Language of document : ECLI:EU:C:2020:951

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Novembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi – Regolament (KE) Nru 810/2009 – Artikolu 32(1) sa (3) – Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża – Anness VI – Formola standard – Motivazzjoni – Theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar – Artikolu 22 – Proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn – Oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ viża – Rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawżi magħquda C‑225/19 u C‑226/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqin mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il‑Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Marzu 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2019, fil-proċeduri

R.N.N.S. (C‑225/19),

K.A. (C‑226/19),

vs

Minister van Buitenlandse Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, L. Bay Larsen, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R.N.N.S., minn E. Schoneveld u I. Vennik, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M.H.S. Gijzen u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Brabcová u A. Pagáčová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u K. Juodelytė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, rispettivament, R.N.N.S. (Kawża C‑225/19) u K.A. (Kawża C‑226/19) u, min-naħa l-oħra, il-Minister van Buitenlandse Zaken (il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħroġilhom viża.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi tiddikjara:

“Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Konvenzjoni [Ewropea] dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u mill-[Karta].”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur.”

5        L-Artikolu 21(3) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Fil-verifika dwar jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul, il-konsulat għandu jivverifika:

[…]

d)      li l-applikant mhuwiex ikkunsidrat theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika kif definit fl-Artikolu 2 punt 19 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn ma tkun inħarġet l-ebda twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-iskop ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;

[…]”

6        L-Artikolu 22 tal-istess kodiċi, intitolat “Konsultazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn”, jipprevedi:

“1.      Stat Membru jista’ jitlob lill-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħrajn sabiex jikkonsultaw lill-awtoritajiet ċentrali tiegħu matul l-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ tali ċittadini. Tali konsultazzjoni m’għandhiex tapplika għall-applikazzjonijiet għal viżi għal tranżitu fl-ajruport.

2.      L-awtoritajiet ċentrali kkonsultati għandhom iwieġbu definittivament fi żmien sebat ijiem kalendarji minn meta jiġu kkonsultati. In-nuqqas ta’ rispons qabel din l-iskadenza għandha tfisser li huma m’għandhomx raġunijiet biex joġġezzjonaw għall-ħruġ tal-viża.

[…]”

7        L-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa fformulat kif ġej:

“1.      Viża b’validità territorjali limitata għandha tinħareġ eċċezzjonalment, fil-każijiet li ġejjin:

a)      meta l-Istat Membru kkonċernat iqis li huwa meħtieġ, għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali:

i)      b’deroga mill-prinċipju li għandhom ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e), tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen;

ii)      biex tinħareġ viża minkejja l-oġġezjoni mill-Istat Membru kkonsultat skont l-Artikolu 22 għall-ħruġ ta’ viża uniformi; jew

iii)      biex tinħareġ visa għal raġunijiet ta’ urġenza, għalkemm ma tkunx twettqet il-konsultazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 22,

jew

b)      meta għal raġunijiet meqjusa ġustifikati mill-konsulat, tinħareġ viża ġdida għal soġġorn matul l-istess perjodu ta’ sitt xhur lil applikant li, tul dan il-perjodu ta’ sitt xhur, diġà jkun uża viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata li ppermettiet soġġorn ta’ tliet xhur.

2.      Viża b’validità territorjali limitata għandha tkun valida għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġha. Eċċezzjonalment hi tista’ tkun valida għat-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, suġġett għall-kunsens ta’ kull Stat Membru.

[…]”

8        L-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ċaħda ta’ viża”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:

a)      jekk l-applikant:

[…]

vi)      hu meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika kif definita fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn tkun inħarġet twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-fini ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet; […]

[…]

2.      Deċiżjoni għaċ-ċaħda u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.

3.      L-applikanti li tkun inċaħditilhom viża għandu jkollhom id-dritt għall-appell. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.

[…]

5.      L-informazzjoni dwar il-viża miċħuda għandha tiddaħħal fil- [Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)] skont l-Artikolu 12 tar-[Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU 2008, L 218, p. 60)].”

