Language of document : ECLI:EU:T:2015:789

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali engineering for a better world – Deċiżjoni purament konfermattiva – Karattru definittiv tad-deċiżjoni konfermattiva – Konstatazzjoni ex officio – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑545/14,

GEA Group AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Schneiders, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Pohlmann, sussegwentement minn S. Hanne, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-2 ta’ Ġunju 2014 (Każ R 303/2014-4), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali engineering for a better world bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2014,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2014,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq l-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni

1        Fis-6 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti, GEA Group AG, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali engineering for a better world għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 6, 7, 9, 11, 35, 37, 39, 41 u 42, skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

2        Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2012, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni abbażi tal-Artikoli 7(1)(b) u 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009.

3        Fil-15 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell, għar-raġuni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li ġie miċħud minħabba tardività permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Jannar 2015, GEA Group vs UASI (engineering for a better world) (T‑488/13, Ġabra, EU:T:2015:64).

 Fuq it-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni

6        Fl-1 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ressqet quddiem l-UASI t-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni, identika fil-punti kollha għall-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-Artikoli 7(1)(b) u 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009.

8        Fit-23 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti appellat kontra din id-deċiżjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Huwa jikkonstata “bi stagħġib” li t-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet identika għall-ewwel waħda, dwar b’mod partikolari lista ta’ prodotti identiċi (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal din ir-raġuni u essenzjalment, huwa rrefera għar-raġunijiet tal-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li rrepeta r-raġunijiet “deċiżivi” tal-imsemmija deċiżjoni (punti 18 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, tiddeċiedi li taqta’ l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku permezz ta’ digriet motivat.

13      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi tal-fajl u b’mod partikolari tat-tweġiba tal-partijiet inkwistjoni għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont dan l-artikolu, li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura, u dan anki jekk parti talbet li tinżamm seduta.

14      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi huma eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali għandha tqajjem ex officio jekk ikun il-każ [ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra, EU:T:1990:42, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Frar 2011, Paroc vs UASI (INSULATE FOR LIFE), T‑157/08, Ġabra, EU:T:2011:33, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata].

15      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, bil-għan li ma jerġax jibda jiddekorri t-terminu ta’ rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva, rikors intiż kontra tali deċiżjoni konfermattiva għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (digriet tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑521/03 P, EU:C:2004:778, punt 41; sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1998, Waterleiding Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑188/95, Ġabra, EU:T:1998:217, punt 108, u INSULATE FOR LIFE, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2011:33, punt 29; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen et Union syndicale vs Qorti tal-Awdituri, 193/87 u 194/87, EU:C:1989:185, punt 26).

16      Deċiżjoni hija kkunsidrata purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma tkun tinkludi l-ebda element ġdid meta mqabbla mal-att preċedenti u ma tkunx ġiet preċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti (ara d-digriet Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2004:778, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal-4 ta’ Mejju 1998, BEUC vs Il-Kummissjoni, T‑84/97, Ġabra, EU:T:1998:81, punt 52, u s-sentenza INSULATE FOR LIFE, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2011:33, punt 30).

17      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk l-att ikkontestat jikkostitwixxi r-risposta għal talba fejn jiġu inkvokati fatti ġodda u sostanzjali u li permezz tagħha l-amministrazzjoni tintalab tagħmel eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva, dan l-att ma jistax jiġi kkunsidrat ta’ natura purament konfermattiva, sa fejn ikun jiddeċiedi dwar dawn il-fatti u jkun jinkludi, għaldaqstant, element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti. Fil-fatt, l-eżistenza taʼ fatti ġodda u sostanzjali tistaʼ tiġġustifika l-preżentata taʼ talba għal eżami mill-ġdid taʼ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva. Għall-kuntrarju, meta t-talba għal eżami mill-ġdid ma tkunx ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jsir l-eżami mill-ġdid mitlub għandha tiġi ddikjarata inammissibbli (ara d-digriet tal-4 ta’ Lulju 2014, Uspaskich vs Il-Parlement, T‑84/12, EU:T:2014:642, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk u sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi deċiżjoni li sempliċement tikkonferma l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, ħaġa li tippreżupponi li tiġi identifikata l-informazzjoni rispettiva tal-każijiet li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-għan ta’ din il-kawża huwa, l-istess bħal dak li ta lok għall-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, ir-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali engineering for a better world għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 6, 7, 9, 11, 35, 37, 39, 41 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Barra minn hekk, fl-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell bħal fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ġew miċħuda abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi, fl-analiżi tagħha ta’ din ir-raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-ebda element ġdid u li din ma kinitx preċeduta minn eżami mill-ġdid tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mir-rikorrenti.

