Language of document : ECLI:EU:T:2006:105

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

5 ta' April 2006 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva li fiha l-element verbali 'SELEZIONE ORO Barilla' – Oppożizzjoni – Trade Marks verbali preċedenti ORO u ORO SAIWA – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Ċaħda ta' oppożizzjoni”

Fil-kawża T-344/03,

Saiwa SpA, stabbilita f'Ġenova (l-Italja), irrappreżentata minn G. Sena, P. Tarchini, J.-P. Karsenty u M. Karsenty-Ricard, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Capostagno u O. Montalto, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Barilla Alimentare SpA, stabbilita f'Parma (l-Italja), irrappreżentata minn A. Vanzetti u S. Bergia, Avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-18 ta' Lulju 2003 (R 480/2002-4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn il-kumpanniji Saiwa SpA u Barilla Alimentare SpA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-17 ta' Ġunju 1996, Barilla Alimentare SpA (iktar 'il quddiem l-"intervenjenti") ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li fih l-element verbali "SELEZIONE ORO Barilla", li jidher hawn taħt:

Image not foundImage not found

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "għaġin, dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, ħelu u ħlewwiet; ħmira u trab għal ħami; zlazi (kondimenti)".

4        Fit-22 ta' Ġunju 1998, Saiwa SpA (iktar 'il quddiem "ir-rikorrenti") ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja.

5        Il-raġuni invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni, prevista fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u żewġ trade marks preċedenti li huma l-proprjetà tar-rikorrenti. L-ewwel waħda tikkonsisti fis-sinjal verbali ORO, irreġistrata fl-Italja, bin-Nru 307 376, b'effett mit-28 ta' Settembru 1977 u rreġistrata taħt arranġamenti internazzjonali Nru 435 773, tat-13 ta' April 1978. Ir-reġistrazzjoni internazzjonali tkopri, b'mod partikolari, l-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Benelux, għas-segwenti prodotti tal-klassi 30: "Kafè, tè, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, sustanzi artifiċjali li jintużaw flok il-kafè, dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, gallettini, kejkijiet, ħelu, karamelli, ħlewwiet, ġelat, għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda, bżar, ħall, zlazi, ħwawar, silġ". It-tieni waħda tikkonsisti fis-sinjal verbali ORO SAIWA, li ġiet irreġistrata fl-Italja, bin-Nru 332 864, b'effett mill-25 ta' Ġunju 1956, għas-segwenti prodotti tal-klassi 30: "gallettini tal-ħalib, gallettini, ħobż, ħelu u ħlewwiet".

6        Fit-28 ta' Marzu 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni, minħabba n-nuqqas ta' identiċità bejn is-sinjali u l-prodotti in kwistjoni. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni analizzat it-trade marks konfliġġenti kumplessivament u qieset li l-komponent komuni "oro" ma kellux karattru distintiv biżżejjed – la intrinsikament u lanqas miksub bl-użu – sabiex jiġi konkluż li hemm xebh bejn dawn it-trade marks.

7        Fil-31 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud fit-18 ta' Lulju 2003 permezz tad-deċiżjoni R 480/2002-4 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Il-Bord ta' l-Appell qies ma kien hemm ebda probabblità ta' konfużjoni bejn is-sinjali għall-konsumatur. Huwa kkonstata, għall-kuntrarju tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li kien hemm identiċità sostanzjali bejn il-prodotti. Huwa qies li ma setax jiġi rikonoxxut li t-trade mark 'ORO' kellha karattru iktar distintiv peress li r-rikorrenti ma ppruvatx li din it-trade mark kienet ġiet użata b'mod sinjifikattiv qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Huwa kkonferma wkoll li t-trade mark ORO ma tantx kienet distintiva intrinsikament u li, fil-każ tat-trade mark ORO SAIWA, l-element dominanti kien "SAIWA". Minn dan, huwa kkonkluda li l-preżenza tat-terminu "oro" fit-trade marks konfliġġenti ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li kien hemm xebh bejniethom.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta' rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Ottubru 2003, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

9        L-UASI u l-intervenjenti ppreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 u fit-13 ta' Jannar 2004 rispettivament.

10      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha tat-13 ta' Jannar 2004, l-intervenjenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tissospendi dawn il-proċedimenti sakemm tingħata deċiżjoni finali mit-Tribunale ordinario di Milano fuq il-validità tat-trade marks ORO u ORO SAIWA. Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet ta' l-UASI u tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) ċaħdet din it-talba.

