Language of document : ECLI:EU:T:2011:746

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Diċembru 2011

Kawża T‑563/10 P

Patrizia De Luca

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra f’pożizzjoni fi grupp ta’ funzjonijiet ogħla wara kompetizzjoni ġenerali — Dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tat-30 ta’ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni (F‑20/06), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appelli inċidenti huma miċħuda. Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tat-30 ta’ Settembru 2010, De Luca vs Il-Kummissjoni (F‑20/06) hija annullata. Il-kawża hija mibgħuta lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell — Appell inċidentali — Ammissibbiltà — Eżami ex officio mill-Qorti Ġenerali

2.      Appell — Appell inċidentali — Suġġett — Sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata — Inammissibbiltà — Riferiment għall-argumenti mqajma minn parti oħra insostenn tal-appell inċidentali tagħha — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 13(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 48(2), 141(2) u 142(1))

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Metodu ta’ reklutaġġ mhux esklużivament estern

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(1))

4.      Uffiċjali — Karriera — Bidla fil-kategorija jew fil-pożizzjoni wara l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ġenerali — Klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad — Regoli applikabbli

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 32, u Artikolu 46)

5.      Uffiċjali — Karriera — Bidla fil-kategorija jew fil-pożizzjoni wara l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ġenerali — Klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad — Regoli applikabbli

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 1(2)u 12(3))

1.      Anki jekk appellant jitlob lill-Qorti Ġenerali taqta’ u tiddeċiedi li appell inċidentali huwa ammissibbli, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tqajjem ex officio kwalunkwe kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 46; 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38

2.      It-talbiet ta’ appell inċidentali li ma humiex intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda sempliċement għas-sostituzzjoni ta’ wħud mill-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Tali talbiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull appell għandu jkun intiż għall-annullament totali jew parzjali ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, fil-każ ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fl-istat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi huwa.

Barra minn hekk, mill-imsemmi Artikolu 142 kif ukoll mill-Artikolu 141(2) u mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li kull aggravju għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma huwiex artikulat b’mod suffiċjenti fir-risposta għandu jitqies li huwa inammissibbli. Ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni u, konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda bħala mhux iddettaljati biżżejjed u, għaldaqstant, bħala inammissibbli, l-aggravji jew l-ilmenti mressqa insostenn ta’ appell inċidentali li fil-kuntest tagħhom intervenjent fl-ewwel istanza jillimita ruħu purament u sempliċement jirreferi għall-motivi esposti fin-nota ppreżentata mill-konvenut fl-ewwel istanza insostenn tal-appell inċidentali tiegħu.

(ara l-punti 30, 31, 34 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il‑Kummissjoni, C‑71/07 P, Ġabra p. I‑5887, punt 41

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 154; 14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 54

3.      Il-proċedura tal-kompetizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tikkostitwixxix metodu ta’ reklutaġġ esklużivament estern peress li hija miftuħa kemm għall-kandidati li ġejjin minn barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għal kandidati oħrajn li għandhom diġà l-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal.

(ara l-punt 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1974, Van Belle vs Il‑Kunsill, 176/73, Ġabra p. 1361, punt 8

4.      Ir-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludux dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-klassifikazzjoni fi skala ta’ uffiċjal f’impjieg attiv maħtur f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali. Fil-fatt, tali ħatra ma ssegwix il-proċeduri li r-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu għall-promozzjoni tal-uffiċjali; hija lanqas ma tista’ titqies bħala reklutaġġ stricto sensu, peress li l-uffiċjal inkwistjoni kien diġà rreklutat preċedentement. Fil-fatt, ir-reklutaġġ huwa relatat mas-sitwazzjoni ta’ persuna ammessa għall-ewwel darba fil-korpi tal-uffiċjali tal-Unjoni, filwaqt li l-promozzjoni tirregola l-iżvolġiment normali tal-karriera mibdija b’dan il-mod fi ħdan l-imsemmija korpi. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, kemm jekk huma r-regoli li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw ir-reklutaġġ u kemm jekk huma d-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-iżvolġiment normali tal-karriera tal-uffiċjali f’impjieg attiv fi ħdan il-korpi tagħhom, tista’ għalhekk issir biss b’analoġija, fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni tat-tieni dispożizzjonijiet tobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra tosserva, qabel kollox, l-ugwaljanza bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-uffiċjali l-oħra li għandhom prospetti raġonevoli ta’ karriera, filwaqt li l-applikazzjoni tal-ewwel dispożizzjonijiet għandha pjuttost il-konsegwenza li tiggarantixxi trattament ugwali lill-kandidati kollha li jkunu għaddew mill-istess kompetizzjoni ġenerali, sew jekk diġà uffiċjali u sew jekk le.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni, 266/83, Ġabra p. 189, punt 13; 29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, Ġabra p. 347, punt 18; 19 ta’ April 1988, Sperber vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 37/87, Ġabra p. 1943, punti 9 u 11, u l-ġurisprudenza ċċitata; 14 ta’ Ġunju 1988, Lucas vs Il‑Kummissjoni, 47/87, Ġabra p. 3019, punt 11

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 1993, Baiwir et vs Il‑Kummissjoni, T‑103/92 sa T‑105/92, Ġabra p. II‑987, punt 34

5.      Bl-istess mod kif ir-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludux dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-klassifikazzjoni mill-ġdid fi skala ta’ uffiċjal f’impjieg attiv maħtur f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali, il-klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad ta’ uffiċjal f’impjieg attiv, li għadda minn kompetizzjoni ġenerali li tippermettilu jaċċedi għal pożizzjonijiet fuq livell a priori ogħla minn dak li kellu, lanqas ma hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, relattiv għall-klassifikazzjoni tal-uffiċjali inklużi f’lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u “reklutatiˮ bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, japplika għal uffiċjal f’impjieg attiv li nħatar f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali biss b’analoġija u sa fejn l-uffiċjal seta’ jikseb mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ċertu interess jew vantaġġ, fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-karriera jew tar-remunerazzjoni, li l-ibbenefikar minnhom kien fil-prinċipju rriżervat għall-uffiċjali “reklutatiˮ bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006.

Fil-fatt, minkejja li, bħala dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ natura speċjali, id-dispożizzjonijiet tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jidderogaw mir-regoli ta’ natura ġenerali li japplikaw, fl-assenza tagħhom, fis-sitwazzjoni inkwistjoni, ma jistax madankollu jiġi dedott mit-test tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li, fil-kuntest tal-miżuri ta’ tranżizzjoni applikabbli għall-uffiċjali, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ reklutaġġ, b’mod speċifiku u li jidderoga mid-dritt ordinarju, bħala li jista’ jkopri s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal f’impjieg attiv maħtur f’pożizzjoni oħra bħala kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali. Issa, il-qorti tal-Unjoni pproċediet għall-estensjoni tal-kunċett ta’ reklutaġġ, stricto sensu, biex tkopri l-impjieg ta’ persuni li għandhom diġà l-kwalità ta’ uffiċjal, biss b’mod eċċezzjonali u fil-każijiet fejn dawn il-persuni setgħu jiksbu ċertu interess jew vantaġġ fir-rigward tal-karriera jew tar-remunerazzjoni.

(ara l-punti 46 u 48 sa 52)

Referenza:

Il-Qorti ta-Ġustizzja: Samara vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 15; Michel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; Sperber vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 9 u 11; Lucas vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11, 14 u 15, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Baiwir et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T-58/05, Ġabra p. II-2523, punt 39