20      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet irrepetiet l-istess argumenti bħal dawk diġà miċħuda mill-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u, għalhekk, irrefera kompletament għar-raġunijiet tal-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell filwaqt li rrepeta ir-raġunijiet “deċiżivi” tal-imsemmija deċiżjoni (punti 17 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Ċertament, il-Bord tal-Appell irreleva, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet invokat, għall-ewwel darba fir-rikors tagħha li wassal għad-deċiżjoni kkontestata, reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji li kienu jinkludu l-kliem “for a better world”. Madankollu, anki fl-ipoteżi li dawn ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala fatti ġodda, mhux għaliex seħħew wara l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, iżda għaliex ma tteħdux inkunsiderazzjoni matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni minkejja li kienu diġà jeżistu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑481/11, Ġabra, EU:T:2014:945, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), huma ma jistgħux, kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni r-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, jiġu kkwalifikati bħala fatti sostanzjali.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, fatt huwa sostanzjali meta jkun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika hekk kif ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awturi tal-att preċedenti, jiġifieri b’mod partikolari billi jbiddel b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet li rregolaw l-att preċedenti. Dan huwa l-każ ta’ element li jqajjem dubji fir-rigward tal-fondatezza tas-soluzzjoni adottata mill-imsemmi att (ara s-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2014:945, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Issa, anki jekk il-ġurisprudenza dwar it-teħid inkunsiderazzjoni mill-UASI tal-prassi deċiżjonali tagħha ġiet ippreċiżata, wara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punti 73 sa 77), xorta jibqa’ l-fatt li dejjem huwa kkunsidrat, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ma tistax tiġi kkontestata għas-sempliċi raġuni li l-Bord tal-Appell ma segwix f’każ partikolari l-prassi deċiżjonali tal-UASI [ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI, C‑70/13 P, EU:C:2013:875, punti 41 sa 48; sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2014, Larrañaga Otaño vs UASI (GRAPHENE), T‑459/13, EU:T:2014:892, punti 35 sa 39, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Wilo vs UASI (Pioneering for You), T‑601/13, EU:T:2014:1067, punti 42 u 43]. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, l-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jseħħ f’kull każ konkret, peress li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni ta’ rifjut stabbilita mir-Regolament Nru 207/2009.

24      F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment illimitat ruħha sabiex telenka reġistrazzjonijiet preċedenti ta’ trade marks li jinkludu l-kliem “for a better life”, meta l-Bord tal-Appell kien, fl-ewwel deċiżjoni tiegħu, iddeduċa minn analiżi konkreta u kompluta tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li tinkludi b’mod partikolari, iżda mhux biss, il-kliem “for a better world”, li r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark kienet issib raġuni assoluta għal rifjut. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kellux jeżamina mill-ġdid l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-UASI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza INSULATE FOR LIFE, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2011:33, punt 39).

