Language of document : ECLI:EU:T:2022:43

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

2 ta’ Frar 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tal-gass tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant – Deċiżjoni li tagħmel vinkolanti l-impenji individwali offruti minn impriża – Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Natura xierqa tal-impenji fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni inizjalment identifikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Rinunzja tal-Kummissjoni milli teżiġi impenji li jikkonċernaw parti mit-tħassib inizjali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Trasparenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Għanijiet ta’ politika tal-enerġija tal-Unjoni – Prinċipju ta’ solidarjetà fl-enerġija – Użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawża T‑616/18,

Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn K. Karasiewicz, radca prawny, T. Kaźmierczak, K. Kicun u P. Moskwa, avukati,

rikorrent,

sostnuta mir-

Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti,

mir-

Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna et M. Nowacki, bħala aġenti,

u minn

Overgas Inc., stabbilita f’Sofija (il-Bulgarija), irrappreżentata minn S. Gröss u S. Cappellari, avukati,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Gazprom PJSC, stabbilita f’Moska (ir-Russja),

u

Gazprom export LLC, stabbilita  f’San Pietruburgu (ir-Russja),

irrappreżentata minn J. Karenfort, J. Hainz, B. Evtimov, N. Tuominen, J. Heithecker, avukati, u D. O’Keeffe, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3106 final tal-24 ta’ Mejju 2018 li tirrigwarda proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39816 – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant),

Il-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

Komposta minn M. van der Woude, President, J. Svenningsen (Relatur), R. Barents, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-18 u tad-19 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-iżviluppi ta’ wara l-preżentata tar-rikors

1        Ir-rikorrenti, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., hija l-kumpannija omm tal-grupp PGNiG, li huwa attiv fis-settur tal-gass u taż-żejt, prinċipalment fil-Polonja. Dan il-grupp jopera b’mod partikolari fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-gass u taż-żejt mhux maħdum kif ukoll fl-importazzjoni, il-bejgħ u d-distrubuzzjoni tal-gass.

2        Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 3106 final tal-24 ta’ Mejju 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39816 – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tagħmel vinkolanti l-impenji mressqa minn Gazprom PJSC u Gazprom export LLC (iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa “Gazprom”).

3        Id-deċiżjoni kkontestata għalqet proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, li eżaminat, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE, il-konformità ta’ ċerti prattiki ta’ Gazprom li jaffettwaw is-settur tal-gass f’ċerti pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant (iktar ’il quddiem il-“PEĊL”), jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja (iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa l-“PEĊL ikkonċernati”).

A.      Fuq il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

4        Bejn l-2011 u l-2015, il-Kummissjoni ħadet diversi miżuri bil-għan li tinvestiga l-funzjonament tas-swieq tal-gass fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant. B’mod partikolari, skont l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205), hija bagħtet talbiet għal informazzjoni lil diversi operaturi fis-suq, inkluż lil Gazprom u lil ċerti klijenti minn tagħha, fosthom ir-rikorrenti, u pproċediet bi spezzjonijiet, inkluż fl-2011 għand din tal-aħħar. Il-proċedura amministrattiva li tikkorrispondi għal din l-investigazzjoni u li hija direttament involuta f’din il-kawża ġiet irreġistrata bir-referenza “Każ AT.39816 – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant” (iktar ’il quddiem il-“Każ AT.39816”).

5        Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni fetħet formalment, fil-31 ta’ Awwissu 2012, proċedura bil-għan li tadotta, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 81), deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

6        Fit-22 ta’ April 2015, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004, bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Gazprom (iktar ’il quddiem id-“DO”). F’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, b’mod preliminari, li Gazprom kellha pożizzjoni dominanti fuq is-swieq nazzjonali tal-provvista ta’ gass bl-ingrossa upstream fil-PEĊL ikkonċernati u li hija kienet abbużat minn din il-pożizzjoni billi użat strateġija antikompetittiva għall-finijiet li tifframmenta u tiżola dawn is-swieq u, għaldaqstant, biex tipprekludi l-moviment liberu tal-gass fil-PEĊL ikkonċernati, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

7        Il-Kummissjoni kienet sostniet li din l-istrateġija ta’ Gazprom kienet tkopri tliet prattiki antikompetittivi li jaffettwaw lill-klijenti tagħha fil-PEĊL ikkonċernati (iktar ’il quddiem il-“klijenti kkonċernati”) u l-kuntratti tagħhom konklużi magħha (iktar ’il quddiem il-“kuntratti kkonċernati”):

–        l-ewwel nett, Gazprom imponiet restrizzjonijiet territorjali fil-kuntest tal-kuntratti tagħha ta’ provvista ta’ gass mal-bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll ma’ ċerti klijenti industrijali fil-PEĊL ikkonċernati (iktar ’il quddiem l-“oġġezzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali”), restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-klawżoli kuntrattwali, li jipprojbixxu l-esportazzjoni barra mit-territorju tal-konsenja jew li jobbligaw l-użu f’territorju partikolari tal-gass ipprovdut; Gazprom użat ukoll miżuri oħra li jipprekludu l-fluss transkonfinali tal-gass;

–        it-tieni, dawn ir-restrizzjonijiet territorjali ppermettew lil Gazprom li tħaddan politika tariffarja żleali f’ħamsa mill-PEĊL ikkonċernati, jiġifieri l-Bulgarija, l-Estonja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja (iktar ’il quddiem il-“ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji”), billi imponiet prezzijiet eċċessivi inkwantu kienu deċiżament ħafna ogħla mil-livell tal-ispejjeż tagħha jew ta’ ċerti prezzijiet ikkunsidrati bħala li huma prezzijiet ta’ referenza (iktar ’il quddiem l-“oġġezzjonijiet li jikkonċernaw il-prattiki tariffarji”);

–        it-tielet, għal dak li jikkonċerna lill-Bulgarija u lill-Polonja, Gazprom issuġġettat il-provvisti ta’ gass tagħha għall-ksib ta’ ċerti garanziji, min-naħa tal-bejjiegħa bl-ingrossa, dwar l-infrastrutturi tat-trasport bil-gass; dawn il-garanziji kienu jirrigwardaw, min-naħa, investimenti mill-bejjiegħ bl-ingrossa Bulgaru fil-proġett tal-pajp tal-gass South Stream, u min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni mill-bejjiegħ bl-ingrossa Pollakk, jiġifieri r-rikorrenti, tat-tisħiħ tal-kontroll tal-Gazprom fuq il-ġestjoni tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, wieħed mill-pajpijiet tal-gass li jgħaddi mill-Polonja (iktar ’il quddiem l-“oġġezzjonijiet Yamal”).

