Language of document : ECLI:EU:T:2019:637

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Settembru 2019 (*)

“REACH – Sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni – Inklużjoni tal-1‑bromopropane (nPB) fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Kwantità – Fajl ta’ reġistrazzjoni – Data – Aggregazzjoni ta’ sustanzi – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑610/17,

ICL-IP Terneuzen, BV, stabbilita f’Terneuzen (il-Pajjiżi l-Baxxi),

ICL Europe Coöperatief UA, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn R. Cana, E. Mullier u H. Widemann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Huttunen, R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, W. Broere, T. Zbihlej u N. Herbatschek, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/999 tat-13 ta’ Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2017, L 150, p. 7), sa fejn dan jinkludi l-1‑bromopropane (nPB) fl-imsemmi anness,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat

1        Il-1‑bromopropane (n-propil bromid, nPB) hija sustanza likwida tal-bromid. Din tintuża bħala solvent degrassanti bil-fwar. Barra minn hekk, din tintuża bħala intermedjarju fil-manifattura ta’ sustanzi oħra. Ġiet ikklassifikata bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni (tal-kategorija 1 B) fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1).

2        Waħda mir-rikorrenti, ICL-IP Terneuzen, BV, hija r-reġistrant prinċipali tan-nPB. Hija timmanifattura u tuża n-nPB fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1).

3        Ir-rikorrenti l-oħra, ICL Europe Coöperatief UA, tqiegħed in-nPB fuq is-suq bil-ħsieb li din tintuża għad-degrassazzjoni bil-fwar u għat-tindif tas-superfiċji u tużaha fis-sens tar-Regolament Nru 1907/2006.

4        Fil-11 ta’ Ottubru 2002, ICL-IP Terneuzen ippreżentat fajl ta’ reġistrazzjoni għan-nPB, għal kategorija ta’ kwantità ta’ bejn 1 000 u 10 000 tunnellata fis-sena. Sussegwentement, hija stiednet lill-membri kollha tal-forum ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi sabiex jassoċjaw ruħhom ma’ talba konġunta għas-sustanza.

5        Fit-3 ta’ Settembru 2012, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ippubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha fajl li jipproponi l-identifikazzjoni tan-nPB bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna abbażi tal-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

6        Fit-18 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fuq il-proposta li n-nPB tiġi identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti enfasizzaw b’mod partikolari li n-nPB kienet prinċipalment użata bħala sustanza intermedjarja eżentata minn awtorizzazzjoni u li l-użi tagħha mhux intermedjarji kienu jew strettament ikkontrollati jew suġġetti għal livelli ta’ espożizzjoni professjonali stretti.

7        Bid-Deċiżjoni ED/169/2012 tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA, tat-18 ta’ Diċembru 2012, in-nPB ġiet inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati, b’applikazzjoni tal-Artikolu 59(8) tar-Regolament Nru 1907/2006.

8        Fl-1 ta’ Settembru 2014, fil-kuntest tas-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha abbozz ta’ rakkomandazzjoni bil-ħsieb tal-inklużjoni ta’ sustanzi, fosthom in-nPB, fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem l-“Anness XIV”) u stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2014. It-22 sustanza previsti fl-imsemmi abbozz, fosthom in-nPB, ġew magħżula abbażi tar-riżultati provviżorji ta’ dan l-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, li ġew ippubblikati fuq is-sit tal-ECHA fl-istess ġurnata

9        Fl-1 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fuq dan l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni f’isem id-dikjaranti l-oħra. Fil-kummentarji tagħhom, ir-rikorrenti jenfasizzaw b’mod partikolari li madwar 70 % tan-nPB kienu jintużaw għal finijiet intermedjarji u għaldaqstant kienu eżentati mill-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006.

10      Fl-1 ta’ Lulju 2015, l-ECHA adottat rakkomandazzjoni bil-ħsieb tal-inklużjoni ta’ sustanzi fl-Anness XIV, li fiha rrakkomandat l-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV mingħajr eżenzjoni għal ebda wieħed mill-użi jew mill-kategoriji ta’ użi tagħha (iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-ECHA”). Fl-istess ġurnata, l-ECHA ppubblikat ir-riżultati definittivi u attwalizzati tagħha kif ukoll dokumenti insostenn tal-konklużjonijiet tagħha, fosthom dokument ta’ riferiment marbut man-nPB. Minn dan jirriżulta li n-nPB kiseb marka ta’ prijorità globali ta’ 20/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. Din il-marka hija komposta mill-marka ta’ 1/15 attribwita għall-proprjetajiet intrinsiċi, mill-marka ta’ 12/15 attribwita għall-kwantitajiet, u mill-marka ta’ 7/15 attribwita minħabba użu dispersiv wiesa’. Fil-konklużjoni finali tagħha dwar in-nPB, l-ECHA esponiet li, minkejja li sustanzi oħra tal-lista ta’ sustanzi kandidati evalwati fil-kuntest ta’ din is-sessjoni ta’ rakkomandazzjoni ngħataw marka ta’ prijorità globali ogħla abbażi tal-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV kienet irrakkomandata minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni ta’ din is-sustanza mat-trikloroetilene, sustanza li hija diġà inkluża fl-imsemmi anness.

11      Fl-10 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti bagħtu l-ewwel ittra lill-Kummissjoni Ewropea. F’din l-ittra, huma sostnew li r-rakkomandazzjoni tal-ECHA kienet ivvizzjata b’difetti tal-proċedura u żbalji ta’ liġi.

12      Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni wieġbet lir-rikorrenti.

13      Fl-4 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti bagħtu t-tieni ittra lill-Kummissjoni. Fiha huma pproduċew elementi addizzjonali intiżi li juru li inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV ibbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA tkun ivvizzjata minn żball ta’ liġi u talbu li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

14      Fit-3 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti bagħtu t-tielet ittra lill-Kummissjoni. F’din tal-aħħar huma esponew li l-kwantitajiet ta’ nPB użati għad-degrassazzjoni bil-fwar u għat-tindif ta’ superfiċji reġgħu tnaqqsu minħabba l-fatt li d-dikjarant wieħed biss ieħor ta’ dan l-użu mhux intermedjarju kien issospenda r-reġistrazzjoni tiegħu, u b’hekk ħalla lil ICL-IP Terneuzen bħala l-uniku fornitur tal-użu mhux intermedjarju tan-nPB li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni u li kienet inġabret data ġdida dwar is-sustanza inkwistjoni u din kienet tippermetti li jiġu stabbiliti livelli siguri ta’ użu tan-nPB. Ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni teżamina b’urġenza din l-informazzjoni addizzjonali u sabiex tiġi ogranizzata laqgħa fi kwalunkwe każ qabel il-laqgħa suċċessiva tal-kumitat ta’ regolamentazzjoni.

15      Fil-15 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti permezz ta’ ittra li, bi żvista, ma kinitx wieġbet għall-ittra tagħhom tal-4 ta’ Frar 2016. Hija żiedet li kienet talbet lill-ECHA tanalizza d-data trażmessa mir-rikorrenti u aċċettat it-talba tagħhom li tiġi organizzata laqgħa billi stednithom jidħlu f’kuntatt mas-segretarjat bil-għan li tinstab data adegwata għal laqgħa matul ix-xahar ta’ Novembru.

16      Fis-7 u fit-8 ta’ Diċembru 2016, matul il-laqgħa tal-kumitat ta’ regolamentazzjoni, ġie diskuss l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XIV sabiex jinkludi s-sustanzi rrakkomandati, fosthom in-nPB.

17      Fis-7 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti daħlu f’kuntatt mal-Kummissjoni permezz ta’ ittra sabiex tiġi organizzata l-laqgħa msemmija fil-punt 15. Fil-komunikazzjoni tagħhom, huma staqsew jekk kinitx ser tinżamm il-laqgħa tal-kumitat ta’ regolamentazzjoni tas-7 u t-8 ta’ Diċembru 2016 dwar l-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV.

18      Fit-8 ta’ Diċembru 2016, il-kumitat ta’ regolamentazzjoni ħareġ opinjoni pożittiva dwar ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA.

19      Fit-23 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Diċembru 2016. Fir-risposta tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li din l-ittra waslitilha tard wisq biex tkun tista’ torganizza laqgħa mar-rikorrenti, billi l-laqgħa tal-kumitat ta’ regolamentazzjoni kellha ssir fl-istess ġurnata.

20      Fit-13 ta’ Ġunju 2017, fuq il-bażi ta’ opinjoni favorevoli tal-kumitat ta’ regolamentazzjoni u tar-rakkomandazzjoni tal-ECHA, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/999 tat-13 ta’ Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XIV (ĠU 2017, L 150, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Ir-regolament ikkontestat inkluda n-nPB fl-Anness XIV fl-entrata 32, mingħajr ma pprovda għal eżenzjoni għal ċerti użi jew kategoriji ta’ użi, u stabbilixxa l-iskadenza li tikkonċerna lil din is-sustanza għall-4 ta’ Lulju 2020. Kif jirriżulta mill-premessa 1 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni qieset li n-nPB kienet tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni (tal-kategorija 1 B), skont ir-Regolament Nru 1272/2008, u għaldaqstant kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ inklużjoni fl-Anness XIV stabbiliti fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat, hija sostniet li n-nPB kienet ġiet identifikata u inkluża fil-lista tas-sustanzi kandidati b’applikazzjoni tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, li kienet tqieset prijoritarja għall-inklużjoni fl-Anness XIV mill-ECHA fir-rakkomandazzjoni tagħha u li, minkejja l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati, kien jeħtieġ li n-nPB tiġi inkluża fl-imsemmi anness.

II.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Fit-23 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

23      Fil-15 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom.

24      Fil-5 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Diċembru 2017, l-ECHA talbet li tintervjeni fil-kawża odjerna insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tal-1 ta’ Marzu 2018, ICL-IP Terneuzen u ICL Europe Coöperatief vs Il-Kummissjoni (T‑610/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:139), l-ECHA ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fis-17 ta’ April 2018, l-ECHA ppreżentat in-nota tagħha ta’ intervent. Fil-15 u t-30 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota ta’ intervent.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-ECHA. Dawn tal-aħħar wieġbu din il-mistoqsija fit-terminu prefiss.

27      Ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq ir-rapport tas-seduta li ġew inseriti fil-proċess b’deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla.

28      It-trattazzjoni tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni u tal-ECHA u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Frar 2019. Il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet orali fuq ir-rapport tas-seduta. Fil-kuntest tat-trattazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 5057 finali, tal-10 ta’ Awwissu 2018, dwar l-awtorizzazzjoni tat-trikloroetilene għal ċerti użi, hemm imsemmi espliċitament li, fir-rigward tal-użu ta’ din is-sustanza għall-finijiet tat-tindif industrijali ta’ oġġetti bid-degrassazzjoni bil-fwar, ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni adegwati mill-perspettiva tal-kapaċità teknika u ekonomika tagħhom. Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni u l-ECHA għamlu osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà u r-rilevanza ta’ dan l-argument.