25      Din il-prassi ma tatx lok għal tali eżami mill-ġdid. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell sempliċement ikkonstata l-assenza ta’ rilevanza tar-reġistrazzjonijiet invokati fid-dawl tal-eżistenza tal-ewwel deċiżjoni tagħha, li biha huwa kien diġà rrifjuta li jirreġistra t-trade mark mitluba (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għalkemm ir-risposta mogħtija fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi kkwalifikata bħala risposta fil-mertu għall-allegazzjoni tar-reġistrazzjonijiet preċedenti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li risposta fil-mertu ma tistax tikkaratterizza eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti fl-assenza ta’ obbligu f’dan is-sens (ara, f’dan sens, id-digriet tad-29 ta’ April 2004, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑308/02, Ġabra, EU:T:2004:119, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri suġġetti għat-twettiq taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi wara l-adozzjoni tagħhom, l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ obbligu għall-Bord tal-Appell li jeżamina mill-ġdid it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Skont din il-ġurisprudenza, minn naħa, miżura suġġetta għat-twettiq taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi wara l-adozzjoni tagħha għandha tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid sabiex jiġi vverifikat jekk iż-żamma tagħha hijiex iġġustifikata u, min-naħa l-oħra, eżami ġdid intiż sabiex jivverifika jekk miżura adottata preċedentement tibqax ġustifikata fid-dawl ta’ bidla fis-sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt li tkun saret fil-frattemp twassal għall-adozzjoni ta’ att li ma huwiex purament konfermattiv tal-att preċedenti, iżda jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors (ara s-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:T:2014:945, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, għalkemm huwa minnu li r-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 japplikaw biss sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, kif isostni essenzjalment l-UASI fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali b’riferiment b’mod partikolari għall-akkwiżizzjoni ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, minn naħa, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid inkwistjoni huwa suġġett għal bdil fis-sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi rilevanti, li ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li r-reġistrazzjonijiet invokati mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ma seħħewx wara l-ewwel deċiżjoni ta’ dan il-bord (ara punt 21 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ talba għal trade mark li, b’differenza minn talba għal aċċess għad-dokumenti (ara, għall-konsegwenzi tal-assenza ta’ obbligu ta’ ġustifikazzjoni ta’ dawn it-talbiet għal aċċess fuq l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-istituzzjonijiet, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra, EU:C:2010:40, punti 56 u 57), għandha tiġi ġġustifikata u dokumentata skont dispożizzjonijiet applikabbli [Artikolu 26 tar-Regolament Nru 207/2009 u b’mod partikolari Regola 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat], l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid jista’ jirriżulta biss mill-allegazzjoni mill-parti kkonċernata ta’ bdil fis-sitwazzjoni legali jew fattwali inkwistjoni, bdil li ma ġiex invokat f’dan il-każ mir-rikorrenti (ara punt 21 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kieku kellu jiġi aċċettat li hemm obbligu ta’ eżami mill-ġdid wara kull talba f’dan is-sens, tiġi skoraġġata l-possibbiltà li jitwettqu abbużi ta’ proċedura. Issa, il-ġurisprudenza, b’mod kostanti ma tippermettix l-abbuż ta’ proċedura li jikkonsisti fil-formulazzjoni ta’ talba sabiex tkun tista’ tiġi attakkata r-risposta mogħtija fiha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ April 2002, IPSO u USE vs BĊE, T‑238/00, Ġabra, EU:T:2002:102, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell, ifformulata fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema d-deċiżjoni tal-eżaminatur dwar it-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma hijiex purament konfermattiva tad-deċiżjoni tal-eżaminatur dwar l-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma hijiex relevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li hija biss dwar in-natura konfermattiva jew le tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija konfermattiva ta’ deċiżjoni li saret definittiva.

31      Fil-fatt, l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kienet saret definittiva fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, peress li l-ebda rikors ma kien ġie ppreżentat kontra tagħha fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 65(5) tar-Regolament Nru 207/2009, kif jirriżulta mid-digriet engineering for a better world, punt 5 iktar ’il fuq (EU:T:2015:64, punti 23 u 24), li ma ġiex appellat.

32      Din in-natura definittiva tal-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma hijiex ikkontestata mill-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell, ifformultata fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija deċiżjoni ma hijiex definittiva. Fil-fatt, tali kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi spjegata mill-fatt li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors ippreżentat kontra l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-Kawża T-488/13 kien pendenti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-fatt li r-rikors fil-Kawża T‑488/13 ġie ddikjarat tardiv biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors lanqas ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ewwel deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma kinitx saret definittiva fid-data ta’ din il-preżentata. Fil-fatt, kieku l-preżentata ta’ rikors tardiv kontra deċiżjoni kellha l-effett li tipposponi l-akkwiżizzjoni tan-natura definittiva tiegħu, l-għan intiż mill-ġurisprudenza dwar l-inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra atti konfermattivi, jiġifieri li ma ssirx il-preżentata ta’ rikorsi li għandhom l-effett li jerġgħu jibdew jiddekorru t-termini ta’ rikorsi li jkunu skadew (ara d-digriet tal-25 ta’ Ottubru 2001, Métropole télévision – M 6 vs Il-Kummissjoni, T‑354/00, Ġabra, EU:T:2001:258, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), ikun mingħajr effett.

34      Minn dan isegwi li, peress li dan ir-rikors huwa intiż kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni li saret definittiva, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

35      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

36      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      GEA Group AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Magħmul fil-Lussemburgu, fi* .

E. Coulon

 

      M. E. Martins Ribeiro

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.