Language of document : ECLI:EU:T:2016:739

Kawża T-548/14

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Unjoni doganali – Importazzjoni ta’ prodotti dderivati mit-tonn provenjenti mill-Ekwador – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Talba għal nuqqas ta’ rkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 220(2)(b) u l-Artikolu 236 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Avviż lill-importaturi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali – Bona fide – Talba għal maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2016

1.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni – Kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 – Natura kumulattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 220(2)(b))

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni li tista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji

3.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni – Kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 – Avviż lill-importaturi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali li jindika dubji raġonevoli dwar l-applikazzjoni tajba ta’ trattament preferenzjali – Neċessità ta’ natura ċara u preċiża tal-avviż

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27-29)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 44)

3.      Mit-test innifsu tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunitàli, jirriżulta li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviż lill-importaturi li jindika dubji raġonevoli f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali mill-pajjiż terz benefiċjarju jipprojbixxi lill-importaturi, b’effett mill-pubblikazzjoni, milli jużufruwixxu mill-bona fide tagħhom, u b’hekk tiżgura livell ta’ ċertezza legali għoli ħafna, u twassal lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-Kummissjoni sabiex jiċħdu t-talba għal nuqqas ta’ rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni. Fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ tali avviż lill-importaturi, dan għandu jkun partikolarment ċar, b’mod partikolari fuq il-punt li jkunu magħrufa l-pajjiżi milquta. Dan huwa iktar il-każ għaliex kif jirriżulta direttament mill-kliem tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li dan l-avviż għandu jindika dubji raġonevoli f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tajba tas-sistema preferenzjali “mill-pajjiż benefiċjarju”. Fil-fatt, meta avviż ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jsemmi, bi preċiżjoni, anki l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż terz, ma jistax jiġi rikjest mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li din tibdel l-approċċ tagħha fir-rigward ta’ importazzjonijiet provenjenti minn dan il-pajjiż wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż. Approċċ differenti ser inaqqas miċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi sa fejn huma ser ikunu obbligati, f’każ ta’ dubji fuq il-portata ta’ avviż lill-importaturi, li japplikaw dejjem, bħala prekawzjoni, miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali, u dan anki għal importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi li ma humiex identifikati kjarament bħala dawk li dwarhom għandha dubji l-Kummissjoni.

(ara l-punti 46, 60, 76)