Language of document : ECLI:EU:C:2021:486

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea għall-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Dikjarazzjoni tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri – Tmiem tal-mandat ta’ Avukat Ġenerali – Rikors għal annullament”

Fil-Kawża C‑684/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Diċembru 2020

Eleanor Sharpston, residenti f’Schoenfels (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn N. Forwood, BL, J. Robb, barrister, kif ukoll minn J. Flynn u H. Mercer, QC,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.–C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Eleanor Sharpston titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Eleanor Sharpston vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (T‑180/20, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:473), li permezz tiegħu din ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament parzjali tad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tad‑29 ta’ Jannar 2020 dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea għall-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1) daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jistabbilixxi, fit-tmien paragrafu tal-preambolu tiegħu:

“FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu – minkejja l-konsegwenzi kollha tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari, it-tmiem, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, tal-mandati kollha tal-membri tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti fir-rigward tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni – id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir-relazzjonijiet futuri”.

3        L-Artikolu 19(2) TUE jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun komposta minn imħallef għal kull Stat Membru u li tkun assistita minn avukati ġenerali.

4        Skont l-Artikolu 252 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun assistita minn tmien avukati ġenerali u, fuq talba tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxi unanimament, jista’ jżid in-numru.

5        Skont id-dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta’ avukati ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ddikjarat li, fil-każ fejn, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li n-numru ta’ avukati ġenerali jiżdied bi tlieta, jiġifieri ħdax minflok tmienja, ir-Repubblika tal-Polonja, kif diġà huwa l-każ għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit, għandu jkollha avukat ġenerali permanenti u ma tipparteċipax iktar fis-sistema ta’ rotazzjoni, li tkun tinkludi ħames avukati ġenerali minflok tlieta.

6        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/336/UE tal‑25 ta’ Ġunju 2013 li żżid l-għadd ta’ Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 179, p. 92), in-numru ta’ avukati ġenerali żdied minn tmienja għal ħdax.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Matul is-sena 2005, fuq proposta tal-Gvern tar-Renju Unit, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ħatru lil E. Sharpston sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tul tal-mandat tal-predeċessur tagħha li kien għad fadal, jiġifieri sas‑6 ta’ Ottubru 2009. Matul is-sena 2009, wara proposta ġdida tal-istess gvern, ir-rikorrenti nħatret bħala Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja għal mandat ġdid ta’ sitt snin, għall-perijodu mis‑7 ta’ Ottubru 2009 sas‑6 ta’ Ottubru 2015. Fl-aħħar nett, skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/578 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal‑1 ta’ April 2015 li taħtar Imħallfin u Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2015, L 96, p. 11), l-appellanti nħatret sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali għall-perijodu mis‑7 ta’ Ottubru 2015 sas‑6 ta’ Ottubru 2021.

8        Fid‑29 ta’ Jannar 2020, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottat id-dikjarazzjoni kontenzjuża li fiha fakkret li, peress li r-Renju Unit kien beda l-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE sabiex joħroġ mill-Unjoni, it-Trattati ma jibqgħux applikabbli għal dan l-Istat Membru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Hija fakkret ukoll li, għalhekk, il-mandati tal-membri tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li ġew innominati, maħtura jew eletti fid-dawl tal-appartenenza tar-Renju Unit mal-Unjoni kellhom jintemmu fid-data tal-ħruġ. Hija indikat li minn dan kien jirriżulta li l-pożizzjoni permanenti ta’ Avukat Ġenerali li kienet assenjata lir-Renju Unit permezz tad-dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 252 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar in-numru ta’ avukati ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona kienet ser tiġi integrata fis-sistema ta’ rotazzjoni tal-Istati Membri għall-ħatra tal-Avukati Ġenerali. Hija nnotat li, skont l-ordni protokollari, l-Istat Membru li jmiss huwa r-Repubblika Ellenika. Hija qablet li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom kellha ssir din il-ħatra u għall-finijiet tal-osservanza tar-regola tat-tiġdid parzjali tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja kull tliet snin u dik tat-tul ta’ sitt snin tal-mandati tagħhom, kif jinsabu fl-Artikolu 253 TFUE, il-mandat tal-Avukat Ġenerali propost mir-Repubblika Ellenika għall-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali li sar vakanti kellu jintemm fid-data tat-tiġdid parzjali suċċessiv tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis‑6 ta’ Ottubru 2021.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ April 2020, l-appellanti talbet l-annullament parzjali tad-dikjarazzjoni kontenzjuża.

10      Fid-digriet appellat, wara li kkonstatat, fil-punt 27 tiegħu, li d-dikjarazzjoni inkwistjoni ma kinitx ġiet adottata mill-Kunsill, iżda mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli, fil-punt 28 tagħha, ir-rikors ippreżentat quddiemha sa fejn kien indirizzat kontra l-Kunsill.

