Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013 – ATC et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-333/10) 1

(“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Spezzjonijiet sanitarji – Miżuri ta’ protezzjoni f’sitwazzjoni ta’ kriżi – Miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-preżenza ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi – Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi – Nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali – Direttivi 91/496/KE u 92/65/KE – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Dmir ta’ diliġenza – Proporzjonalità”)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Animal Trading Company (ATC) BV (Loon op Zand, il-Pajjiżi l-Baxxi); Avicentra NV (Malle, il-Belġju); Borgstein birds and Zoofood Trading vof (Wamel, il-Pajjiżi l-Baxxi); Bird Trading Company Van der Stappen BV (Dongen, il-Pajjiżi l-Baxxi); New Little Bird’s Srl (Anagni, l-Italja); Vogelhuis Kloeg (Zevenbergen, il-Pajjiżi l-Baxxi); u Giovanni Pistone (Westerlo, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Osse u J. Houdijk, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Jimeno Fernández u B. Burggraaf, aġenti)

Suġġett

Rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2005, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ għasafar maqbudin (ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 519), kif ipprorogata, u, it-tieni nett, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007, tat-23 ta’ Marzu 2007, li [j]istipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 165).

Dispożittiv

L-Unjoni Ewropea għandha tikkumpensa d-dannu mġarrab minn Animal Trading Company (ATC) BV, Avicentra NV, Borgstein birds and Zoofood Trading vof, Bird Trading Company Van der Stappen BV, New Little Bird’s Srl, Vogelhuis Kloeg, u Giovani Pistone minħabba l-adozzjoni u l-implementazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni 2005/760/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2005, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ għasafar maqbudin, it-tieni nett, tad-Deċiżjoni 2005/862/KE, tat-30 ta’ Novembru 2005, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur f’għasafar oħra għajr it-tjur tal-irziezet, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni 2006/79/KE, tal-31 ta’ Jannar 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom, ir-raba’ nett, tad-Deċiżjoni 2006/405/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/710/KE, 2005/734/KE, 2005/758/KE, 2005/759/KE, 2005/760/KE, 2006/247KE u 2006/265/KE rigward ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, il-ħames nett, tad-Deċiżjoni 2006/522/KE, tal-25 ta’ Lulju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE rigward ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ ċerti għasafar ħajjin fil-Komunità, is-sitt nett, tad-Deċiżjoni 2007/21/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE rigward il-miżuri ta’ ħarsien li għandhom x’jaqsmu mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u l-importazzjonijiet ta’ għasafar għajr it-tjur [tar-razzett] fil-Komunità, kif ukoll, is-seba’ nett, tad-Deċiżjoni 2007/183/KE, tat-23 ta’ Marzu 2007, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760.Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.Il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammonti f’ċifri tal-kumpens, stabbiliti bi ftehim bejniethom.Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri.L-ispejjeż huma rriżervati.