9        L-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa magħmul mill-“Formola standard għan-notifika u għall-motivazzjoni ta’ ċaħda, annullament jew revoka ta’ viża” (iktar ’il quddiem il-“formola standard”). Din il-formola tinkludi b’mod partikolari, taħt is-sentenza “Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin”, ħdax-il kaxxa, intiżi sabiex jiġu mmarkati mill-awtorità kompetenti, fejn għal kull waħda minnhom jinsabu raġuni waħda jew iktar ta’ rifjut, ta’ annullament jew ta’ revoka ta’ viża. Is-sitt waħda minn dawn il-kaxxi tikkorrispondi għar-raġunijiet għal rifjut segwenti:

“Stat Membru jew aktar jikkunsidrawk bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika kif definit fl-Artikolu 2(19) tar-[Regolament Nru 562/2006] jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew aktar).”

10      Il-formola standard tinkludi wkoll taqsima intitolata “Rimarki”, segwita minn spazju li jista’ jimtela mill-awtorità kompetenti.

11      Kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016 L 77, p. 1), ikkodifika r-Regolament Nru 562/2006. Il-punt 19 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, imsemmi fil-punti 5, 8 u 9 ta’ din is-sentenza, sar il-punt 21 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jirriżulta minn din il-kodifikazzjoni.

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12      Fil-Kawża C‑225/19, R.N.N.S. huwa ċittadin Eġizzjan residenti fl-Eġittu. Fit-28 ta’ Awwissu 2017, huwa żżewweġ ċittadina Olandiża.

13      Fit-7 ta’ Ġunju 2017, R.N.N.S. ippreżenta quddiem il-Ministru applikazzjoni għal viża sabiex iżur lill-kunjati tiegħu residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2017, il-Ministru ċaħad din l-applikazzjoni, minħabba li Stat Membru wieħed jew iktar kienu kkunsidraw li huwa jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 22 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, l-Ungerija qajmet oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża lil R.N.N.S.

15      Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil R.N.N.S. permezz tal-formola standard. Għalkemm is-sitt kaxxa ta’ din tal-aħħar kienet ġiet immarkata, din il-formola la kienet issemmi l-identità tal-Istat Membru li qajjem l-oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża u lanqas ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata din l-oġġezzjoni.

16      Fit-30 ta’ Ġunju 2017, R.N.N.S. ressaq ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Ministru, u dan tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2017, ċaħad l-imsemmi lment.

17      Fit-22 ta’ Novembru 2017, R.N.N.S. ippreżenta rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), billi sostna, b’mod partikolari, li huwa ma kienx qiegħed jibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li ma kienx f’pożizzjoni li jikkontesta fuq il-mertu d-deċiżjoni tal-Ministru tad-19 ta’ Ġunju 2017. Il-Ministru jsostni li, fid-dritt Olandiż, meta Stat Membru jqajjem oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ viża, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din l-oġġezzjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ fuq il-mertu, u l-applikant għandu jadixxi, għal dan il-għan, lill-qrati tal-Istat Membru li jkun qajjem l-imsemmija oġġezzjoni.

18      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Ministru kkomunika lil R.N.N.S. l-identità tal-Istat Membru li esprima oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża tiegħu. Matul is-sena 2018, R.N.N.S. ikkuntattja rappreżentanti diplomatiċi tal-Ungerija f’diversi pajjiżi sabiex jikseb kjarifiki fir-rigward tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-oġġezzjoni ta’ dan l-Istat Membru. B’dan il-mod, huwa ma kiseb ebda kjarifika u ma jafx, barra minn hekk, l-identità tal-awtorità li qajmet din l-oġġezzjoni fl-Ungerija.

19      Fil-Kawża C‑226/19, K.A., hija ċittadina Sirjana residenti fl-Arabja Sawdija.

20      Fit-2 ta’ Jannar 2018, K.A. ippreżentat quddiem il-Ministru applikazzjoni għal viża sabiex iżżur lit-tfal tagħha residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2018, il-Ministru ċaħad din l-applikazzjoni, minħabba li Stat Membru wieħed jew iktar, kienu kkunsidraw li hija tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika, fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 22 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qajmet oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża lil K.A.

