Language of document : ECLI:EU:T:2016:739

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Unjoni doganali – Importazzjoni ta’ prodotti dderivati mit-tonn provenjenti mill-Ekwador – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Talba għal nuqqas ta’ rkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 220(2)(b) u l-Artikolu 236 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Avviż lill-importaturi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali – Bona fide – Talba għal nuqqas ta’ rkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92”

Fil-Kawża T‑548/14,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn A. Rubio González, imbagħad minn V. Ester Casas, abogado del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Arenas, A. Caeiros, u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 3007 finali tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tikkonstata li, f’każ partikolari, il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni hija ġġustifikata għal ċertu ammont, imma mhux għal ammont ieħor (REM 03/2013),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur,

rat l-istadju bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bejn it-30 ta’ Ġunju 2009 u l-24 ta’ Settembru 2010, ACTEMSA SA (iktar ’il quddiem “il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”), impriża stabbilita fi Spanja, importat fl-Unjoni Ewropea prodotti dderivati mit-trasformazzjoni tat-tonn, jiġifieri il-kunserva tat-tonn u flettijiet ta’ tonn iffriżati, iddikjarati bħala provenjenti mill-Ekwador (iktar ’il quddiem l-“importazzjonijiet kontenzjużi”).

2        Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet talbet lill-awtoritajiet doganali Spanjoli l-applikazzjoni tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġġeneralizzati (iktar ’il quddiem is-“SPĠ”) għall-importazzjonijiet kontenzjużi, billi pproduċiet insostenn tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħha ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa mill-awtoritajiet Ekwadorjani fuq il-bażi ta’ formularju ppreżentat mill-esportatur, li ddikjara li l-oriġini tal-prodotti kien l-Ekwador u li l-kundizzjonijiet sabiex jingħataw iċ-ċertifikati ta’ oriġini kienu ssodisfatti.

3        Fuq il-bażi taċ-ċertifikati ta’ oriġini ppreżentati mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, l-awtoritajiet doganali Spanjoli kienu taw il-benefiċċju tat-trattament tariffarju preferenzjali lill- importazzjonijiet kontenzjużi.

4        Matul il-perijodu tal-importazzjonijiet kontenzjużi, imfakkar fil-punt 1 iktar ' il fuq, jiġifieri l-21 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż lill-importaturi intitolat “Importazzjonijiet ta’ tonn fl-UE mill-Kolombja u l-El Salvador” (ĠU 2010, C 132, p. 15) (iktar ’il quddiem l-“avviż”), li minnu l-partijiet rilevanti għal din il-kawża, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-avviż u jiġi determinat jekk jikkonċernax l-importazzjonijiet kontenzjużi huma dawn li ġejjin:

“Il-Kummissjoni […] tinforma lill-operaturi tal-Unjoni […] li jeżistu dubji raġonevoli dwar l-applikar xieraq tat-trattament preferenzjali u tal-applikabbiltà tax-xiehda ta’ oriġini ppreżentata fl-Unjoni […] għat-tonn fil-landa u flettijiet friżati tat-tonn tas-Sistema Armonizzata tas-subintestatura 1604 14 importati mill-Kolombja u l-El Salvador.

Minn bosta investigazzjonijiet, jirriżulta li kwantitajiet sinifikanti ta’ tonn fil-landa u flettijiet friżati tat-tonn tas-Sistema Armonizzata tas-subintestatura 1604 14 huma ddikjarati li joriġinaw mill-Kolombja jew l-El Salvador, li għalihom mhumiex eliġibbli.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li kunsinni qed jiġu importati minn pajjiżi oħra li jibbenefikaw mis-[SPĠ]sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ oriġini tal-SPĠ dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini”.

5        Mill-14 sat-30 ta’ Settembru 2010, missjoni magħquda ffurmata mir-rappreżentanti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u ta’ ċerti Stati Membri marret fl-Ekwador sabiex tiddetermina l-oriġini tal-materja prima użata fl-ipproċessar tal-prodotti riżultanti mit-trasformazzjoni tat-tonn provenjenti minn dan il-pajjiż u esportati lejn l-Unjoni b’ċertifikati ta’ oriġini “formula A” maħruġa f’dan il-pajjiż sabiex tibbenefika mit-trattament tariffarju preferenzjali.

6        Ir-rapport finali tal-OLAF stabbilixxa li l-awtoritajiet Ekwadorjani kienu ħarġu bi żball ċertifikati ta’ oriġini “formula A” għal prodotti pproċessati mit-tonn ttrasformati fl-Ekwador minn materja prima maqbuda minn vapuri tas-sajd ta’ El Salvador u tal-Panama, billi r-regoli li jippermettu li l-merkanzija tiġi kkunsidrata bħala provenjenti mill-Ekwador ma kinux ġew osservati.

7        L-OLAF osserva, f’dak li jikkonċerna l-ħut nej maqbud mill-vapuri ta’ El Salvador, li l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż ma kinux urew l-oriġini tal-ħut skont l-Artikoli 72a u 80 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), u, f’dak li jikkonċerna l-ħut nej maqbud mid-dgħajjes tal-Panama, li ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” kienu nħarġu mill-awtoritajiet tal-Panama, imma li r-regola fuq il-valur miżjud prevista fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ma kinitx ġiet osservata.

8        Billi l-importazzjonijiet kontenzjużi ma setgħux jibbenefikaw mit-trattament tariffarju preferenzjali, l-awtoritajiet Spanjoli kienu bdew, fl-2012, proċedura ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni u applikaw għall-operazzjonijiet ikkonċernati t-tariffa doganali komuni ta’ 24 %, b’mod li l-ammont tad-dazju tad-dwana mitlub tela’ għal EUR 2 094 850.62.

