Language of document : ECLI:EU:C:2024:267

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C224/23 P

Penya Barça Lyon: Plus que des supporters (PBL),

Issam Abdelmouine

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna allegata favur Paris Saint-German FC – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Artikolu 24(2) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Portata tat-tifsira ta’ ‘interess’ ta’ persuna, ta’ impriża jew ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi – Neċessità ta’ rabta kawżali bejn l-interessi ta’ dawn il-partijiet u l-għoti tal-għajnuna”






I.      Introduzzjoni

1.        Issaam Abdelmouine huwa dilettant kburi ta’ FC Barcelona u “socio” (membru) ta’ dan il-klabb tal-futbol. Flimkien ma’ Penya Barça Lyon: Plus que des supporters (iktar ’il quddiem “PBL”), assoċjazzjoni Franċiża ta’ dilettanti tal-futbol ta’ FC Barcelona, huwa ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea sabiex jallega li ngħatat għajnuna illegali mill-Istat minn Franza fil-forma ta’ nuqqas ta’ infurzar ta’ ċerti regoli dwar il-fair play finanzjarju tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (iktar ’il quddiem l-“UEFA”). Huwa argumenta li dan in-nuqqas ta’ infurzar ippermetta lil Paris Saint-Germain FC jikseb il-plejer tal-futbol Lionel Messi minn FC Barcelona.

2.        Il-Kummissjoni wieġbet għal dak l-ilment permezz ta’ ittra li fiha hija spjegat li din il-korrispondenza ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “ilment formali” (2), peress li I. Abdelmouine ma kellux l-istatus ta’ “parti interessata”, fis-sens tar-Regoli Proċedurali (3).

3.        Fis-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2023, fil-kawża PBL u WA vs Il‑Kummissjoni (T‑538/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:53, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li tirriżulta mill-proċedura għal annullament mibdija kontra din l-ittra, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li I. Abdelmouine ma setax jiġi rrikonoxxut bħala “parti interessata”, fis-sens tar-Regoli Proċedurali.

4.        Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara r-rekwiżiti li fuqhom huwa bbażat il-kunċett ta’ “parti interessata” għall-finijiet tal-proċedura ta’ lment fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Fuq lilment lillKummissjoni u littra inkwistjoni

5.        Il-fatti u l-kuntest ġuridiku rilevanti għal dan l-appell jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

6.        Fit‑8 ta’ Awwissu 2021, FC Barcelona ħabbar it-tluq ta’ Lionel Messi lejn Paris Saint-Germain FC.

7.        Fl-istess jum, I. Abdelmouine lmenta mal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat allegatament illegali favur Paris Saint-Germain FC mil-Ligue de Football Professionnel (il-Lega Franċiża tal-Futbol Professjonali) u mill-awtorità amministrattiva ta’ sorveljanza tagħha, fil-forma ta’ sospensjoni temporanja tal-infurzar mill-Fédération française de football (il-Federazzjoni Franċiża tal-Futbol) tal-UEFA Club Licensing and Financial Fair Play Regulations (ir-Regolamenti tal-UEFA dwar il-Liċenzjar tal-Klabbs u tal-Fair Play Finanzjarju (4).

8.        Skont I. Abdelmouine, din id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ infurzar irriżultat f’distorsjoni tar-regoli applikati mill-korpi tal-futbol professjonali fi Spanja u fi Franza, li affettwaw il-kompetizzjoni u ppermettiet lil Paris Saint-Germain FC jirrekluta lil Lionel Messi.

9.        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni wieġbet għall-ilment ta’ I. Abdelmouine (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (5).

10.      Fil-parti rilevanti, id-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“Skont l-Artikolu 24(2) tar-[Regoli Proċedurali], ilmenti formali jistgħu jitressqu biss mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma kwalunkwe Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi kompetituri u assoċjazzjonijiet kummerċjali […]

Int ippreżentajt l-ilment f’isem membru (socio) ta’ [FC Barcelona]. Membru la huwa kompetitur tal-Paris Saint-Germain FC u lanqas assoċjazzjoni kummerċjali. Filwaqt li d-definizzjoni ta’ ‘parti interessata’ ma hijiex limitata biss għall-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-interessi purament ġenerali jew indiretti ta’ persuna f’miżura ma jikkwalifikawx lil dik il-persuna bħala parti interessata, peress li tali elementi ma jiżvelaw l-ebda effett reali fuq is-sitwazzjoni tagħha. Pereżempju, l-istatus ta’ azzjonist tal-kumpannija li jikkompeti ma’ benefiċjarju tal-għajnuna ma jagħtix lil dik il-persuna interess proprju u distint minn dak tal-kumpannija kkonċernata. L-azzjonist jista’ jiddefendi l-interessi tiegħu fir-rigward ta’ din il-miżura biss billi jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala membru ta’ din l-impriża, li hija stess jista’ jkollha d-dritt li tressaq ilment. L-istatus ta’ parti interessata ma huwiex estiż għall-persuni kollha li jistgħu jiġu affettwati minn tnaqqis fil-profitt jew telf nett annwali ta’ impriża. Is-sitwazzjoni tal-membri (“socios”) ta’ [FC Barcelona], li huwa organizzat bħala assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, hija simili f’dan ir-rigward għal dik tal-azzjonisti ta’ kumpannija, peress li jistgħu jsostnu biss interess indirett fil-miżura inkwistjoni, permezz ta’ [FC Barcelona].