8        Fid-29 ta’ Settembru 2015, Gazprom irrispondiet għad-DO billi kkontestat it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni, u mbagħad, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, hija sar is-smigħ tagħha waqt is-seduta li nżammet fil-15 ta’ Diċembru 2015.

9        Fl-14 ta’ Frar 2017, filwaqt li kompliet tikkontesta t-tħassib tad-DO fir-rigward tal-kompetizzjoni, Gazprom, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ippreżentat abbozz formali tal-impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji inizjali”). Dan l-abbozz kien ippreċedut minn proposti informali ta’ impenji.

10      Fis-16 ta’ Marzu 2017, sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fuq l-impenji inizjali, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Komunikazzjoni skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2017, C 81, p. 9), b’sunt tal-Każ AT.39816 kif ukoll is-sustanza tal-kontenut tal-impenji inizjali. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-partijiet ikkonċernati kellhom terminu ta’ seba’ ġimgħat b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (iktar ’il quddiem il-“konsultazzjoni tas-suq”). Il-Kummissjoni rċeviet 44 sett ta’ osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, inkluż tar-rikorrenti, tal-Gvern Pollakk, tal-President tal-Urząd Regulacji Energetyki (l-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija Pollakka, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Pollakk”) u ta’ Gaz-System S.A., il-ġestjonarju tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal.

11      Fil-15 ta’ Marzu 2018, wara li rċeviet il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fuq l-impenji inizjali, Gazprom ippreżentat abbozz emendat tal-impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji finali”).

12      Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Kumitat ta’ Konsulenza fuq Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Konsulenza”) u bagħtitlu b’mod partikolari abbozz preliminari ta’ deċiżjoni. Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kumitat ta’ Konsulenza adotta opinjoni favorevoli fuq dan l-abbozz preliminari. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29), l-uffiċjal tas-seduta ta r-rapport finali tiegħu fit-2 ta’ Mejju 2018.

13      Fl-24 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li magħha kienu annessi l-impenji finali. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija approvat u għamlet l-imsemmija impenji vinkolanti u għalqet il-proċedura amministrattiva billi kkonkludiet li ma kienx għad hemm lok li hija taġixxi għal dak li jikkonċerna l-prattiki potenzjalment abbużivi inizjalment identifikati fid-DO.

B.      Fuq id-deċiżjoni kkontestata

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet l-ewwel nett evalwazzjoni preliminari tal-prattiki ta’ Gazprom, qabel ma ppreżentat l-impenji inizjali, ir-riżultati tal-konsultazzjoni tas-suq kif ukoll l-impenji finali. Sussegwentement, hija esponiet l-evalwazzjoni tagħha fuq l-impenji finali u r-raġunijiet li wassluha tikkunsidrahom bħala sodisfaċenti fid-dawl tat-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni.

1.      Fuq l-evalwazzjoni preliminari tal-prattiki inkwistjoni

15      Fit-Taqsima 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li tesponi l-evalwazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq rilevanti bħala li huma s-swieq nazzjonali tal-provvista tal-gass bl-ingrossa upstream. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat ukoll li Gazprom kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti fil-PEĊL ikkonċernati.

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat li Gazprom setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, billi użat strateġija antikompetittiva intiża li tipprekludi l-moviment liberu tal-gass fil-PEĊL ikkonċernati u, b’dan il-mod, li tiżola s-swieq rilevanti ta’ dawn il-pajjiżi. B’mod iktar partikolari, hija sostniet li din l-istrateġija tkopri tliet gruppi ta’ prattiki antikompetittivi li jikkorrispondu essenzjalment għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fid-DO u espost fil-punt 7 iktar ’il fuq.

17      Għal dak li jirrigwarda l-oġġezzjonijiet Yamal, filwaqt li, fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq, ċerti partijiet ikkonċernati kellhom dubju fuq l-assenza ta’ impenji li jirrimedjaw dawn l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, li, wara li investigazzjoni ulterjuri, it-tħassib preliminari tagħha dwar il-kompetizzjoni ma kienx ġie kkonfermat. Min-naħa, hija indikat li, f’deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2015 li tiċċertifika lil Gaz-System bħala ġestjonarja ta’ network indipendenti (iktar ’il quddiem il-“ĠNI”) tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni”), l-Uffiċċju Pollakk kien ikkonkluda b’mod partikolari li Gaz-System kienet teżerċita kontroll deċiżiv fuq id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-investimenti dwar din is-sezzjoni kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, la System Gazociągów Tranzytowych EuRoPol Gaz S.A. (iktar ’il quddiem il-“EuRoPol”), bħala proprjetarja tal-pajp tal-gass, u lanqas Gazprom, bħala azzjonista ta’ EuRoPol, ma kienu f’pożizzjoni li jwaqqfu dawn id-deċiżjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat in-natura intergovernattiva tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet attivi fis-settur tal-gass fil-Polonja, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-bini u l-ġestjoni tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, u kkonkludiet li dan il-fatt seta’, b’mod ġenerali, ddetermina l-aġir tal-partijiet ikkonċernati.

2.      Fuq il-kontenut tal-impenji finali

18      L-impenji finali, li huma annessi mad-deċiżjoni kkontestata, huma intiżi li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni.

19      Għal dak li jirrigwardja, fl-ewwel lok, l-impenji li huma intiżi li jindirizzaw it-tħassib li jirrigwarda r-restrizzjonijiet territorjali (iktar ’il quddiem l-“impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali”), l-ewwel nett, Gazprom intrabtet essenzjalment li tneħħi, mill-kuntratti ta’ provvista ta’ gass konklużi mal-klijenti tagħha stabbiliti fil-PEĊL ikkonċernati, il-klawżoli kollha li kienu jipprojbixxu jew kienu jostakolaw, direttament jew indirettament, il-movimnent liberu tal-gass fir-reġjun magħmul minn dawn il-pajjiżi.

