Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-329/24)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Nikolova u E. Sanfrutos Cano)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fir-rigward tar-reviżjoni, tal-aġġornament u tar-rapportar, sat-22 ta’ Marzu 2022, tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċini tax-xmajjar skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma 1 , ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(7) u taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/60;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għan tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma huwa li jiġi żgurat stat ta’ kwalità tajjeb, f’termini ta’ kwantità u ta’ kwalità, tal-baċini tal-ilma Ewropej, bħalma huma x-xmajjar u l-lagi. Skont din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrevedu, jaġġornaw u jirrapportaw il-pjanijiet tagħhom ta’ mmaniġġar tal-baċini tax-xmajjar (iktar ’il quddiem il-“PMBX”) kull sitt snin. Dawn il-pjanijiet, li jinkludu sensiela sħiħa ta’ miżuri, huma fundamentali sabiex jintlaħaq stat tajjeb tal-ilma, kif mixtieq mill-imsemmija direttiva.

L-Istati Membri kienu meħtieġa jirrevedu u jaġġornaw il-PMBX tagħhom sat-22 ta’ Diċembru 2021 u kellhom jgħaddu kopja tagħhom lill-Kummissjoni sat-22 ta’ Marzu 2022.

Peress li ma kinitx irċeviet kopja tal-PMBX tar-Repubblika tal-Bulgarija fit-terminu previst, il-Kummissjoni bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni fil-15 ta’ Frar 2023. Fit-28 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija. Minkejja dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija għadha ma adottatx miżuri ta’ traspożizzjoni, u lanqas ma kkomunikathom lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70.