Billi għalhekk inti ma tikkwalifikax bħala parti interessata, is-sottomissjoni tiegħek ma tistax tiġi ttrattata bħala lment formali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-[Regoli Proċedurali]”.

B.      Ilkawża quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

11.      Permezz ta’ rikors tat‑2 ta’ Settembru 2021, PBL u I. Abdelmouine (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) ippreżentaw rikors skont l-Artikolu 263 TFUE quddiem il-Qorti Ġenerali.

12.      B’dak ir-rikors, dawn il-partijiet talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni tiġi ordnata, inter alia, biex tibda investigazzjoni kontra Franza għal għajnuna illegali mill-Istat lil Paris Saint-Germain FC fil-kuntest tal-kompetizzjonijiet nazzjonali u Ewropew tagħha (6).

13.      L-uniku motiv imressaq fl-ewwel istanza allega l-ksur tal-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali. Fih, l-appellanti sostnew ukoll li l-Kummissjoni kienet qabblet b’mod żbaljat l-istatus ta’ azzjonist u ta’ “socio” u b’hekk waslet għal interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “parti interessata” (7).

14.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel iddikjarat ir-rikors għal annullament inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat minn PBL, peress li ma kien hemm ebda prova li l-ilment kien ġie ppreżentat ukoll f’isem din il-parti (8).

15.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-erba’ tipi ta’ interessi invokati minn I. Abdelmouine, jiġifieri: (i) l-interess patrimonjali dirett fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FC Barcelona; (ii) l-interess ibbażat fuq il-valuri tal-futbol u d-difiża tal-isport; (iii) il-konsegwenza ta’ kompetizzjoni distorta fuq il-mod kif inhu organizzat FC Barcelona; u (iv) l-interess fil-preservazzjoni tad-drittijiet tas-‘socios’ fil-każ ta’ bidla fl-istatus jew fl-istruttura ta’ FC Barcelona.

16.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ebda wieħed mill-interessi invokati minn I. Abdelmouine insostenn tal-istatus tiegħu bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali, ma jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (9)

17.      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ineffettiv l-argument ta’ I. Abdelmouine li jgħid li l-istatus tiegħu ta’ “socio” ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ azzjonist ta’ kumpannija. Hija spjegat li l-analoġija magħmula fid-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni kienet anċillari għad-dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar li I. Abdelmouine ma kienx jikkostitwixxi “parti interessata” (10).

18.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

III. Ilkawża quddiem ilQorti talĠustizzja

19.      Permezz ta’ appell ippreżentat fil‑11 ta’ April 2023, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tilqa’ t-talba mressqa fl-ewwel istanza, fil-verżjoni finali tagħha.

20.      Fir-risposta tagħha, ippreżentata fl‑14 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-kawża.

IV.    Analiżi

21.      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni informat lil I. Abdelmouine li l-ilment tiegħu ma setax jiġi ttrattat bħala lment “formali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali. Skont il-Kummissjoni, dan huwa għaliex I. Abdelmouine ma kellux il-kwalità ta’ “parti interessata”, kif jidher fl-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tispjega wkoll li l-informazzjoni pprovduta minn I. Abdelmouine kienet ser tkun irreġistrata bħala “informazzjoni ġenerali dwar is-suq” (11).

22.      Il-Kummissjoni ma spjegatx x’konsegwenzi kienu jirriżultaw mir-rifjut li l-korrispondenza tiegħu tiġi trattata bħala lment “formali”, iżda minflok bħala “informazzjoni ġenerali dwar is-suq”. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma fiha xi dikjarazzjoni dwar il-kwistjoni fuq jekk il-Kummissjoni tqisx li hemm għajnuna mill-Istat (illegali), jew jekk hijiex beħsiebha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

23.      Permezz tar-rikors għal annullament tagħhom, l-appellanti għalhekk essenzjalment jikkontestaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkwalifika lil I. Abdelmouine bħala “parti interessata”.

24.      Fil-fehma tiegħi, din il-kontestazzjoni tistieden żewġ mistoqsijiet. L-ewwel, x’konsegwenzi jinvolvi dan ir-rifjut għal I. Abdelmouine? It-tieni, I. Abdelmouine ġie rrifjutat b’mod żbaljat l-istatus ta’ “parti interessata”?

25.      Ser nittratta dawn il-mistoqsijiet wara xulxin. Għal dan il-għan, l-ewwel ser nispjega fil-qosor id-drittijiet proċedurali attribwiti lill-“partijiet interessati” u dawk mogħtija lil persuni li ma jkollhomx tali status (A). Imbagħad ser neżamina l-kundizzjonijiet biex jinkiseb l-istatus ta’ “parti interessata”, kif jidher fl-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali (B). Fl-aħħar nett, ser nikkunsidra jekk il-Qorti Ġenerali żbaljatx meta ċaħdet lil I. Abdelmouine l-istatus ta’ “parti interessata” (C).

A.      Iddrittijiet proċedurali ta’ “partijiet interessati” u persuni oħra

26.      L-obbligu tal-Kummissjoni biex tinvestiga għajnuna li għandha l-potenzjal li timmina l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta bejn l-impriżi (u l-Istati Membri) fis-suq intern isegwi direttament mit-Trattati.

27.      Għalhekk, kull meta l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni li tallega ksur potenzjali tal-Artikolu 107 TFUE, hija għandha, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, teżamina din l-informazzjoni u tiddeċiedi jekk teħtieġx xi azzjoni ulterjuri, inkluż il-ftuħ tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE (12).