20      Sussegwentement, sabiex tippermetti fluss ta’ gass bejn, min-naħa, il-Bulgarija u l-pajjiżi Baltiċi u, min-naħa l-oħra, il-PEĊL ikkonċernati l-oħra, minkejja l-iżolament infrastrutturali ta’ dawk tal-ewwel, Gazprom intrabtet li tieħu miżuri sabiex tagħti lill-klijenti kkonċernati l-possibbiltà li jitolbu li l-volumi kollha ta’ gass kuntrattwali tagħhom, jew parti minnhom, li jiġu pprovduti f’ċerti postijiet ta’ konsenja fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja jiġu kkonsenjati f’post ieħor ta’ konsenja fil-Bulgarija jew fil-pajjiżi Baltiċi. Wara l-konsultazzjoni mas-suq, Gazprom, fl-impenji finali tagħha, saħħet b’mod partikolari l-proposta tagħha li tirrigwarda l-modifika tal-postijiet ta’ konsenja.

21      Barra minn hekk, sabiex tippermetti lill-ġestjonarju tan-network ta’ trasport Bulgaru li jikkontrolla l-flussi fil-Bulgarija, Gazprom intrabtet b’mod partikolari li tieħu miżuri biex timmodifika l-kuntratti rilevanti ta’ provvista u ta’ trasport ta’ gass sabiex tippermetti l-konklużjoni ta’ kuntratti fil-qasam ta’ interkonnessjoni bejn il-Bulgarija u l-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari l-Greċja, kif ukoll l-aġġustament tal-metodu ta’ allokazzjoni tal-gass.

22      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-impenji intiżi li jindirizzaw it-tħassib fir-rigward tal-prezz (iktar ’il quddiem l-“impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji”), Gazprom intrabtet li tintroduċi klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezz jew, jekk ikun il-każ, biex timmodifika l-klawżoli eżistenti fil-kuntratti mal-klijenti kkonċernati tagħha fil-Bulgarija, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja. Dawn il-klawżoli ġodda jew immodifikati ta’ reviżjoni tal-prezzijiet jipprevedu b’mod partikolari li, jekk il-partijiet ma jaslux fi ftehim fuq is-suġġett tal-prezz ġdid f’terminu ta’ 120 jum, kull parti tkun tista’ tieħu t-tilwima quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li jkollu jibbaża ruħu fuq il-linji gwida tariffarji inklużi f’dawn il-klawżoli u jkun irid jiġi stabbilit ġewwa l-Unjoni Ewropea. Iktar minn hekk, il-prezzijiet riveduti japplikaw retroattivament b’effett mid-data tan-notifika tat-talba għar-reviżjoni tal-prezz.

23      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-impenji marbutin mat-tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni dwar il-fatt li l-provvista tal-gass bi prezz partikolari hija suġġetta għall-ksib, min-naħa tal-bejjiegħa bl-ingrossa Bulgaru, ta’ garanzija li tikkonċerna l-investimenti fil-proġett tal-pajp tal-gass South Stream, Gazprom intrabtet li tippermetti lill-imsieħba Bulgari involuti f’dan il-proġett li jirtiraw minn dan il-proġett mingħajr ma tfittixhom ċivilment u mingħajr ma tirkupra t-tnaqqis fil-prezz tal-gass li hija kienet ikkonċediet bħala korrispettiv għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi proġett. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rinunzja mħabbra mis-sezzjoni Bulgara ta’ dan il-proġett tal-pajp tal-gass, Gazprom intrabtet ukoll li ma titlobx id-danni, bħala kumpens speċifiku marbut ma’ din ir-rinunzja.

3.      Fuq l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenji finali

24      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li l-impenji finali kienu effikaċi u neċessarji, mingħajr ma kienu sproporzjonati, biex jindirizzaw it-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni, filwaqt li indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-iżviluppi fis-swieq tal-gass sa min-notifika tad-DO. B’mod partikolari, hija rrilevat, fl-ewwel lok, li Gazprom kienet diġà ħadet ċerti miżuri bil-għan li trendi l-aġir tagħha iktar konformi mar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, u fit-tieni lok, li s-sitwazzjoni f’termini ta’ infrastrutturi tal-gass kienet ittejbet f’xi wħud mill-PEĊL ikkonċernati, jiġifieri fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja, b’mod li tagħmilha possibbli li jseħħu l-flussi transkonfinali tal-gass, anki jekk is-swieq tal-gass fil-pajjiżi Baltiċi u fil-Bulgarija baqgħu iżolati mis-swieq l-oħra tal-gass fl-Unjoni, u fit-tielet lok, li, wara l-waqa’ fil-prezzijiet taż-żejt, ċerti prezzijiet tal-gass fit-tul, li joħorġu mill-formoli li jinvolvu l-indiċjar b’riferiment għall-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt, kienu tbaxxew ukoll.

25      Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel vinkolanti l-impenji finali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Għal dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien li fih jibqgħu japplikaw, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li dawn japplikaw għal perijodu ta’ tmien snin b’effett mid-data tan-notifika lil Gazprom bl-imsemmija deċiżjoni, ħlief għall-impenji li jirrigwardaw il-proġett tal-pajp tal-gass South Stream, imsemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq, li huma vinkolanti għal perijodu ta’ ħmistax-il sena b’effett minn din id-data.

26      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-impenji elenkati fl-anness huma vinkolanti għal [Gazprom], kif ukoll għal kull entità ġuridika li hija kkontrollata minnha direttament jew indirettament, għal perijodu ta’ tmien snin, ħlief għall-impenji identifikati fil-punt 21 tal-Anness li huma vinkolanti għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, u dan b’effett mid-data stabbilita fl-impenji.