9        B’diversi ittri fosthom l-aħħar waħda tas-7 ta’ Frar 2013, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa talbet lill-awtoritajiet Spanjoli l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni taħt l-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“KDK”) jew, sussidjarjament, taħt l-Artikolu 239 tal-KDK.

10      B’ittra tat-18 ta’ April 2013, l-awtoritajiet Spanjoli kienu talbu lill-Kummissjoni tiddetermina jekk kienx ġustifikat li tingħata l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni taħt l-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u mal-Artikoli 869 u 871 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jew, sussidjarjament, taħt l-Artikolu 239 tal-KDK u tal-Artikolu 905 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

11      B’ittri tat-8 ta’ Mejju u tas-17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari li l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew bl-ittri tat-28 ta’ Mejju u tal-21 ta’ Ottubru 2013. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa setgħet tieħu konjizzjoni ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ talbiet għal informazzjoni u tagħmel osservazzjonijiet dwar ir-risposta li l-awtoritajiet Spanjoli kien fi ħsiebhom jibgħatu.

12      B’ittra tat-12 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, konformement mal-Artikoli 873 u 906a tar-Regolament Nru 2454/93, sabiex tagħmel il-kummenti tagħha dwar kull kwistjoni ta’ dritt u ta’ fatt li fil-fehma tagħha setgħet twassal għaċ-ċaħda tat-talba tagħha. Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa wieġbet b’ittra tal-5 ta’ Marzu 2014, fejn qieset li ma kellhiex iġġorr ir-responsabbiltà ta’ żball tal-awtoritajiet Ekwadorjani. Hija sostniet ukoll il-bona fide tagħha kif ukoll in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ attenzjoni tagħha għall-importazzjonijiet imwettqa wara l-21 ta’ Mejju 2010.

13      Fit-8 ta’ Mejju 2014, skont l-Artikoli 873 u 907 tar-Regolament Nru 2454/93, grupp ta’ esperti ffurmat minn rappreżentanti tal-Istati Membri iltaqa’ sabiex jeżaminaw il-kwistjoni.

14      Bid-deċiżjoni C(2014) 3007 finali, tal-15 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni qieset li, f’każ partikolari, il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni kienet iġġustifikata għal ċertu ammont, imma ma kinitx iġġustifika għal ammont ieħor (REM 03/2013) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

15      Fl-eżami tat-talba bbażata fuq l-Artikolu 236, moqri flimkien mal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, l-awtoritajiet doganali Ekwadorjani kienu pproċedew għal applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” u li, min-naħa l-oħra, il-fatt li kienu saru dikjarazzjonijiet inkorretti fit-talba għal ċertifikati mill-kumpannija esportatriċi ma kienx suffiċjenti sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ żball imputabbli lill-awtoritajiet Ekwadorjani. Imbagħad, il-Kummissjoni qieset li għandha tivverifika jekk l-iżball setax ikun raġonevolment innotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, billi ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, in-natura tal-iżball, l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

16      Fir-rigward tan-natura tal-iżball, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-ripetizzjoni tal-iżball, riżultanti mill-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ oriġini “formula A” mill-awtoritajiet Ekwadorjani matul perijodu twil, kienet timmilita favur il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u li ma kienx possibbli għaliha tiddetermina jekk l-iżball hekk imwettaq setax jiġi nnotat minnha għall-importazzjonijiet imwettqa qabel il-21 ta’ Mejju 2010.

17      Fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha ħafna esperjenza professjonali, kienet attiva fis-settur ta’ importazzjoni-esportazzjoni tal-prodotti tas-sajd provenjenti mill-Amerika Latina, mill-Afrika u mill-pajjiżi tal-Asja tal-Lvant.

18      Fir-rigward tad-diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, il-Kummissjoni ddistingwiet, fil-premessi 30 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, l-importazzjonijiet imwettqa mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa qabel il-21 ta’ Mejju 2010, id-data li fiha hija kienet ippubblikat l-avviż, minn dawk imwettqa wara dik id-data. Filwaqt li rreferiet għall-fatt li l-avviż kien jgħid li “ma jistax jiġi eskluż li kunsinni qed jiġu importati minn pajjiżi oħra li jibbenefikaw mis-[SPĠ] mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ oriġini tal-SPĠ dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini”, hija qieset li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha, wara l-21 ta’ Mejju 2010, tieħu l-prekawzjonijiet kollha rikjesti sabiex tikkontrolla l-provi ta’ oriġini sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar it-trattament preferenzjali u, b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli fuq l-akkumulazzjoni reġjonali. Għalhekk, b’effett mill-pubblikazzjoni tal-avviż, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx tibqa’ titqies li kienet in bona fide. Għall-kuntrarju, għall-importazzjonijiet imwettqa qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż, xejn ma jippermetti li tiġi ddubitata l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa lanqas id-diliġenza tagħha.

19      Imbagħad, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 39 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 239 tal-KDK sabiex tkun tista’ tingħata maħfra tad-dazji għall-importazzjonijiet wara l-21 ta’ Mejju 2010. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni partikolari meta mqabbla ma’ dik ta’ operaturi oħra li jeżerċitaw l-istess attività ekonomika, wara li kienet fakkret li l-fiduċja fil-validità ta’ ċertifikati ta’ oriġini, li rriżultaw li ma kinux validi, ma kinitx timplika l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li t-tieni kundizzjoni dwar id-diliġenza mistennija minn importatur ta’ esperjenza ma kinitx sodisfatta iktar u rreferiet għall-kunsiderazzjonijiet dwar id-diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa eżaminata taħt l-applikazzjoni tall-Artikolu 220 tal-KDK.