11      Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti talbet, skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-awtorizzazzjoni biex tippreżenta replika. Fl-10 ta' Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiċħad din it-talba.

12      Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-14 ta' Novembru 2005, l-intervenjenti kkomunikat is-sentenza Nru 14002/2004 tat-Tribunale ordinario di Milano ta' l-14 ta' Ottubru 2004, li ddikjarat invalidi t-trade marks ORO li tibbaża ruħha fuqhom ir-rikorrenti f'din il-kawża, jiġifieri r-reġistrazzjoni nazzjonali Taljana Nru 307 376 u r-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 435 773, u fiha talbet li din is-sentenza tiddaħħal fil-proċess. Il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) laqgħat din it-talba u dik tar-rikorrenti li l-att ta' l-appell li ġie mressaq kontra din is-sentenza jiddaħħal fil-proċess.

13      Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

14      Instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tat-22 ta' Novembru 2005.

15      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' l-intervenjenti;

–        tordna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż.

16      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

17      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-agrumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti invokat raġuni waħda biss għall-annullament, in sostenn tar-rikors tagħha, li huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn trade marks li jixxiebhu.

19      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li sabiex jevalwa jekk it-terminu "oro" kienx kiseb karattru distintiv, minħabba l-użu li kien sar minnu fl-Italja, l-UASI għamel żball meta ddistingwa bejn it-trade mark ORO u t-trade mark ORO SAIWA. F'dan ir-rigward, hija tindika li l-kampanji pubbliċitarji u l-bejgħ tagħha, kif jirriżulta mid-dokumenti li hija ppreżentat lill-UASI jirrigwardaw il-prodotti kollha tal-gamma ORO mingħajr distinzjoni. Hija tirrimarka wkoll li fiż-żewġ trade marks, li bihom huma kkummerċjalizzati l-prodotti tagħha, jidher it-terminu "oro". Hija żżid li, fil-prattika, fil-każ ta' sinjal distintiv uniku, normalment l-operatur li jixtieq jipproteġi dan is-sinjal, ma jirreġistrax sempliċiment it-trade mark verbali magħżula, iżda jagħmel ukoll diversi applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' din l-istess trade mark fir-rappreżentazzjonijiet differenti tagħha – bl-iswed u l-abjad u bil-karattri normali jew bi grafika speċjali u l-użu ta' kuluri differenti – jew abbinamenti – per eżempju, flimkien ma' l-isem tal-produttur. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll ir-rilevanza tad-distinzjoni bejn il-każ ta' l-użu tat-trade mark magħmula mit-terminu "oro" biss, flimkien ma' l-isem tal-kumpannija "Saiwa" fuq l-imballaġġ, u l-każ ta' l-użu tat-trade mark komplessa ORO SAIWA, peress li fiż-żewġ każijiet, it-terminu "oro" huwa użat fuq l-imballaġġ flimkien ma' l-isem tal-produttur, jiġifieri Saiwa SpA.

20      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li t-terminu "oro" għandu karattru distintiv intrinsiku, ħaġa li kienet aċċettata mill-Bord ta' l-Appell, avolja, skond dan ta' l-aħħar, id-distintività hija mnaqqsa. Ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni Nru 908/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li fiha d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni rrikonoxxiet li l-kelma "oro", miktuba b'karattri stilizzati sabiex tindika l-kafè, għandha karattru distintiv, għalkemm tista' tissuġġerixxi ċerta kwalità tal-prodotti. Hija ssemmi wkoll eżempji oħra mill-ġurisprudenza ta' sinjali metaforiċi użati sabiex jesprimu ċerta kwalità tal-prodotti li ġew aċċettati għar-reġistrazzjoni, bħal "ultraplus", "vitalité", "quick",  "optimus", "golden" u  "maxima". 

21      Ir-rikorrenti żżid li, minħabba l-prinċipju ta' l-interdipendenza, li jgħid li l-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun evalwata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi fatturi rilevanti u, b'mod partikolari, il-grad ta' xebh bejn l-oġġetti u l-grad tal-kapaċità distintiva tas-sinjali, l-identiċità bejn is-sinjali u l-prodotti tagħmel tajjeb għal xi dgħjufija eventwali tal-karattru distintiv tas-sinjal "oro".