Artikolu 2

Ġie konkluż li ma hemmx lok [ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni] f’din il-kawża […]”

C.      Fuq l-ilment

27      B’mod parallel mal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni u li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti, fid-9 ta’ Marzu 2017 u skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004, kienet ippreżentat ilment li bih għamlet rapport dwar l-allegati prattiki abbużivi ta’ Gazprom (iktar ’il quddiem l-“ilment”). Dawn il-prattiki, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu jirriproduċu t-tħassib diġà espost fid-DO, kienu jinkludu allegazzjonijiet dwar l-abbużi ta’ Gazprom marbutin mas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal.

28      Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ilment, li ġie mbagħad irreġistrat bir-referenza “Każ AT.40497 – Prezz Pollakk tal-gass” (iktar ’il quddiem il-“Każ AT.40497”).

29      F’ittra tal-31 ta’ Marzu 2017 indirizzata lir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat li l-prattiki esposti fl-ilment u dawk affettwati mill-impenji inizjali kienu jidhru li jikkoinċidu u talbitha tippreżenta osservazzjonijiet fuq dawn l-impenji fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq imnedija fis-16 ta’ Marzu 2017. Wara li kisbet estensjoni tat-terminu applikabbli, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fid-19 ta’ Mejju 2017.

30      Fil-15 ta’ Mejju 2017, Gazprom bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ilment lill-Kummissjoni.

31      Permezz ta’ ittra indirizzata lir-rikorrenti fit-23 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem l-“ittra li turi l-intenzjoni għar-rifjut tal-ilment”), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, indikat li hija kellha l-intenzjoni li tirrifjuta l-ilment u stednitha tagħti l-veduti tagħha f’terminu ta’ erba’ ġimgħat b’effett mid-data ta’ meta tirċievi l-imsemmija ittra. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet ta’ Gazprom li jikkonċernaw l-ilment, imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq.

32      Fit-2 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet b’risposta għall-ittra li turi l-intenzjoni għar-rifjut. Barra milli hija esprimiet iċ-ċaħda tagħha għall-konklużjonijiet imsemmija fl-imsemmija ittra, ir-rikorrenti kkritikat it-tmexxija tal-investigazzjoni mill-Kummissjoni u nnotat li din tal-aħħar kienet kisret id-drittijiet tagħha bħala l-persuna lanjanti fil-Każ AT.39816, b’mod partikolari inkwantu, minkejja d-diversi talbiet, il-Kummissjoni ma tagħthiex aċċess għad-DO għal kważi sena, u lanqas ippermettiet osservazzjonijiet fuq din il-komunikazzjoni.

33      Fil-5 ta’ Settembru 2018, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti bagħtet lill-uffiċjal tas-seduta talba mmotivata, fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Deċiżjoni 2011/695, li fiha hija talbet l-aċċess għad-dokumenti kollha li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni provviżorja tagħha esposta fl-ittra li turi l-intenzjoni għar-rifjut tal-ilment, b’mod partikolari l-aċċess għal verżjoni tad-DO li kienet tinkludi inqas informazzjoni redatta. Fis-17 ta’ Settembru 2018, l-uffiċjal tas-seduta ittrasferixxa lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni t-talbiet għall-aċċess magħmula f’din l-ittra tal-5 ta’ Settembru 2018. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti magħmula mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tat-2 ta’ Marzu u tal-5 ta’ Settembru 2018.

34      Fl-24 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni li fiha hija talbet lill-Kummissjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, sabiex tipproċedi billi tadotta deċiżjoni li tirrifjuta l-ilment, u kif ukoll issegwi l-proċedura fil-Każ AT.40497. Fit-8 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni rrispondiet għal din l-ittra billi fakkret li l-ilment kien diġà wassal għal diversi skambji ta’ korrispondenza bejniethom. Il-Kummissjoni indikat ukoll, fir-rigward tal-Każ AT.39816, li hija kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata li, b’mod partikolari, kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq u, fir-rigward tal-Każ AT.40497, li hija kienet bagħtet l-ittra li turi l-intenzjoni għar-rifjut tal-ilment, li għaliha ir-rikorrenti kienet irrispondiet, u li hija kienet qiegħda tiffinalizza l-analiżi tagħha tal-ilment.

35      Fis-17 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 3003 final, li tiċħad l-ilment (Każ AT.40497 – Prezz tal-gass Pollakk).

36      Fil-25 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, irreġistrata bin-numru tal-Kawża T‑399/19.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fid-9 ta’ Jannar, fis-27 ta’ Frar u fit-8 ta’ Mejju 2019 rispettivament.

38      Permezz ta’ att separat li akkumpanja r-rikors, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi l-kawża skont il-proċedura mħaffa. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba.

39      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2019, Gazprom talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar, fis-27 ta’ Frar u fit-28 ta’ Frar 2019 rispettivament, Overgas Inc., ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

40      Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ April 2019, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill-partijiet prinċipali, aċċettat l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja. Permezz ta’ digrieti tas-17 ta’ Mejju 2019, wara li semgħet lill-partijiet prinċipali, hija aċċettat l-intervent tar-Repubblika tal-Litwanja, ta’ Gazprom u ta’ Overgas.

41      In-noti ta’ intervent ġew ippreżentati fit-30 ta’ Awwissu 2019 għar-Repubblika tal-Litwanja, fis-6 ta’ Settembru 2019 għar-Repubblika tal-Polonja u għal Overgas u fl-4 ta’ Ottubru 2019 għal Gazprom. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent fil-15 ta’ Novembru 2019, iżda l-Kummissjoni rrinunzjat madankollu milli tippreżenta osservazzjonjiet fuq in-nota ta’ intervent ta’ Gazprom.

42      Fl-4 ta’ Ottubru 2019, wara li nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, ġie assenjat Imħallef Relatur għat-tmien awla, li lilha ġiet konsegwentement assenjata din il-kawża.

43      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2019, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tipproduċi diversi dokumenti u l-Kummissjoni intlabet tirrispondi bil-miktub għal domanda li tikkonċerna l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-verżjoni kunfidenzjali tad-DO.

44      Permezz ta’ digriet tal-istess ġurnata, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, skont, min-naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 91(b) u l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, u b’riżerva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 ta’ dawn ir-regoli, biex tipproduċi kopja sħiħa tal-verżjoni kunfidenzjali tad-DO.

