Language of document : ECLI:EU:T:2015:789

Kawża T‑545/14

GEA Group AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(UASI)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali engineering for a better world – Deċiżjoni purament konfermattiva – Karattru definittiv tad-deċiżjoni konfermattiva – Konstatazzjoni ex officio – Inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

1.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini mogħtija – Inammissibbiltà – Natura definittiva tad-deċiżjoni preċedenti – Rikors kontra d-deċiżjoni preċedenti ddikjarata tardiva wara l-preżentazzjoni tar-rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva – Assenza ta’ effett

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini mogħtija – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva – Eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti b’risposta għal talba li ssostni fatti ġodda u sostanzjali – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Applikazzjoni bbażata fuq il-fatti ġodda u sostanzjali – Kunċett ta’ fatt sostanzjali – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

4.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini mogħtija – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva – Eżami mill-ġdid għall-finijiet tal-verifika tal-ġustifikazzjoni taż-żamma ta’ deċiżjoni preċedenti wara l-bdil ta’ sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi li seħħ fil-frattemp – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, bil-għan li ma jerġax jibda jiddekorri t‑terminu ta’ rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva, rikors intiż kontra tali deċiżjoni konfermattiva għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

Il-fatt li r-rikors kontra d-deċiżjoni preċedenti ġie ddikjarat tardiv biss wara l-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni konfermattiva ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni preċedenti ma kinitx saret definittiva fid-data ta’ din il-preżentata. Fil-fatt, kieku l-preżentata ta’ rikors tardiv kontra deċiżjoni kellha l-effett li tipposponi l-akkwiżizzjoni tan-natura definittiva tiegħu, l-għan intiż mill-ġurisprudenza dwar l-inammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra atti konfermattivi, jiġifieri li ma ssirx il-preżentata ta’ rikorsi li għandhom l-effett li jerġgħu jibdew jiddekorru t-termini ta’ rikorsi li jkunu skadew, ikun mingħajr effett.

(ara l-punti 15, 33)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 16, 17)

3.      L-eżistenza taʼ fatti ġodda u sostanzjali tistaʼ tiġġustifika l-preżentata taʼ talba għal eżami mill-ġdid taʼ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva. Għall-kuntrarju, meta t-talba għal eżami mill-ġdid ma tkunx ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jsir l-eżami mill-ġdid mitlub għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ma għandux l-obbligu li jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni preċedenti tiegħu li tkun saret definittiva fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Anki fl-ipoteżi li r-reġistrazzjonijiet preċedenti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala fatti ġodda, għaliex ma ttiħdux inkunsiderazzjoni matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni minkejja li kienu diġà jeżistu, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala fatti sostanzjali Fil-fatt, huwa sostanzjali meta jkun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika hekk kif ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awturi tal-att preċedenti, jiġifieri b’mod partikolari billi jitbiddel b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet li rregolaw l-att preċedenti. Dan huwa l-każ ta’ element li jqajjem dubji fir-rigward tal-fondatezza tas-soluzzjoni adottata mill-imsemmi att.

Issa, l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ma tistax tiġi kkontestata għas-sempliċi raġuni li l-Bord tal-Appell ma segwix f’każ partikolari l-prassi deċiżjonali tal-UASI. Fil-fatt, l-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jseħħ f’kull każ konkret, peress li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni ta’ rifjut stabbilita mir-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Komunità.

(ara l-punti 17, 21-24)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 27)