Language of document : ECLI:EU:C:2009:669

Kawża C-174/08

NCC Construction Danmark A/S

vs

Skatteministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 19(2) — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Persuna taxxabbli mħallta — Oġġetti u servizzi użati kemm għal attivitajiet taxxabbli kif ukoll għal attivitajiet eżenti — Kalkolu tal-proporzjon imnaqqas — Kunċett ta’ ‘tranżazzjoni inċidentali għal beni immobbli’ — Kunsinni lilha nnifisha — Prinċipju ta’ newtralità fiskali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati kemm għal tranżazzjonijiet li jagħtu u għal dawk li ma jagħtux dritt għal tnaqqis

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 19(2))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal‑input imħallsa

(Direttiva tal-Kunsill 77/388)

1.        L-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens, fil-każ ta’ impriża ta’ kostruzzjoni, il-bejgħ minnha ta’ beni immobbli mibnija f’isimha stess, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “transazzjoni inċidentali għal beni immobbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din l-attività tikkostitwixxi estensjoni diretta, permanenti u neċessarja tal-attività taxxabbli tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi evalwat, f’dan il-każ, sa liema punt din l-attività ta’ bejgħ, ikkunsidrata separatament, timplika użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi li għalihom hija dovuta t-taxxa fuq il-valur miżjud.

(ara l-punti 34, 35 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jipprekludi lil impriża ta’ kostruzzjoni, li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq servizzi ta’ kostruzzjoni li hija twettaq f’isimha stess (provvista għaliha nnifisha), li ma tnaqqasx integralment it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-ispejjeż ġenerali sostnuti mit-twettiq ta’ dawn is-servizzi, peress li d-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-kostruzzjoni mwettqa b’dan il-mod huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

Fil-fatt, jekk l-imsemmi prinċipju ta’ newtralità fiskali jikkostitwixxi l‑ekwivalenti, għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-valur miżjud, tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, madankollu, filwaqt li dan il-prinċipju tal-aħħar għandu, bħall-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, natura kostituzzjonali, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jeħtieġ redazzjoni leġiżlattiva li fuq livell Komunitarju tista’ ssir biss permezz ta’ att tad-dritt Komunitarju sekondarju. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jista’, konsegwentement, ikun is-suġġett, f’att leġiżlattiv bħal dan, ta’ preċiżjonijiet, bħal dawk, li jirriżultaw mill-applikazzjoni flimkien tal‑Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 28(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill‑bejgħ, kif ukoll tal-punt 16 tal-Anness F ta’ din id-direttiva, li jipprovdu li l-persuna taxxabbli li teżerċita kemm attivitajiet taxxabbli kif ukoll attivitajiet eżenti ta’ bejgħ ta’ beni immobbli ma tistax tnaqqas integralment it-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq l-ispejjeż ġenerali tagħha.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jiġi invokat b’mod xieraq sabiex jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni trasposti mill-leġiżlazzjoni nazzjonali peress li, bid-dispożizzjonijiet ikkontestati li jirrigwarda t-traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali, filwaqt li ħa debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ trattament ugwali, xtaq iqiegħed l-impriżi ta’ kostruzzjoni li jeżerċitaw, fil-marġni tal-attività ta’ kostruzzjoni tagħhom, attitivà eżenti ta’ bejgħ ta’ beni immobbli, fl‑istess sitwazzjoni bħal dawk li jiżviluppaw il-proprjetà immobbli li, fid‑dawl tan-natura eżenti ta’ din id-direttiva, ma jistgħux inaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq is-servizzi ta’ kostruzzjoni pprovduti minn impriżi terzi li huma kienu impjegaw, u dan sabiex jiġu evitati distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq intern.

(ara l-punti 41-43, 46, 47 u d-dispożittiv 2)