Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja) fl-4 ta’ April 2022 – Roheline Kogukond MTÜ, Eesti Metsa Abiks MTÜ, Päästame Eesti Metsad MTÜ u Sihtasutus Keskkonnateabe Ühendus vs Keskkonnaagentuur

(Kawża C-234/22)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tallinna Halduskohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Roheline Kogukond MTÜ, Eesti Metsa Abiks MTÜ, Päästame Eesti Metsad MTÜ u Sihtasutus Keskkonnateabe Ühendus

Konvenut: Keskkonnaagentuur

Domandi preliminari

Data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala informazzjoni ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE 1 ?

Jekk, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, din hija informazzjoni ambjentali, l-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti tagħmel parti mill-materjal li jkun għadu qiegħed jiġi kkumpilat jew dokumenti jew informazzjoni mhux ikkompletati?

L-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni imposta f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li l-kunfidenzjalità rilevanti hija stabbilita bil-liġi, hija ssodisfatta jekk ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità ma huwiex meħtieġ mil-liġi għal tip partikolari ta’ informazzjoni iżda huwa dedott mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att ġuridiku ta’ natura ġenerali, bħall-Avaliku teabe seadus (il-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika) jew ir-Riikliku statistika seadus (il-Liġi dwar l-Istatistika Uffiċjali tal-Istat)?

Għall-finijiet tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2003/4, għandhom jiġu stabbiliti effetti negattivi reali fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat li jsiru possibbli bl-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jew huwa biżżejjed li jiġi stabbilit riskju?

L-għan invokat fl-Artikolu 4(2)(h) tad-Direttiva 2003/4 ta’ “protezzjoni ta’ l-ambjent [inkwistjoni]” jiġġustifika restrizzjoni ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-istatistika tal-Istat?

Jekk, skont ir-risposta għall-ewwel domanda, id-data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala informazzjoni ambjentali, talba għal informazzjoni dwar tali data għandha titqies bħala talba għal aċċess għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/4, li għandha tiġi ttrattata konformement mal-Artikolu 8(2)?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala informazzjoni dwar metodi ta’ analiżi, ta’ teħid tal-kampjuni u ta’ trattament minn qabel tal-kampjuni użati għall-ġbir ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/4?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-aċċess għal tali informazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/4 tista’ tiġi limitata għal kwalunkwe raġuni importanti taħt id-dritt nazzjonali?

Ir-rifjut ta’ żvelar ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/4 jista’ jiġi mtaffi permezz ta’ miżuri oħra, pereżempju miżuri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp jew lill-qorti tal-awdituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni mitluba għal skopijiet ta’ verifika?

Ir-rifjut li tiġi żvelata data, bħad-data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-għan li tiġi żgurata l-kwalità tal-informazzjoni ambjentali fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4?

Il-premessa 21 tad-Direttiva 2003/4 tikkostitwixxi bażi legali għall-pubblikazzjoni ta’ data dwar il-post fejn jinsabu kampjuni ta’ plottijiet permanenti tal-inventarju statistiku tal-foresti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 37.