettativa leġittima fuq l-azzjoni unilaterali tal-parti li tibbenefika minnha. Barra minn hekk, bħalma ġustament sostna l-Uffiċċju, din l-ipoteżi timponi fuq id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni obbligu li jassisti lill-opponent, obbligu li mhuwiex kompatibbli ma' din is-sistema.

88      Għal dak li jikkonċerna t-tielet element hawn fuq imsemmi, jiġifieri s-sentenza li hemm fil-faks tad-29 ta' Ġunju 1999, iċċitata aktar 'il fuq fil-punt 84, għandu jiġi rrilevat li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-użu tal-kelma "addizzjonali", lanqas din is-sentenza, moqrija flimkien mal-faks tas-7 ta' April 1999, ma kienet ta' natura li toħloq aspettativa leġittima min-naħa ta' l-intervenjenti fir-rigward tal-fatt li ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni ppreżentati kienu jissodisfaw l-eżiġenzi lingwistiċi rilevanti. Fil-fatt, din l-ittra ma kienet tinkludi ebda preċiżjoni f'dan ir-rigward. Jekk din l-ittra ma kinitx kapaċi telimina kull nuqqas ta' fehim jew dubju ta' l-intervenjenti, kienet din ta' l-aħħar li kellha tinforma ruħha fl-Uffiċċju, skond il-bżonn.

89      Barra minn hekk, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li din il-faks tad-29 ta' Ġunju 1999 kienet tinforma lill-intervenjenti li kellha terminu ta' erba' xhur biex tippreżenta fatti, provi jew argumenti oħra li hija kienet tikkunsidra li huma neċessarji in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha u li "id-dokumenti" kellhom jiġu pprovduti fil-lingwa tal-proċedimenti jew akkumpanjati minn traduzzjoni ("that the documents must be in the language of the proceedings or accompanied by a translation"). Fil-verità, f'din il-faks hemm indikat li "kull dokument" għandu jiġi fformulat fil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni jew ikun akkumpanjat minn traduzzjoni ("Please note that documents must be in the language of the proceedings or accompanied by a translation"). Għalhekk, din l-indikazzjoni dwar il-lingwa tal-proċedimenti ma tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi biss għal dawn il-"fatti, provi jew argumenti oħra". Għall-kuntrarju, hija ġenerali u, b'hekk, tipprekludi milli l-faks tad-29 ta' Ġunju 1999 tkun tiġi interpretata bħala li tfisser li l-kopji taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni, annessi ma' l-avviż ta' oppożizzjoni, kienu jissodisfaw l-eżiġenzi lingwistiċi.

90      Fl-aħħar nett, billi ssostni li s-sinjifikat normali tal-faks tad-29 ta' Ġunju 1999 kien li l-irregolarità kkonstatata fil-faks tas-7 ta' April 1999, jiġifieri n-nuqqas ta' traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti tal-listi tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, kienet ġiet irrimedjata, l-intervenjenti tammetti hija stess li din il-faks ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni kienu jissodisfaw l-eżiġenzi lingwistiċi wkoll.

91      L-intervenjenti ssostni wkoll li fi tnejn mill-ħames deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell li hija tiċċita, kien ġie deċiż li minħabba l-imġieba tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, l-opponent ikkonċernat seta' jsostni li kellu aspettativa leġittima fir-rigward tal-fatt li kien issodisfa l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw it-traduzzjoni ta' l-informazzjoni li kienet tinsab fiċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni kkonċernati.

92      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie kkunsidrat aktar 'il fuq u, irrispettivament minn jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex konformi jew le mal-ġurisprudenza ċċitata li tikkonċerna l-aspettativi leġittimi, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell ma tistax tiġi evalwata fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet preċedenti tagħhom (sentenza Kit Pro u Kit Super Pro, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

93      F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li l-Bord ta' l-Appell għamel żball fil-liġi meta kkunsidra li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni nisslet fl-intervenjenti aspettativa leġittima fir-rigward tal-fatt li l-kopji taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni annessi ma' l-avviż ta' oppożizzjoni ma kinux ivvizjati b'irregolarità formali.

94      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-uniku motiv għal annullament għandu jiġi milqugħ. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn dan ġie mitlub.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

96      F'din il-kawża, l-intervenjenti tilfet safejn kien hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata skond it-talbiet tar-rikorrenti. Madankollu, din ta' l-aħħar ma talbitx li l-intervenjenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, iżda li l-Uffiċċju jiġi kkundannat ibati l-imsemmija ispejjeż, inklużi dawk inkorsi minnha fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

97      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Uffiċċju qabel ma' l-ewwel kap ta' talbiet ippreżentati mir-rikorrenti, dan għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ingħatat mill-Bord ta' l-Appell tiegħu. Konsegwentement, għandu jiġi ordnat li, skond it-talbiet tar-rikorrenti, l-Uffiċċju għandu jbati l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti, inklużi dawk inkorsi minnha fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, u li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA  (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI) tas-17 ta' Jannar 2002 (Każ R 1003/2000-1) hija annullata safejn din tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tas-7 ta' Settembru 2000, terġa' tibgħat il-kawża quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sabiex din tkompli l-proċeduri u tikkundanna kull parti tbati l-ispejjeż inkorsi fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

2)      L-Uffiċċju huwa kkundannat ibati l-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti, inklużi dawk inkorsi minn din ta' l-aħħar fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell.

3)      L-intervenjenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Pirrung

Meij

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż