Language of document : ECLI:EU:T:2015:503

Kawża T‑398/13

TVR Automotive Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva TVR ITALIA — Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali preċedenti TVR — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Proċedimenti ta’ revoka — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 — Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Relazzjoni bejn deċiżjoni finali fil-qasam ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità u proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Awtorità ta’ res judicata  — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/009, Artikolu 42(2), 53(4), 57(2) u 100(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 15(1) u 42(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22(3))

3.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Interpretazzjoni fid-dawl tar-ratio legis tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

4.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Possibbiltà li l-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni kkontestata — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(3))

1.      L-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata, li jeżiġi li l-karattru definittiv ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma jkunx ikkontestat, ma huwiex applikabbli fir-relazzjoni bejn deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ oppożizzjoni u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod partikolari peress li, minn naħa, il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huma ta’ natura amministrattiva, u mhux ta’ natura ġudizzjarja, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 53(4) u l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, ma jipprevedux regola f’dan is-sens. L-istess jiġri fis-sitwazzjoni opposta tar-relazzjoni bejn il-proċedimenti li jwasslu għal deċiżjoni finali fil-qasam ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità u proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li l-konstatazzjonijiet li saru f’ deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jistgħux jiġu totalment injorati mill-UASI meta tkun trid tittieħed deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni bejn l-istess partijiet, li tirrigwarda l-istess suġġett u li tkun ibbażata fuq l-istess motivi, sakemm dawn il-konstatazzjonijiet jew il-punti deċiżi ma jkunux affettwati minn elementi ġodda ta’ fatt, minn provi ġodda jew minn motivi ġodda. Fil-fatt, din l-affermazzjoni hija biss espressjoni partikolari tal-ġurisprudenza li tgħid li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI tikkostitwixxi element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat.

B’hekk, Bord tal-Appell ma huwiex marbut li jsegwi fedelment il-kunsiderazzjonijiet u l-konklużjonijiet adottati fid-deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Kieku kien mod ieħor, l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji differenti ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, minn naħa, u ta’ revoka u ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata, min-naħa l-oħra, tkun kompromessa, minkejja li l-użu sussegwenti jew parallel tagħhom huwa possibbli taħt ir-Regolament Nru 207/2009. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, fir-rigward tal-Artikolu 42(2) u tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, skont id-data jew tat-tressiq tat-talba ta’ revoka jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, jew tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-perijodi ta’ ħames snin li matulhom il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja hija meħtieġa jistgħu jkunu differenti.

(ara l-punti 38, 39)

2.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li trade mark tkun is-suġġett ta’ “użu ġenwin” meta tintuża, b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-iskop uniku li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha partikolari għall-każ sabiex jiġi stabbilit l-użu kummerċjali tagħha fin-negozju, b’mod partikolari, l-użi kkunsidrati bħala ġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark. Madankollu, l-analiżi tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti ma tistax tkun limitata għall-konstatazzjoni unika ta’ użu ta’ din it-trade mark fin-negozju għaliex għandha, barra minn hekk, tkun ibbażata fuq użu ġenwin b’mod konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ “użu ġenwin” ta’ trade mark tiddependi fuq il-karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat fis-suq relatat. Għalhekk, mhux kull użu kummerċjali pprovat jista’ jiġi awtomatikament ikklassifikat bħala użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni.

Fir-rigward tal-importanza tal-użu li jkun sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu jkunu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu minn trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi kkunsidrati. Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew minn stabbilità kbira fil-perijodu tal-użu minn din it-trade mark u bil-maqlub. Fl-aħħar nett, l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat.

Fir-rigward tat-tul tal-użu, diġà kien deċiż li jaqgħu taħt is-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 biss it-trade marks li l-użu ġenwin tagħhom kien sospiż għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin. B’hekk, huwa biżżejjed li trade mark tkun intużat b’mod ġenwin għal parti minn dan il-perijodu sabiex ma taqax taħt l-imsemmija sanzjonijiet. Bl-istess mod, ir-regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 207/2009 tistabbilixxi l-kriterju taż-żmien tal-użu mingħajr ma teħtieġ li tintwera n-natura kontinwa tiegħu matul it-terminu ta’ ħames snin u tiddistingwih, b’mod partikolari, mill-kriterji tal-importanza u tan-natura tal-użu li, meħuda biss flimkien, jippermettu l-konklużjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti. Fil-fatt, huwa biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha mressqa għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li għandu jippermetti li tiġi stabbilita l-prova tal-imsemmi użu.

B’hekk, il-previżjoni ta’ terminu ta’ ħames snin mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma timplikax li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għandha titressaq b’mod separat għal kull waħda mis-snin koperti mill-imsemmi terminu, iżda huwa biżżejjed li jintwera li, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti speċifiċi għall-każ inkwistjoni, matul għall-inqas parti mill-imsemmi terminu, din it-trade mark kienet użata mhux b’mod purament simboliku, iżda b’mod effettiv u sabiex toħloq jew iżżomm suq għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari, li kieku kien mod ieħor, f’każ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, kriżi finanzjarja li hija biss temporanja li tipprekludi l-użu tat-trade mark preċedenti għal perijodu limitat, minkejja li l-proprjetarju tagħha jkollu l-intenzjoni li jkompli juża l-imsemmija trade mark fil-futur qarib, tista’ twassal sabiex ma tippermettilux iżjed li jopponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark analoga.

(ara l-punti  44, 46, 52, 53)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 45)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 62)