22      Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil K.A. permezz tal-formola standard. Għalkemm is-sitt kaxxa ta’ din tal-aħħar ġiet immarkata, din il-formola la kienet issemmi l-identità tal-Istat Membru li qajjem l-oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża u lanqas ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata din l-oġġezzjoni.

23      Fit-23 ta’ Jannar 2018, K.A. ressqet ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Ministru. Peress li qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tqajjem oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża tagħha, K.A., f’dan l-ilment, talbet lill-Ministru jindirizza lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex ikun jaf ir-raġuni li għaliha hija kienet ġiet ikkunsidrata bħala theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà interna jew għas-saħħa pubblika. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2018, il-Ministru ċaħad dan l-ilment.

24      Fit-28 ta’ Mejju 2018, K.A. ippreżentat rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li hija ma kinitx qegħda tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta fuq il-mertu d-deċiżjoni tal-Ministru tal-15 ta’ Jannar 2018. Hija ssostni, b’mod partikolari, li r-raġuni għar-rifjut tal-viża li tinsab f’din id-deċiżjoni hija fformulata b’mod ġenerali wisq u li l-Ministru kellu jitlob lill-awtoritajiet Ġermaniżi jikkomunikawlu r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tagħhom għall-ħruġ tal-viża tagħha. Skont il-Ministru, il-Kodiċi dwar il-Viżi ma jobbligahx jitlob lill-awtoritajiet Ġermaniżi r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tagħhom għall-ħruġ tal-viża lil K.A. u lanqas li jittrażmettulu dawn ir-raġunijiet.

25      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li la R.N.N.S. u lanqas K.A. ma huma s-suġġett ta’ twissija għall-finijiet ta’ rifjut ta’ viża fil-VIS, b’tali mod li ma jistgħux jippreżentaw rikors jew iressqu lment skont ir-Regolament VIS sabiex jiksbu r-rettifika jew it-tħassir ta’ data ineżatta li allegatament kellha effett fuq l-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom għal viża.

26      Din il-qorti tindika wkoll, minn naħa, li la R.N.N.S. u lanqas K.A. ma kienu jafu b’deċiżjoni li tikkonċernahom fil-qasam tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà interna, tas-saħħa pubblika jew tar-relazzjonijiet internazzjonali li kienet ġiet adottata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li oġġezzjonaw għall-ħruġ tal-viża tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tenfasizza li, anki kieku tali deċiżjonijiet kienu ġew adottati, ma jeżistux elementi, fil-kawżi prinċipali, sabiex jiġi vverifikat jekk R.N.N.S. u K.A. kellhomx f’dawn l-Istati Membri rimedju effettiv kontra dawn id-deċiżjonijiet.

27      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2017 u tal-15 ta’ Jannar 2018, il-Ministru ma pprovda lil R.N.N.S. u lil K.A. ebda informazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell minn dawn id-deċiżjonijiet fl-Istati Membri li qajmu oġġezzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi rispettivi tagħhom.

28      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni definittiva ta’ rifjut ta’ viża previst fl-Artikolu 32(3) ta’ dan il-kodiċi, u, jekk ikun il-każ, b’liema mod għandu jiġi eżerċitat dan l-istħarriġ sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

29      Barra minn hekk, fil-każ fejn R.N.N.S. u K.A. kellhom jippreżentaw rikors fl-Istati Membri li qajmu oġġezzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi sabiex jikkontestaw ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-appell previst fl-Artikolu 32(3) ta’ dan il-kodiċi, hemmx lok li wieħed jistenna l-eżitu tar-rikors eventwalment ippreżentat mill-applikanti fl-imsemmija Stati Membri.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku f’kull waħda mill-kawżi magħquda, lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-appell skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, minn deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ viża minħabba r-raġuni prevista fl‑Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-istess kodiċi, jikkostitwixxi rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-[Karta], fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin:

–        fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni, l-Istat Membru sempliċiment jiddikjara: ‘inti meqjus minn Stat Membru wieħed jew iktar bħala li tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is‑saħħa pubblika, fis-sens tal-punt 19, attwalment il-punt 21 tal‑Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, jew għar‑relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar’;

–        l-Istat Membru la fid-deċiżjoni u lanqas fil-kuntest tal-appell ma jispeċifika liema raġuni jew raġunijiet minn dawn l-erba’ raġunijiet, previsti mill-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, qiegħdin jiġu invokati fil-konfront tal-applikant;

–        fil-kuntest tal-appell, l-Istat Membru ma jipprovdix informazzjoni preċiża dwar il-kontenut jew il-bażi tar-raġuni jew raġunijiet li fuqhom hija msejsa t-twissija tal-Istat Membru l-ieħor (jew tal-Istati Membri l-oħra)?

2) Iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda huma konformi mal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, b’mod partikolari inkonnessjoni mal-obbligu tal-amministrazzjoni li tipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha?

3)      a)      Ir-risposti għall-ewwel u t-tieni domanda għandhom ikunu differenti jekk, fid-deċiżjoni definittiva marbuta mal-viża, l-Istat Membru jindika l-possibbiltà ta’ rimedju effettivament eżistenti u speċifikata b’mod suffiċjentement ċar fl-Istat Membru l-ieħor kontra l-awtorità responsabbli indikata b’isimha f’dan l-Istat Membru l-ieħor (jew f’dawn l-Istati Membri l-oħra) li ħareġ (jew ħarġu) it-twissija prevista fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, rimedju li fil-kuntest tiegħu tista’ tiġi kkontestata r-raġuni ta’ rifjut inkwistjoni?

3)      b)      Sabiex tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, b’rabta mal-parti (a) tat-tielet domanda, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni dwar l‑appell ippreżentat fi u kontra l-Istat Membru li ħa d-deċiżjoni finali tiġi sospiża sa meta l-applikant ikollu l-opportunità jeżerċita l-possibbiltà ta’ rimedju prevista fl-Istat Membru l-ieħor (jew fl-Istati Membri l-oħra) u, fil-każ li l-applikant jeżerċita din il-possibbiltà, sa meta tingħata d‑deċiżjoni (definittiva) fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju?

4.      Sabiex tingħata risposta għad-domandi, huwa rilevanti jekk (l-awtorità ta’) l-Istat Membru (jew tal-Istati Membri) li ħareġ (jew ħarġu) it-twissija għall-ħruġ tal-viża tistax ikollha l-fakultà li tintervjeni fil-proċedura ta’ appell mid-deċiżjoni definittiva marbuta mal-viża bħala t-tieni parti konvenuta u, f’din il-kwalità, tistax tkun f’pożizzjoni li tesponi l-bażi tar‑raġuni jew tar-raġunijiet li fuqhom hija msejsa t-twissija?”

31      Minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mat-tixrid tal-coronavirus, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2020, annullat is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li kienet prevista inizjalment f’dawn il-kawżi u kkonvertiet f’mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub il-mistoqsijiet li kienu ġew ikkomunikati lill-partijiet u lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. R.N.N.S., K.A., il-Gvern Olandiż, Ġermaniż u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea bagħtu t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domandi preliminari

32      Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(2) u (3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa jimponi fuq l-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża abbażi tal-Artikolu 32(1)(a)(vi) ta’ dan il-kodiċi minħabba oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża minn Stat Membru ieħor li jindika, f’din id-deċiżjoni, l-identità tal-Istat Membru li qajjem tali oġġezzjoni, ir-raġuni ta’ rifjut speċifika bbażata fuq din l-oġġezzjoni kif ukoll ir-rimedji disponibbli kontra l-imsemmija oġġezzjoni u, min-naħa l-oħra, li, meta rikors jiġi ppreżentat kontra din l-istess deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 32(3) tal-istess kodiċi, il-qrati tal-Istat Membru li jkun ħa din l-aħħar deċiżjoni għandhom ikunu jistgħu jeżaminaw il-legalità fuq il-mertu tal-oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża minn Stat Membru ieħor.

