Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2022 minn Leon Leonard Johan Veen mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-27 ta’ April 2022 fil-Kawża T-436/21, Veen vs Europol

(Kawża C-444/22 P)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Appellant: Leon Leonard Johan Veen (rappreżentant: M. Mandzák, advokát)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hi;

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tordna lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell ikopri total ta’ erba’ aggravji. Il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-kawża u applikat b’mod żbaljat id-dritt sostantiv, b’mod partikolari fir-rigward tar-responsabbiltà tal-konvenuta għad-danni u l-obbligu tagħha li tipproċessa d-data personali fil-kuntest ta’ kontroverifika. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet b’mod żbaljat in-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-konvenuta u l-avveniment li wassal għad-dannu u mmotivat is-sentenza appellata b’mod insuffiċjenti.

____________