28.      Dan l-obbligu jirriżulta irrispettivament minn jekk hijiex il-vittma ta ’ kompetizzjoni distorta fis-suq intern li tressaq ċerta informazzjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, jew persuna li tista’ titqies li għandha iktar tħassib “komuni” jew “ġenerali” fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna allegatament illegali.

29.      Fl-istess ħin, l-Artikolu 108 TFUE jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza esklużiva li tissorvelja l-implimentazzjoni tajba tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jipprovdi li hija għandha twettaq dan ir-rwol “kostantement [b’kooperazzjoni] ma’ l-Istati Membri”.

30.      Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonkludi li l-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat tinvolvi, prinċipalment, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biss: investigazzjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna tinbeda kontra l-Istat u tiġi indirizzata lilu, u mhux kontra l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna jew partijiet oħra affettwati minnha (13).

31.      Għalhekk, bħala prinċipju, terzi huma esklużi mill-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, speċjalment mill-istadju preliminari tagħha, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinfetaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

32.      Din l-esklużjoni timplika li la l-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna u lanqas ebda entità oħra affettwata minnha ma jistgħu jitqiesu li għandhom kwalunkwe rwol partikolari fil-fażi preliminari tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna skont l-Artikolu 108(3) TFUE (14).

33.      It-terzi tqiesu bħala detenturi ta’ ċerti drittijiet proċedurali biss fil-livell tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mibdija abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE. Peress li din il-fażi tal-proċedura hija “intiża li tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il-fatti kollha tal-kawża”, din l-istituzzjoni hija marbuta li tagħti lil kull parti “interessata” l-possibbiltà li tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha (15).

34.      Madankollu, minkejja l-obbligu tal-Kummissjoni, ibbażat fuq it-Trattat, li tinvestiga kwalunkwe każ possibbli ta’ għajnuna illegali, ma kien jeżisti l-ebda dritt proċedurali tal-partijiet interessati fl-istadju preliminari.

35.      Kien biss fl‑1998, wara s-sentenza fil-kawża Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, li terzi ngħataw għall-ewwel darba ċerti drittijiet proċedurali barra mill-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (16).

36.      Din is-sentenza serviet ukoll bħala l-inizjattiva, matul il-proċedura leġiżlattiva li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 659/1999 (17) (il-predeċessur tar-Regoli Proċedurali) (18), sabiex tattribwixxi uffiċjalment lil dawn il-partijiet id-dritt speċifiku li jressqu lment quddiem il-Kummissjoni “sabiex tinforma [lil din tal-aħħar] dwar kull għajnuna allegatament illegali” (19).

37.      Dan id-dritt ta’ lment għandu jkun akkumpanjat minn ċerti drittijiet proċedurali mogħtija mir-Regoli Proċedurali fl-istadju preliminari tal-proċedura.

38.      Pereżempju, meta jitressaq ilment, l-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali jeżiġi li l-Kummissjoni tikkomunika mal-lanjant. Dan ir-rekwiżit jimplika li, jekk hija tqis, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-ilment, li ma hemmx, prima facie, raġunijiet suffiċjenti sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-parti kkonċernata b’din id-deċiżjoni. Wara li tkun esprimiet din il-pożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti wkoll lill-parti kkonċernata terminu sabiex twieġeb u eventwalment tipprovdi informazzjoni addizzjonali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija obbligata tibgħat, lill-“parti interessata”, kopja tad-deċiżjoni dwar każ li jikkonċerna s-suġġett tal-ilment.

39.      Dawn id-drittijiet ġew imsaħħa iktar fil-ġurisprudenza.

40.      Għalhekk, speċjalment meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE għaliex hija tqis li l-miżura li wasslet għall-ilment ma tikkostitwixxix għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, jew għaliex din l-għajnuna titqies li hija ġġustifikata, il-lanjant ġie irrikonoxxut bħala li għandu locus standi sabiex jikkontesta d-deċiżjoni li tirriżulta abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din il-possibbiltà li jinfetħu proċeduri hija ġġustifikata minħabba d-drittijiet proċedurali li kien jibbenefika minnhom terz kieku nbdiet il-proċedura formali (20).

41.      Għaldaqstant, ir-Regoli Proċedurali jiftħu mezz proċedurali sabiex terzi jindirizzaw, tal-inqas sa ċertu punt, lill-Kummissjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE (21).

42.      Madankollu, ir- Regoli Proċedurali ma jagħtu drittijiet proċedurali lil ebda terz li jissottometti informazzjoni lill-Kummissjoni dwar allegata għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, ir-Regoli Proċedurali jistabbilixxu distinzjoni intrinsika bejn il-“partijiet interessati” u (dak li ser insejjaħ) l-“informaturi l-oħra”.

43.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar- Regoli Proċedurali, il-Kummissjoni tista’ teżamina fuq inizjattiva tagħha stess l-informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali, ikun xi jkun is-sors tagħha. Għall-kuntrarju, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi li l-Kummissjoni għandha teżamina mingħajr dewmien kull ilment imressaq “minn kwalunkwe parti interessata”, jekk dan jitressaq skont l-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali (22).

44.      L-Artikolu  24(2) tar-Regoli Proċedurali jirriżerva d-dritt ta’ lment lill-“partijiet interessati”.

45.      B’mod speċifiku, dan l-artikolu jipprovdi li “[k]ull parti interessata tista’ tippreżenta lment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament kontra l-liġi jew allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Għal dak il-għan, il-parti interessata għandha timla formola li tkun ġiet stabbilita f’dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni [...] u għandha tipprovdi kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha” (23).