33      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 41 tal-Karta, invokat mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex rilevanti sabiex din tingħata kjarifiki fil-kuntest tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din ma hijiex indirizzata lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar il-portata tal-motivazzjoni li għandha tingħata mad-deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża abbażi tal-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, intiż li japplika għall-Istati Membri meta dawn jimplimentaw dan id-dritt, li jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi rrilevat li s-sistema stabbilita mill-Kodiċi dwar il-Viżi tippreżupponi armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi uniformi, u dan jeskludi l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut ta’ tali viżi, li jimplika li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw il-ħruġ ta’ viża uniformi fuq il-bażi ta’ raġuni differenti minn dawk previsti minn dan il-kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 45 u 47).

36      Skont l-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi tal-Viżi, il-viża għandha tiġi rrifjutata jekk l-applikant jiġi kkunsidrat bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri, u, b’mod partikolari, jekk kien is-suġġett, għal dawn l-istess raġunijiet, ta’ twissija fid-database nazzjonali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ ċaħda tad-dħul. Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda t-theddida għal wieħed mill-Istati Membri, jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali theddida tikkostitwixxi raġuni għar-rifjut tal-viża, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din tikkonċernax l-Istat Membru tal-konsulat kompetenti jew Stat Membru ieħor.

37      Huwa l-konsulat kompetenti, meta jistħarreġ jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul, li għandu jivverifika b’mod partikolari, skont l-Artikolu 21(3)(d) ta’ dan il-kodiċi, li dan l-applikant ma huwiex ikkunsidrat li jikkostitwixxi tali theddida u, b’mod partikolari, li ma kienx is-suġġett, għal dawn l-istess raġunijiet, ta’ twissija fid-database nazzjonali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru li jeżaminaw l-applikazzjoni għal viża jistgħu, barra minn hekk, jaslu f’sitwazzjoni fejn ikollhom jikkonsultaw l-awtoritajiet ċentrali ta’ Stati Membri oħra, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel deskritta fl-Artikolu 22(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi, sabiex ikunu jistgħu jressqu, jekk ikun il-każ, oġġezzjonijiet għall-ħruġ tal-viża għall-istess raġunijiet.

38      Skont l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża u l-motivazzjonijiet tagħha għandhom jiġu kkomunikati lill-applikant permezz tal-formola standard. Kif jirriżulta mill-punt 9 ta’ din is-sentenza, il-formola standard tinkludi ħdax-il kaxxa, li kull waħda minnhom tikkorrispondi għal raġuni waħda jew iktar ta’ rifjut, ta’ annullament jew ta’ revoka ta’ viża previsti mill-imsemmi kodiċi, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jimmarkaw sabiex jikkomunikaw lill-applikant għal viża l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut kontrih.

39      B’mod partikolari, is-sitt kaxxa tal-formola standard tippreċiża li “Stat Membru wieħed jew iktar iqisu” li l-applikant jirrappreżenta theddida għal waħda mir-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Għalkemm il-formulazzjoni tal-motivazzjoni li tidher fir-rigward ta’ din il-kaxxa ma tipprovdix il-possibbiltà, għall-awtorità nazzjonali kompetenti, li tidentifika l-Istat Membru li qajjem oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża u lanqas li timmotiva iktar ’il quddiem id-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari billi tippreċiża r-raġuni speċifika, fost dawk kollha msemmija b’mod mhux distint minn din id-dispożizzjoni, li tiġġustifika din id-deċiżjoni, tali preċiżazzjonijiet jistgħu madankollu jsiru minn din l-istess awtorità maġenb it-taqsima intitolata “Rimarki” tal-formola standard.