45      Il-partijiet ikkonformaw ruħhom, fit-termini imposti, mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fis-17 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll mad-digriet ta’ miżura istruttorja mogħti mill-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata.

46      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni intalbu jipproduċi xi dokumenti u jirrispondu bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Huma kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-terminu impost.

47      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2020, il-President tat-Tmien Awla, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) ta’ dan l-istess regolament, iddeċieda, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, li jagħtih trattament prijoritarju.

48      Fit-8 ta’ Ġunju 2020, fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija din il-kawża quddiem it-Tmien Awla Estiża. Peress li membru ta’ din l-awla estiża ma setax jippresjedi, il-President tal-Qorti Ġenerali nħatar sabiex jifforma l-awla permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2020.

49      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u Overgas ġew mitluba jippreżentaw xi dokumenti u jirrispondu bil-miktub għal xi domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. B’risposta għal dawn il-miżuri, Overgas ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fis-26 ta’ Novembru 2020, filwaqt li r-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom u pproduċew id-dokumenti fit-8 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem ir-“risposti tat-8 ta’ Diċembru 2020”).

50      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kopja sħiħa tal-verżjoni kunfidenzjali tad-DO prodotta mill-Kummissjoni (ara l-punti 43 u 45 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li ġġib dan id-dokument għall-konjizzjoni tar-rappreżentanti tar-rikorrenti, bil-kundizzjoni li huma jimpenjaw ruħhom minn qabel li jżommuh kunfidenzjali, sabiex hija tkun tista’ tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’’dan ir-rigward. Peress li dawn ir-rappreżentanti pprovdew l-impenji ta’ kunfidenzjalità ffirmati, l-imsemmi dokument ġie nnotifikat lilhom u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-8 ta’ Diċembru 2020.

51      Għal raġunijiet marbutin mal-kriżi sanitarja minħabba l-COVI-19 u wara domandi magħmla minn ċerti partijiet, il-President tat-Tmien Awla Estiża ddeċieda li jiddifferixxi s-seduta, inizjalment iffissata għall-20 u 21 ta’ Jannar 2021.

52      Il-partijiet instemgħu t-trattazzjonijiet tagħhom u r-risposti għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat-18 u tad-19 ta’ Mejju 2021. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li ħadet nota tal-osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta ppreżentati mill-Kummissjoni fis-27 ta’ April 2021.

53      Waqt it-tieni ġurnata tas-seduta, u fil-kuntest ta’ domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni rrevediet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ din l-ammissibbiltà u sostniet li r-rikorrenti ma kinitx uriet l-interess ġuridiku tagħha f’din il-kawża, b’mod li r-rikors ma jkunx ammissibbli.

54      Ir-rikorrenti ppreżentat talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Polonja, ta’ Gazprom u ta’ Overgas, fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tidher fid-diversi atti tal-proċedura. Dawn tal-aħħar ma oġġezzjonawx fir-rigward ta’ dawn it-talbiet.

55      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u minn Overgas, talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, sussidjarjament tiħċad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

57      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi, ibbażati, essenzjalment:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni jingħad li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-oġġezzjonijiet Yamal kienu ser jirriżultaw infondati u meta aċċettat l-impenji li ma jindirizzaw ebda wieħed minn dawn l-ilmenti;

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni aċċettat l-impenji finali minkejja li dawn ma kinux jindirizzaw b’mod adegwat l-ilmenti li jikkonċernaw il-prattiki tarrifarji;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-Kummissjoni aċċettat l-impenji finali minkejja minkejja li dawn ma kinux jindirizzaw b’mod adegwat l-ilmenti li jikkonċernaw il-prattiki tarrifarji;

–        ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 194(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 TFUE, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u inkwantu l-Kummissjoni jingħad li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt negattiv ta’ din id-deċiżjoni fuq is-suq Ewropew tal-provvista tal-gass;

–        il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18(1) TFUE u fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, inkwantu l-Kummissjoni jingħad li wettqet diskriminazzjoni bejn il-klijenti ta’ Gazprom attivi fl-Istati Membri tal-Ewropa tal-punent u dawk attivi fil-PEĊL ikkonċernati.

–        Is-sitt wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, inkwantu, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni jingħad li kisret l-għan tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-limiti tal-poteri tagħha fil-ġestjoni tal-proċedura amministrattiva.

A.      Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

58      Fl-iskritturi tagħha, ir-rikorrenti għamlet talbiet intiżi biex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi, prinċipalment, “l-atti tal-proċedura AT.39816”, “l-atti tal-proċedura AT.40497” kif ukoll, sa fejn ma jaqgħux diġà taħt dawn iż-żewġ kategoriji, ċerti dokumenti identifikati b’mod iktar preċiż. B’mod sussidjarju, il-Kummissjoni għandha tipproduċi dawn l-aħħar dokumenti kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO li tinkludi inqas informazzjoni redatta minn dik li diġà tinsab fil-pussess tar-rikorrenti. Id-dokumenti mitluba jkunu utli inkwantu l-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ħlief billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ifformat mill-proċessi kollha tal-Każi AT.39816 u AT.40497.

59      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, ħlief għad-DO, ebda mid-dokumenti jew informazzjoni kkonċernati ma huma utli għall-bżonnijiet tal-istanza u ssostni li r-rikorrent ma tiġġustifikax b’mod suffiċjenti t-talbiet tagħha.

60      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li persuna lanjanti jew terz aċċettat fil-proċedura, fis-sens tal-Artikoli 5 u 11 tar-Regolament Nru 773/2004, ma għandhiex dritt għall-proċess bħalma hu dak, previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, li minnu jibbenefikaw id-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għalihom dan l-aċċess għandu b’mod partikolari l-għan li jippermettilhom jieħdu konjizzjoni tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jippronunzjaw ruħhom utilment, fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, fuq il-konklużjonijiet li għalihom tkun waslet il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il-Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punt 261 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, persuna lanjanti għandha d-dritt li tirċievi kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar kawża li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun adita b’ilment.