29      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jinkludi n-nPB fl-Anness XIV;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        “tadotta kull miżura oħra ddettata mill-ekwità”.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

31      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

32      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-regolament ikkontestat, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-għan ta’ kompetittività segwit minn dan ir-regolament u ta’ ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa. It-tielet motiv huwa bbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-kriterju ta’ kwantità tan-nPB. It-tieni parti tirrigwarda l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene. It-tielet parti hija bbażata fuq il-fatt li, fid-dawl tal-marka ta’ prijorità attribwita lin-nPB, ir-rikorrenti setgħu jistennew li s-sustanza ma tiġix inkluża fl-Anness XIV. Il-ħames motiv min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar, is-sitt motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

33      Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li, bid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2012, l-ECHA identifikat in-nPB bħala sustanza kandidata fis-sens tal-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006. Kif jirriżulta mill-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, fost is-sustanzi kandidati, jeħtieġ li jiġu identifikati dawk li għandhom jiġu inklużi bi prijorità fl-Anness XIV. Għal dan l-għan, skont l-Artikolu 58(3) tal-imsemmi regolament, fl-1 ta’ Lulju 2015, l-ECHA rrakkomandat l-inklużjoni tas-sustanzi kandidati li hija kienet tqis bħala prijoritarji. Fir-rigward tan-nPB, hija indikat li, fid-dawl tal-evalwazzjoni ta’ din is-sustanza b’kont meħud tal-kriterji msemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 58(3)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri minħabba proprjetajiet intrinsiċi ta’ din is-sustanza, tal-użu dispersiv ta’ din tal-aħħar u tal-kwantitajiet tagħha, kif ukoll minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ aggregazzjoni ta’ din is-sustanza u tat-trikloroetilene, jeħtieġ li titqies bħala sustanza li għandha tiġi inkluża b’mod prijoritarju fl-Anness XIV (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Sussegwentement, abbażi tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 133(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat, li bih in-nPB ġie inkluż fl-Anness XIV.

34      Ir-rikors odjern ma huwiex maħsub li jpoġġi f’dubju l-identifikazzjoni tan-nPB bħala sustanza kandidata fis-sens tal-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, li tista’ tiġi inkluża fl-Anness XIV. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-inklużjoni tan-nPB fl-imsemmi anness hija prematura.

35      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, ċertament, l-għan tar-rikors odjern huwa l-annullament tar-regolament ikkontestat u li għaldaqstant ma jikkonċernax direttament ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA. Madankollu, f’dan ir-regolament, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-ECHA u li tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tan-nPB imwettqa mill-ECHA fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 58(3)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ din is-sustanza, l-użu dispersiv ta’ din tal-aħħar u l-kwantitajiet tagħha, u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivi tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni mwettqa mill-ECHA hija intiża li tikkontesta l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat ir-regolament ikkontestat.

36      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-kwantità tan-nPB, li ġew żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tar-raba’ motiv.

37      Fit-tieni lok, sejrin jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene, jiġifieri l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tielet motiv u tat-tieni parti tar-raba’ motiv.

38      Fit-tielet lok, ser jiġi eżaminat is-sitt motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

39      Fir-raba’ lok, ser tiġi eżaminata t-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li, fid-dawl tal-marka ta’ prijorità globali li ġiet attribwita lin-nPB, ir-rikorrenti ma setgħetx tistenna li din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness XIV permezz tar-regolament ikkontestat.

40      Fil-ħames lok, sejrin jiġu eżaminati t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-għan ta’ kompetittività segwit minn dan ir-regolament u fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa, kif ukoll il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

A.      Fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-kwantità tan-nPB

41      Fil-kuntest tal-ewwel motiv u fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li kienu bbażati fuq il-kwantità tan-nPB.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-regolament ikkontestat, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

42      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat hija insuffiċjenti. Il-Kummissjoni ma spjegatx suffiċjentement il-mod kif ġew ikkalkolati l-kwantitajiet tan-nPB li ntużaw sabiex tiġi evalwata din is-sustanza. It-tieni parti hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, billi bbażat ruħha esklużivament fuq id-data li tikkonċerna l-kwantitajiet li jinsabu fil-fajl ta’ reġistrazzjonijiet u mhux fuq id-data ppreżentata fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika u, suċċessivament, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

a)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-regolament ikkontestat

43      Ir-rikorrenti jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-kwantità tan-nPB ma kinux suffiċjentement żviluppati. B’mod iktar preċiż, huma jsostnu li l-mod kif ġew ikkalkolati l-kwantitajiet tan-nPB li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ma ġiex spjegat b’mod suffiċjenti. Huma jsostnu wkoll li ma setgħux jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli.

44      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

45      Fl-ewwel lok, jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom ikunu motivati. L-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, huwa, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenza tal-15 ta’ April 2011, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, T‑465/08, EU:T:2011:186, punt 162).

46      Madankollu, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tar-raġunijiet mogħtija u skont l-interess li d-destinatarji tal-att jew il-persuni kkonċernati b’mod dirett u individwali jista’ jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jiġi motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din il-persuna tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Petro Suisse Intertrade vs Il-Kunsill, T‑156/13 u T‑373/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:646, punt 67).

47      Minbarra dan, hemm lok li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi sseparata mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punt 35).

48      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, fl-ewwel lok, jeħtieġ jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessi 1, 13 u 20 tar-regolament ikkontestat li l-Kummissjoni kkonstatat li n-nPB kienet sustanza kandidata, li l-ECHA kienet irrakkomandat l-inklużjoni prijoritarja ta’ din is-sustanza fl-Anness XIV u li, minkejja l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni kienet tqis li din is-sustanza kellha tiġi inkluża fl-imsemmi anness permezz tar-regolament ikkontestat.

49      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni għamlet riferiment għar-rakkomandazzjoni tal-ECHA u ddeċidiet li ssegwiha, jeħtieġ li jittieħed kont tal-kontenut tal-imsemmija rakkomandazzjoni kif ukoll tal-kontenut tad-dokumenti li tagħmel riferiment għalihom din ir-rakkomandazzjoni.

50      Kif jirriżulta mill-Anness I tar-rakkomandazzjoni tal-ECHA u mid-dokument ta’ riferiment fuq in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015 li jagħmel riferiment għalih dan l-anness, ir-raġunijiet li għalihom l-ECHA kienet irrakkomandat l-inklużjoni prijoritarja tan-nPB fl-Anness XIV kienet il-marka ta’ prijorità ta’ 20/45 li hija kienet attribwixxiet lil din is-sustanza għall-kriterji msemmija b’mod espliċitu fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) kif ukoll kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene, sustanza li kienet diġà ġiet inkluża f’dan l-anness. Fl-imsemmi anness, l-ECHA għamlet riferiment ukoll għal dokumenti oħra pubbliċi li hija kienet ibbażat ruħha fuqhom sabiex tipprepara r-rakkomandazzjoni tagħha, u b’mod partikolari:

–        il-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014;

–        ir-riżultati provviżorji tas-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni tal-1 ta’ Settembru 2014;

–        id-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih kummentarji tal-partijiet ikkonċernati u riferimenti għar-risposti fuq l-abbozz tas-sitt rakkomandazzjoni bil-ħsieb tal-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV;

–        id-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih ir-risposti tal-ECHA għal dawk il-kummentarji.

51      Mill-paġna 2 tad-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015 jirriżulta li l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza li tikkonċerna l-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-użi differenti tagħha, jiġifieri l-kwantitajiet indikati fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza. Minn dan jirriżulta wkoll li, skont din id-data, il-kwantità ta’ nPB li taqa’ fid-dominju tal-awtorizzazzjoni kellha titqies bħala li tikkorrispondi għall-kategorija ta’ bejn 1 000 u inqas minn 10 000 tunnelata prevista fil-punt 5.2 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014 u li, għal din il-kategorija, kellha tingħata marka ta’ 12/15 punti.

52      Fid-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li jinkludi r-risposti tal-ECHA għall-kummentarji tal-partijiet ikkonċernati, l-ECHA esponiet l-approċċ li kienet segwiet. F’dan il-kuntest, hija indikat b’mod partikolari li l-istima tal-kwantitajiet kienet tieħu kont tad-data li tirriżulta mill-punti 3.2 u 3.5 tal-fajls ta’ reġistrazzjoni, tad-data inkluża fir-rapporti dwar is-sigurtà kimika kif ukoll tal-informazzjoni li toriġina mill-proċedura li wasslet għall-identifikazzjoni tan-nPB bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, jiġifieri rapporti stabbiliti f’dan il-kuntest u informazzjoni ppreżentata waqt il-konsultazzjoni pubblika. Skont l-indikazzjonijiet tal-ECHA, meta kienet disponibbli informazzjoni dwar l-użi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-derogi għall-awtorizzazzjoni u dwar it-tunnellaġġ korrispondenti, din ukoll ġiet evalwata sabiex tiġi stmata l-kwantità rilevanti għall-istabbiliment tal-prijoritajiet. F’dan il-kuntest, l-ECHA speċifikat li l-istima tal-kwantitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni kienet ibbażata prinċipalment fuq id-data li toriġina mill-fajls ta’ reġistrazzjoni u minn rapporti tas-sigurtà kimika. Informazzjoni oħra, b’mod partikolari dwar it-tunnellaġġ bl-użu, ibbażata fuq rapporti li jikkonċernaw l-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u konsultazzjonijiet pubbliċi, setgħu, skont din l-aġenzija, jittieħdu inkunsiderazzjoni f’każ li setgħet tiġi evalwata r-rappreżentattività u l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni. L-ECHA indikat ukoll li, b’mod ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, ġie segwit approċċ kawt fejn ma kienx possibbli, abbazi tad-data disponibbli, li tinsilet konklużjoni ċara dwar l-istatus intermedjarju tal-użu ta’ sustanza jew dwar l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet oħra.

53      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tan-nPB, l-ECHA sostniet li, abbażi tad-data inkluża fil-fajls ta’ reġistrazzjoni, hija qieset li l-kwantità ta’ din is-sustanza li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni kienet inkluża fil-kategorija ta’ bejn 1 000 u mhux iktar minn 10 000 tunnellata, prevista fil-punt 5.2 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, fatt li skont din l-aġenzija kien jiġġustifika l-għoti ta’ marka ta’ kwantità ta’ 12/15. Din l-istima ma ġietx emendata, anki jekk ittieħdet inkunsiderazzjoni l-istima ta’ 30 % tal-kwantità totali tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika. F’dan il-kuntest, l-ECHA rrilevat li, fir-rigward tal-kwantitajiet tan-nPB li jaqgħu fid-dominju ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, kienu jeżistu differenzi bejn l-informazzjoni kkomunikata fil-fajls ta’ reġistrazzjoni u dik ippreżentata fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni pubblika. L-ECHA żżid li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-industrija fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, din il-kwantità kienet ta’ inqas minn 1 000 tunnellata. Skont l-ECHA, l-informazzjoni pprovduta fil-kummentarji ma kinitx suffiċjenti sabiex ma tittiħidx inkunsiderazzjoni d-data ta’ reġistrazzjoni u kienu d-dikjaranti li kellhom jiżguraw li l-kwantitajiet eżatti jiġu indikati fil-fajls ta’ reġistrazzjoni.

54      Jeħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet inklużi fil-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, li tagħmel riferiment għaliha r-rakkomandazzjoni tal-ECHA. Qabelxejn, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-imsemmija gwida, l-informazzjoni neċessarja għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni għandha bħala prinċipju tinsab fil-fajls ta’ reġistrazzjoni. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 2 dwar dan il-punt, huwa mfakkar li r-reġistrazzjoni tal-fajls tikkostitwixxi obbligu legali, li d-dikjaranti huma obbligati li jipprovdu informazzjoni korretta u li jaġġornawha tempestivament jekk dan ikun neċessarju u li d-dikjarant huwa għaldaqstant responsabbli għall-korrettezza tad-data ta’ reġistrazzjoni. Hemm indikat ukoll li l-informazzjoni pprovduta skont l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tintuża għall-finijiet ta’ proċessi oħra li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1907/2006. Sussegwentement, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-punt 4 tal-gwida inkwistjoni, id-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni tikkostitwixxi s-sors prinċipali ta’ informazzjoni għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni u huwa kkunsiljat li l-industrija tindika d-data rilevanti kollha direttament fil-fajl ta’ reġistrazzjoni. Barra minn hekk, it-tielet paragrafu ta’ dan il-punt jindika li, meta tkun disponibbli d-data neċessarja għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni (u tkun ta’ kwalità suffiċjenti) fil-fajls ta’ reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni ta’ sustanza tiġi bbażata fuq din id-data. Barra minn hekk, f’dan il-paragrafu huwa indikat li, f’każ li tali data ma tkunx disponibbli, tkun kontradittorja jew ta’ kwalità ħażina, jintużaw ix-xenarji realisti l-iktar sfavorevoli. Fl-aħħar, ir-raba’ paragrafu ta’ dan il-punt jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwalità tad-data użata dejjem tinċidi fuq ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni.

55      Fit-tielet lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 iktar ’il fuq, li skontha l-kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li d-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni u dik ipprovduta fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika ma kinux koerenti u li, fid-dawl tal-obbligu tad-dikjaranti li jaġġornaw id-data fil-fajl ta’ reġistrazzjoni, l-informazzjoni indikata fil-fajl ta’ reġistrazzjoni kienet tikkostitwixxi sors ta’ informazzjoni prinċipali għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni.

56      Fit-tielet lok, fid-dawl tal-elementi suesposti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat għandha titqies bħala suffiċjenti. Fl-ewwel lok, mid-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015, jirriżulta li l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza dwar il-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-użi differenti tagħha, jiġifieri l-kwantitajiet indikati fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ din is-sustanza. Fit-tieni lok, ir-raġunijiet li għalihom l-ECHA użat din id-data jirriżultaw ukoll minn dawn l-elementi. Fil-fatt, minn naħa, minn dan jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li, f’każ ta’ inkoerenza bejn id-data inkluża fil-fajls ta’ reġistrazzjoni u l-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika jew sussegwentement, bħala prinċipju, tingħata preferenza lid-data inkluża fil-fajls ta’ reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta b’ċarezza suffiċjenti li, meta d-data tkun kontradittorja, jittieħed inkunsiderazzjoni x-xenarju realista l-iktar sfavorevoli. Il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kien ibbażat dan l-approċċ jirriżultaw ukoll b’mod suffiċjentement ċar mid-dokumenti suesposti.

57      Għaldaqstant, l-argumenti invokati insostenn ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tar-regolament ikkontestat fir-rigward tal-kalkolu tal-kwantitajiet tan-nPB li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

58      Fl-aħħar, ir-rikorrenti jsostnu li ma kellhomx għad-dispożizzjoni tagħhom biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ parteċipazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1907/2006 matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u li jesponu l-interessi tagħhom b’mod effikaċi. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-informazzjoni inkluża fil-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, fir-risposti tal-ECHA u tal-Kummissjoni għall-kummentarji tar-rikorrenti u fid-dokumenti l-oħra msemmija fil-punti 49 sa 55 iktar ’il fuq kienu jippermettu lir-rikorrenti jeżerċitaw b’mod utli d-drittijiet tagħhom matul dik il-proċedura.

b)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq l-eżistenza ta żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

59      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u wettqet żball manifest fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Il-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjonijiet proprji tagħha. Barra minn hekk, hija użat data li tkopri l-użi kollha tan-nPB, inklużi dawk bħala prodott intermedjarju, meta dawn tal-aħħar ma kinux jaqgħu taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni u għaldaqstant ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħhom, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni ppreżentata minnhom matul il-konsultazzjoni pubblika u fil-kuntest tal-ittri tagħhom tal-10 ta’ Awwissu 2015, tal-4 ta’ Frar u tat-3 ta’ Ottubru 2016. Approċċ li, skontu, hija biss l-informazzjoni inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, ikun iċaħħad mill-għan tagħha l-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Ma kien jeżisti l-ebda obbligu, għad-dikjaranti, li jindikaw il-kwantitajiet jew il-kategoriji ta’ kwantitajiet ta’ sustanza għall-użi differenti. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex rikjest aġġornament immedjat tal-fajls ta’ reġistrazzjoni, iżda biss aġġornament mingħajr dewmien eċċessiv. Skont ir-rikorrenti, l-approċċ segwit mill-Kummissjoni jista’ wkoll ikollu l-konsegwenza li sustanzi li ma humiex verament prijoritarji jiġu inklużi fl-Anness XIV.

60      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

61      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza tispeċifika li, skont l-imsemmi prinċipju, kienet l-amministrazzjoni li kellha teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-kawża u li tiġbor il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha kif ukoll li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li hija timplimenta (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej vs ECHA, T‑625/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:44, punt 89).

62      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni użat data li tikkonċerna l-kwantità globali tan-nPB. Fit-tieni lok, għandhom jiġu analizzati l-argumenti li skonthom il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-informazzjoni ppreżentata matul il-konsultazzjoni pubblika u fil-kuntest tal-ittri tagħhom tal-10 ta’ Awwissu 2015, tal-4 ta’ Frar u tat-3 ta’ Ottubru 2016.

1)      Fuq l-argument li l-Kummissjoni użat data li tikkonċerna l-kwantità globali tan-nPB

63      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data inkluża fil-punt 3.2 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li l-kwantitajiet indikati f’dan il-punt kienu jikkonċernaw ukoll l-użi intermedjarji tan-nPB, li skonthom ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

64      F’dan ir-rigward, ċertament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(a)(iii) tar-Regolament Nru 1907/2006, kull dikjarant huwa obbligat li jindika l-informazzjoni dwar il-manifattura u l-użu jew użi tas-sustanza, konformement mal-punt 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1907/2006. Il-punt 3.1 tal-imsemmi anness jipprovdi li d-dikjarant għandu jindika b’mod partikolari l-manifattura totali, il-kwantitajiet li jidħlu fil-produzzjoni jew il-kompożizzjoni ta’ oġġett ippreżentat għar-reġistrazzjoni u/jew l-importazzjoni totali, f’tunnellati mid-dikjarant u kull sena. Din l-informazzjoni hija rilevanti għall-applikazzjoni tal-kategoriji ta’ kwantità msemmija fl-Artikolu 7(4)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jiddeterminaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni (ara l-Annessi VI sa XI tar-Regolament Nru 1907/2006). Hija din id-data li hija indikata fil-punt 3.2 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

65      Għall-kuntrarju, meta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ regolament li jinkludi sustanza fl-Anness XIV, tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ din is-sustanza, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 2(8) tar-Regolament Nru 1907/2006 li għandha tintuża biss parti mill-kwantità li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti tal-kwantità marbuta mal-użi intermedjarji.

66      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punt 51 iktar ’il fuq, fil-kawża odjerna, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-kwantità globali tan-nPB indikata fil-punt 3.2 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni sabiex tikkalkola l-parti tal-kwantità li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, iżda użat id-data li kienet indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, li kienet tikkonċerna l-użi differenti tan-nPB.

67      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data li tikkonċerna l-kwantità globali tan-nPB indikata fil-punt 3.2 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

2)      Fuq l-argumenti li skonthom il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-informazzjoni ppreżentata matul il-konsultazzjoni pubblika u fil-kuntest tal-iskambji bilaterali sussegwenti

68      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika u fl-ittri tagħhom tal-10 ta’ Awwissu 2015, tal-4 ta’ Frar u tat-3 ta’ Ottubru 2016.

i)      Fuq id-data ppreżentata matul il-konsultazzjoni pubblika

69      Ir-rikorrenti jargumentaw li, matul il-konsultazzjoni pubblika, huma ppreżentaw informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-kwantità tan-nPB li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni. Minn naħa, huma indikaw li 70 % tal-kwantità tan-nPB kien intuża bħala intermedjarju u għaldaqstant ma kienx jaqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni u li għaldaqstant 30 % biss minn din il-kwantità kien jaqa’ taħt dan id-dominju. Min-naħa l-oħra, huma indikaw stima tal-volum tas-suq għall-użu tan-nPB bħala solvent.

70      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ jiġi rrilevat li jirriżulta mid-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih ir-risposti tal-ECHA għall-kummentarji tal-partijiet ikkonċernati li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni li kienet ġiet ippreżentata mir-rikorrenti matul il-konsultazzjoni pubblika.

71      Fil-fatt, f’dan id-dokument, fl-ewwel lok, l-ECHA wieġbet għall-osservazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li, fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, huma kienu indikaw li 70 % tal-kwantità tan-nPB kien jikkonċerna l-użi tas-sustanza bħala intermedjarja u għaldaqstant ma kienx jaqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni u li, konsegwentement, 30 % biss mill-kwantità tan-nPB kien jaqa’ taħt dan id-dominju. F’dan ir-rigward, l-ECHA sostniet li, bħala tali, din l-informazzjoni ma setgħetx tbiddel l-evalwazzjoni tagħha. Skont l-indikazzjonijiet inklużi f’dan id-dokument, anki jekk informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti kienet korretta u 30 % biss mill-kwantità tan-nPB kien jaqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni, abbażi tad-data inkluża fil-fajl ta’ evalwazzjoni, dan ma kienx ipoġġi f’dubju l-marka attribwita lill-kwantità tan-nPB li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni.

72      Fit-tieni lok, f’dan id-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih ir-risposti tal-ECHA għall-kummentarji tal-partijiet ikkonċernati, ingħatat risposta wkoll għall-istima tal-volum tas-suq. Fil-fatt, minn dan id-dokument jirriżulta li din id-data ma ttiħditx inkunsiderazzjoni, peress li ma setgħetx tpoġġi f’dubju d-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

73      Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-ECHA, li kienet tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għad-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih ir-risposti tal-ECHA għall-kummentarji tal-partijiet ikkonċernati (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), ma jistax, fih inniffsu, juri li l-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjonijiet proprji tagħha. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi b’mod espliċitu li l-ECHA għandha tagħmel rakkomandazzjoni dwar is-sustanzi li hija tqis li huma prijoritarji fid-dawl ta’ inklużjoni fl-Anness XIV u li l-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha billi tieħu kont ta’ din ir-rakkomandazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt innifsu li l-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-ECHA u li hija għamlet riferiment għaliha fir-regolament ikkontestat ma jistax jitqies bħala li huwa ta’ natura li jagħti lok għal dubju fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx l-evalwazzjonijiet proprji tagħha.

74      Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jinsinwaw ir-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx tikkondividi l-pożizzjoni tagħhom u segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA li l-Kummissjoni injorat l-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw matul il-konsultazzjoni pubblika.

75      Fir-raba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni billi ma użatx l-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, għandu jitfakkar li l-għażla tas-sustanzi kandidati biex jiġu inklużi fl-Anness XIV timplika evalwazzjonijiet ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni tirrigwarda wkoll l-għażla tad-data użata. F’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa limitat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2014, Polyelectrolyte Producers Group et vs Il-Kummissjoni, C‑199/13 P, mhux ippubbikat, EU:C:2014:205, punt 28). Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-argumenti tar-rikorrenti jistgħux juru li, billi ma kkalkolatx il-kwantità tan-nPB li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni abbażi tal-informazzjoni li huma ppreżentaw matul il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

76      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li wieħed mill-għanijiet segwiti mis-sistema li jikkonċerna r-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi kif ukoll ir-restrizzjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi, li ġie stabbilit bir-Regolament Nru 1907/2006, huwa li l-imsemmi regolament jipproduċi informazzjoni fuq is-sustanzi u l-użu tagħhom u li din l-informazzjoni tiġi indikata fil-fajls ta’ reġistrazzjoni.

77      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, jeħtieġ jiġi rrilevat li jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 1907/2006 li l-imsemmi regolament huwa mmirat li jipproduċi informazzjoni fuq is-sustanzi u l-użi tagħhom. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li din l-informazzjoni għandha tintuża mill-atturi kkonċernati għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 1907/2006, għandha tinġabar kull informazzjoni disponibbli u rilevanti fuq is-sustanzi sabiex din tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-proprjetatjiet perikolużi tagħhom.

78      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 1907/2006, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jinsabu fit-Titolu II tiegħu, intitolat “Reġistrazzjoni ta’ sustanzi”, għandhom l-għan li jobbligaw lill-produtturi u l-importaturi li jipproduċu data fuq is-sustanzi li huma jipproduċu jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jevalwaw ir-riskji marbuta ma’ dawn is-sustanzi kif ukoll li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adegwati ta’ ġestjoni tar-riskji. Sabiex jiġi żgurat li huma effettivament jissodisfaw dawn l-obbligi, kif ukoll għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-operaturi li jitolbu reġistrazzjoni għandhom jippreżentaw quddiem l-ECHA fajl li jkun fih din l-informazzjoni kollha.

79      Fit-tielet lok, skont il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-informazzjoni pprovduta fuq is-sustanzi tista’ tintuża sabiex jiġu varati proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u, għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi żgurat li din l-informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u li din tkun tista’ tintuża mill-imsemmija awtoritajiet għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri.

80      Fir-raba’ lok, mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li, għall-ħtiġijiet tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni, u għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-informazzjoni marbuta mas-sustanzi, kif ukoll informazzjoni konnessa, marbuta b’mod partikolari mal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji, għandhom normalment jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet.

81      Fil-ħames lok, kif jirriżulta mill-premessa 46 tar-Regolament Nru 1907/2006, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miġbura permezz tar-reġistrazzjoni tinżamm aġġornata, huwa previst li d-dikjaranti huma obbligati jinformaw lill-ECHA b’ċertu tibdil li jikkonċerna l-informazzjoni indikata fil-fajls.

82      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, lanqas ma jista’ jiġi allegat li l-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq id-data li toriġina mill-fajls ta’ reġistrazzjoni.

83      Fit-tieni lok, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data li tikkonċerna l-kwantitajiet għal kull użu tan-nPB li kienu indikati fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, minkejja l-fatt li kienet teżisti inkoerenza bejn din tal-aħħar u d-data li tikkonċerna l-kwantità totali tan-nPB indikata fil-punt 3.2 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, fil-preżenza ta’ data inkoerenti dwar il-kwantità tas-sustanza kandidata inkwistjoni, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni użat id-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, li kienet tikkonċerna l-użi differenti tan-nPB u kienet tindika kwantità ogħla tal-imsemmija sustanza li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni.

84      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fil-preżenza ta’ informazzjoni li kienet ġiet ippreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkalkolat il-kwantità tan-nPB li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni abbażi tad-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

85      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li juru n-natura manifestament żbaljata tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li, anki jekk 70 % tal-kwantità globali tan-nPB indikata fil-punt 3.2 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ma kienx jaqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni u għaldaqstant 30 % biss mill-kwantità tan-nPB kien jaqa’ taħt dan id-dominju, abbażi tad-data inkluża fil-fajl ta’ evalwazzjoni, dan ma setax ipoġġi f’dubju l-marka attribwita lill-kwantità tan-nPB li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni.

86      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-istima tar-rikorrenti tal-volum tas-suq għall-użu tan-nPB bħala solvent ma setgħetx tpoġġi f’dubju d-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

87      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif ġie espost fil-punti 76 sa 82 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 1907/2006 jikkonferixxi rwol importanti għad-data indikata fil-fajls ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanza.

88      Barra minn hekk, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li d-dikjaranti huma responsabbli għad-data indikata minnhom fil-fajl ta’ reġistrazzjoni tagħhom.

89      Huwa minnu li, fir-rigward tal-informazzjoni li tikkonċerna l-kwantitajiet ta’ sustanza, l-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006 ċertament jillimita ruħu sabiex jindika li d-dikjaranti għandhom jaġġornaw spontanjament ir-reġistrazzjoni tagħhom mingħajr dewmien eċċessiv billi jżidu magħha informazzjoni ġdida rilevanti u jippreżentawha quddiem l-ECHA meta l-kwantitajiet annwali jew totali prodotti jew importati mid-dikjarant jew il-kwantitajiet ta’ sustanzi ppreżenti fl-oġġetti li jimporta jew jipproduċi jkunu nbidlu u meta dan kollu jwassal għal tibdil tal-kategorija ta’ kwantità. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-kategoriji ta’ kwantità globali li huma previsti fir-Regolament Nru 1907/2006 u li għandhom jiġu indikati fil-waqt tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), u mhux il-parti tal-kwantità li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni (ara l-punt 65 iktar ’il fuq).

90      Madankollu, meta dikjarant jindika fil-fajl ta’ reġistrazzjoni data li tikkonċerna l-kwantitajiet ta’ sustanza, anki jekk din ma tkunx data bħal dik prevista fl-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda data ta’ kwantitajiet li jikkonċernaw l-użi differenti ta’ sustanza, fid-dawl tal-importanza li r-Regolament Nru 1907/2006 jattribwixxi lid-data inkluża fl-imsemmi fajl u lir-responsabbiltà tad-dikjarant inkonnessjoni mal-imsemmija data, huwa jkun responsabbli li jaġġorna d-data indikata b’mod tempestiv, tal-inqas meta din tkun data li hija rilevanti għall-finijiet tal-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 1907/2006.

91      Fir-rigward tad-data li tindika l-kwantitajiet tan-nPB għall-użi differenti, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-punt 4 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, id-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni tikkostitwixxi s-sors prinċipali ta’ informazzjoni għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni mwettaq mill-ECHA u li din il-gwida tissuġġerixxi lill-industrija tindika d-data rilevanti kollha direttament fil-fajl ta’ reġistrazzjoni.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li kien il-kompitu tar-rikorrenti li jaġġornaw id-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni b’mod tempestiv jekk, b’applikazzjoni tal-kategoriji previsti fil-punt 5.2 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, tibdil fil-kwantità indikata seta’ jinċidi fuq il-marka ta’ prijorità attribwita għall-kriterju ta’ kwantità fis-sens tal-Artikolu 58(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

93      F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li d-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni ma nbidlitx qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u li r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda argument ta’ natura li juri li tali tibdil ma kienx possibbli.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, ir-rikorrenti ma ressqux elementi li jippermettu li tiġi spjegata l-inkoerenza bejn id-data ppreżentata fil-kuntest tal-imsemmija konsultazzjoni u dik indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni. Għall-kuntrarju, skont l-indikazzjonijiet tal-ECHA, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti b’mod iddettaljat, id-data ppreżentata minn dawn tal-aħħar ma kinitx koerenti mad-data indikata fir-rapport dwar is-sigurtà kimika anness mal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti, li kienet tindika kwantitajiet ħafna ogħla.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni qieset li l-istima tar-rikorrenti dwar il-volum tas-suq għall-użu tan-nPB bħala solvent ippreżentata mir-rikorrenti matul il-konsultazzjoni pubblika ma setgħetx tpoġġi f’dubju d-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

96      Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li jeħtieġ li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-konsultazzjoni pubblika previst fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

97      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-ECHA tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jippreżentaw, fit-tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjoni tagħha, osservazzjonijiet dwar b’mod partikolari l-użi li għandhom ikunu eżentati mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni.

98      Ċertament, il-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 tippermetti lill-partijiet ikkonċernati kollha li jipprovdu d-data rilevanti. Għaldaqstant tippermetti lid-dikjaranti li jipproduċu informazzjoni addizzjonali dwar l-użi li għandhom jiġu eżentati mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tippermetti lid-dikjaranti li jirrevedu d-data indikata fil-fajls tagħhom ta’ reġistrazzjoni fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, mingħajr ma jispjegaw ir-raġuni għaliex ma setgħux jaġġornawha b’mod tempestiv u lanqas għaliex jeżistu differenzi bejn din id-data u l-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika.

99      Issa, fil-kawża odjerna, ir-rikorrenti naqsu mhux biss milli jsostnu r-raġunijiet għaliex ma kinux f’pożizzjoni li jaġġornaw b’mod tempestiv id-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni, iżda wkoll milli jispjegaw l-inkoerenzi, minn naħa, bejn id-data ppreżentata fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika u dik indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, bejn l-istima indikata fl-osservazzjonijiet tagħhom u d-data inkluża fir-rapport dwar is-sigurtà kimika anness ma’ dawn tal-aħħar (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).

100    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, billi d-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni kienet inkoerenti, il-Kummissjoni kienet obbligata tattribwixxi iktar importanza lill-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw matul il-konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt, tali approċċ ikollu l-konsegwenza li jagħti privileġġ lid-dikjaranti li ma jirrimedjawx b’mod tempestiv id-data kontradittorja inkluża fil-fajls tagħhom ta’ reġistrazzjoni.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq informazzjoni li huma ppreżentaw matul il-konsultazzjoni pubblika.

ii)    Fuq l-informazzjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2015

102    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx kont suffiċjenti tal-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Awwissu 2015. F’din l-ittra, huma tennew l-argumenti li huma kienu diġà invokaw matul il-konsultazzjoni pubblika. Huma sostnew ukoll li l-ECHA kienet użat id-data indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, meta kellha dubju dwar l-affidabbiltà tagħha.

103    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2015 li din tal-aħħar esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li ma kienx jaqbel li tuża d-data li kienet ġiet ippreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ittra tagħhom tal-10 ta’ Awwissu 2015. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni esponiet, b’mod partikolari, li l-fajl ta’ reġistrazzjoni kien is-sors prinċipali għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, li kienu jeżistu inkoerenzi bejn id-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni, minn naħa, u d-data ppreżentata fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika, min-naħa l-oħra, u li kien jeħtieġ li d-dikjaranti jaġġornaw il-fajl ta’ reġistrazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni ma ħaditx kont tal-informazzjoni inkluża fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2015.

104    Fit-tieni lok, għall-kuntrarju tal-impressjoni mogħtija mir-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li, wara li rċeviet l-ittra tar-rikorrenti tal-10 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni kkonsultat lill-ECHA fir-rigward tal-informazzjoni inkluża f’din tal-aħħar u ddeċidiet li ssegwi l-opinjoni ta’ din l-aġenzija, li l-Kummissjoni ma wettqitx l-evalwazzjonijiet proprji tagħha. Dan jgħodd iktar u iktar meta tali approċċ jaqa’ taħt il-loġika tar-Regolament Nru 1907/2006, li jipprovdi fil-premessa 78 tiegħu li l-ECHA għandha tipprovdi pariri dwar id-determinazzjoni tas-sustanzi prijoritarji li għandhom ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni, sabiex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet ikunu konformi mal-ħtiġiet tas-soċjetà u li jkunu jieħdu kont tal-konoxxenzi xjentifiċi u tal-evoluzzjoni tagħhom. Xejn ma jipprekludi, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ssegwi opinjoni tal-ECHA, li hija tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tagħha fir-risposta tagħha lill-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-impressjoni mogħtija mir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jsostni dubju fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx l-evalwazzjonijiet proprji tagħha.