40      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, l-applikanti li jkunu ngħataw deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża jistgħu jippreżentaw appell minn din id-deċiżjoni, liema appell għandu jiġi ppreżentat kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal viża skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż id-dritt għal appell previst fl-Artikolu 32(3) ta’ dan il-kodiċi, għandha ssir, kif jirriżulta mill-premessa 29 tal-imsemmi kodiċi, b’osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta, li hija applikabbli meta Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti ta’ viża skont l-Artikolu 32(1) ta’ dan l-istess kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punti 32 u 37, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Vethanayagam et, C‑680/17, EU:C:2019:627, punt 79).

42      Il-karatteristiċi tal-appell previst fl-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhom għalhekk jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu.

43      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha minn awtorità amministrattiva jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53).

44      F’dan il-każ, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara oġġezzjonijiet magħmula mill-Ungerija u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ħruġ ta’ viżi lil R.N.N.S. u lil K.A., il-Ministru ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom għal viża abbażi tal-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Il-Ministru mmotiva dawn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut permezz tal-formola standard, billi mmarka s-sitt kaxxa ta’ din tal-aħħar, maġenb liema tinsab il-motivazzjoni ddefinita minn qabel li skontha Stat Membru wieħed jew iktar iqisu li l-applikant jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà nazzjonali jew għas-saħħa pubblika, fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

45      Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 34 u 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li l-applikant li ma ngħatax viża minħabba oġġezzjoni mqajma minn Stat Membru għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jista’ jkun jaf ir-raġuni għal rifjut speċifika li fuqha ġiet ibbażata din id-deċiżjoni kif ukoll l-identità tal-Istat Membru li esprima l-oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ dan id-dokument.

46      Għaldaqstant, anki jekk, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-motivazzjoni li tikkorrispondi għas-sitt kaxxa tal-formola standard hija ddefinita minn qabel, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija, fil-każ ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, obbligata tippreċiża, fil-parti intitolata “Rimarki” tal-formola standard, l-identità tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li qajmu oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża u r-raġuni għal rifjut speċifika bbażata fuq din l-oġġezzjoni, akkumpanjata, skont il-każ, mis-sustanza tar-raġunijiet tal-imsemmija oġġezzjoni.

47      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament (UE) 2019/1155 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament Nru 810/2009 (ĠU 2019, L 188, p. 25, rettifika fil-ĠU 2020, L 20, p. 25), jipprevedi formola standard ġdida li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jużaw sabiex jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom ta’ rifjut ta’ viża u li fiha d-diversi raġunijiet għal rifjut ta’ viża msemmija fl-Artikolu 32(1)(a)(vi) tal-Kodiċi dwar il-Viżi huma issa distinti waħda mill-oħra.

48      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-appell previst fl-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ viża jeżiġi li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni ma jkunx limitat għal eżami formali tar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Għalhekk, dan l-istħarriġ għandu jirrigwarda wkoll il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-proċess, kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, li fuqhom l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun ibbażat din id-deċiżjoni.

49      F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jibbenefikaw, matul l-eżami tal-applikazzjonijiet għal viża, minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ rifjut previsti mill-Kodiċi dwar il-Viżi u l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 60, u tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 36). L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat, għalhekk, għall-verifika ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed u sabiex jiġi żgurat li ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punti 45 u 46).

50      Madankollu, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-istħarriġ imwettaq mill-qrati tal-Istat Membru li ħa d-deċiżjoni definittiva ta’ rifjut ta’ viża, li għandu bħala suġġett l-eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, u, min-naħa l-oħra, l-istħarriġ tal-fondatezza tal-oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ viża maħruġa minn Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 22 ta’ dan il-kodiċi, li għandu jsir mill-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor jew ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra.