20      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet is-segwenti:

“Artikolu 1

Għandha tingħata l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni f’ammont ta’ EUR 999 863.58, mitluba mir-Renju ta’ Spanja fit-18 ta’ April 2013, dwar l-importazzjonijiet imwettqa bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-20 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 2

Ma għandhiex tingħata l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni f’ammont ta’ EUR 1 094 987.04, mitluba mir-Renju ta’ Spanja fit-18 ta’ April 2013, dwar l-importazzjonijiet imwettqa bejn il-21 ta’ Mejju 2010 u l-24 ta’ Settembru 2010.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2014, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fis-7 ta’ Ottubru 2014. Fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta r-replika u, fis-17 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ April 2016.

24      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka tliet motivi in sostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, it-tieni fuq ksur tal-Artikolu 239 tal-KDK u, it-tielet, imqajjem sussidjarjament, fuq ksur tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK f’dak li jikkonċerna r-regola tal-akkumulazzjoni reġjonali prevista mir-Regolament Nru 2454/93.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jissuġġetta n-nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għal tliet kundizzjonijiet kumulattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      B’hekk, qabel xejn, jeħtieġ li d-dazji ma jkunux inġabru minħabba żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom. Imbagħad, l-iżball imwettaq mill-istess awtoritajiet għandu jkun tali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din tal-aħħar tkun aġixxiet in bona fide, u dan minkejja l-esperjenza professjonali tagħha u d-diliġenza li hija għandu jkollha. Fl-aħħar nett, din tal-aħħar għandha tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti bil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li huwa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni ta’ rkupru jew le tad-dazji doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Illumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma tistax tinvoka l-bona fide tagħha meta l-Kummissjoni tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż lill-importaturi li jindika dubji raġonevoli f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali mill-pajjiż terz benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2009, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, C‑552/08 P, EU:C:2009:605, punti 56 u 57), billi l-possibbiltà għall-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li turi l-bona fide tagħha billi tieħu miżuri supplimentari sabiex tiżgura l-awtentiċità u l-korrettezza taċ-ċertifikati għal għan preferenzjali ma hijiex prevista minn din id-dispożizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, T‑51/07, EU:T:2008:420, punt 42).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors.

32      Prinċipalment, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li, meta l-Kummissjoni, għandha l-intenzjoni li tiċħad il-pożizzjoni adottata mill-awtoritajiet nazzjonali, għandha tipprova, fuq il-bażi ta’ elementi ta’ fatt rilevanti, l-eżistenza ta’ aġir manifestament negliġenti min-naħa tal-operatur. Il-Kummissjoni ma għandhiex tikkuntenta ruħha li tirreferi għall-obbligu tal-importaturi li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha rikjesti sabiex jikkontrollaw il-provi ta’ oriġini kontenuti fl-avviż, mingħajr ma turi fihiex il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ diliġenza jew ta’ bona fide. Issa, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-pubblikazzjoni tal-avviż ma għandhiex tostakola lill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa milli tinvoka l-bona fide tagħha għaliex dan l-avviż kien jikkonċerna biss l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Kolombja u minn El Salvador u l-effetti tiegħu ma jistgħux jiġu estiżi għall-pajjiżi l-oħra li jiffurmaw parti mill-grupp reġjonali II, bħalma huwa l-Ekwador, li bejniethom tapplika r-regola ta’ akkumulazzjoni reġjonali (ara, ukoll, il-punt 48 iktar 'il quddiem).

33      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud. Essenzjalment, hija tfakkar, qabel xejn, li fil-prinċipju, meta merkanzija li tkun eventwalment ibbenefikat mit-trattament tariffarju preferenzjali ma jkollhiex l-oriġini invokat jew l-oriġini tagħha ma jkunx jista’ jiġi vverifikat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu għat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni.

34      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel kundizzjoni prevista mill-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK sabiex ma jkunx hemm irkupru a posteriori għandha tkun issodisfatta sa fejn l-awtoritajiet Ekwadorjani wettqu żball meta ħarġu ċ-ċertifikati ta’ oriġini “formula A” minkejja n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fuq l-akkumulazzjoni reġjonali.

35      Għalkemm iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan l-artikolu kienu ssodisfatti qabel il-21 ta’ Mejju 2010, huma ma baqgħux jiġu ssodisfatti wara. B’effett minn din id-data, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx iktar, skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, tinvoka l-bona fide tagħha, sa fejn l-avviż kellu jkun applikabbli wkoll għall-Ekwador u billi hija ma wrietx diliġenza sabiex tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar it-trattament tariffarju preferenzjali.

36      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Unjoni ma ddeċidietx il-kwistjoni jekk il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jistabbilixxix preżunzjoni inkonfutabbli. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, operatur jista’ jinvoka l-bona fide wara li jkun wera li kienu twettqu verifiki supplimentari wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż lill-importaturi.

37      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, f’każ ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż lill-importaturi, l-oneru tal-prova tal-bona fide u tad-diliġenza jinkombi fuq il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. F’dan il-każ, l-ebda prova tal-miżuri supplimentari meħuda mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa sabiex tiżgura li l-oriġini tal-merkanzija wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ma tressqet mir-Renju ta’ Spanja.

38      Il-Kummissjoni tinnota li l-avviż isemmi lill-Kolombja u lil El Salvador u, għad-disa’ pajjiżi l-oħra tal-grupp reġjonali II, l-eventwalità ta’ irregolaritajiet għall-prodotti li jaqgħu taħt l-istess subintestatura tariffarja bħall-importazzjonijiet kontenzjużi. Għalhekk, fil-fehma tagħha, l-avviż jirreferi għal dawn id-disa’ pajjiżi oħra, mingħajr ma jsemmihom espressament. Operatur ta’ esperjenza kellu jiddeduċi mill-avviż l-eżistenza ta’ riskji għall-pajjiżi kollha tal-grupp reġjonali II f’dak li jikkonċerna l-akkumulazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li hija tista’ leġittimament u b’mod ġenerali tirreferi għal diversi pajjiżi f’avviż lill-importaturi, kif kienet għamlet f’żewġ okkażjonijiet preċedenti.

39      L-avviż kellu jiġbed l-attenzjoni tal-importaturi għan-neċessità li jieħdu prekawzjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ kull pajjiż tal-grupp II. Fil-fatt, il-materja prima provenjenti mill-Kolombja jew l-El Salvador setgħet tiġi esportata lejn pajjiż ieħor tal-grupp II, bl-għan li tintuża fl-ipproċessar ta’ prodotti dderivati mit-trasformazzjoni tat-tonn sabiex jiġu esportati lejn l-Unjoni. B’applikazzjoni tal-prinċipju tal-akkumulazzjoni reġjonali, dawn il-prodotti setgħu jitqiesu bħala li joriġinaw mill-Ekwador, mingħajr ma l-oriġini tal-materja prima tkun magħrufa lill-importatur fl-Unjoni.

40      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li ma jirriżulta la mit-test tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, lanqas mill-komunikazzjonijiet tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2000 li tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam ta’ sistemi tariffarji preferenzjali f’każ ta’ “dubju raġonevoli” li jikkonċerna l-oriġini tal-merkanzija (ĠU 2000, C 348, p. 4) u tat-30 ta’ Ottubru 2012 li tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom, fil-kuntest tas-sistemi tariffarji preferenzjali, l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu informati f’każ ta’ “dubju raġonevoli” li jikkonċerna l-oriġini tal-merkanzija (ĠU 2012, C 332, p. 1), li għalihom jirreferi r-Renju ta’ Spanja quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-dubji raġonevoli għandhom jiġu espressi fir-rigward tal-pajjiżi jew tal-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż, billi dawn id-dubji, espressi fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi, jinvolvu wkoll l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw l-pajjiżi l-oħra tal-istess grupp reġjonali.

41      F’dak li jikkonċerna l-perijodu wara l-pubblikazzjoni tal-avviż, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha tieħu miżuri sabiex taċċerta ruħha mill-oriġini tal-merkanzija. Hija tqis li l-avviż kien jitlob li jittieħdu prekawzjonijiet doppji fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti minn kull pajjiż tal-grupp reġjonali II, billi prodott allegatament li joriġina mill-Ekwador seta’ jinkludi l-materja prima provenjenti mill-Kolombja jew minn El Salvador potenzjalment irregolari. Fid-dawl tan-numru limitat ħafna ta’ avviżi lill-importaturi ppubblikat mill-Kummissjoni, persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li timporta prodotti minn pajjiż appartenenti lill-istess grupp reġjonali bħal dak oġġett tal-avviż mingħajr ma tieħdu inkunsiderazzjoni ma tistax titqies bħala diliġenti. F’kull każ, il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx ħadet il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura kontroll adegwat tal-provi ta’ oriġini għall-applikazzjoni tat-trattament tariffarju preferenzjali.

42      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm ir-rapport finali tal-OLAF jipprevedi l-possibbiltà ta’ revoka jew emenda tal-avviż jekk El Salvador jibdel l-imġiba tiegħu, dan kien jikkonċerna biss lil dan il-pajjiż, filwaqt li l-avviż jibqa’ fis-seħħ għall-pajjiżi l-oħra tal-grupp reġjonali II. Skont il-Kummissjoni, l-avviżi lill-importaturi li hija tiċċita ma kellhomx ikunu affettwati minn nuqqas ta’ ċertezza legali u ma jikkostitwixxux eċċezzjoni għas-sistema ġenerali. F’dak li jikkonċerna d-diliġenza tal-operatur, il-Kummissjoni żżid li, la darba l-avviż kien jesprimi dubji dwar l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni reġjonali, skont il-ġurisprudenza, kellha tkun il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tinforma ruħha u tfittex il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma tiksirx id-dispożizzjonijiet imsemmija, ħaġa li hija ma għamlitx.

43      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk hija għandha tipprova n-nuqqas ta’ diliġenza tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, hija kienet issodisfat dan il-piż billi spjegat il-kontenut tal-avviż, billi nnotat l-esperjenza kbira tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fl-importazzjoni tal-prodotti msemmija, b’mod li hija kellha jkollha dubji dwar l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ oriġini, u billi enfasizzat l-assenza ta’ prekawzjonijiet supplimentari meħuda mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa wara l-pubblikazzjoni tal-avviż.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu osservati, b’mod partikolari, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-individwi suġġetti għaliha, filwaqt li dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, EU:C:1987:546, punt 18, u tad-9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 31).

45      Barra minn hekk, ġie deċiż li l-esklużjoni assoluta tal-bona fide f’każ ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż lill-importaturi għandha tiżgura livell ta’ ċertezza legali għoli ħafna (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar‑Invest‑Tatschl vs Il-Kummissjoni, T‑51/07, EU:T:2008:420, punt 43).

46      Fil-fatt, mit-test innifsu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jirriżulta li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’avviż lill-importaturi li jindika dubji raġonevoli f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali mill-pajjiż terz benefiċjarju jipprojbixxi lill-importaturi, b’effett mill-pubblikazzjoni, milli jużufruwixxu mill-bona fide tagħhom, u b’hekk tiżgura livell ta’ ċertezza legali għoli ħafna, u twassal lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-Kummissjoni sabiex jiċħdu t-talba għal nuqqas ta’ rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni.

47      F’dan il-każ, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jiċħad it-talba għal nuqqas ta’ rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni għall-perijodu wara l-21 ta’ Mejju 2010, id-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

48      Billi r-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-applikazzjoni tal-avviż għall-importazzjonijiet kontenzjużi, provenjenti mill-Ekwador u mhux mill-Kolombja u El Salvador, pajjiżi li jissemmew fl-avviż, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-portata tal-avviż qabel ma tingħata risposta, eventwalment, għall-argumenti li permezz tagħhom huwa jsostni li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kienet aġixxiet b’bona fide. F’dan ir-rigward, qabel xejn u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti li l-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 72(3)(b) tar-Regolament Nru 2454/93, għall-għan tal-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni reġjonali, il-grupp reġjonali II huwa ffurmat mill-pajjiżi li ġejjin: Grupp II: il-Bolivja, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù, il-Venezwela.

49      L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-avviż huwa indirizzat lill-operaturi ekonomiċi li huma importaturi fl-Unjoni ta’ prodotti dderivati mit-tonn, jiġifieri lill-professjonisti li minnhom ċertu numru jista’ jkollhom esperjenza jew esperjenza kbira.

50      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Ekwador imkien ma jissemma fl-avviż, kemm fit-titolu tiegħu u kemm fil-korp proprju tiegħu. Għall-kuntrarju, jirriżulta kjarament mill-ewwel paragrafu tal-avviż li huwa jirreferi għal importazzjonijiet idderivati mit-tonn fl-Unjoni ddikjarati bħala provenjenti mill-Kolombja jew El Salvador.

51      It-tielet nett, l-avviż jirreferi, mingħajr iktar spjegazzjoni, għal “dubji raġonevoli” dwar l-applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali u dwar l-applikabbiltà tal-provi ta’ oriġini ppreżentati fl-Unjoni, billi diversi investigazzjonijiet kienu skoprew li kwantitajiet sinjifikattivi ta’ prodotti dderivati mit-tonn kienu ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador u li huma ma kinux jgawdu mis-sistema preferenzjali.

52      Ir-raba nett, l-avviż ma jeskludix l-ipoteżi li l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi oħra li jgawdu mis-SPĠ mingħajr ma jissodisfaw ir-regoli ta’ oriġini tas-SPĠ dwar l-akkumulazzjoni tal-oriġini. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li ma tingħata l-ebda spjegazzjoni addizzjonali espliċita fir-rigward tas-SPĠ imsemmi.

53      Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-aħħar żewġ elementi ma humiex ċari, anki jekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni qari minn professjonist ta’ esperjenza jew ta’ esperjenza kbira. Fil-fatt, huma ma jippermettux li jiftiehem, minn naħa, għaliex l-importazzjonijiet iddikjarati bħala provenjenti mill-Kolombja u l-El Salvador ma għandhomx jgawdu mis-sistema preferenzjali u, min-naħa l-oħra, jekk l-espressjoni dwar l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi oħra hijiex intiża għall-prodotti ddikjarati bħala tali fil-mument tal-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni jew għall-prodotti ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador imma fil-verità provenjenti minn pajjiżi oħra li jgawdu mis-SPĠ. Fl-aħħarnett, kif jargumenta, korrettament, ir-Renju ta’ Spanja, huwa possibbli li jitqajjem dubju jekk, bir-riferiment għas-SPĠ, l-avviż japplikax għall-pajjiżi kollha li jgawdu minn din is-sistema jew biss dawk li jiffurmaw parti mill-istess grupp reġjonali bħall-Kolombja u El Salvador, jiġifieri l-grupp reġjonali II.

54      Sabiex jiġi determinat preċiżament is-sens u l-portata tal-avviż, għandhom jiġu vverifikati l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, li jistgħu eventwalment juru iktar ċar il-kontenut tal-informazzjoni mogħtija lill-importaturi. Madankollu, il-fatt waħdu li għandu jkun neċessarju li jiġu pparagunati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ avviż lill-importaturi sabiex tiftiehem korrettament il-portata diġà jikkostitwixxi indizju negattiv dwar il-kjarezza u l-preċiżjoni ta’ dan l-avviż. Fil-fatt, fil-prinċipju, kull waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi għandha, waħedha, tippermetti lill-operaturi kkonċernati li jkunu nformati suffiċjentement fuq il-punti rilevanti u fuq ir-riskji msemmija mill-Kummissjoni, billi ma għandux jiġi rikjest li dawn l-istess operaturi jagħmlu, b’mod ġeneralizzat, interpretazzjoni komparattiva tas-sens ta’ avviż meħuda inkunsiderazzjoni l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu.

55      F’dan il-każ, fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-avviż, fejn is-sens u l-portata tiegħu ma jidhrux b’mod manifest mill-qari tal-verżjoni Franċiża (ara l-punt 53 iktar 'il fuq), il-verżjoni Spanjola, rilevanti b’mod partikolari f’dan il-każ, minħabba l-operaturi u l-pajjiż inkwistjoni, hija s-segwenti: “Diversas investigaciones han permitido constatar que cantidades importantes de atún en conserva y de lomos de atún congelados de la subpartida 1604 14 del SA se declaran como originarias de Colombia o El Salvador, sin cumplir las condiciones para ello.” Minn dan jirriżulta li l-importazzjonijiet iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jiġu ddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn iż-żewġ pajjiżi. Il-verżjoni bl-Ingliż tindika l-istess ħaġa: “From various investigations, it results that significant quantities of canned tuna and frozen tuna loins of HS subheading 1604 14 are declared as having origin of Colombia or El Salvador, for which they are not eligible.”

