Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Marzu 2024 – RL vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-185/24, Tudmur 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: RL

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għal applikanti fl-Istat Membru primarjament responsabbli huma kkaratterizzati minn difetti sistemiċi li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f’sitwazzjoni fejn dan l-Istat Membru bħala prinċipju jirrifjuta, għal perijodu indeterminat, li jieħu (mill-ġdid) responsabbiltà għal applikanti għal ażil minħabba li t-teħid ta’ responsabbiltà għal każijiet ittrasferiti kien ġie sospiż permezz ta’ miżura meħuda mill-Istat?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti previsti fid-dritt tal-Unjoni dwar il-konstatazzjoni tal-fatti, li jeżiġu l-istabbiliment ta’ informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u raġonevolment aġġornata dwar il-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikant li jkun is-suġġett ta’ trasferiment, ser jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet jekk il-qorti meħtieġa tagħti deċiżjoni ma tkunx tista’ tikseb din l-informazzjoni iżda jkollha tikkonstata fatti ipotetiċi minħabba li l-Istat Membru meħud inkunsiderazzjoni bħala prinċipju jirrifjuta, għal perijodu indeterminat, li jieħu (mill-ġdid) responsabbiltà għal applikanti għal ażil minħabba li t-teħid ta’ responsabbiltà għal każijiet ittrasferiti kien ġie sospiż permezz ta’ miżura meħuda mill-Istat?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.