51      F’dan ir-rigward, il-qrati tal-Istat Membru li ħa deċiżjoni definittiva ta’ rifjut ta’ viża minħabba t-tqajjim ta’ oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ dan id-dokument minn Stat Membru ieħor jew minn diversi Stati Membri oħra għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw ruħhom li l-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra deskritta fl-Artikolu 22 tal-Kodiċi dwar il-Viżi ġiet applikata b’mod korrett, b’mod partikolari li jivverifikaw jekk l-applikant ġiex identifikat b’mod korrett bħala kopert mill-oġġezzjoni kkonċernata, u li l-garanziji proċedurali, bħall-obbligu ta’ motivazzjoni espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ġew osservati fil-każ speċifiku.

52      Min-naħa l-oħra, il-legalità fuq il-mertu ta’ oġġezzjoni maħruġa minn Stat Membru għall-ħruġ ta’ viża ma tistax tiġi mistħarrġa mill-imsemmija qrati. Sabiex l-applikant għall-viża kkonċernat jitqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt ta’ appell tiegħu kontra tali oġġezzjoni, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ viża li għandhom jindikaw l-awtorità li l-applikant għal viża jista’ jindirizza sabiex ikun jaf ir-rimedji disponibbli għal dan il-għan f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

53      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu dwar in-natura u l-modalitajiet konkreti tar-rimedji li l-applikanti għal viża għandhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punti 25 u 26).

54      Għalhekk, huwa l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ viża li għandu jipprevedi regoli proċedurali li jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv tal-applikanti għal viża, bħat-talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu qajmu oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ viża jew ukoll il-possibbiltà ta’ intervent tagħhom fil-proċedura ta’ appell mibdija skont l-Artikolu 32(3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jew kwalunkwe mekkaniżmu ieħor li jiżgura li r-rikors ta’ dawn l-applikanti ma jkunx jista’ jiġi definittivament miċħud mingħajr ma kellhom il-possibbiltà konkreta li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

55      Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-Istat Membru kkonċernat jista’ joħroġ viża b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 32(2) u (3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa jobbliga lill-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża abbażi tal-Artikolu 32(1)(a)(vi) ta’ dan il-kodiċi minħabba li tkun saret oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża minn Stat Membru ieħor li jindika, f’din id-deċiżjoni, l-identità tal-Istat Membru li jkun qajjem tali oġġezzjoni, ir-raġuni ta’ rifjut speċifika – ibbażata fuq din l-oġġezzjoni, akkumpanjata, skont il-każ, mis-sustanza tar-raġunijiet għall-imsemmija oġġezzjoni kif ukoll l-awtorità nazzjonali li l-applikant għal viża jista’ jindirizza sabiex isir jaf ir-rimedji disponibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor u, min-naħa l-oħra, li, meta rikors jiġi ppreżentat kontra din l-istess deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 32(3) tal-istess kodiċi, il-qrati tal-Istat Membru li jkun ħa din l-aħħar deċiżjoni ma jistgħux jeżaminaw il-legalità fuq il-mertu tal-oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża minn Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 32(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa jobbliga lill-Istat Membru li jkun ħa deċiżjoni finali ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ viża abbażi tal-Artikolu 32(1)(a)(vi) tar-Regolament Nru 810/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, minħabba oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża minn Stat Membru ieħor li jindika, f’din id-deċiżjoni, l-identità tal-Istat Membru li jkun qajjem tali oġġezzjoni, ir-raġuni ta’ rifjut speċifika – ibbażata fuq din l-oġġezzjoni, akkumpanjata, skont il-każ, mis-sustanza tar-raġunijiet għall-imsemmija oġġezzjoni kif ukoll l-awtorità nazzjonali li l-applikant għal viża jista’ jindirizza sabiex isir jaf ir-rimedji disponibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor u, min-naħa l-oħra, li, meta rikors jiġi ppreżentat kontra din l-istess deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 810/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, il-qrati tal-Istat Membru li jkun ħa din l-aħħar deċiżjoni ma jistgħux jeżaminaw il-legalità fuq il-mertu tal-oġġezzjoni għall-ħruġ tal-viża minn Stat Membru ieħor.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.