56      Minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-avviż jirriżulta li l-importazzjonijiet ta’ prodotti mit-tonn iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador ma setgħux, ġustament, jingħataw din l-oriġini, li jipprovdi ċerta spjegazzjoni għar-rifjut ta’ benefiċċju tas-sistema preferenzjali, imsemmi fil-verżjoni Franċiża b’mod insuffiċjenti sabiex tiftiehem tajjeb il-portata tal-avviż. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ċċitati iktar 'il fuq ma jżidu xejn fir-rigward tal-bażi ta’ dan ir-rifjut. Fil-fatt, ma ngħatatx ir-raġuni preċiża li minħabba fiha dik l-oriġini ma setgħetx ġustament tiġi rikonoxxuta lill-importazzjonijiet inkwistjoni.

57      Għaldaqstant, mill-ewwel żewġ paragrafi tal-avviż għandu jiġi konkluż biss li, minħabba d-dubji raġonevoli fuq l-applikabbiltà tal-provi ta’ oriġini ppreżentati fl-Unjoni, l-importazzjonijiet ta’ prodotti dderivati mit-tonn iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador għandhom jitqiesu bħala mhux eliġibbli għas-sistema preferenzjali, għar-raġuni li dawn il-provi ma jurux li, b’applikazzjoni tas-SPĠ, tista’ tiġi rrikonoxxuta din l-oriġini għall-prodotti inkwistjoni.

58      Fi kliem ieħor, l-avviż jinforma lill-importaturi li l-prodotti ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador ma jistgħux jitqiesu li għandhom dak l-oriġini, u dan kien ġie konkluż mill-fatt li dawn il-prodotti kienu nqabdu u ġew ittrasformati f’dan il-pajjiż jew kien ġie konkluż mill-fatt li huma kellhom jitqiesu bħala li joriġinaw minn dawn iż-żewġ pajjiżi wara li kienu nqabdu jew ġew ittrasformati f’pajjiż ieħor li jgawdi mis-SPĠ. Kif diġà ġie kkonstatat, l-avviż isemmi s-sistema preferenzjali SPĠ mingħajr iktar preċiżazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-grupp ta’ pajjiżi kkonċernat.

59      Issa, jista’ ċertament jiġi konkluż minn wieħed mill-qari possibbli tal-avviż li dik ir-riferenza hija intiża sabiex tirreferi, essenzjalment, għall-grupp reġjonali II, li minnu jiffurmaw parti ż-żewġ pajjiżi inkwistjoni, u dan b’mod partikolari fuq il-bażi li jissemma l-“akkumulazzjoni ta’ oriġini”, imma dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li minħabba r-redazzjoni impreċiża tal-avviż, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li ċerti operaturi, anki ta’ esperjenza kbira, jistgħu jinterpretaw l-avviż fis-sens li japplika għall-importazzjonijiet kollha provenjenti minn kwalunkwe pajjiż li jgawdi mis-SPĠ li, madankollu, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ oriġini ta’ dan is-SPĠ dwar l-akkumulazzjoni tal-oriġini, filwaqt li jkunu ddikjarati bħala provenjenti mill-Kolombja u l-El Salvador. Din l-interpretazzjoni tibqa’ possibbli għaliex, minn naħa, fl-avviż hemm indikat biss li l-importazzjonijiet inkwistjoni “ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ oriġini tal-SPĠ dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini”, mingħajr ebda spjegazzjoni oħra u li, min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tielet paragrafu tal-avviż għandu neċessarjament jinqara fid-dawl tal-ewwel żewġ paragrafi tiegħu, li jħallu jidher li l-problemi huma marbuta mal-importazzjonijiet indikati bħala li joriġinaw mill-Kolombja u El Salvador.

60      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ avviż lill-importaturi, skont kif ġie kkonstatat fil-punti 44 u 45 iktar 'il fuq, dan għandu jkun partikolarment ċar, b’mod partikolari fuq il-punt li jkunu magħrufa l-pajjiżi milquta. Dan huwa iktar il-każ għaliex kif jirriżulta direttament mill-kliem tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK dan l-avviż għandu jindika dubji raġonevoli f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali “mill-pajjiż benefiċjarju”. Għalhekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma għandha tirreferi la għal “grupp ta’ pajjiżi” lanqas għal diversi pajjiżi li għandhom ikunu operaturi li jiddeterminaw liema huma b’deduzzjoni, fuq il-bażi ta’ affermazzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni li jirrigwardaw eventwali preżenza ta’ riskji oħra mhux speċifikati. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr inkonvenjenzi kbar, tippreċiża l-portata tal-avviż, pajjiż pajjiż, iktar u iktar la darba, kif tammetti hija stess, fil-passat, hija kienet ippubblikat biss numru limitat ħafna ta’ avviżi lill-importaturi (ara l-punt 41 iktar 'il fuq), li jikkostitwixxi fatt li minnu jirriżulta li ma kienx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni xi neċessità li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni li kienet tobbligaha, għal motivi ta’ ħeffa, li tipproċedi għal indikazzjoni bi grupp ta’ pajjiżi.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tat-tielet paragrafu tal-avviż, għandu jiġi kkonstatat, b’mod iktar partikolari, li t-tifsira tiegħu ma hijiex ċara biżżejjed sabiex tiftiehem il-portata eżatta tal-avviż, kemm fil-verżjoni Franċiża tiegħu, ifformulata b’mod ġenerali wisq, kif ukoll f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi rilevanti oħrajn.