22      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li, fl-analiżi kumparattiva tas-sinjali, għandu jiġi eżaminat l-aspett kunċettwali tagħhom, jiġifieri l-messaġġ li qed jiġi kkomunikat lill-konsumatur. F'dan il-każ, żewġ messaġġi huma trażmessi lil dan ta' l-aħħar: l-ewwel wieħed, li jirriżulta mill-kelma komuni għat-trade marks konfliġġenti, jiġifieri "oro", jirrigwarda l-prodott u huwa identiku fiż-żewġ trade marks konfliġġenti, filwaqt li t-tieni, li huwa ddeterminat mill-ismijiet "Saiwa" u "Barilla", huwa differenti, peress li jikkonċerna l-indikazzjoni ta' l-impriża ta' produzzjoni. Il-konsumatur huwa indott li jqis li l-prodotti huma sostanzjalment identiċi, għalkemm joħorġu minn sorsi ta' produzzjoni differenti, possibbilment marbuta minn kuntratti ta' liċenzja, ta' skambju, tan-know-how jew b'mod iktar ġenerali, ta' kooperazzjoni.

23      Ir-rikorrenti tindika li l-partikolarità tal-kawża hija kkostitwita mill-fatt li t-trade marks konfliġġenti jsemmu l-isem ta' l-impriża ta' produzzjoni b'mod li titnaqqas il-probabbiltà ta' konfużjoni fuq is-sors ta' l-oriġini tal-prodotti. Madankollu, hija tqis li l-funzjoni essenzjali ta' trade mark ma tistax tkun, esklużivament, l-indikazzjoni tas-sors ta' l-oriġini tal-prodotti. Interpretazzjoni daqstant stretta, ikollha bħala effett li teskludi kull probabbiltà ta' konfużjoni, anki fil-każ ta' riproduzzjoni ta' trade mark, peress li ssir referenza fuq l-imballaġġ, fuq it-tiketta jew fuq il-prodott stess, għal elementi li jippermettu li jiġi eskluż li l-prodott huwa marbut ma' l-istess sors ta' produzzjoni.

24      Skond ir-rikorrenti, in-nuqqas ta' kull probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sorsi ta' l-orġini ma jeskludix awtomatikament kull probabbiltà ta' konfużjoni jew assoċjazzjoni bejn il-prodotti u bejn il-karatteristiċi kummerċjali u kwalitattivi tagħhom. Anki l-esklużjoni ta' din il-probabbiltà ta' konfużjoni hija parti mill-funzjoni tat-trade mark. Abbażi tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 2002, Arsenal Football Club, (C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, 10275), ippreżentati fit-13 ta' Ġunju 2002, hija tqis li t-trade mark għandha wkoll bħala funzjoni, l-identifikazzjoni ta' prodott speċifiku mal-karatteristiċi kummerċjali u kwalitattivi tiegħu. F'dan il-każ, din l-aħħar funzjoni hija deċiżiva f'din il-kawża, li suġġett tagħha huwa l-użu ta' l-istess sinjal speċjali li jikkaratterizza prodott flimkien ma' l-isem ta' l-impriża ta' produzzjoni. Ir-rikorrenti tqis li l-preżenza ta' l-isem ta' l-impriżi ta' produzzjoni ma tipprekludix l-probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kkonċernat f'dak li jirrigwarda l-prodotti.

25      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw il-mertu ta' dan ir-rikors. Fin-nuqqas ta' xebh, l-UASI u l-intervenjenti jqisu li mhemm ebda probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, peress li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex sodisfatta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

26      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa, jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta' ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

27      Skond ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ħarġu mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi li huma marbuta ekonomikament.

28      Skond l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprdenza ċċitata].

 Fuq il-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti

29      Il-prodotti in kwistjoni huma prodotti ta' l-ikel ta' konsum normali u ta' kuljum. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata ġustament, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti kien ikkostitwit mill-pubbliku b'mod ġenerali, jiġfieri l-konsumatur medju.

 Fuq ix-xebh bejn il-prodotti

30      Ir-rikorrenti ma kkontestatx il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li kien hemm identiċità sostanzjali bejn il-prodotti. Fil-fatt, il-prodotti tal-klassi 30, imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, ħelu u ħlewwiet" huma identiċi għal dawk tat-trade mark ORO u jixbhu ħafna lil dawk tat-trade mark ORO SAIWA.