105    Fit-tielet lok, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Kummissjoni ma kkondividietx il-pożizzjoni tar-rikorrenti u segwiet l-opinjoni tal-ECHA li l-Kummissjoni injorat l-informazzjoni ppreżentata fl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2015.

106    Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 75 sa 101 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li kien jaqbel li tuża d-data inkluża fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

107    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2015 għandhom jiġu miċħuda.

iii) Fuq l-informazzjoni inkluża fl-ittra tal-4 ta’ Frar 2016

108    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx kont suffiċjenti tal-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw fl-ittra tagħhom tal-4 ta’ Frar 2016. F’din l-ittra, huma semmew li kienu ġabru data fuq il-kwantità tan-nPB li taqa’ fid-dominju tal-awtorizzazzjoni li kienet tistabbilixxi li l-kwantità inferjuri għal 1 000 tunnellata u huma kienu pproponew li jippreżentaw ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħhom fuq bażi kunfidenzjali.

109    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm huwa inkwetanti li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-ittra tar-rikorrenti tal-4 ta’ Frar 2016, ma jistax madankollu minn dan jiġi dedott li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni inkluża f’din tal-aħħar. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, wara li rċeviet din l-ittra, hija kkonsultat lill-ECHA dwar l-informazzjoni li kienet fiha.

110    Fit-tieni lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 104 u 105 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Kummissjoni kkonsultat lill-ECHA u li hija ddeċidiet li ssegwi l-opinjoni ta’ din l-aġenzija li hija ma wettqitx l-evalwazzjonijiet proprji tagħha u lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-Kummissjoni ma kkondividietx il-pożizzjoni tar-rikorrenti, iżda segwiet l-opinjoni tal-ECHA, li hija injorat l-informazzjoni ppreżentata fl-ittra tal-4 ta’ Frar 2016.

111    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi użat id-data indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, minkejja l-informazzjoni ppreżentata fl-ittra tal-4 ta’ Frar 2016.

112    Fl-ewwel lok, filwaqt li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 75 sa 100 iktar ’il fuq, hemm lok li jitfakkar li huwa l-kompitu tad-dikjarant li jaġġorna d-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni b’mod tempestiv.

113    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-regolament Nru 1907/2006 ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà, għal dikjarant, li jissottometti d-data wara l-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jista’ jiġi previst li, wara s-sottomissjoni ta’ informazzjoni wara l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni tkun obbligata twarrab id-data indikata minn dikjarant fil-fajl ta’ reġistrazzjoni.

114    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda argument ta’ natura li juri li huma ma kinux f’pożizzjoni li jaġġornaw id-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni b’mod tempestiv.

115    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal-4 ta’ Frar 2016 kienu pjuttost astratti u ma kinux jinkludu elementi li jippermettu li tiġi spjegata l-inkoerenza bejn id-data indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni u dik inkluża f’din l-ittra.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni u mhux fuq dik ipprovduta mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal-4 ta’ Frar 2016.

117    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-ittra tal-4 ta’ Frar 2016 għandhom jiġu miċħuda.

iv)    Fuq l-informazzjoni inkluża fl-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2016

118    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma ħaditx kont suffiċjenti tal-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw fl-ittra tagħhom tat-3 ta’ Ottubru 2016. F’din l-ittra, huma indikaw li l-uniku kodikjarant ieħor għall-użi mhux intermedjarji kien ħassar ir-reġistrazzjoni tiegħu, li l-indikazzjonijiet tal-kodikjaranti l-oħra kienu jikkonċernaw biss użi intermedjarji, li huma jibqgħu l-uniċi dikjaranti li pprovdew informazzjoni fuq il-kwantitajiet ta’ nPB li kienu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kwantità li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni u li għaldaqstant huma kellhom informazzjoni li tippermetti li jiġi kkonstatat li l-kwantità ta’ nPB li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni kienet inferjuri għal 1 000 tunnellata fis-sena.

119    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm jirriżulta mill-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni li, wara li rċeviet l-ittra tar-rikorrenti tat-3 ta’ Ottubru 2016, hija kkonsultat lill-ECHA f’dan ir-rigward, l-indikazzjonijiet tagħha jagħtu l-impressjoni li, qabel ma rċeviet ir-risposta tal-ECHA, hija ma wettqitx eżami ddettaljat tal-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni inkluża f’din l-ittra setgħetx tpoġġi f’dubju l-evalwazzjoni tal-kwantità ta’ nPB li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni li kienet twettqet mill-ECHA. Issa, il-Kummissjoni rċeviet din ir-risposta fit-22 ta’ Diċembru 2016 u, għaldaqstant, wara l-opinjoni tal-kumitat ta’ regolamentazzjoni (ara l-puni 16, 18 u 19 iktar ’il fuq).

120    Madankollu, f’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, jeħtieġ ukoll jitfakkar li r-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà, għal dikjarant, li jissottometti data wara l-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), li huwa l-kompitu tad-dikjarant li jaġġorna d-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni b’mod tempestiv (ara l-punti 75 sa 100 iktar ’il fuq) u li r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda argument ta’ natura li juri li ma kinux f’pożizzjoni li jaġġornaw id-data inkluża fil-fajl ta’ reġistrazzjoni b’mod tempestiv.

121    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal-4 ta’ Frar 2016 kienu pjuttost astratti u b’mod partikolari ma kienx fihom elementi li jippermettu li tiġi spjegata l-inkoerenza bejn id-data indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni u dik indikata f’din l-ittra.

122    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tal-ittra tal-15 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti jidħlu f’kuntatt magħha sabiex jiffissaw laqgħa matul ix-xahar ta’ Novembru bil-ħsieb li jiddiskutu b’mod iktar iddettaljat id-data miġbura mir-rikorrenti. Issa, mill-elementi tal-fajl ma jirriżultax li r-rikorrenti daħlu f’kuntatt mal-Kummissjoni sabiex jiffissaw data għal laqgħa matul ix-xahar ta’ Novembru. Kien biss fis-7 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri l-ġurnata li fiha tlaqqa’ l-kumitat ta’ regolamentazzjoni, li r-rikorrenti daħlu f’kuntatt mal-Kummissjoni għal dan l-għan.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni sabiex tevalwa l-ammont tan-nPB li jaqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni.

124    Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi li l-fatti rrilevati fil-punt 119 iktar ’il fuq kellhom jiġu kklassifikati bħala ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tali ksur ma kien ikollu l-ebda effett fuq il-legalità tar-regolament ikkontestat.

125    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti bbażati fuq l-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2016 u, għaldaqstant, l-argumenti kollha tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx kont suffiċjenti tal-informazzjoni li huma kienu ppreżentaw matul il-konsultazzjoni pubblika u fil-kuntest tal-ittri tagħhom tal-10 ta’ Awwissu 2015, tal-4 ta’ Frar u tat-3 ta’ Ottubru 2016.

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

127    Fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni gwidi amministrattivi tal-ECHA dwar id-determinazzjoni tal-marka għall-kriterju marbut mal-kwantità fis-sens tal-Artikolu 58(3)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

128    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

129    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti invokati insostenn ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-gwidi redatti mill-ECHA bil-ħsieb tar-rakkomandazzjoni li hija obbligata li tagħmel skont l-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, din ir-rakkomandazzjoni kienet tippreżenta biss karattru konsultattiv u ma kinitx torbot lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet twarrab il-gwidi amministrattivi tal-ECHA dwar l-imsemmija rakkomandazzjoni, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

130    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet hija stess riferiment għall-gwidi amministrattivi tal-ECHA, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ssegwi rakkomandazzjoni tal-ECHA u meta, f’din ir-rakkomandazzjoni, din l-aġenzija tibbaża ruħha fuq il-metodoloġija naxxenti mill-gwidi amministrattivi tagħha, kull argument ibbażat fuq il-fatt li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex konformi mal-gwidi amministrattivi tal-ECHA għandu jitqies bħala intiż li juri l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja r-raġunament tal-Kummissjoni.

131    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li ma jistax jiġi dedott mir-regolament ikkontestat li l-Kummissjoni ma osservatx ir-regola prevista fil-punt 5.2 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, li skontha kien jeħtieġ li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet li jikkonċernaw l-użi intermedjarji tan-nPB.

132    Fit-tielet lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw l-għażla tal-Kummissjoni inkonnessjoni mad-data li hija użat, jeħtieġ jiġi rrilevat li huwa indikat fl-ewwel paragrafu tal-punt 4 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014 li d-data indikata fil-fajl ta’ reġistrazzjoni tikkostitwixxi s-sors ta’ informazzjoni prinċipali għall-eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2 inserita taħt il-punt 3 tal-imsemmija gwida, id-dikjaranti huma responsabbli għall-korrettezza tad-data ta’ reġistrazzjoni.

133    Għaldaqstant, anki jekk huwa indikat fl-ewwel paragrafu tal-punt 4 ta’ din il-gwida li informazzjoni oħra li ma hijiex parti mid-data inkluża fil-fajls ta’ reġistrazzjoni tista’ wkoll tintuża bħala sors ta’ data addizzjonali, dan bl-ebda mod ma kien jipprekludi, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 59 sa 125 iktar ’il fuq, lill-Kummissjoni milli tuża d-data li tikkonċerna l-użi differenti tan-nPB indikata fil-punt 3.5 tal-fajl ta’ reġistrazzjoni sabiex tevalwa l-kwantità ta’ din is-sustanza li taqa’ taħt id-dominju tal-awtorizzazzjoni.

134    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni kien kuntrarju għall-indikazzjonijiet inklużi fil-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014.

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tar-raba’ motiv.

B.      Fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene

136    Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene, sustanza li kienet diġà inkluża fl-Anness XIV. Minn naħa, fil-kuntest tal-tielet motiv, huma jsostnu b’mod partikolari li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiza tagħhom. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, huma jsostnu b’mod partikolari li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-aggregazzjoni ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Kummissjoni ma segwietx l-indikazzjonijiet inklużi fil-gwidi amministrattivi tal-ECHA.

1.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

137    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fil-gwida tagħha dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, l-ECHA indikat li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-aggregazzjoni ta’ sustanzi, li ma kinux jifformaw parti mill-kriterji msemmija b’mod espliċitu fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-raġunijiet għaliex is-sustanza kandidata inkwistjoni għandha titqies bħala prijoritarja għandhom jiġu esposti b’mod ċar. Issa, il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene ma hijiex suffiċjentement motivata. Ma kinitx tippermettilhom jifhmu r-raġunijiet li għalihom in-nPB seta’ jintuża sabiex jissostitwixxi t-trikloroetilene. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda evalwazzjoni tal-potenzjal reali ta’ interkambjabbiltà tan-nPB u tat-trikloroetilene.

138    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

139    Fir-rigward tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, kif ġie espost fil-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-motivi inklużi fir-regolament ikkontestat, iżda wkoll dawk inklużi fir-rakkomandazzjoni tal-ECHA, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, u fid-dokumenti li tagħmel riferiment għalihom din ir-rakkomandazzjoni, kif ukoll il-motivi żviluppati fil-kuntest tal-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

140    Fil-kuntest odjern, fl-ewwel lok, jeħtieġ għaldaqstant li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 1, 13 u 20 tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA, l-anness tagħha u d-dokumenti pubbliċi tal-ECHA li jagħmel riferiment għalihom dan l-anness (ara l-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq).

141    Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tad-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015, jeħtieġ li jitfakkar li minnu jirriżulta li l-ECHA kienet qieset li, anki jekk sustanzi oħra inklużi fil-lista tas-sustanzi kandidati kienu kisbu marki ta’ prijorità ogħla min-nPB fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, din is-sustanza kandidata kienet prijoritarja minħabba l-marka globali miksuba ta’ 20/45 u minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ aggregazzjoni. Fir-rigward tal-kriterju tal-aggregazzjoni, l-ECHA indikat li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-industrija matul, minn naħa, il-konsultazzjoni pubblika fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-inklużjoni tan-nPB fil-lista tas-sustanzi kandidati u, min-naħa l-oħra, il-konsultazzjoni pubblika fis-sens tal-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 mwettqa fil-kuntest tas-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, in-nPB setgħet tintuża bħala sostitut tat-trikloroetilene.

142    Fit-tielet lok, fid-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih kummentarji tal-partijiet ikkonċernati u riferimenti għar-risposti fuq l-abbozz tas-sitt rakkomandazzjoni bil-ħsieb tal-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV, li hemm riferiment għalih fl-Anness I tar-rakkomandazzjoni tal-ECHA u fid-dokument ta’ riferiment tal-1 ta’ Lulju 2015, hemm imsemmija kummentarji tal-partijiet ikkonċernati, li minnhom jirriżulta li l-produtturi u d-distributuri kienu poġġew in-nPB fuq is-suq bħala soluzzjoni ta’ sostituzzjoni għat-trikloroetilene.

143    Fir-raba’ lok, fir-riżultati definittivi tagħha (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li hija kienet attwalizzat billi ħadet inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet irċevuti fuq l-abbozz tar-rakkomandazzjoni, l-ECHA kienet esponiet li, skont l-informazzjoni pprovduta mis-settur, in-nPB seta’ jintuża b’sostituzzjoni tat-trikloroetilene għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif ta’ superfiċji u li t-trikloroetilene kienet diġà inkluża fl-Anness XIV.

144    Fil-ħames lok, fl-ittra tagħha lir-rikorrenti tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni mhux biss kienet għamlet riferiment għall-fatt li n-nPB seta’ jintuża biex jissostitwixxi t-trikloroetilene għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif tas-superfiċji, iżda kienet indikat ukoll li t-talbiet ta’ awtorizzazzjoni li jikkonċernaw it-trikloroetilene kienu diġà ġew ippreżentati għal użi li kienu simili għal dawk li għalihom seta’ jintuża n-nPB. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li kunsiderazzjonijiet ta’ aggregazzjoni setgħu jiġġustfikaw li sustanza titqies bħala prijoritarja, anki meta l-marka globali li kienet kisbet fir-rigward tal-kriterji b’mod espliċitu msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 kienet baxxa ħafna. Fl-anness ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni esponiet b’mod partikolari li, “anki kieku n-nPB kienet kisbet marka ta’ prijorità globali nettament iktar baxxa, l-ECHA setgħet tirrakkomanda s-sustanza abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni”.

145    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-elementi msemmija fil-punti 139 sa 144 iktar ’il fuq kienu suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti jikkontestaw l-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV quddiem il-qorti tal-Unjoni jekk huma kienu jqisu li din kienet ivvizzjata b’difett. B’mod partikolari, jekk huwa minnu li r-rikorrenti kienu jqisu li n-nPB ma setgħetx titqies bħala soluzzjoni ta’ sostituzzjoni għat-trikloroetilene għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif tas-superfiċji, il-motivi esposti fl-imsemmija punti kienu suffiċjenti sabiex jippermettulhom li jikkontestawhom.

146    Għaldaqstant, l-argumenti invokati insostenn ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

147    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma kinux suffiċjentement informati sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ parteċipazzjoni previsti mir-regolament Nru 1907/2006 matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u sabiex jinvokaw l-interessi tagħhom b’mod utli.

148    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

149    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li jirriżulta mis-seba’ paragrafu tal-punt 2 u mill-punt 6 tal-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014 li l-interkambjabbiltà potenzjali bejn is-sustanza inkwistjoni u sustanzi oħra diġà inklużi fl-Anness XIV jew diġà rrakkomandati għal tali inklużjoni kienet aspett ieħor li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni. Din l-indikazzjoni u dawk naxxenti mid-dokumenti msemmija fil-punti 141 sa 144 iktar ’il fuq kienu jippermettu lir-rikorrenti li jeżerċitaw utilment id-drittijiet tagħhom.

150    Għaldaqstant, dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

151    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq in-natura alternattiva ta’ dawn is-sustanzi huma purament spekulattivi u ipotetiċi. Minn dan ma jirriżultax li dan l-aspett kien ġie eżaminat jew ivverifikat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, skonthom, għalkemm in-nPB ġie effettivament meqjus bħala soluzzjoni ta’ sostituzzjoni vijabbli għat-trikloroetilene, il-bejgħ tagħhom kellu jibda jiżdied, fl-2016, meta t-trikloroetilene ġie ssuġġettat għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni. Issa, id-domanda għan-nPB naqset. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-trattazzjonijet tagħhom, ir-rikorrenti sostnew ukoll li, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 5057 finali, tal-10 ta’ Awwissu 2018, dwar l-awtorizzazzjoni tat-trikloroetilene għal ċerti użi, hemm imsemmi b’mod espliċitu li, fir-rigward tal-użi ta’ din is-sustanza għall-finijiet ta’ tindif industrijali ta’ oġġetti bid-degrassazzjoni bil-fwar, ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni adegwati mill-perspettiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħhom.

152    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

153    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex invokati insostenn ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li hija formalità sostanzjali (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), iżda jikkonċernaw il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

154    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tan-nPB bit-trikloroetilene kienu ta’ natura spekulattiva u ipotetika.

155    Dan l-argument għandu jitwarrab.

156    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 77 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-limitazzjoni tan-numru ta’ sustanzi li huma inklużi simultanjament fl-Anness XIV issir għal raġuni ta’ fattibbiltà u ta’ prattikabbiltà, kemm min-naħa tal-persuni fiżiċi jew morali, li għandhom jelaboraw il-fajls tat-talba u jadottaw miżuri adegwati ta’ ġestjoni tar-riskji, kif ukoll min-naħa tal-awtoritajiet, li għandhom jipproċessaw it-talbiet ta’ awtorizzazzjoni.

157    Għaldaqstant, fl-istadju li l-Kummissjoni tiddeċiedi li sustanza kandidata għandha tiġi inkluża fl-Anness XIV għal raġunijiet ta’ aggregazzjoni ma’ sustanza diġà inkluża fiha, hija ma hijiex obbligata tistabbilixxi sal-grad rikjest mil-liġi li tali sostituzzjoni diġà seħħet jew neċessarjament ser isseħħ. Huwa suffiċjenti li hija tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali ta’ sostituzzjoni.

158    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tqis li tali riskju potenzjali ta’ sostituzzjoni kien jeżisti, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din il-kwistjoni timplika evalwazzjonijiet ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni. Skont il-ġurisprudenza, f’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa limitat. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-argumenti tar-rikorrenti jistgħux juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, użat ħażin il-poter jew jekk manifestament qabżitx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    Kif jirriżulta mid-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni ta’ din is-sustanza u tat-trikloroetilene kienu bbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-industrija, li skontha n-nPB setgħet tintuża bħala soluzzjoni ta’ sostituzzjoni għat-trikloroetilene għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif tas-superfiċji. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li, minn naħa, jirriżulta mid-dokument tal-1 ta’ Lulju 2015 li fih il-kummentarji tal-partijiet ikkonċernati u riferimenti għar-risposti fuq l-abbozz tas-sitt rakkomandazzjoni bil-ħsieb tal-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV li l-użu tan-nPB bħala sostitut tat-trikloroetilene kien previst minn ċerti atturi tas-suq. Min-naħa l-oħra, mid-dokument tad-19 ta’ Novembru 2011 li fih il-kummentarji fuq il-proposta ta’ identifikazzjoni tan-nPB bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u r-risposti għal dawn il-kummentarji, jirriżulta li, skont ċerti awturi tas-suq, in-nPB kienet użata għal snin bħala sostitut tat-trikloroetilene għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif tas-superfiċji.

160    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li riskju ta’ sostituzzjoni tat-trikloroetilene min-nPB għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif ta’ superfiċji kien jeżisti, ma kinitx plawżibbli.

161    Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

162    Minn naħa, il-fatt waħdu li l-bejgħ tan-nPB ma żdiedx mill-mument li fih it-trikloroetilene ġiet issuġġettata għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri mill-21 ta’ April 2016, ma jistax juri żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterju tal-aggregazzjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li din l-assenza ta’ żieda hija l-konsegwenza tal-fatt li, bid-deċiżjoni tal-ECHA tad-19 ta’ Diċembru 2012, in-nPB kienet identifikata bħala sustanza kandidata, li setgħet tiġi inkluża fl-Anness XIV.

163    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2018, dwar l-awtorizzazzjoni tat-trikloroetilene għal ċerti użi, hemm imsemmi li, fir-rigward tal-użu ta’ din is-sustanza għall-finijiet tat-tindif industrijali ta’ oġġetti bid-degrassazzjoni bil-fwar, ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni adegwati mill-perspettiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħha (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), ma huwiex ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jinċidi fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li fuqhom huwa bbażat ir-regolament ikkontestat.

164    Sa fejn ir-rikorrenti sempliċement isostnu l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2018, marbuta mal-awtorizzazzjoni tat-trikloroetilene għal ċerti użi, huwa suffiċjenti li jitfakkar li r-regolament ikkontestat ġie adottat wara din id-deċiżjoni u li l-legalità ta’ att tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument li fih adottat din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 16).

165    Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ inkoerenza bejn il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat ir-regolament ikkontestat, minn naħa, u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2018 dwar l-awtorizzazzjoni tat-trikloroetilene għal ċerti użi, min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Wieħed mir-rekwiżiti previsti minn din id-dispożizzjoni huwa li ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni “adegwati”. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn din id-deċiżjoni li, kieku n-nPB ma kinitx ġiet inkluża fl-Anness XIV, teknikament u ekonomikament, ma kienx ikun jeżisti riskju potenzjali ta’ sostituzzjoni tat-trikloroetilene min-nPB. Ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni ma identifikatx in-nPB bħala sustanza ta’ sostituzzjoni adegwata għat-trikloroetilene tista’ wkoll tkun għall-fatt li hija qieset li din ma kinitx sostituzzjoni adegwata, peress li kienet tirrigwarda sustanza li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, kienet inkluża fl-Anness XIV.

166    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni tat-trikloroetilene għal ċerti użi ġiet adottata iktar minn sena wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, wara proċedura ta’ awtorizzazzjoni bħal dik prevista fit-Titolu VII, Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 1907/2006. Kif jirriżulta mill-Artikolu 62(4)(e) tal-imsemmi regolament, talba ta’ awtorizzazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari analiżi tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni, li teżamina r-riskji li dawn jinvolvu, kif ukoll il-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħhom u li tinkludi, fejn xieraq, informazzjoni fuq l-attivitajiet rilevanti ta’ riċerka u ta’ żvilupp tal-applikant. Barra minn hekk, meta tingħata awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod partikolari jekk jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni adegwati. Kif jirriżulta mill-Artikolu 60(5) ta’ dan ir-regolament, waqt l-eżami ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha.