62      Fil-verżjoni bl-Ispanjol, hemm miktub: “Por otro lado, no se puede excluir que haya importaciones procedentes de otros países que se acojan al sistema de preferencias generalizadas (SPG) sin cumplir los requisitos fijados en las normas de origen del SPG relativas a la acumulación de origen.” Dan ifisser li ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi oħra li jgawdu mis-SPĠ mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti fir-rigward tar-regoli ta’ oriġini dwar il-akkumulazzjoni ta’ oriġini. Issa, anki din il-formulazzjoni tibqa’ partikolarment wiesgħa u ftit preċiża rigward il-pajjiżi konkretament imsemmija jew il-kundizzjonijiet eżatti li ma kinux sodisfatti, jiġifieri rigward il-bażi tal-konstatazzjoni li l-akkumulazzjoni ta’ oriġini ma setax jingħata.

63      Fir-rigward tal-verżjoni bl-Ingliż, din ma tipprovdix preċiżazzjonijiet addizzjonali: “Moreover, it cannot be excluded that consignments are imported from other countries benefitting from the generalized system of preferences (GSP) without fulfilling requirements of GSP rules of origin concerning cumulation of origin.” L-importazzjonijiet inkwistjoni setgħu jkunu dawk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador, imma fil-verità provenjenti minn pajjiż ieħor.

64      Għalhekk, l-ewwel tliet paragrafi tal-avviż, anki moqrija flimkien, ma fihomx indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex jiddefinixxu l-portata tiegħu preċiżament.

65      Kif diġà ġie indikat, mill-ewwel żewġ paragrafi tal-avviż jirriżulta biss li, minħabba dubji raġonevoli fuq l-applikabbiltà tal-provi ta’ oriġini ppreżentati fl-Unjoni, l-importazzjonijiet ta’ prodotti dderivati mit-tonn iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kolombja jew El Salvador kienu tqiesu bħala mhux eliġibbli għas-sistema preferenzjali, għaliex dawn il-provi ma kinux juru li, b’applikazzjoni tas-SPĠ, il-prodotti inkwistjoni seta’ jingħatalhom dan l-oriġini (ara l-punt 57 iktar 'il fuq). Għaldaqstant ksur tar-regoli ta’ oriġini kien ġie kkonstatat fir-rigward tal-importazzjonijiet iddikjarati bħala provenjenti minn żewġ pajjiżi tal-grupp reġjonali II għall-applikazzjoni tas-SPĠ.

66      Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-avviż jindika li “ma jistax jiġi eskluż” li importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi oħra li jgawdu mis-SPĠ, imma li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar ir-regoli ta’ oriġini dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini, kif tindika b’mod partikolari l-verżjoni fil-lingwa Spanjola. Imma, minn naħa, kif diġà ġie enfasizzat, anki jekk il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jirreferi speċifikament għall-“pajjiż benefiċjarju”, it-tielet paragrafu tal-avviż ma jindikax, bl-isem, dan il-pajjiż jew dawk il-pajjiżi. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ iktar preċiżazzjonijiet dwar l-iżball imwettaq li minħabba fih kien hemm l-impossibbiltà li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-akkumulazzjoni ta’ oriġini, ma huwiex possibbli, tal-inqas b’ċertezza suffiċjenti, li jiġi konkluż li kull operatur ekonomiku kellu jifhem li l-avviż kien isemmi biss il-pajjiżi tal-grupp reġjonali II, jiġifieri l-pajjiżi tal-istess grupp bħall-Kolombja u El Salvador.

67      Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jerġa’ jiġi nnotat li kellha tkun il-Kummissjoni, jekk dik kienet l-intenzjoni tagħha, li tifformula t-test tal-avviż filwaqt li tagħmel limitazzjoni preċiża għall-grupp II tas-SPĠ, b’mod li l-“pajjiżi benefiċjarji” jkunu identifikabbli mingħajr ebda dubju minn kull operatur ikkonċernat. Issa, dan ma jissemmiex fl-avviż u ma setax jiġi dedott neċessarjament, kif ġie indikat iktar 'il fuq, mir-riferiment waħdu għall-“akkumulazzjoni reġjonali”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setax jiġi eskluż li operatur jista’ jifhem l-avviż fis-sens li jinkludi riferiment ġeneralizzat għas-sitwazzjonijiet kollha li setgħu jseħħu fil-futur għal kull sistema ta’ SPĠ u jsemmi l-miżuri kollha ta’ evażjoni tar-regoli dwar il-akkumulazzjoni ta’ oriġini.

68      Imbagħad, għandu jitqies li, mill-qari tal-avviż, anki jekk importatur ta’ esperjenza ma kellux neċessarjament jifhem li l-importazzjonijiet tal-prodotti dderivati mit-tonn inkwistjoni provenjenti mill-pajjiżi tal-istess grupp reġjonali bħall-Kolombja u El Salvador, jiġifieri l-grupp reġjonali II, kienu kkonċernati biss bid-dubji espressi dwar il-provi ta’ oriġini. In-natura mhux ċara biżżejjed tal-avviż, li jinkludi biss indikazzjoni ġenerali li skontha irregolaritajiet minn pajjiżi oħra ma humiex esklużi, ma kinitx tippermetti li jiġu eliminati dubji dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni ġeografika tiegħu.