46.      L-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali jipprevedi għalhekk żewġ rekwiżiti prattiċi għat-tressiq ta’ lment quddiem il-Kummissjoni: (i) il-ħtieġa li tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”; u (ii) il-ħtieġa li timtela formola standard flimkien mal-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni biex tintwera l-eżistenza “prima facie” ta’ għajnuna illegali jew użu ħażin tal-għajnuna (24).

47.      Għalhekk, il-kunċett ta’ “parti interessata” jagħti lil dan it-tip ta’ informatur ċerti drittijiet proċedurali li “informaturi oħra” ma jgawdux.

48.      Ir-riżultat huwa dan li ġej: billi ċaħdet lil I. Abdelmouine l-istatus ta’ “parti interessata” fis-sens tar-Regoli Proċedurali, il-Kummissjoni ċaħħdet ukoll lil din il-parti mid-drittijiet proċedurali previsti f’dan ir-regolament, minkejja li dan ma jeżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tinvestiga l-informazzjoni pprovduta dwar l-allegata għajnuna mill-Istat.

B.      Min hija ‘parti interessata’?

49.      Id-definizzjoni ta’ “parti interessata” hija stabbilita fl-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali.

50.      Din id-dispożizzjoni, li żżomm il-kliem tar-Regolament Nru 659/1999, tikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “part[i] interessat[a]”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (25).

51.      Din tgħid li “parti interessata” tfisser “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li filwaqt li din id-definizzjoni ċertament tinkludi impriżi kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna (26), il-kliem tagħha huwa tali li jista’ jinkludi “numru indeterminat ta’ destinatarji” (27).

53.      Il-kriterji ta’ kwalifika li jiċċirkoskrivu din il-lista teoretikament miftuħa ta’ persuni hija l-kwistjoni ta’ jekk “l-interessi tagħhom jistgħu[x] [i]kunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna” (28).

54.      Peress li din il-kawża tikkonċerna parti li ma hijiex impriża li tikkompeti ma’ impriża li lilha allegatament ingħatat għajnuna, hija t-tifsira tal-kunċetti ta’ “interessi” u ta’ “affettwati” fl-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali li hija rilevanti biex tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk I. Abdelmouine għandux l-istatus ta’ “parti interessata”.

1.      Kwistjoni ta’ interess

55.      Liema interessi jistgħu jagħmlu lil persuna fiżika jew ġuridika “parti interessata”? Ir-Regoli Proċedurali ma jgħidu xejn dwar din il-kwistjoni.

56.      F’linja waħda ġurisprudenzjali, il-Qorti Ġenerali ħadet il-pożizzjoni li persuna li għandha “interess purament ġenerali jew indirett” fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna partikolari ma tistax tikkwalifika għall-istatus ta’ “parti interessata” (29). Din il-ġurisprudenza ma tispjegax x’inhu mifhum b’interessi “purament ġenerali”. Madankollu, jidher li hi mnebbħa mill-ġurisprudenza dwar atti li jikkonċernaw lil dak li jkun direttament u individwalment skont ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE (30). Dan, fil-fehma tiegħi, huwa żbaljat.

57.      Il-kunċett ta’ “interess”, sa fejn huwa marbut mal-istatus ta’ “parti interessata” fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat, huwa maqtugħ mill-kapaċità ta’ din il-parti li tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni, li hija takkwista taħt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE. Sabiex ikollha locus standi biex tikkontesta tali deċiżjoni, il-“parti interessata” għandha turi li hi kkonċernata direttament u individwalment – dik il-kapaċità ma tirriżultax direttament mit-trattament tagħha bħala “parti interessata” taħt ir-Regoli Proċedurali (31).

58.      Li tkun ikkonċernata direttament u individwalment huwa preżunt biss jekk il-parti interessata tfittex li tikkontesta deċiżjoni li ma tinbediex il-proċedura formali (ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

59.      Madankollu, f’linja ġurisprudenzjali differenti, il-Qorti Ġenerali ma tikkundizzjonax l-istatus ta’ “parti interessata” fuq l-eżistenza ta’ natura personali, għall-kuntrarju ta’ natura ġenerali ta’ interess partikolari (32).

60.      Inqis li dan l-approċċ huwa iktar konsistenti mal-għan tal-istatus ta’ “parti interessata” fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat.

61.      Kif jgħid u r-Regoli Proċedurali nnifishom, il-proċedura tal-ilment hija “sors essenzjali ta’ informazzjoni biex jinqabad ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat” (33).

62.      F’dan ir-rigward, ftit jimporta liema tip ta’ interess suġġettiv ħeġġeġ lil lanjant jindirizza lment lill-Kummissjoni li jallega l-presenza ta’ għajnuna illegali (34).

63.      L-informazzjoni li l-Kummissjoni tirċievi mingħand il-partijiet interessati tippermettilha potenzjalment tiskopri u tinvestiga jekk miżura ta’ għajnuna tipproduċix effetti dannużi fuq is-suq intern. Għalhekk, anki meta l-interessi ta’ lanjant ma jkunux allinjati ma’ dawk , pereżempju, tal-benefiċjarju tal-għajnuna, jew anki jekk bl-ebda mod ma jkunu interessi ekonomiċi, dak li huwa importanti huwa l-interess pubbliku, kondiviż mis-suġġetti kollha tad-dritt tal-Unjoni, li s-superviżjoni tagħhom hija fdata lill-Kummissjoni, li tiġi pprojbita kwalunkwe għajnuna li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

64.      Dan l-approċċ miftuħ tal-portata tal-“interessi” koperti mir-Regoli Proċedurali huwa rifless, b’mod l-iktar prominenti, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni (35).

