Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Rütgers Germany et vs ECHA

(Kawża T-94/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Rütgers Germany GmbH (Castrop-Rauxel, il-Ġermania), Rütgers Belgium NV (Zelzate, il-Belġju), Deza, a.s. (Valašské Meziříčí, ir-Repubblika Ċeka), Industrial Química del Nalón, SA (Oviedo, Spanja), Bilbaína de Alquitranes, SA (Luchana-Baracaldo- Vizcaya, Spanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, R. Cana, avukati u P. Sellar, Solicitor)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla parzjalment l-att ikkontestat, sa fejn jirrigwarda ż-żejt tal-antraċene;

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar 'il quddiem l-"ECHA") (ED/68/2009) dwar l-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċene (CAS Nru 90640-80-5) (iktar 'il quddiem "żejt tal-antraċene") bħala sustanza li tilħaq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 1 (iktar 'il quddiem ir-"REACH"), skont l-Artikolu 59 tar-REACH.

Abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, li nġiebet għall-attenzjoni tar-rikorrenti permezz ta' stqarrija għall-istampa tal-ECHA, iż-żejt tal-antraċene kien inkluż fil-lista ta' 14-il sustanza kimika tal-Lista tal-Kandidati ta' Sustanza ta' Tħassib Serju Ħafna (iktar 'il quddiem "STSĦ") għal inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tar-REACH. Ir-raġunijiet dikjarati fl-att ikkontestat għall-identifikazzjoni ta' żejt tal-antraċene bħala STSĦ huma li s-sustanza tikkawża l-kanċer filwaqt li hija persistenti, bijo-akkumulativa u tossika (iktar 'il quddiem "PBT") u persistenti ħafna u bijo-akkumulativa ħafna (iktar 'il quddiem "PħBħ") skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-REACH.

Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-att ikkontestat jikser ir-regoli applikabbli stabbiliti għall-identifikazzjoni ta' STSĦ taħt ir-REACH u jressqu erba' motivi in sostenn tar-rikors tagħhom.

L-ewwel nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni hija illegali peress li ġiet adottata bi ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-fajl li fuqu l-att ikkontestat kien ibbażat ma kien fih ebda informazzjoni dwar sustanzi alternattivi bi ksur tal-Artikolu 59(3) u l-Anness XV tar-REACH. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-konvenuta materjalment emendat il-proposta biex tidentifika żejt tal-antraċene bħala STSĦ billi żiedet l-Artikolu 57(a) u (b) bħala raġunijiet għal dik l-identifikazzjoni mingħajr ma kellha ebda kompetenza biex tagħmel dan, bi ksur tal-Artikolu 59(5) u (7) tar-REACH.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ta' trattament ugwali peress li jiddiskrimina kontra ż-żejt tal-antraċene meta mqabbel ma' sustanzi oħra paragunabbli mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

It-tielet nett, huma jsostnu li l-ECHA wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi identifikat iż-żejt tal-antraċene bħala sustanza PBT u PħBħ abbażi tal-proprjetajiet tal-kostitwenti tiegħu li ma għandhom ebda bażi fir-REACH.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità peress li l-att ikkontestat huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għażla tal-miżuri disponibbli lill-konvenuta u l-iżvantaġġi kkawżati fir-rigward tal-għanijiet segwiti.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1)