69      Fl-aħħar nett, il-fatt li għandhom ikunu l-operaturi li jwettqu analiżi metikoluża tal-avviż, billi jippruvaw jinterpretawh fil-każijiet kollha eventwalment possibbli jew billi jipparagunaw il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, huwa indizju addizzjonali li r-redazzjoni ta’ dan l-avviż ma tistax titqies li hija preċiża biżżejjed, għall-għan tal-applikazzjoni tal-prinċipji ffissati mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 44 u 45 iktar ' il fuq, jiġifieri bl-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess ammettiet, waqt is-seduta, li kien ikun iktar preċiż li jissemmew, bl-isem, il-pajjiżi milquta bl-avviż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk l-aħħar paragrafu tal-avviż jirreferi għall-fatt li l-operaturi tal-Unjoni għandhom jieħdu “l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa”, b’rabta mal-“prodotti msemmija hawn fuq”, ma jistax jitqies li dawn il-kunċetti setgħu jiftiehmu, mit-test tal-avviż, li jikkonċernaw, ukoll, l-importazzjonijiet kontenzjużi, provenjenti mill-Ekwador.

70      Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-avviż jikkonċerna l-importazzjonijiet kontenzjużi, li joriġinaw mill-Ekwador, pajjiż li jifforma parti mill-grupp reġjonali II għall-għanijiet tas-SPĠ, mingħajr ma l-fatt li dan il-pajjiż ma jissemmiex fl-avviż ikollu xi effett. Għaldaqstant, fid-dawl tal-analiżi li tirriżulta mill-punti 49 sa 69 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx għalhekk tuża l-bona fide tagħha.

71      L-allegazzjonijiet l-oħrajn tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-kwistjoni tal-prattika tagħha f’avviżi oħra lill-importaturi, li lanqas ma jsemmu dejjem il-pajjiżi inkwistjoni, hijarrilevanti, anki jekk jitqies li seħħet, billi, minn naħa, il-kundizzjonijiet ffissati mill-kliem stess tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK huma ċari u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk avviż lill-importaturi speċifiku jissodisfax jew le l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni għandu tirriżulta minn evalwazzjoni ad hoc u mhux minn analiżi fid-dawl ta’ allegata prattika preċedenti tal-Kummissjoni.

72      It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni tirreferi għall-għan tal-avviż, li għandu jkun, b’mod partikolari, minn naħa, li jippermetti lill-Istati Membri li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, lill-operaturi li jipproteġu l-interessi ekonomiċi tagħhom, huwa ċar li l-impreċiżjoni tal-avviż inkwistjoni ma tippermettix li jintlaħaq dan l-għan. Jekk il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ li taġixxi b’mod li ma jiġix evaż l-għan tal-avviż, billi ssemmi l-Kolombja u El Salvador, kellha tkun hi li tifformula dan l-avviż b’mod iktar preċiż fir-rigward tal-pajjiżi oħra intiżi, sabiex teskludi kull possibbiltà ta’ ċaqliq frawdolenti tal-flussi kummerċjali li jikkonċernaw is-sajd tal-prodotti fil-kawża. It-tielet nett, fir-rigward tar-riferimenti ripetuti għall-fatt li l-operaturi inkwistjoni huma, f’dan il-każ, professjonisti ta’ esperjenza kbira u joperaw f’diversi postijiet ġeografiċi tad-dinja, għandu jiġi nnotat li din ma hijiex ċirkustanza li għandha ġġegħilhom iġorru r-responsabbiltà ta’ redazzjoni ftit ċara, mill-Kummissjoni, ta’ avviż li kellu preċiżament iservi ta’ gwida għalihom fl-attivitajiet tagħhom.

73      Minn dak kollu preċedenti jirriżulta li, b’applikazzjoni tal-avviż, il-Kummissjoni ma setgħetx issostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx tgawdi mill-bona fide tagħha fl-implementezzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK sabiex tikseb li d-dazji fuq l-importazzjoni ma jkunux irkuprati f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni wara l-21 ta’ Mejju 2010.

74      Kemm mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 30 et seq, kif ukoll mir-risposti għad-domandi tal-Qorti Ġenerali li pprovdiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, jirriżulta li huwa fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) u peress li qieset li l-avviż kien jikkonċerna wkoll l-importazzjonijiet kontenzjużi provenjenti mill-Ekwador, li l-Kummissjoni eskludiet il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, kif ukoll id-diliġenza tagħha. Għandu jiżdied li, kif jirriżulta mill-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Artikolu 1 tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma setgħetx tinduna bl-iżball qabel ma ġie adottat l-avviż. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellha l-istess diliġenza qabel u wara l-avviż tal-21 ta’ Mejju 2010, billi l-Kummissjoni takkużaha pjuttost li wettqitx kontroll iktar akkurat wara l-pubblikazzjoni tal-avviż (ara, f’dan is-sens, il-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Issa, sa fejn, kif ġie kkonstatat, dan l-avviż ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jsemmi, bi preċiżjoni, anki l-importazzjonijiet provenjenti mill-Ekwador, ma jistax jiġi rikjest mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li din tibdel l-approċċ tagħha wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż. Approċċ differenti ser inaqqas miċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi sa fejn huma ser ikunu obbligati, f’każ ta’ dubju fuq il-portata ta’ avviż lill-importaturi, li japplikaw dejjem, bħala prekawzjoni, miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali, u dan anki għal importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi li ma humiex identifikati kjarament bħala dawk li dwarhom għandha dubji l-Kummissjoni.

76      Konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-Renju ta’ Spanja, u, għaldaqstant, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra, jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li bih il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproċedix għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni f’ammont ta’ EUR 1 094 987.04.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, jekk ikun hemm talba f’dan is-sens.

78      Billi l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll dawk tar-Renju ta’ Spanja, skont it-talbiet tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2014) 3007 finali tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jikkonstata li, f’każ partikolari, il-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni hija ġġustifika għal ċertu ammont, iżda li ma hijiex iġġustifikata għal ammont ieħor (REM 03/2013), għandu jiġi annullat.

2)      Il-Kummissjoni għandha tħallas l-ispejjeż.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2016.

Firem