Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2021 minn PNB Banka AS mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fit-12 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża T-50/20, PNB Banka vs BĊE

(Kawża C-326/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: PNB Banka AS (rappreżentant: O. Behrends, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara nulla skont l-Artikolu 264 TFUE d-deċiżjoni tal-BĊE tad-19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-amministratur ġudizzjarju tar-rikorrenti jagħti lill-avukat imqabbad mill-Bord tad-Diretturi tal-appellanti l-aċċess għall-bini tagħha, għall-informazzjoni fil-pussess tagħha kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tagħha;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni fil-mertu, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddetermina r-rikors għal annullament; u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż tal-appellanti u għall-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tnax-il aggravju.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta bbażat ruħha fuq ġurisprudenza dwar rikorsi mressqa minn persuni mhux destinatarji kontra atti tal-Unjoni b’effett ġenerali li jeħtieġu traspożizzjoni jew jinvolvu atti ta’ implimentazzjoni nazzjonali u applikat din il-ġurisprudenża għal din il-kawża li tirrigwarda rikors dirett kontra att individwali tal-Unjoni li jista’ jiġi kkontestat biss permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE u li jipproduċi direttament effetti mingħajr ħtieġa ta’ implimentazzjoni.

It-tieni aggravju: id-digriet appellat jikser il-prinċipju li l-aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax ikun dipendenti fuq l-Istati Membri.

It-tielet aggravju: id-digriet appellat huwa inkompatibbli mal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE.

Ir-raba’ aggravju: id-digriet appellat huwa inkompatibbli mal-prinċipju li rimedju ma huwiex effettiv jekk, għal raġunijiet strutturali, dan huwa teoretiku u illużorju.

Il-ħames aggravju: id-digriet appellat jikser l-Artikolu 51 tal-Karta.

Is-sitt aggravju: id-digriet appellat huwa bbażat fuq tnaqqis teleoloġiku żbaljat tal-kompetenzi ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE.

Is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li l-analiżi skont l-Artikolu 47 tal-Karta teħtieġ li tkun ibbażata fuq il-mod li bih istituzzjoni Ewropea fil-fatt taġixxi u tista’ taġixxi u mhux biss fuq il-fakultà tagħha li tagħti ordnijiet vinkolanti formali lil terzi.

It-tmien aggravju: id-digriet appellat huwa bbażat fuq distinzjoni żbaljata bejn id-dritt tas-superviżjoni prudenzjali u d-dritt tal-falliment.

Id-disa’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta assumiet li l-BĊE ma kellux il-kompetenza meħtieġa.

L-għaxar aggravju: id-digriet appellat huwa bbażat fuq suppożizzjoni żbaljata fir-rigward tal-effett tal-irtirar tal-liċenzja fuq il-kompetenza tal-BĊE.

Il-ħdax-il aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta assumiet li l-BĊE kkonforma mas-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, ECB et vs Trasta Komercbanka et (C-663/17 P, C-665/17 P u C-669/17 P, EU:C:2019:923).

It-tnax-il aggravju: il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx kif xieraq il-motivi tal-appellanti fir-rigward tad-dritt għal smigħ tagħha, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju nemo auditur.

____________