Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Diċembru 2010 - HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping vs Il-Kunsill

(Kawża T-562/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Kienzle u M. Schlingmann, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, b'mod partikolari dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li l-Kunsill kiser id-dritt tagħha għal protezzjoni legali effettiva u b'mod partikolari r-rekwiżit ta' motivazzjoni, peress li ma pprovdiex raġunijiet suffiċjenti sabiex jinkludiha fl-Anness VIII tar-regolament ikkontestat.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas, għalkemm kien ġie mitlub speċifikament, milli jipprovdi motivi jew opinjoni u l-provi rilevanti sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-Anness VIII tar-regolament ikkontestat.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tilmenta fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha li l-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tagħha, sa fejn huwa naqas milli jagħti lir-rikorrenti l-opportunità, hekk kif stabbilita fl-Artikolu 36(3) u (4) tar-regolament ikkontestatat sabiex tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-inklużjoni tagħha fil-lista ta' persuni sanzjonati, li kien iwassal sabiex il-Kunsill kien ikollu jeżamina mill-ġdid din il-kwistjoni.

It-tieni motiv: ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal rispett għal proprjetà.

Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li l-inklużjoni tagħha fl-Anness VIII tar-regolament ikkontestat jikkostitwixxi interferenza inġustifikata fir-rigward tad-dritt fundamentali tagħha għal proprjetà, peress li ma jidhirx ċar mir-raġunament insuffiċjenti magħmul mill-Kunsill għalfejn hija kienet ġiet inkluża fil-lista ta' persuni sanzjonati taħt l-Artikolu 16(2) tar-regolament ikkontestat.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni tagħha fl-Anness VIII tar-regolament ikkontestat hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata ovvja tas-sitwazzjoni tagħha u tal-attivitajiet tagħha min-naħa tal-Kunsill.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha li l-inklużjoni tagħha fl-Anness VIII tar-regolament ikkontestat hija inkompatibbli mal-għanijiet segwiti mir-regolament u tikkostitwixxi ndħil sproporzjonat mad-drittijiet għal proprjetà tagħha.

____________