167    Issa, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, huwa rikjest li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji ta’ sostituzzjoni adegwati, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha, dan ma huwiex rikjest fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness XIV (ara l-punti 156 u 157 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha informazzjoni speċifika f’dan ir-rigward, u b’mod partikolari dik li ġiet ippreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni, li ma huwiex neċessarjament il-każ fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-inklużjoni ta’ sustanza fl-imsemmi anness.

168    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ikkunsidrat waħdu, il-fatt li, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2018, hemm imsemmi li, fir-rigward tal-użu ta’ din is-sustanza għall-finijiet ta’ tindif industrijali ta’ oġġetti bid-degrassazzjoni bil-fwar, ma jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni adegwati mill-perspettiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tagħhom, ma huwiex ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jinċidi fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li fuqhom huwa bbażat ir-regolament ikkontestat.

169    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ ukoll li jiġu miċħuda l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene u, għaldaqstant, l-argumenti kollha invokati fil-kuntest tat-tielet motiv.

170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-aggregazzjoni ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

171    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi warrbet il-gwidi amministrattivi tal-ECHA dwar id-determinazzjoni tas-sustanzi kandidati prijoritarji. Il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-gwidi waqt l-analiżi tar-rakkomandazzjonijiet tal-ECHA. Huma rċevew assigurazzjonijiet preċiżi fuq il-fatt li, fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni tagħha, l-ECHA kienet tapplika l-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni ta’ sustanzi kif kienu deskritti fil-gwida dwar l-approċċ ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2010. Skont din il-gwida, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni ta’ sustanzi li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddefinita l-prijorità globali ta’ sustanza kienu jipprevedu forma oħra tas-sustanza inkwistjoni. Issa, qabelxejn, ma kienx possibbli li tiġi identifikata n-nPB bħala forma differenti tat-trikloroetilene. Dawn kienu sustanzi differenti ħafna li ma kienu jippreżentaw ebda xebh kimiku. Sussegwentement, la l-ECHA u lanqas il-Kummissjoni ma wettqu analiżi reali ta’ interkambjabbiltà. Fl-aħħar, il-kwantitajiet tan-nPB ma żdidux realment wara l-inklużjoni tat-trikloroetilene fl-Anness XIV.

172    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

173    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-argumenti invokati insostenn ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huma infondati, peress li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-gwidi redatti mill-ECHA (ara l-punt 129 iktar ’il fuq).

174    Fit-tieni lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jipprevedu l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja r-raġunament tal-Kummissjoni, li ddeċidiet li ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-ECHA (ara l-punt 130 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex konformi mal-gwidi tal-ECHA li jirriżultaw mill-gwida fuq l-approċċ ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2010, filwaqt li, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal din il-gwida. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din l-ittra, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment għall-gwida fuq l-approċċ ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2010, iżda għall-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 3 tal-anness ta’ din l-ittra u fid-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015, kien hemm riferiment għall-gwida fuq l-approċċ ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2010. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, attwalment, il-hyperlinks li jinsabu f’dawn id-dokumenti u li jagħmlu riferiment għalihom ir-rikorrenti ma jirrinvijawx għall-gwida fuq l-approċċ ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2010, iżda għall-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, u li r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda argument maħsub li juri li l-mira ta’ dawn il-hyperlinks ġiet mibdula. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata li l-Kummissjoni u l-ECHA bbażaw ruħhom fuq il-gwida fuq l-approċċ ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2010. F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll jiġi rrilevat li, skont il-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni ma humiex limitati għal forom differenti tal-istess sustanza, iżda jistgħu wkoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-interkambjabbiltà potenzjali.

175    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti li l-Kummissjoni ma osservatx il-gwidi amministrattivi tal-ECHA.

176    Fit-tielet lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti kif imqassra fil-punt 171 iktar ’il fuq huma intiżi li juru li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jew li l-kunsiderazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene kienu manifestament żbaljati, jeħtieġ li dawn jiġu miċħuda filwaqt li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 137 sa 169 iktar ’il fuq.

177    Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-indikazzjonijiet inklużi fil-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jitqies li dawn tal-aħħar ma kinux suffiċjentement informati sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tagħhom previsti fir-Regolament Nru 1907/2006 matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u jsostnu l-interessi tagħhom b’mod utli.

178    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

C.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni

179    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

180    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, EU:C:1990:270, punt 25).

181    L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u n-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. F’dan il-kuntest, għandhom barra minn hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

182    Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata jekk tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

183    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, matul is-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, il-minju oranġo, il-monossidju taċ-ċomb, it-tetraossisulfat tal-pentaċomb u s-sulfat taċ-ċomb tribażiku kisbu marki ta’ prijorità globali ogħla min-nPB għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. Issa, għall-kuntrarju tan-nPB, dawn is-sustanzi ma ġewx inklużi fl-Anness XIV, fatt li jikkostitwixxi interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

184    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

185    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA u għaldaqstant fuq il-konklużjonijiet ta’ din l-aġenzija li jirriżultaw mis-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni.

186    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi rrilevat li ċertament mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet kriterji għad-determinazzjoni tal-ordni ta’ prijorità tas-sustanzi kandidati mwettqa mill-ECHA, jiġifieri, fl-ewwel lok, in-natura persistenti, bijoakkumulabbli u tossika tas-sustanzi inkwistjoni kif ukoll in-natura persistenti u bijoakkumulabbli ħafna ta’ dawn tal-aħħar (a); fit-tieni lok, in-natura dispersiva ħafna tal-applikazzjoni tagħhom (b); u, fit-tielet lok, l-entità tal-kwantitajiet prodotti (ċ).

187    Madankollu, mill-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-kriterji msemmija fil-punt 186 iktar ’il fuq ma humiex l-uniċi kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-użu tal-kelma “[n]ormalment” fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, it-tliet kriterji b’mod espliċitu msemmija ma jikkostitwixxux lista eżawrjenti tal-kriterji kollha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, f’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-ECHA li tipproċessa t-talbiet fit-termini previsti.

188    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-kriterji li hija tieħu kont tagħhom fil-kuntest tal-prijoritizzazzjoni ta’ sustanzi kandidati differenti (ara l-punt 158 iktar ’il fuq). Issa, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-aggregazzjoni tan-nPB u t-trikloroetilene. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju, li jieħu inkunsiderazzjoni l-interkambjabbiltà potenzjali ta’ sustanza kandidata ma’ sustanzi kandidati oħra jew sustanzi diġà inklużi fl-Anness XIV, huwa intiż li jsegwi l-prinċipji u jwettaq l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, huwa intiż li jiġi evitat li sustanzi kandidati għall-inklużjoni jew diġà inklużi fl-imsemmi anness ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti, tal-inqas temporanjament, minn sustanzi oħra identifikati fihom innifishom bħala ta’ tħassib serju ħafna. Għaldaqstant, huwa marbut ma’ wieħed mill-għanijiet segwiti mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri l-għan li jiġu ssostitwiti progressivament is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna minn sustanzi jew teknoloġiji adegwati oħra (Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006).

189    Għaldaqstant, bħala tali, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-minju oranġo, il-monossidju taċ-ċomb, it-tetraossisulfat tal-pentaċomb u s-sulfat taċ-ċomb tribażiku kisbu marki ta’ prijorità globali ogħla min-nPB għall-kriterji msemmija b’mod espliċitu fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jistax juri li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

190    Fir-raba’ lok, sa fejn, fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jinvokaw argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li kien jeżisti riskju potenzjali li t-trikloroetilene tiġi ssostitwita min-nPB, jeħtieġ li dawn jiġu miċħuda b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 136 sa 169 iktar ’il fuq.

191    Fil-ħames lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tat importanza sproporzjonata lill-kriterju ta’ aggregazzjoni meta mqabbel mal-kriterji msemmija b’mod espliċitu fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006.

192    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni indikat li l-kriterju ta’ aggregazzjoni kien jiġġustifka li n-nPB titqies bħala sustanza kandidata prijoritarja għall-inklużjoni fl-Anness XIV anki fil-każ li l-marka ta’ prijorità globali għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(3) tal-imsemmi regolament tkun baxxa ħafna. Din il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx tikkonċerna biss l-ipoteżi ta’ marka globali ta’ 20/45, iżda wkoll il-każ li fih in-nPB tkun laħqet biss marka ta’ prijorità ta’ 17/45. Fil-fatt, minn naħa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni esprimiet ruħha qabelxejn fuq l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li n-nPB kellha tikseb marka ta’ 17/45 u mhux ta’ 20/45 u li hija introduċiet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-aggregazzjoni permezz tal-avverbju “barra minn hekk” (furthermore), li minnu jista’ jiġi dedott li din kienet kunsiderazzjoni li kienet valida indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-nPB kellhiex tikseb marka ta’ 17/45 jew ta’ 20/45. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-riferiment tal-Kummissjoni għal “marka baxxa ħafna” jiġbor fih il-marka ta’ 17/45 u anki ċerti marki inferjuri għal din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tas-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, xi sustanzi kandidati li kisbu biss il-marka ta’ 1/45 ġew inklużi fl-Anness XIV, minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aggregazzjoni, bħall-ftalati msemmija fir-riżultati definittivi tal-ECHA (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

193    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement isostnu li, għal sustanzi oħra bħall-minju oranġo, il-monossidju taċ-ċomb, it-tetraossisulfat tal-pentaċomb u s-sulfat taċ-ċomb tribażiku, kienu jeżistu wkoll kunsiderazzjonijiet ta’ aggregazzjoni.

194    Issa, minn naħa, mir-riżultati definittivi tal-ECHA (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li kienu ġew attwalizzati b’kont meħud tal-osservazzjonijiet irċevuti dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni, jirriżulta li, fir-rigward tal-minju oranġo, il-monossidju taċ-ċomb, it-tetraossisulfat tal-pentaċomb u s-sulfat taċ-ċomb tribażiku, l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li dawn is-sustanzi jintużaw biex jissostitwixxu sustanzi kandidati oħra jew sustanzi oħra diġà inklużi fl-Anness XIV kienet tidher inqas evidenti.

195    Min-naħa l-oħra, kif espost mill-Kummissjoni, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, l-użi tan-nPB kienu limitati u l-piż tax-xogħol prevedibbli li jirriżulta mill-volum stmat tat-talbiet għal awtorizzazzjoni kien għaldaqstant inqas għan-nPB milli għas-sustanzi paragunabbli li ma kinux ġew inklużi fl-Anness XIV u li kellhom użi iktar diversi.

196    Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni ma jistax jitqies bħala inkoerenti, peress li hija inkludiet fl-Anness XIV sustanzi kandidati li kienu kisbu marka ta’ prijorità globali għall-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 nettament inferjuri għall-marka ta’ 17/45.

197    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni meta ddeċidiet li tinkludi n-nPB fl-Anness XIV u mhux il-minju oranġo, il-monossidju taċ-ċomb, it-tetraossisulfat tal-pentaċomb u s-sulfat taċ-ċomb tribażiku, li kienu kisbu marki ta’ prijorità ogħla minn dawk miksuba min-nPB. Dan huwa minnu irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk in-nPB kellux jikseb marka ta’ prijorità ta’ 20/45 jew ta’ 17/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006.

