Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fil-15 ta’ Novembru 2023 – D.E. vs Banco Santander, SA

(Kawża C-687/23, Banco Santander)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: D.E.

Konvenut: Banco Santander

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(1)(a) u (b), moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(1) u (3), u ma’ dawk tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kreditu jew id-dritt eventwali li jirriżulta mill-kundanna għall-kumpens imposta fuq l-entità li ssuċċediet lil Banco Popular b’konsegwenza ta’ azzjoni għad-danni li tirriżulta mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott finanzjarju (titoli subordinati neċessarjament konvertibbli f’azzjonijiet tal-istess bank), mhux inkluż fost l-istrumenti ta’ kapital addizzjonali li jirreferu għalihom il-miżuri ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li finalment ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-bank qabel ma ġew adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni tal-bank (7 ta’ Ġunju 2017), jistgħu jitqiesu bħala passiv affettwat mid-dispożizzjoni ta’ deprezzament jew ta’ estinzjoni tal-Artikolu 53(3) tad-Direttiva 2014/59, inkwantu obbligu jew dejn “mhux dovut”, b’tali mod li dan il-passiv jiġi meħlus u ma jistax jiġi infurzat kontra Banco Santander bħala suċċessur ta’ Banco Popular, meta t-talba li minnha tirriżulta din il-kundanna għal kumpens tkun tressqet qabel ma tkun ġiet konkluża l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-bank?

Jew, għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija kreditu jew dritt jikkostitwixxu obbligu jew dejn “dovut” — Artikolu 53(3) tad-Direttiva — jew “obbligu diġà dovut” fil-mument tar-riżoluzzjoni tal-bank — Artikolu 60(2)(b), u bħala huma tali esklużi mill-effetti tal-liberazzjoni jew tal-annullament ta’ dawn l-obbligi jew djun u, konsegwentement, infurzabbli kontra Banco Santander bħala suċċessur ta’ Banco Popular, meta t-talba li minnha tirriżulta din il-kundanna għal kumpens tkun tressqet qabel ma tkun ġiet konkluża l-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-bank?

____________

1 ĠU 2014, L 173, p. 190.