11      Fir-rigward tat-talbiet kontra l-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 29 u 30 tad-digriet appellat, li hija għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE biss fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni u li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod kollettiv ma humiex membri tal-Kunsill jew ta’ membru tal-Kunsill Ewropew, iżda fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-gvern tagħhom, u b’hekk jeżerċitaw kollettivament il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni.

12      Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll, fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat EU:C:2020:705), sabiex tfakkar, minn naħa, li l-att li jaħtar l-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 253(1) TFUE, huwa adottat bi ftehim komuni bejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li rikors huwa manifestament inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li toħroġ mhux minn istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni, iżda minn rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar.

13      Fil-punt 33 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fid‑29 ta’ Jannar 2020, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ 27 mit-28 Stat Membru tal-Unjoni f’din id-data pparteċipaw fil-laqgħa li tat lok għad-dikjarazzjoni kontenzjuża u li huma adottawha fil-kapaċità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni u mhux bħala membri tal-Kunsill. Fil-punt 34 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali żiedet li, minkejja r-riferiment tal-Kunsill fl-intestatura tiegħu u tal-fatt li ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kunsill, id-dikjarazzjoni kontenzjuża turi, permezz tal-kontenut tagħha, li din hija dikjarazzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni, magħmula bi ftehim komuni, u mhux att tal-Kunsill jew ta’ korp jew ta’ entità tal-Unjoni.

14      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 35 tad-digriet appellat, li r-rikors ippreżentat quddiemha kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-appellanti

15      Permezz tal-appell tagħha, E. Sharpston titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tordna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura sabiex jirrispondu għall-kwistjoni dwar jekk għandux jitqies li l-mandat tagħha ntemm mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fil‑31 ta’ Jannar 2020 f’nofsillejl, skont l-Artikolu 50(3) TUE, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ħlief jekk l-istat tal-proċedura jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, u tikkundanna lill-Kunsill kif ukoll lill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

16      Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

17      F’din il-kawża, hemm lok li jiġi applikat dan l-artikolu.

18      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

 Fuq l-ewwel sat-tielet u l-ħames aggravju

 L-argumenti tal-appellanti

19      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 263 TFUE meta ddeċidiet, fil-punti 29 u 35 tad-digriet appellat, li r-rikors kien inammissibbli minħabba li ma kienx dirett kontra att adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni.

20      Hija ssostni li jirriżulta mhux biss mill-formulazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu, iżda wkoll mill-oriġini u mill-għan ta’ dan l-artikolu kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kemm fir-rigward tal-atti li huwa jsemmi kif ukoll fir-rigward tal-awturi tagħhom.

21      Hija ssostni li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri barra mill-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, dan ma jistax japplika wkoll għal dawk, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija, jew kif mogħtija, mit-Trattat u li għandhom effetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

22      Hija ssostni li, fil-punti 30, 32 u 35 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, għalhekk, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-atti kollha adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi kwalità differenti minn dik ta’ membri tal-Kunsill jew tal-Kunsill Ewropew ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE u li hija kellha żżomm il-kompetenza tagħha sabiex tevalwa l-legalità tad-dikjarazzjoni kontenzjuża, sa fejn temmet qabel iż-żmien il-mandat tagħha bħala Avukat Ġenerali.

23      Fil-kuntest ta’ rimarki finali, l-appellanti żżid li mill-punti 91 sa 98 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028), jirriżulta li l-impossibbiltà li jiġi mistħarreġ ftehim politiku skont l-Artikolu 263 TFUE tippresupponi l-eżistenza ta’ rimedji alternattivi kontra l-atti ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, sabiex jiġi evitat li l-individwi jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Issa, tali rikorsi alternattivi ma jeżistux f’dan il-każ.

24      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat naqset milli tiddistingwi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kompetenza tagħha, id-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru avukat ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja mid-deċiżjoni preċedenti dwar il-pożizzjoni vakanti hekk imsejħa, minkejja li r-rikors ippreżentat quddiemha fil-Kawża T‑180/20, kif ukoll dan l-appell, jirrigwardaw din l-aħħar deċiżjoni.

25      Hija ssostni li, għalkemm, b’mod ġenerali, il-kwistjoni dwar jekk il-pożizzjoni ta’ membru tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex effettivament vakanti ma tqumx, ma jistax jiġi eskluż li hija tippreżenta ruħha f’ċerti każijiet. F’dan ir-rigward, hija tqis li att tal-Istati Membri li jikkonstata b’mod illegali l-pożizzjoni vakanti ta’ tali pożizzjoni għandu jkun jista’ jiġi mistħarreġ mill-qrati tal-Unjoni.