198    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm in-nPB kienet kisbet marka ta’ prijorità globali ta’ 17/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija kisbet l-istess marka globali bħall-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb. Għaldaqstant, in-nPB, li ġiet inkluża fl-Anness XIV, u l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb, li ma ġiex inkluż fl-imsemmi anness, ġew ittrattati b’mod differenti, meta kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

199    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

200    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw il-kriterju ta’ aggregazzjoni jinsabu ċertament kemm fid-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015 kif ukoll fid-dokument ta’ riferiment fuq l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb tal-1 ta’ Lulju 2015.

201    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie espost fil-punti 153 sa 160 iktar ’il fuq, fir-rigward tan-nPB, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni li din is-sustanza setgħet tintuża bħala sostitut tat-trikloroetilene għad-degrassazzjoni bil-fwar u t-tindif tas-superfiċji. B’hekk, fid-dokument ta’ riferiment dwar in-nPB tal-1 ta’ Lulju 2015, hemm indikat li, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-konsultazzjoni pubblika, din is-sustanza setgħet tintuża bħala sostitut tat-trikloroetilene għal ċerti użi. Għall-kuntrarju, fid-dokument ta’ riferiment fuq l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb tal-1 ta’ Lulju 2015, ġie indikat li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-interkambjabbiltà tal-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb u ta’ sustanza kandidata oħra ma kinitx tidher probabbli minħabba d-differenzi tal-proprjetajiet fiżiko-kimiċi tagħhom.

202    Barra minn hekk, sa fejn, fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jinvokaw argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li kien jeżisti riskju potenzjali li t-trikloroetilene tiġi ssostitwita min-nPB, jeħtieġ li dawn jiġu miċħuda b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 136 sa 178 iktar ’il fuq.

203    Għaldaqstant, anki fil-każ li n-nPB u l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb kellhom jiksbu l-istess marka ta’ prijorità globali għall-kriterji msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-marka ta’ 17/45, l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jistgħux juru li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni billi inkludiet in-nPB fl-Anness XIV u mhux l-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb.

204    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ir-rakkomandazzjoni tal-ECHA, li bbażat ruħha fuqha l-Kummissjoni, kellha tiġi attribwita lin-nPB, marka ta’ prijorità globali ta’ 20/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. Kif ġie espost fil-punti 41 sa 135 iktar ’il fuq, l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jpoġġu f’dubju din il-konklużjoni. Għaldaqstant, it-trattament differenti rriżervat għan-nPB u għall-isfar tal-antimonju u taċ-ċomb kien iġġustifikat ukoll mill-marki ta’ prijorità globali tagħhom.

205    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

D.      Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li, fid-dawl tal-marka ta’ prijorità attribwita lin-nPB, ir-rikorrenti ma setgħetx tistenna li din is-sustanza titqies bħala prijoritarja

206    Fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-marka ta’ prijorità globali ta’ 20/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 li n-nPB kienet kisbet jew tal-marka ta’ 17/45 li kellha tikseb, fid-dawl tal-gwidi amministrattivi tal-ECHA, huma ma setgħux jistennew li n-nPB tiġi inkluża fl-Anness XIV. Anki l-marka ta’ 20/45 hija inferjuri għal dawk attribwiti lill-maġġoranza tas-sustanzi eżaminati matul is-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni. Sustanzi li kisbu marki ta’ 23/45 jew ta’ 28/45 ma ġewx irrakkomandati għal inklużjoni peress li sustanzi oħra kienu jippreżentaw livell ta’ prijorità ogħla. Barra minn hekk, sustanza li kisbet il-marka ta’ 17/45, marka li kellha tinkiseb min-nPB, skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni ma wettqitx żball li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kriterju marbut mal-kwantità, la kellha tiġi rrakkomandata mill-ECHA u lanqas tiġi inkluża fl-imsemmi anness mill-Kummissjoni.

207    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

208    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma invokati insostenn ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeħtieġ li jitfakkar, b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 129 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni la hija marbuta mill-gwidi amministrattivi tal-ECHA u lanqas mir-rakkomandazzjonijiet tagħha u li, għal dawn ir-raġunijiet, fil-kawża odjerna għandu għaldaqstant jiġi eskluż kull ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

209    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni hija stess għamlet riferiment għall-gwidi amministrattivi tal-ECHA, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ssegwi rakkomandazzjoni tal-ECHA u li, f’din ir-rakkomandazzjoni, din l-aġenzija tkun ibbażat ruħha fuq il-metodoloġija li tirriżulta mill-gwidi amministrattivi tagħha, argumenti li skonthom il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex konformi mal-gwidi amministrattivi tal-ECHA għandhom jitqiesu bħala intiżi li juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja r-raġunament tal-Kummissjoni (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

210    Fit-tieni lok, għall-kuntrarju tal-impressjoni li jagħtu r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li ma jistax jiġi dedott mill-gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tal-10 ta’ Frar 2014 li hija biss il-marka ta’ prijorità għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 li hija determinanti għad-deċiżjoni li tiġi inkluża sustanza kandidata fl-Anness XIV jew li kriterji oħra bħall-kriterju ta’ aggregazzjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest. Għall-kuntrarju, il-punt 6 tal-imsemmija gwida jindika b’mod ċar li, sabiex jiġi ddeterminat l-ordni ta’ prijorità tas-sustanzi kandidati, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kriterju ta’ aggregazzjoni ma’ sustanzi kandidati oħra jew sustanzi oħra li diġà ġew inklużi fl-Anness XIV.

211    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda wkoll it-tielet parti tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv fl-intier tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-nPB kellhiex tikseb il-marka ta’ prijorità globali ta’ 20/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, jew ta’ 17/45, kif jippretendu r-rikorrenti.

E.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-għan ta’ kompetittività u fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

212    Fil-kuntest tal-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat ma huwiex konformi mal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, li jmur kontra l-għan ta’ kompetittività segwit mill-imsemmi regolament u li jinterferixxi mad-dritt tagħhom għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa. Fil-kuntest tal-ħames motiv, huma jsostnu li r-regolament ikkontestat ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

213    Fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li r-regolament ikkontestat la huwa konformi mal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas mal-għan ta’ kompetittività ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni lok, sejrin jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti invokati insostenn ta’ ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.      Fuq il-ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 u l-interpretazzjoni żbaljata tal-għan ta’ kompetittività segwit minn dan ir-regolament

214    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament ikkontestat ma huwiex konformi mal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li ma jiżgurax il-funzjonament korrett tas-suq intern.

215    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

216    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1907/2006 huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikoli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

217    L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006, intitolat “L-iskop ta’ l-awtorizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet dwar sostituzzjoni”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Għal dan l-iskop il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom janalizzaw jekk hemmx alternattivi u jikkunsidraw ir-riskji tagħhom u kemm is-sostituzzjoni tista’ tkun ekonomikament vijabbli.”

218    Minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott li tkun kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 jew għall-għanijiet segwiti minn dan tal-aħħar l-inklużjoni tas-sustanzi kandidati li għandhom jitqiesu bħala prijoritarji fl-Anness XIV.

219    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jindikaw espressament ir-rikorrenti fl-atti tagħhom, ir-raġuni li għaliha jqisu li l-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV ma kinitx konformi la mal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas mal-għan ta’ kompetittività segwit minn dan ir-regolament hija li, skonthom, in-nPB ma kellhiex titqies bħala sustanza kandidata prijoritarja.

220    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-argumenti tagħhom dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni inkonnessjoni mal-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene. Issa, dawn l-argumenti diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-punti 136 sa 178 iktar ’il fuq.

221    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li n-nPB ma kellhiex tikseb il-marka ta’ prijorità globali ta’ 20/45 għall-kriterji msemmija fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda biss dik ta’ 17/45. F’dan ir-rigward, minn naħa, jeħtieġ li jitfakkar li, kif diġà ġie espost fil-punti 41 sa 135 iktar ’il fuq, l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, skont il-metodoloġija użata mill-ECHA, il-marka globali għan-nPB kellha tkun ta’ 20/45. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, kif ġie espost fil-punti 179 sa 211 iktar ’il fuq, anki fil-każ li n-nPB kellha tikseb biss il-marka ta’ 17/45, l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqha l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha li tinkludi n-nPB fl-Anness XIV kienu manifestament żbaljati.

222    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti invokati insostenn ta’ ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-għan ta’ kompetittività ta’ dan ir-regolament.

2.      Fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

223    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi inkludiet in-nPB fl-Anness XIV, meta din ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ prijorità, il-Kummissjoni kisret il-libertà tagħhom għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa, sanċita fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u rrikonoxxuta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-ħames motiv, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-ewwel lok, ir-regolament ikkontestat qabeż il-limiti ta’ dak li huwa adegwat u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet segwiti mid-determinazzjoni tas-sustanzi prijoritarji bil-ħsieb li dawn jiġu inklużi fl-Anness XIV. L-għan tad-definizzjoni tal-ordni ta’ prijorità tas-sustanzi kandidati huwa li jiġu magħżula s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV bħala sustanzi prijoritarji. Issa, fil-kuntest tas-sitt eżerċizzju ta’ prijoritizzazzjoni, in-nPB ma ppreżentatx prijorità għolja. Fit-tieni lok, ir-regolament ikkontestat ma huwiex il-miżura l-inqas vinkolanti li l-Kummissjoni setgħet tirrikorri għaliha. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet, fl-ewwel lok, titlob lill-ECHA tqis mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni tagħha fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u, fit-tieni lok, tiddeċiedi li ma tinkludix in-nPB fl-Anness XIV minkejja r-rakkomandazzjoni tal-ECHA u li tipposponi l-inklużjoni ta’ din is-sustanza f’dan l-anness.

224    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

225    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-libertà għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u mal-prassi nazzjonali. Madankollu dan id-dritt ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu, dment li dawn ikunu effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn u josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Zoofachhandel Züpke et vs Il-Kummissjoni, T-817/14, EU:T:2016:157, punt 126).

226    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, bl-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma jpoġġux f’dubju l-possibbiltà tal-inklużjoni tas-sustanzi kandidati prijoritarji fl-Anness XIV, b’applikazzjoni tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1907/2006. Huma sempliċement isostnu li, minn naħa, l-inklużjoni tan-nPB fl-imsemmi Anness XIV kienet prematura peress li din is-sustanza ma kinitx prijoritarja u, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni prematura tagħha fl-anness inkwistjoni llimitat b’mod sproporzjonat il-libertà tagħhom għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa.

227    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li l-inklużjoni tan-nPB fl-Anness XIV kienet prematura, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dawn huma argumenti li diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-punti 219 sa 221 iktar ’il fuq.

228    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tar-rikorrenti invokati insostenn ta’ ksur tal-libertà tagħhom għal imprenditorjat u għal kummerċjalizzazzjoni ħielsa u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, it-tieni u l-ħames motivi fl-intier tagħhom.

229    Għaldaqstant l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma huwa fondat. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi speċifikat li, anki fl-ipoteżi li l-marka globali għan-nPB kellha tkun biss ta’ 17/45, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-aggregazzjoni tan-nPB u tat-trikloroetilene kienu ta’ natura li jiġġustifikaw ir-regolament ikkontestat.

230    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

231    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. L-ECHA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ICL-IP Terneuzen, BV u ICL Europe Coöperatief UA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Labucka

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.