 Fuq ix-xebh bejn is-sinjali

31      Skond ġurisprudenza ferm stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni kumplessiva li dawn jipproduċu, fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-elementi distinitivi u dominanti tagħhom. Il-konsumatur medju ġeneralment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa waħda u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u tas-6 ta' Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ORO, fiha nfisha, ma tantx kienet distintiva. Fil-fatt, kif indika l-Bord ta' l-Appell (punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata), il-konsumatur tal-prodotti ta' l-ikel, li huwa raġonevolment prudenti, ser jattribwixxi lill-kelma "oro" is-sinjifikat ta' kwalità superjuri, peress li hija timplika referenza għall-karatteristiċi pożittivi ta' prodott billi tissuġġerixxi l-kwalità, l-utilità u l-valur superjuri tiegħu. Fl-Italja, dan is-sinjal għandu karattru distintiv dgħajjef ħafna, peress li din il-kelma sservi prinċipalment sabiex tiddefinixxi gamma superjuri ta' prodotti li huma distinti minn gamma standard u hija kelma użata ta' spiss mill-fabbrikanti ta' kull tip ta' prodotti ta' l-ikel sabiex jiftaħru bil-kwalità għolja tal-prodotti tagħhom. Hemm varjetà kbira ta' setturi li, bħas-settur ta' l-ikel, jużaw fil-lingwaġġ kummerċjali, it-terminu "oro", b'mod partikolari dawk tal-karti ta' kreditu, tat-tabakk, tal-prodotti ta' l-iġjene, tal-prodotti tat-tessuti, jew ukoll fil-qasam diskografiku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova sabiex tistabbilixxi l-forza distintiva intrinsika tas-sinjal "oro" fil-pajjiżi kkonċernati mir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 435 773, la quddiem l-awtoritajiet ta' l-UASI u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

33      Rigward l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta' karattru distintiv li żdied minħabba l-użu fl-Italja, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament li ebda użu sinjifikattiv tat-trade mark ORO ma seta' jiġi kkonstatat qabel il-preżentata tat-trade mark Komunitarja, peress li d-dokumenti ppreżentati ppermettew li jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark ORO SAIWA biss fl-Italja.

34      Għal dak li jikkonċerna d-dokumenti li r-rikorrenti ppreżentat bħala anness mas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell, dan ġustament ma ħadhomx in kunsiderazzjoni peress li, b'mod partikolari, huma ddeskrivew fatti li seħħew wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (deċiżjoni kkontestata, punt 18). Fil-fatt, dawn id-dokumenti, b'mod partikolari s-sondaġġ tax-xahar ta' Ġunju 2002 u t-tabella tal-bejgħ pubbliċitarju, saru diversi snin wara d-data meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex juru li t-trade marks preċedenti kienu magħrufa fiż-żmien meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 71 u 72].

35      Rigward ir-riżultati tas-sondaġġ imwettaq f'Jannar 2000, dawn ukoll huma irrelevanti. Rigward dan, għandu jiġi osservat li dan is-sondaġġ twettaq tliet snin u nofs wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjonijiet ta' dan is-sondaġġ m'għandhomx valur probatorju, peress li l-mistoqsija "Jekk inti kellek tiddefinixxi l-kwalità superjuri ta' prodott, liema espressjoni, li tikkonsisti f'kelma waħda, kont tuża?" tinduċi lill-konsumatur iwieġeb billi juża espressjonijiet ta' kuljum bħal "tajjeb", "eċċellenti", "delizzjuż", "aħjar", iżda ma tippermettix li ssir l-analiżi tas-sinjifikat li tista' tipproduċi indikazzjoni metaforika bħal "oro" f'moħħ il-konsumatur.

36      Fl-aħħar nett, rigward id-dokumenti l-oħra ppreżentati lid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, jiġifieri t-tabella bl-istatistika li turi l-investimenti pubbliċitarji bejn l-1983 u l-2000 u l-kampanji pubbliċitarji li saru, il-Bord ta' l-Appell osserva, korrettament, li huma ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn liema kienet il-parti ta' l-użu li kienet tikkonċerna t-trade mark ORO u dik li kienet marbuta ma' l-użu tat-trade mark ORO SAIWA. Hekk kif huwa kkonstata, l-investimenti pubbliċitarji jirreferu b'mod ġenerali għall-prodotti tal-"linja" ORO, mingħajr ma jagħmlu distinzjoni skond it-trade mark ikkonċernata. Il-Bord ta' l-Appell osserva wkoll, ġustament, li fir-rigward tal-kampanji pubbliċitarji, l-uniċi prodotti li ġew irreklamati, kienu l-gallettini u li, f'dawn ir-reklami, it-terminu "oro" kien dejjem użat b'rabta stretta mat-terminu "SAIWA".