65.      Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-interess ta’ “assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi tal-isport kollu tal-karozzi Ġermaniż b’rabta maċ-ċirkwit ta’ Nürburgring, li l-għan ċentrali tagħha huwa li tiżgura l-operat ta’ dan iċ-ċirkwit f’kundizzjonijiet ekonomiċi orjentati fuq l-interess ġenerali li jiġi żgurat l-aċċess għal dan iċ-ċirkwit anki mill-isportivi dilettanti […]” (36)huwa biżżejjed biex jissodisfa l-kriterju ta’ “interess”.

66.      Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni għalfejn jitqies li l-interess taż-żamma ta’ ċertu struttura organizzattiva u funzjonali fir-rigward tal-organizzazzjonijiet sportivi, jew anki l-interess iktar wiesa’ li tiġi ggarantita l-ekwità fi sport partikolari, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala interess suffiċjenti sabiex parti tiġi kklassifikata bħala “parti interessata”, fis-sens tar-Regoli Proċedurali.

67.      Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar liema interessi jistgħu jiġu affettwati hija pjuttost sempliċi: kwalunkwe interess jista’ jiġi protett billi jitressaq ilment kontra l-għoti ta’ għajnuna li jista’ jkollu effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

68.      Madankollu, peress li l-kwalità ta’ “parti interessata” tagħti ċerti drittijiet lil parti, u fid-dawl tal-fatt li r-Regoli Proċedurali ma kellhomx l-għan li jagħtu tali drittijiet lil kull persuna, iżda pjuttost kellu l-għan li jillimitahom għal ċerta kategorija ta’ persuni, iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jinvokaw dan l-istatus għandu neċessarjament ikun limitat.

69.      Kif ser nispjega, il-veru element ta’ filtru ma huwiex it-tip ta’ interess involut, iżda pjuttost ir-rekwiżit li dak l-interess ikun milqut. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk tistax tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-effetti fuq l-interess jew l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika u l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

2.      Kwistjoni ta’ effett

70.      L-Artikolu 1(h) tar- Regoli Proċedurali jissuġġetta l-istatus ta’ “parti interessata” għall-kundizzjoni tal-possibbiltà li l-interessi ta’ din il-parti jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna.

71.      Tradizzjonalment, il-ġurisprudenza fehmet dan ir-rekwiżit bħala li jirrikjedi li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni jista’ jkollha effett “reali” jew “speċifiku” fuq is-sitwazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni jew dik tal-persuni li hija tirrappreżenta (37).

72.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-espressjonijiet huma biss sinonimi mar-rekwiżit ta’ rabta kawżali bejn il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni u l-effetti allegati.

73.      L-użu tal-kelma “bl-” fl-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali jimplika li l-persuna li tfittex li tinvoka l-istatus ta’ “parti interessata” għandha tistabbilixxi li l-preġudizzju għall-interess inkwistjoni jirriżulta pożittivament mill-miżura partikolari li hija tikkontesta (38).

74.      Barra minn hekk, fi d-dawl tal-użu tal-kundizzjonali “jistgħu” fit-test ta’ din id-dispożizzjoni, l-istatus ta’ “parti interessata” ma jiddependix minn jekk l-interessi tal-persuna ġewx effettivament milquta, iżda jestendi wkoll għal effett potenzjali li jista’ jirriżulta mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (39).

75.      Madankollu, fil-prattika, dan it-tip ta’ attribuzzjoni potenzjali jista’ jkun diffiċli li jiġi stabbilit b’ livell ta’ ċertezza. Miżuri multipli (li wħud minnhom huma ta’ natura regolatorja) jew effetti (li joriġinaw minn miżuri jew atti upstream/downstream) jistgħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi għall-entità inkwistjoni.

76.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nissuġġerixxi li l- attribuzzjoni pożittiva msemmija iktar ’il fuq tiġi ssuplimentata b’evalwazzjoni ta’ attribuzzjoni negattiva.

77.      Dan ifisser li l-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-miżura ikkontestata tibqax fl-oriġini tal-allegati effetti dannużi, anki meta jiġu eliminati l-effetti li, fir-realtà, jirriżultaw minn sorsi possibbli oħra (40).

78.      Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza diġà tirrikonoxxi (impliċitament) dan it-tip ta’ approċċ (41).

79.      Pereżempju, fis-sentenza tagħha Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li produttur tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li ġie rrikonoxxut li kien affettwat b’mod negattiv minn miżura intiża biex tnaqqas it-tariffi feed-in għal dawn il-produtturi (42), ma setax jikkorrelata dawn l-effetti b’mod suffiċjenti ma’ allegata għajnuna lill-fornituri tal-elettriku, li ma kinux affettwati minn dan it-tnaqqis u li għalhekk ibbenefikaw minn pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli (43).

80.      Bl-istess mod, fid-digriet reċenti tagħha CAPA et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha lmenti minn kooperattiva tas-sajjieda li l-għajnuna (għall-funzjonament) lill-parks eoliċi lil hinn mill-kosta kellha l-effett li tagħmel ħsara lill-attivitajiet tas-sajd tal-membri tagħha. Wara l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-allegati effetti fuq l-attivitajiet tas-sajd tal-appellanti (jekk jeżistu) (44) ma kinux dovuti għall-għajnuna inkwistjoni, iżda kienu jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi li jirregolaw l-attivitajiet marittimi u tas-sajd qrib dawn is-siti ta’ parks eoliċi (45).

