Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

(Kawża C-459/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: W. Roels, aġent)

Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħoġobha:

tikkonstata li, billi adotta u billi żamm fis-seħħ il-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ kapital ta’ pensjoni kif previsti fl-Artikoli 19a(1)(d) u 19b(1) u (2) tal-Wet op de Loonbelasting 1964 (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Pagi tal-1964), fl-Artikolu 40c tal-Uitvoeringsregeling Invorderingswet (id-Digriet li Jimplimenta l-Liġi dwar il-Ġbir tat-Taxxi), fl-Artikolu 10d(3) tal-Uitvoeringsbesluit Loonbelasting 1965 (id-Deċiżjoni li Timplimenta l-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Pagi tal-1965) kif ukoll fl-Anness IV tal-besluit DGB2012/7010M inzake internationale aspecten van pensioenen (id-Deċiżjoni DGB2012/7010M dwar l-Aspetti Internazzjonali tal-Pensjonijiet), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas mill-obbligi imposti fuqu permezz tal-Artikoli 45, 56 u 63 TFUE;

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi rigward il-kundizzjonijiet għal trasferiment ta’ kapital ta’ pensjoni akkumulat fl-hekk imsejjaħ “tieni pilastru”, jiġifieri l-kumulu tal-pensjoni supplimentari permezz tal-persuna li timpjega, hija inkompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema, mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-moviment liberu tal-kapital. Minkejja li dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għat-trasferimenti nazzjonali u barranin, huma ssodisfatti iktar faċilment mill-fornituri nazzjonali ta’ servizzi ta’ pensjoni milli mill-fornituri barranin ta’ servizzi ta’ pensjoni li jixtiequ joffru servizzi ta’ pensjoni fl-Istat Membru ta’ stabbiliment proprju tagħhom lil ħaddiema li huma impjegati hemmhekk u li preċedentement akkumulaw kapital ta’ pensjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Jekk il-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ma jiġux issodisfatti, il-kapital ta’ pensjoni akkumulat fil-Pajjiżi l-Baxxi jiġi suġġett għat-taxxa.

____________