61      Madankollu, dawn ir-regoli ma japplikawx għall-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din hija rregolata mill-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mir-Regoli tal-Proċedura ta’ din. F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-opportunità li tiġi adottata miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżura istruttorja taqa’ taħt il-qorti, u mhux taħt il-partijiet, filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkontestaw l-għażla magħmula fl-ewwel istanza fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Meierhofer, T‑560/08 P, EU:T:2010:192, punt 61). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ titlob lill-partijiet biex jipproduċu d-dokumenti kollha u jipprovdu l-informazzjoni kollha li hija jidhrilha meħtieġa skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura. Għal dan il-għan, il-parti rikorrenti tista’ titlob lill-Qorti Ġenerali biex tordna li jinġiebu dokumenti li huma fil-pussess tal-parti konvenuta, imma, biex tippermetti lill-imsemmija qorti biex tiddetermina jekk huwiex utli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li hija tordna tali produzzjoni, il-parti rikorrenti għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi minn tal-inqas il-minimu tal-elementi li juru l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 90 sa 93).

62      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha, ġeneralment, biex tagħmel talbiet li jirrigwardaw sensiela vasti ta’ dokumenti mingħajr ma tidentifika bi grad ta’ preċiżjoni suffiċjenti d-dokumenti li hija titlob li jiġu prodotti u mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet li għalihom id-dokumenti mitluba jistgħu jkunu ta’ utilità għall-bżonnijiet tal-istanza, apparti milli tafferma li huma ser jikkostitwixxu “l-kuntest” li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

63      Għaldaqstant, u wara li eżaminat it-talbiet magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tal-motivi u tal-argumenti invokati, il-Qorti Ġenerali titlob li ma hemmx lok li tadotta, skont l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba. Dan premess, jeħtieġ li jiġi rilevat li, kif ġie nnotat fil-punti 43, 46 u 49 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, għall-finijiet li tittratta l-motivi mressqa insostenn tar-rikors, adottat diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li jinkludu b’mod partikolari t-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti.

64      Għal dak li jirrigwarda t-trattament tad-DO, u b’mod partikolari l-verżjoni kunfidenzjali ta’ dan id-dokument, din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitt motiv iktar ’il quddiem.

B.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artiokolu 102 TFUE, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni jingħad li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-oġġezzjonijiet Yamal kienu ser jirriżultaw infondati u meta aċċettat l-impenji li ma jindirizzaw bl-ebda mod dawn l-ilmenti

65      L-ewwel motiv jirrigwarda l-evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-oġġezzjonijiet Yamal. Dan il-motiv jinqasam, essenzjalment, f’żewġ partijiet.

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-iżbalji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-oġġezzjonijiet Yamal li ġew injorati u n-nuqqas ta’ impenn li jindirizza dawn l-ilmenti

66      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tikkritika lill-Kummissjoni li abbandunat l-oġġezzjonijiet inizjali li jikkonċernaw il-pajp tal-gass Yamal u, bħala korollarju, in-nuqqas ta’ impenn li jirrigwarda dawn l-ilmenti. Hija ssostni li, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din tal-aħħar kienet obbligata tiġġustifika dan il-mod ta’ aġir. Barra minn hekk, iż-żewġ motivi li jinsabu madankollu fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

67      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

a)      Fuq l-ilment ibbażat fuq l-obbligu, tal-Kummissjoni, li tiġġustifika n-nuqqas ta’ impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal

68      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 inkwantu jikkonċerna t-trattament tagħha, u b’mod iktar partikolari, l-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal tagħha.

69      Fil-fatt, il-Kummissjoni, fid-DO, esponiet l-aġir ta’ Gazprom li jikkonsisti fit-twaqqif tad-deċiżjonijiet ta’ EuRoPol meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ fluss bidirezzjonali, virtwali jew fiżiku, fuq is-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal u kkunsidrat li dan l-aġir kien jikkostitwixxi prattika antikompetittiva kkonstatata b’mod suffiċjenti skont il-liġi. Għaldaqstant, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma setgħetx, skont ir-rikorrenti, taċċetta l-impenji li ma kienu jirrimedjaw bl-ebda mod l-oġġezzjonijiet Yamal. Fir-realtà, il-Kummissjoni essenzjalment biddlet il-portata tal-oġġezzjonijiet kontra Gazprom mingħajr ma segwiet il-proċedura prevista għal dan il-għan u mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet għal dan it-tibdil.

70      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni intiża li tagħti prevalenza lit-tħassib dwar il-kompetizzjoni espost fl-“evalwazzjoni preliminari” tad-deċiżjoni kkontestata (Taqsima 4) fuq dak espost fid-DO. Skont il-punt 123 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6, iktar ’il quddiem l-“aħjar prattiki”), meta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tkun ġiet innotifikata lill-impriża kkonċernata, din “[tkun] tissodisfa r-rekwiżiti ta’ Valutazzjoni Preliminari”. Issa, xejn ma jindika li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, wara li nnotifikat id-DO, bagħtet evalwazzjoni preliminari ġdida, meħlusa mill-oġġezzjonijiet Yamal. Għaldaqstant, hija qatt ma biddlet formalment il-portata tad-DO tagħha.

71      Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tinjora l-istadji tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom, b’mod partikolari, in-notifika tad-DO. Fil-fatt, tali aġir jostakola l-istħarriġ li jsir mill-qorti tal-Unjoni, li għandha tivverifika n-natura korretta, sħiħa u affidabbli tal-fatti li wasslu għal deċiżjoni tal-Kummissjoni u ma tistax tkun imxekkla milli tuża dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biex tkun tista’ tinterpreta tali deċiżjoni. L-approċċ irrakkomandat mill-Kummissjoni jwassal biex tingħatalha setgħa arbitrarja li tikkonċerna l-approvazzjoni tal-impenji, peress li hija tkun f’pożizzjoni li “tagħmel jaqbel” il-kontenut ta’ evalwazzjoni preliminari ma’ dak tal-impenji li impriża tkun lesta tieħu.