81.      Konsegwentement, inqis li d-dritt li jitressaq ilment, kif previst fl-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali, kif ukoll id-drittijiet proċedurali li jirriżultaw minnu, huma suġġetti għar-rekwiżit li lanjant jistabbilixxi li l-effetti (sfavorevoli) allegati jirriżultaw mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

82.      Meta dan ma jkunx jista’ jiġi stabbilit mill-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni, din il-parti lanqas ma tista’ tistrieħ fuq il-proċedura u d-drittijiet previsti minn u marbuta mal-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali.

C.      Listatus talappellant

83.      Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għal kunsiderazzjonijiet ta’ dritt magħmula dwar motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (46).

84.      F’din il-kawża, l-ilment ta’ I. Abdelmouine huwa limitat għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li huwa ma jikkostitwixxix “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali, u għalhekk ma jistax iressaq ilment skont dan ir-regolament dwar l-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil Paris Saint-Germain FC (47).

85.      Il-Kummissjoni żbaljat f’din l-evalwazzjoni? It-tweġiba fil-qosor għal din il-mistoqsija hija fin-negattiv. Konsegwentement, inqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġi annullata.

86.      Madankollu inqis li l-argument li fuqu hija bbażata din is-sentenza għandu jiġi ssostitwit, parzjalment, għal-livell tal-kriterju ġuridiku applikabbli sabiex tiġi ċċarata n-natura miftuħa tal-ġurisprudenza għal kull tip ta’ interess, limitat biss bin-neċessità ta’ rabta kawżali bejn l-effetti fuq l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika u l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

87.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-erba’ elementi li abbażi tagħhom I. Abdelmouine kien ipprova juri li l-interessi tiegħu ġew affettwati mill-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni (48).

88.      Dawn l-elementi ntqal li huma (i) l-interess patrimonjali dirett fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FC Barcelona, li jista’ jwassal għar-responsabbiltà finanzjarja ta’ dan tal-aħħar u għal dik ta’ “socios” oħra fil-każ ta’ falliment ta’ dan il-klabb (49); (ii) l-interess ibbażat fuq il-valuri tal-futbol u d-difiża tal-isport bħala ġid komuni (50); (iii) il-konsegwenza tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq il-mod ta’ organizzazzjoni ta’ FC Barcelona, id-dritt morali tiegħu bħala “socio” u l-ħolqien ta’ inċertezza legali u ekonomika għalih u għal “socios” oħra, riflessa f’restrizzjoni fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni (51); u (iv) l-interess li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tas-“socios”, li jkunu mhedda f’każ ta’ bidla fl-istatus jew fl-istruttura ta’ FC Barcelona bħala kumpannija b’kapital azzjonarju (52).

89.      B’mod separat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li l-interessi ta’ I. Abdelmouine ma setgħux jiġu assimilati ma’ dawk ta’ azzjonist minħabba li l-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi motivazzjoni aċċessorja li ma tippermettix li tiġi invalidata l-konklużjoni prinċipali li huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jikseb il-kwalità ta’ “parti interessata” (53).

90.      Minkejja li I. Abdelmouine ma jagħmilx riferiment speċifiku għall-punti rilevanti tas-sentenza appellata (54), naħseb li huwa qiegħed jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-punti kollha preċedenti.

91.      Madankollu, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni I. Abdelmouine, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx li, fil-kwalità tiegħu ta’ “socio”, I. Abdelmouine jista’ jinvoka l-interessi rrikonoxxuti lilu mill-istatuti ta’ FC Barcelona jew minn kull interess ieħor assunt suġġettivament minnu (55).

92.      Kif spjegajt, kull interess – personali jew ġenerali – jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “parti interessata”, jekk dawn l-interessi jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna. Dan jinkludi l-interess preżunt ta’ I. Abdelmouine bħala “socio” fil-politiki ta’ trasferiment ta’ FC Barcelona daqs l-interess iktar ġenerali tiegħu fl-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-futbol b’mod ġenerali.

93.      Il-kwistjoni hija jekk I. Abdelmouine setax jistabbilixxi, abbażi tal-elementi ppreżentati lill-Qorti Ġenerali, li dawn l-interessi setgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna (allegata) inkwistjoni.

94.      Dan ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali. Fis-sentenza appellata, hija ċaħdet it-talbiet ta’ I. Abdelmouine bħala inammissibbli, jew bħala infondati, minħabba li: (i) ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi li l-artikoli rilevanti tal-Istatuti ta’ FC Barcelona kienu jagħtuh id-drittijiet li allegatament kienu affettwati mill-għoti tal-għajnuna (56); (ii) ma kienx f’pożizzjoni li juri li kien hemm rabta bejn l-allegat effett fuq l-interess tiegħu u l-għoti tal-għajnuna (57); u (iii) li l-ispjegazzjonijiet tiegħu ma kinux ċari biżżejjed dwar kif ġew affettwati l-interessi allegati tiegħu (58).

95.      Peress li I. Abdelmouine ma jinvoka ebda żnaturament tal-provi fuq dawn il-punti, din il-konklużjoni ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa mingħajr skop li s-sitwazzjoni ta’ I. Abdelmouine tista’ tiġi mqabbla jew le ma’ dik ta’ azzjonist ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju: anki jekk il-kritika tiegħu tas-sentenza appellata tintlaqa’ fuq dan il-punt, din ma hijiex ta’ natura li tagħmlu “parti interessata” fis-sens tar-Regoli Proċedurali (59).