37      Ir-rikorrenti ma kkontestatx dawn il-konstatazzjonijiet, iżda indikat biss li d-dokumenti li hi kienet ippreżentat lill-UASI kienu jikkonċernaw, mingħajr distinzjoni, il-prodotti kollha tal-"gamma" ORO. B'dan il-mod, ir-rikorrenti ma għamlet ebda argument sabiex turi li l-Bord ta' l-Appell kien għamel żball ta' evalwazzjoni meta eżiġa distinzjoni bejn it-trade marks ORO u ORO SAIWA, għal dak li jikkonċerna l-prova ta' l-użu tat-trade marks tagħha preċedenti u l-allegazzjoni li t-trade mark ORO, meħuda waħedha, kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva, rigward dan, li r-rikorrenti ma tistax tuża l-provi li jirrigwardaw l-użu tat-trade mark ORO SAIWA sabiex turi li trade mark ORO kisbet karattru distintiv minħabba l-użu, peress li ż-żewġ trade marks ORO u ORO SAIWA huma trade marks distinti.

38      Minn dan jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ikkonkluda ġustament li l-element dominanti fit-trade mark ORO SAIWA kien SAIWA.

39      Rigward il-paragun viżiv u fonetiku bejn it-trade marks ORO u ORO SAIWA, minn naħa waħda, u SELEZIONE ORO Barilla, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li hemm differenzi viżivi u fonetiċi importanti fil-perċezzjoni tal-konsumatur tat-trade marks konfliġġenti u s-sempliċi preżenza tat-terminu "oro" ma jistax jagħti lok għal xebh bejniethom.

40      Rigward il-perspettiva kunċettwali, is-sens li jingħata lill-isem komuni "oro" għandu rwol sekondarju, jekk mhux negliġibbli, fil-perċezzjoni tal-konsumatur, li m'għandux l-abitudini li jattribwixxi din il-kelma lil fabbrikant speċifiku, kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk l-eżistenza ta' grad dgħajjef ta' xebh kunċettwali bejn it-trade marks konfliġġenti mhijiex ta' natura li tpatti għad-differenzi viżivi u fonetiċi bejniethom.

41      Fl-aħħar nett, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma "oro" kellha, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, funzjoni deskrittiva meta mqabbla mat-terminu "selezione", sabiex tindika lill-konsumatur li dan huwa prodott Barilla fost l-aqwa prodotti tal-gamma. Fil-fatt, billi hija immedjatament marbuta mal-kelma "selezione", il-kelma "oro" m'għandhiex funzjoni distintiva awtonoma, iżda għandha tinftiehem li hija marbuta mat-terminu deskrittiv "selezione". Minn dan jirriżulta li, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-karattru distintiv tas-sinjal huwa dovut għat-terminu "Barilla".

42      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-impressjoni globali kkreata mit-trade marks konfliġġenti, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, ma tistax toħloq bejniethom, xebh suffiċjenti sabiex tikkawża probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur.

43      Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-funzjoni essenzjali tat-trade mark huma infondati.

44      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta' oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra. Trade mark għandha tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża speċifika (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 58; ara wkoll, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. II-5507, punt 28; ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Merz & Krell, C‑517/99, Ġabra p. I‑6959, punt 22 u tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punt 62).

45      Għall-kuntrarju ta' dak li sostniet ir-rikorrenti, il-partikolaritajiet ta' din il-kawża, jiġifieri l-użu ta' l-istess sinjal li jikkaratterizza l-prodott u twaħħil fuq il-prodott ta' l-isem ta' l-impriża produttriċi, la jistgħu jbiddlu l-impressjoni globali kkreata mit-trade marks in kwistjoni u lanqas iġiegħlu lill-konsumatur jagħmel żball fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 41 hawn fuq, il-kelma "oro" għandha, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, funzjoni deskrittiva meta tkun marbuta mat-terminu "selezione". Għaldaqstant, għandha tiġi meqjusa bħala li tikkwalifika l-ismijiet "Saiwa" jew "Barilla" li, peress li jindikaw l-impriżi produtturi, jeskludu kull probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumatur.

46      Fl-aħħar nett, il-funzjoni essenzjali ta' trade mark mhijiex l-identifikazzjoni ta' prodott speċifiku, iżda din l-identifikazzjoni hija pjuttost karatteristrika inerenti fit-trade marks li huma magħrufa sew diġà u li għalihom, f'moħħ il-pubbliku, il-prodott ikkonċernat jista' jkun indikat jew identifikat permezz ta' sempliċi referenza għat-trade mark.

47      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' probabblità ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

48      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

49      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

50      F'dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet u l-UASI u l-intervenjenti talbu li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż. Għalhekk hemm lok li r-rikorrenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti kemm mill-UASI kif ukoll mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-5 ta' April 2006.

E. Coulon

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.