26      Ir-rikorrenti ssostni li huwa għandu għalhekk imur lura biss għall-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu fuq is-suġġett u tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 19 TUE u għall-Artikoli 4 u 6 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27      L-appellanti żżid li l-validità tal-atti tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri previsti mit-Trattat FUE tista’ barra minn hekk tiġi kkontestata, tal-inqas indirettament, permezz ta’ rimedji proċedurali oħra minbarra r-rikors għal annullament, kif ammetta l-Kunsill f’isem il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, u li minn dan għandu jiġi dedott li rikors dirett kontra dawn l-atti għandu jkun ukoll possibbli.

28      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 30, 32 u 35 tad-digriet appellat, li l-atti tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, ikunu xi jkunu, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

29      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, fil-punti 30, 33 u 34 tad-digriet appellat, il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271).

30      Hija ssostni li minn din is-sentenza ma jirriżultax li l-atti kollha tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu flimkien huma eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss f’dik is-sentenza fuq l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri barra mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

31      B’hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-qrati tal-Unjoni għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-legalità ta’ att, bħad-dikjarazzjoni kontenzjuża, adottat mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri bis-saħħa tal-kompetenzi mogħtija, jew hekk kif mogħtija, mit-Trattati u li għandu effetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma ġietx deċiża fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tirċievi risposta pożittiva.

32      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat, fil-punti 30 u 35 tad-digriet appellat, għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271), u b’mod partikolari fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, sabiex tibbaża l-analiżi tagħha u kellha minn tal-inqas tirreferi għal siltiet oħra tagħha, bħall-punt 13 tiegħu, li minnhom jirriżulta li l-atti li jipproduċu effetti legali fuq terzi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni.

33      Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali naqset ukoll b’mod żbaljat, fil-punti 27 u 28 tad-digriet appellat, milli tirrispondi għall-argument tagħha li jgħid li, għalkemm il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma tistax tkun konvenuta f’rikors eżerċitat skont l-Artikolu 263 TFUE, huwa l-Kunsill li għandu jkun responsabbli għalih bħala alter ego ta’ din il-konferenza jew bħala istituzzjoni tal-Unjoni li hija l-iktar marbuta magħha, u bl-adozzjoni tagħha b’mod strett.

34      Hija tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq in-neċessità li jiġi mistħarreġ l-eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri jekk dan ma jistax ikun konvenut f’tali istanza u tikkunsidra li, għalkemm il-Kunsill ma huwiex l-awtur tal-att ikkontestat, huwa għandu madankollu jkun jista’ jinżamm responsabbli quddiem il-qrati tal-Unjoni.

35      Hija ssostni li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistabbilixxux b’mod eżawrjenti l-konvenuti u tirreferi b’analoġija għall-Artikoli 268 u 340 TFUE.

36      Hija tirrileva li għandu jiġi ddeterminat jekk il-konstatazzjoni tal-pożizzjoni vakanti li hija kienet tokkupa preċedentement, li tagħmel id-dikjarazzjoni kontenzjuża, saritx mill-Kunsill, tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri jew tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja hija, fi kwalunkwe każ, l-unika awtorizzata li tiddeċiedi dwar dan is-suġġett.

37      Hija żżid li l-Kunsill, permezz tas-servizz legali tiegħu, kellu rwol attiv, waħdu, jew flimkien mal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tat-tmiem antiċipat tal-mandat tiegħu u li għalhekk huwa koawtur tad-difett li jivvizzja d-dikjarazzjoni kontenzjuża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Permezz tal-ewwel sat-tielet u l-ħames aggravju tagħha, li għandhom jiġu analizzati flimkien, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-dikjarazzjoni kontenzjuża minħabba li din ġiet adottata mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu bħala tali u mhux mill-Kunsill.

39      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill, iżda bħala rappreżentanti tal-gvern tagħhom, u li jeżerċitaw b’mod kollettiv il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 12).

40      Il-kriterju rilevanti hekk adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra tali atti huwa għalhekk dak dwar l-awtur tagħhom, indipendentement mill-effetti legali vinkolanti tagħhom.

41      L-argumenti invokati mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel u tal-ħames aggravju tagħha, li jgħidu li għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ l-awturi tal-atti li għalihom jirreferi l-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, sabiex jitqies li d-dikjarazzjoni kkontestata ġiet adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu, jew, tal-inqas, li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi assimilat ma’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill, b’kunsiderazzjoni tal-involviment tiegħu fl-adozzjoni u t-tixrid ta’ din id-dikjarazzjoni, ma jistax għalhekk jiġi aċċettat mingħajr ma tikser il-kliem ċar ta’ dan l-artikolu.

42      Jidher ċar li tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra r-rieda tal-awturi tat-Trattati, li jirrifletti l-Artikolu 263 TFUE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat biss għall-atti tad-dritt tal-Unjoni adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, li jiġu esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja l-atti li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, bħad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-membri tal-qrati tal-Unjoni.