97.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonkludiet li I. Abdelmouine ma huwiex “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali.

98.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet u r-raba’ aggravji ta’ I. Abdelmouine bħala infondati, tikkonferma s-sentenza appellata u tissostitwixxi parzjalment ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

V.      Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet u r-raba’ aggravji bħala infondati.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Kunċett li, mill-bidu nista’ nisħaq, ma jeżistix fir-Regoli Proċedurali.


3      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Proċedurali”), Artikolu 1(h).


4      Il-UEFA Club Licensing and Financial Fair Play Regulations [Regolamenti dwar il-Liċenzjar tal-Klabbs u l-Fair Play Finanzjarju] huma disponibbli fi https://documents.uefa.com/v/u/MFxeqLNKelkYyh5JSafuhg.


5      Dan id-dokument hu rreġistrat bħala COMP.C.4/AH/mdr 2021(092342).


6      Sentenza appellata, punt 7.


7      Sentenza appellata, punt 19.


8      Sentenza appellata, punti 17 u 18.


9      Sentenza appellata, punti 28 sa 47.


10      Sentenza appellata, punti 51 sa 53.


11      Dan it-terminu ma huwiex iddefinit fir-Regoli Proċedurali. Madankollu, issir referenza għalih fil-premessa 32 ta’ dan ir-regolament biex jispjega l-konsegwenzi li jirriżultaw minn sottomissjoni li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-formola tal-ilment: jiġifieri li din l-informazzjoni “m’għand[hiex] bilfors [twassal] għal investigazzjonijiet ex officio”.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62) (li tispjega li filwaqt li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda obbligu li twettaq skambju ma’ min jagħmel l-ilment “din il-konstatazzjoni ma tfissirx li l-Kummissjoni mhix obbligata, fejn meħtieġ, li testendi l-investigazzjoni tagħha ta’ ilment lil hinn minn sempliċi eżami tal-fatti u punti ta’ dritt li bihom jgħarrafha l-lanjant. Il-Kummissjoni hija meħtieġa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, li twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment, li jista’ jagħmilha meħtieġa għaliha li teżamina kwistjonijiet mhux espressament imqajma mil-lanjant”). Fl-istess linja, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża L-Awstrija vs Scheucher – Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:373, punt 120).


13      Ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 59, u tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 81 u 83).


14      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 83), u tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni (C‑276/03 P, EU:C:2005:590, punt 33). Minkejja l-fatt li, kif jispjega l-Avukat Ġenerali Lenz fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1997:249, punt 86), “it-Trattat ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni milli tisma’ parti interessata fl-istadju tal-proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 93(3)”.


15      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16). Fl-istess sens, ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84/82, EU:C:1984:117, punti 11 u 13).


16      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punti 45 sa 48.


17      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”).


18      Kif jirriżulta mill-atti preparatorji tar-Regolament Nru 659/1999, dan id-dritt ma ġiex inizjalment propost mill-Kummissjoni (ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (COM/98/0073 finali) (ĠU 1998, C 116, p. 13)). Fil-fatt, huwa l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li ppropona, billi rrefera għas-sentenza fil-kawża Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, li jidher li jkun aħjar li ċerti partijiet ikollhom dritt li jressqu lment. Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU 1998 C 284, p. 10) punt 4.3.1.


19      Ara l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jagħtu s-setgħa lil kull “parti interessata [tkun] tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna illegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna”.


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Madankollu, l-istatus proċedurali ta’ terzi fil-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat huwa dejjem differenti mill-istatus iktar liberali mogħti lil dawn it-terzi fl-oqsma tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ; ara, b’paragun, l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21). Fuq l-istess linji, f’dak li jirrigwarda d-differenza bejn l-investigazzjonijiet antitrust, ara Niejahr, M., u Scharf, T., Some Thoughts on the Jurisprudence of European Courts Concerning the Admissibility of Actions against State Aid Decisions”, EC State Aid Law – Le droit des aides d’État dans la CE: Liber amicorum Francisco Santaolalla Gadea, Kluwer, 2008, p. 353 u 354.


22      Huwa interessanti li wieħed jinnota li d-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Nru 659/1999, jiġifieri l-Artikolu 10(1), ma għamlitx tali distinzjoni. Dan kien jipprovdi li “[f]ejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien” (enfasi miżjuda).


23      Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali.


24      Dan l-aħħar element ġie estiż fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regoli Proċedurali.


25      Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata) (u tispjega li d-“definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘parti interessata’, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet ikkodifikata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 1(h)” tar-Regoli Proċedurali).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 16), u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63).


27      Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 16).


28      L-Artikolu 1(h) tar-Regoli Proċedurali. Enfasi miżjuda.


29      Ara s-sentenza appellata, punt 33; sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (T‑812/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:885, punt 60) u tas‑7 ta’ Ġunju 2023, UNSA Énergie vs Il‑Kummissjoni (T‑322/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:307, punt 20), u d-digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2003, Pérez Escolar vs Il‑Kummissjoni (T‑41/01, EU:T:2003:175, punt 36).


