Appell ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2021 minn Ryanair DAC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-14 ta’ April 2021 fil-Kawża T-378/20, Ryanair vs Il-Kummissjoni (SAS, Danimarka; Covid-19)
(Kawża C-321/21 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Ryanair DAC (rappreżentanti: E. Vahida u F.-C. Laprévote, avocats, S. Rating, abogado, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros, u V. Blanc, avocate)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, SAS AB
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
tannulla s-sentenza appellata;
tiddikjara skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2416 final tal-15 ta’ April 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56795 (2020/N) – Id-Danimarka – COVID-19: Kumpens għad-dannu kkawżat lil Scandinavian Airlines mill-pandemija tal-COVID-19 hija nulla; u
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti minn Ryanair, u tikkundanna lill-intervenjenti fl-ewwel istanza u f’dan l-appell (jekk ikun hemm) għall-ispejjeż tagħhom.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, l-appellanti tinvoka sitt aggravji.
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tal-appellanti li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma għandhiex tagħmel tajjeb għad-dannu li sofriet vittma waħda.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u wettqet distorsjoni manifesta tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u l-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-ħsara kkawżata lil SAS mill-pandemija COVID-19.
It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba tal-appellant li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni nkiser b’mod mhux ġustifikat.
Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti rigward it-talba tal-appellant dwar il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti dwar in-nuqqas li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.
Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti rigward in-nuqqas ta’ motivazzjoni.
____________