72      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li r-rwol tagħha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa li teżamina l-impenji proposti mill-impriża kkonċernata fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li tiegħu hija tkun informat lil din l-impriża permezz ta’ “evalwazzjoni preliminari”. Il-Kummissjoni tiddistingwi t-tħassib espost fid-DO minn dak espost fl-evalwazzjoni preliminari tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dak tal-aħħar ma għadux jinkludi l-oġġezzjonijiet Yamal. Għaldaqstant, b’effett mill-mument li fih dawn l-oġġezzjonijiet kienu ġew abbandunati, hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tipproċedi għall-eżami tal-impenji, anki jekk dawn ma kinux jirrimedjaw l-imsemmija oġġezzjonijiet.

73      Barra minn hekk, apparti li r-rikorrenti tagħti interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392), u tagħti lid-DO valur ikbar min-natura proċedurali u preparatorja normalment irrikonoxxuta lil dan it-tip ta’ dokument, il-Kummissjoni tenfasizza li b’kuntrast mad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, adottata skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, ma tagħmel ebda konstatazzjoni vinkolanti fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-premessa ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jeżamina r-regolarità tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi evalwazzjoni li hija ta’ natura preliminari, fid-dawl tat-tħassib espost fid-DO, li huwa ta’ natura provviżorja.

74      Fir-rigward, għal darba oħra, tal-allegata natura arbitrarja tal-approċċ tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li hija ma kellhiex għalfejn tagħti motivazzjoni talli abbandunat l-oġġezzjonijiet Yamal, u dan kemm fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar id-dritt għas-smigħ jew tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirrigwarda deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Dan premess, peress li l-partijiet ikkonċernati kienu staqsewha fir-rigward tan-nuqqas ta’ impenn li jirrigwarda l-pajp tal-gass Yamal, hija kienet inkludiet, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza, il-motivi li għalihom it-tħassib preliminari ma kienx ġie kkonfermat.

75      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-Kummissjoni tikkontempla li tadotta deċiżjoni li teżiġi l-waqfien ta’ ksur u li l-impriżi kkonċernati joffru impenji tali li jindirizzaw it-tħassib li hija tkun informathom bih fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, hija tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tagħmel dawk l-impenji bħala vinkolanti għall-impriżi.

76      F’dan ir-rigward, il-mekkaniżmu introdott mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li jiżgura applikazzjoni effikaċi tar-regoli ta’ kompetizzjoni billi jipprovdi soluzzjoni iktar mgħaġġla għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li l-Kummissjoni tkun identifikat, flok tipproċedi bil-konstatazzjoni formali ta’ ksur. Din id-dispożizzjoni hija ispirata minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u jippermetti lill-impriżi jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċedura, billi jipproponu soluzzjonijiet li jidhru adatti u xierqa sabiex jindirizzaw l-imsemmi tħassib tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alrosa”, EU:C:2010:377, punt 35, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Morningstar vs Il-Kummissjoni, T‑76/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Morningstar”, EU:T:2016:481, punt 39).

77      Barra minn hekk, għalkemm kuntrarjament għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, l‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirreferix b’mod espliċitu għall-kunċett ta’ proporzjonalità, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi kriterju tal-legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni. Għaldaqstant, il-karatteristiċi speċifiċi tal-mekkaniżmi previsti fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-metodi ta’ azzjoni li joffri dan ir-regolament bis‑saħħa ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti, b’mod partikolari inkwantu l-għan tal-ewwel mekkaniżmu huwa li jtemm il-ksur filwaqt li l-għan tat-tieni wieħed huwa li jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-evalwazzjoni preliminari. Għaldaqstant, l-obbligu li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li għandha l-Kummissjoni, għandu portata u kontenut differenti skont jekk dan jitqiesx fil-kuntest ta’ dispożizzjoni waħda jew oħra minn dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punti 36 sa 38 u 46, u s-sentenza Morningstar, punti 43 u 44).

78      Għaldaqstant, f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, l-evalwazzjoni preliminari imsemmija f’din id-dispożizzjoni hija intiża għall-impriżi milquta mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni u għandha tippermettilhom jevalwaw l-opportunità li jipproponu impenji xierqa. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija meħlusa mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami, u għall‑aċċettazzjoni eventwali, ta’ impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid‑dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati f’ din l-evalwazzjoni kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet li din għandha. F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa limitat għall-verifika, min-naħa, dwar jekk l‑impenji inkwistjoni jindirizzawx dan it-tħassib u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija impriżi ma offrewx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq l-imsemmi tħassib. Fl-eżerċizzju ta’ din il-verifika, il‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri b’mod partikolari l-interessi ta’ terzi u l-portata tat-tħassib identifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punti 40 u 41; sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 105, u s-sentenza Morningstar, punt 45).

79      F’dan il-każ, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi kkonstatat li, minkejja dak li l-Kummissjoni setgħet tat x’wieħed jifhem, id-DO serviet bħala evalwazzjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ħaġa li toħroġ manifestament mid-deċiżjoni kkontestata u tikkorrispondi barra minn hekk mal-ipoteżi msemmija fil-punt 123 tal-aħjar prattiki.

80      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax issostni li l-argumenti msemmija fit-taqsima “Evalwazzjoni Preliminari” (taqsima 4) fid-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni ġiet adottata fi tmiem proċedura amministrattiva u għalqet din il-proċedura, għandha tikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata n-natura adegwata tal-impenji ppreżentati qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tidentifika ebda dokument ieħor, miġjub bejn in-notifika tad-DO u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li bih għarrfet lil Gazprom bl-evalwazzjoni preliminari riveduta, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-oġġezzjonijiet Yamal, qabel ma din l-impriża ppreżentat proposti informali ta’ impenji matul is-snin 2015 u 2016, u mbagħad l-impenji inizjali fi Frar 2017.

81      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni dwar id-DO, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti marbutin mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistgħux jimplikaw li kull tħassib dwar il-kompetizzjoni espost fl-evalwazzjoni preliminari, inkluż meta tali evalwazzjoni tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu neċessarjament jiġi indirizzat fl-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, u dan kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti għas-sitwazzjonijiet li ma humiex dawk li jikkonċernaw l-oġġezzjonijiet Yamal fil-każ preżenti.