43      Għalkemm, f’dan il-każ, id-dikjarazzjoni kontenzjuża ma hijiex il-ħatra, hija lanqas ma hija strettament marbuta mal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza sa fejn tieħu konjizzjoni tal-pożizzjoni vakanti involuta bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u tiddetermina wħud mill-konsegwenzi legali li għandhom jiġu dedotti minnha waqt il-ħatra f’din il-pożizzjoni.

44      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa wkoll irrilevanti li r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri aġixxew fil-kuntest tat-Trattati jew ta’ sorsi legali oħra, bħad-dritt internazzjonali.

45      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta fakkret, fil-punt 30 tad-digriet appellat, li mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ma jaġixxux fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-Kunsill jew ta’ membri tal-Kunsill Ewropew, iżda fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-gvern tagħhom, u li jeżerċitaw kollettivament il-kompetenzi tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni.

46      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-qrati tal-Unjoni għandhom madankollu jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jevalwaw il-legalità tad-dikjarazzjoni kontenzjuża minħabba li din tinkludi deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jikkonstataw, ultra vires, it-tmiem antiċipat tal-mandat tagħha bħala Avukat Ġenerali.

47      Madankollu, din l-analiżi ma tistax tiġi aċċettata peress li d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li ġiet adottata minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 263 TFUE.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni inkwistjoni ma tistax titqies li tinkludi deċiżjoni li għandha effetti legali li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti sa fejn hija ddeċidiet dwar it-tmiem antiċipat tal-mandat tagħha bħala Avukat Ġenerali, peress li l-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri sempliċement ħadet nota tal-konsegwenzi neċessarjament involuti fil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

49      Fil-fatt, peress li t-Trattati ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit fid-data tal-ħruġ tiegħu, fl‑1 ta’ Frar 2020, skont l-Artikolu 50(3) TUE, dan l-Istat ma għadux, minn din id-data, Stat Membru. Minn dan jirriżulta, hekk kif jistabbilixxi t-tmien paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li l-mandati pendenti tal-membri tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li ġew innominati, maħtura jew eletti fid-dawl tal-appartenenza tar-Renju Unit mal-Unjoni ntemmu awtomatikament f’din id-data.

50      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma qisitx lilha nnifisha kompetenti sabiex tevalwa l-legalità ta’ allegata deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li tikkonstata t-tmiem antiċipat tal-mandat tal-appellanti.

51      Minn dan isegwi li l-ewwel sat-tielet u l-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-appellanti

52      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, tat valur ta’ preċedent għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), filwaqt li tali digriet ma setax jippreġudika l-mertu f’din il-kawża.

53      Hija żżid li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll b’mod żbaljat, fil-punt 31 tad-digriet appellat, fuq l-imsemmi digriet, peress li dan kien jikkonċerna rikors li għandu bħala suġġett deċiżjoni ta’ ħatra ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja meta r-rikors tagħha kien jirrigwarda d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jikkonstataw il-pożizzjoni vakanti.

54      Barra minn hekk, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat ġie adottat bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għaliex l-appellanti ma nstemgħetx minkejja li l-ebda urġenza ma ġiet ikkonstatata, iżda wkoll għaliex l-argumenti invokati mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba li kienu invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

55      Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali stess kisret il-prinċipju audi alteram partem billi ma ppermettitilhiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rilevanza tal-punt 12 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271), imsemmi fil-punt 30 tad-digriet appellat, u tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), imsemmi fil-punti 31 u 32. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali “estendiet” u “tawlet” b’mod inġustifikat mhux biss l-effett ġuridiku, iżda wkoll id-difetti proċedurali ta’ dan id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      F’dak li jirrigwarda l-argumenti dwar l-iżball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, dwar il-portata tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ma wettqet ebda żball meta fakkret, minn naħa, fl-imsemmi punt 31, li att li jirrigwarda l-ħatra ta’ mħallfin u ta’ avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi adottat, konformement mal-Artikolu 253 TFUE, bi ftehim komuni bejn il-Gvernijiet tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, fl-imsemmi punt 32, li rikors imressaq skont l-Artikolu 263 TFUE kontra tali att huwa manifestament inammissibbli billi jfittex l-annullament ta’ deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ dawk l-Istati. Minn dan isegwi li tali argumenti huma manifestament ineffettivi.

57      L-argumenti dwar il-ksur proċedurali li allegatament twettaq meta ġie adottat dan id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja huma, barra minn hekk, manifestament inammissibbli peress li dan ma huwiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

58      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda wkoll bħala manifestament infondati l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

59      Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ l-miżura istruttorja mitluba mill-appellanti.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

63      Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-proċedura u, konsegwentement, qabel ma dawn setgħu jsostnu l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li l-appellanti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tordna:

1)      L-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

2)      Eleanor Sharpston għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.