30      B’hekk, din il-linja ġurisprudenzjali tistrieħ fuq l-interpretazzjoni ta’ standard (ġuridiku) kompletament differenti. Ara, l-iktar f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (T‑812/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:885, punt 60) – li tistrieħ fuq id-digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2003), Pérez Escolar vs Il‑Kummissjoni (T‑41/01, EU:T:2003:175, punt 36 – li, min-naħa tagħha, tistrieħ fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑188/95, EU:T:1998:217, punt 37), li tispjega li “ir-rikorrenti ma tistax tkun kkonċernata individwalment minħabba n-natura leġiżlattiva tad-deċiżjoni kkontestata, li sempliċement approvat l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fiskali li għandhom portata ġenerali [peress li] tali miżura tapplika għal sitwazzjonijiet li huma determinati oġġettivament, u jinvolvu effetti legali għal klassi ta’ persuni maħsuba b’mod ġenerali u fl-astratt”).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19, EU:T:2021:588, punt 89) (li tispjega li “ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li għajnuna taffettwa konkretament l-interessi ta’ terzi minħabba impatti li l-installazzjoni megħjuna tiġġenera fuq l-ambjent tagħha u, b’mod partikolari fuq l-attivitajiet l-oħra li jitwettqu fil-qrib”); ikkonfermat fl-appell permezz tad-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (C‑742/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:1000, punt 83).


33      Regoli tal-Proċedura, premessa 32.


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et, (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 60), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dak li kien meħtieġ kien li l-“[l-impriża] ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna.”, mingħajr madankollu ma tordna ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konnessjoni ta’ dan l-interess mal-parti li tilmenta.


35      Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il-Kummissjoni (C‑647/19 P, EU:C:2021:666) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Ja zum Nürburgring vs Il-Kummissjoni”). Madankollu, ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 65 u 104) (dwar l-interessi tas-sindakat ġenerali tal-ħaddiema fid-Danimarka u tal-membri tiegħu fir-rigward tal-miżuri fiskali marbuta mal-impjieg ta’ baħħara ta’ Stati li ma humiex Membri tal-Unjoni).


36      Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, punt 66.


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 33); tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65); u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132).


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punti 60 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kif jikkonferma b’mod partikolari l-ewwel wieħed minn dawn il-punti, il-kriterju ta’ attribuzzjoni pożittiva huwa dak li l-ġurisprudenza madwar l-effetti “speċifiċi” jew “reali” tal-għajnuna riedet timplika (ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni (C‑429/20 P, EU:C:2022:282, punt 35) (li tispjega li “jekk il-preġudizzju kkawżat lill-interessi ta’ din l-impriża jista’ jkun biss potenzjali, għandu jkun jista’ jintwera b’mod suffiċjenti fid-dritt riskju ta’ effett konkret fuq dawn l-istess interessi”). Ara wkoll id-digrieti tal‑10 ta’ Mejju 2023, MKB Multifunds vs Il‑Kummissjoni (C‑665/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:408, punt 48), u tal‑14 ta’ Diċembru 2023, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (C‑742/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:1000, punt 73).


40      Ma hemmx għalfejn jingħad li din il-kunsiderazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali tal-Kummissjoni li tikkontrolla l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha minn “parti interessata” li tressaq ilment (ara, b’analoġija u f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata) sabiex jiġu esklużi strateġiji ta’ Stat Membru li jistgħu jkunu maħsuba sabiex jiksru artifiċjalment ir-rabta kawżali bejn il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni u l-effett tagħha fuq ċerti “partijiet interessati” (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 48), kif ukoll tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Turbini Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li jispjegaw li l-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-azzjonijiet tal-Istati Membri jiġu evalwati għal strateġiji potenzjali intiżi biex il-miżuri jinqasmu f’diversi partijiet biex jevitaw l-obbligi previsti mid-dritt tal-Unjoni).


41      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et (C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 81) (fejn qieset bħala irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “parti interessata” miżuri li huma “ċertament marbuta fil-fatt, iżda ġuridikament distinti”), kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (C‑742/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:1000, punt 97). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill (C‑358/89, EU:C:1991:214, punti 16 sa 19) (li teżiġi, f’analiżi tar-rabta kawżali madwar id-determinazzjoni tad-dannu li jirriżulta mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, li jiġi injorat dan id-dannu attribwibbli għal fatturi oħra).


42      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni (C‑429/20 P, EU:C:2022:282, punt 41).


43      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Solar Ileias Bompaina vs Il‑Kummissjoni (C‑429/20 P, EU:C:2022:282, punt 44).


44      Ara d-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (C‑742/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:1000, punti 40 u 79).


45      Ara d-digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2023, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (C‑742/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:1000, punti 79 u 94).


46      Ara, ex multis, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona (C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      I. Abdelmouine ma jressaqx l-argument li l-istatus tiegħu bħala lanjant jirriżulta mill-Artikolu 108(3) TFUE.


48      Is-sentenza appellata, punt 28.


49      Is-sentenza appellata, punt 29.


50      Is-sentenza appellata, punt 32.


51      Is-sentenza appellata, punt 35.


52      Is-sentenza appellata, punt 39.


53      Is-sentenza appellata, punti 50 u 51.


54      U b’hekk jista’ jagħti l-każ li jkunu inammissibbli t-tielet u r-raba’ aggravji minħabba n-nuqqas li jiġi ssodisfatt l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jeżiġi li appell jidentifika bi preċiżjoni l-elementi kkritikati tas-sentenza li I. Abdelmouine qiegħed jitlob l-annullament tagħha; ara, ex multis, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34).


55      Ara, pereżempju, is-sentenza appellata, punt 43.


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza appellata, punti 29 sa 31.


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza appellata, punti 32 sa 34 u 39 sa 46.


58      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza appellata, punti 35 u 37.


59      Ara, f’dan is-sens, ex multis, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punt 21).