82      Fil-fatt, jekk l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġu interpretati b’mod differenti, dan ikun jirriskja li jiffriża l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, li min-natura tagħha hija provviżorja, u jrendi inutli, f’ċerti ċirkustanzi, il-proċedura tat-teħid ta’ impenji. Bl-istess mod, jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li tillimita l-iskop tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar għandha l-obbligu li tikkunsidra l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministattiva sabiex, b’mod partikolari, tabbanduna oġġezzjonijiet li jkunu infondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Jibqa’ l-fatt li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u, b’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni preliminari riveduta, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 impona fuq il-Kummissjoni, b’kuntrast ma’ dak li din issostni, li jkollha raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal. Bl-istess mod, għal dak li l-Kummissjoni ssostni li l-iżball tagħha ma jistax iwassal għall-annullament, anki parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan l-iżball jinsab fil-fatt fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, peress li, anki jekk dawn l-oġġezzjonijiet ma jissemmewx fl-Artikolu 1, li jrendu vinkolanti l-impenji finali, huma jinsabu koperti mill-Artikolu 2 li jikkonkludi li ma għadx hemm lok ta’ azzjoni fil-Każ AT.39816.

84      Mill-bqija, dan l-obbligu li tiġġustifika n-nuqqas ta’ impenn ma jistax ikun estiż tali li jeżiġi mill-Kummissjoni li hija turi l-impossibbiltà li tikkonstata ksur. Tali approċċ ma jistax ikun kompatibbli man-natura ta’ proċedura ta’ impenji, peress li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni dwar l-impenji ma tistabbilixxix jekk kienx hemm jew għadx hemm ksur u tingħata mingħajr preġudizzju għall-fakultà li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu tali konstatazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et, C‑547/16, EU:C:2017:891, punti 26 u 30, u tad-9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 108).

85      F’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ppreżentat ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx imponiet li jkun hemm impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal, li jieħdu l-forma ta’ żewġ motivi li jinsabu fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv jirrigwarda d-deċiżjoni taċ-ċertifikazzjoni u t-tieni motiv huwa marbut man-natura intergovernattiva tar-relazzjoni fis-settur tal-gass fil-Polonja (kif dan jinsab espost fil-punt 17 iktar ’il fuq).

b)      Fuq l-ilmenti li jikkontestaw il-fondatezza taż-żewġ motivi li jinsabu fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata

86      Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-Kummissjoni żbaljat meta ma pprevalixxietx ruħha mid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni biex tikkonkludi li l-oġġezzjonijiet Yamal ma kinux jeħtieġu impenn min-naħa ta’ Gazprom.

87      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni mill-Uffiċċju Pollakk ma tikkostitwixxix fatt li jiġġustifika l-evoluzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-oġġezzjonijiet Yamal bejn in-notifika tad-DO, fit-22 ta’ April 2015, u l-preżentata tal-impenji inizjali, fl-14 ta’ Frar 2017, li ma kinux jindirizzaw dawn l-oġġezzjonijiet. Fir-realtà, minkejja l-adozzjoni, fid-19 ta’ Mejju 2015, ta’ din id-deċiżjoni mill-imsemmi Uffiċċju, il-Kummissjoni kellha quddiemha sensiela ta’ ċirkustanzi essenzjalment intatti bejn il-mument li fih hija fformulat it-tħassib tagħha fid-DOK u l-mument, jiġifieri ftit ġimgħat wara n-notifika ta’ din id-DO, tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri sa tmiem il-Każ AT.39816.

88      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kienet ġiet partikolarment informata bil-kwistjonjiet li jirrigwardaw l-influwenza ta’ Gazprom fuq is-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, meħud kont preċiżament tal-intervent tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ Gaz-System. Għaldaqstant, f’żewġ opinjonijiet li hija bagħtet lill-Uffiċċju Pollakk, bid-data 9 ta’ Settembru 2014 u 19 ta’ Marzu 2015, li jirrigwardaw abbozzi ta’ deċiżjoni simili għad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet ta’ tmexxija, minn Gaz-System, ta’ din is-sezzjoni u rrakkomandat espressament li l-operat tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u tal-arloġġi li jinsabu fl-imsemmija sezzjoni ġie ttrasferit lil din tal-aħħar, sabiex tiġi evitata distorsjoni fil-kompetizzjoni favur Gazprom.

89      F’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni finalment adottata fid-deċiżjoni kkontestata hija ta’ sorpriża fid-dawl tal-fatt li t-trasferiment tal-operat tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u tal-arloġġi finalment ma seħħx, minkejja t-terminu ta’ 24 xahar iffissat did-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u li kien jiskadi f’Mejju 2017. Huwa irrilevanti li dan it-trasferiment kien biss “rakkomandazzjoni”, peress li dak li huwa importanti huwa li l-imblukkar kien imputabbli lil Gazprom u li l-Kummissjoni kienet ġiet informata, fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq, mill-Gvern Pollakk, mill-President tal-Uffiċċji Pollakk, minn Gaz-System u mir-rikorrenti.

90      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni lanqas ma ġadet inkunsiderazzjoni t-theddid ta’ sospensjoni tal-provvista tal-gass f’każ ta’ implimentazzjoni tat-trasferiment tal-operat, li bih ir-rikorrenti kienet informatha fl-ilment. Madankollu, ir-realtà ta’ dan it-theddid huwa pprovat fid-dawl tal-injezzjoni minn Gazprom ta’ gass, fil-pajp tal-gass Yamal, ta’ kwalità li ma taqbilx man-network tal-gass Pollakk, ftit wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 24 xahar li fih kellu jsir dan it-trasferiment, kif ukoll fid-dawl tal-ittra mibgħuta mill-Ministru tal-Enerġija Russu lill-ekwivalenti tiegħu Pollakk fit-30 ta’ Awwissu 2016, li permezz tagħha huwa hedded li jissospendi l-provvista tal-gass minn Gazprom jekk din tal-aħħar tkun obbligata tipproċedi bl-imsemmi trasferiment.

91      Fir-rigward ta’ din l-ittra, il-Ministru tal-Enerġija Russu fakkar fl-imsemmija ittra li l-provvisti tal-gass lill-Polonja kienu jiddependu mill-osservanza, min-naħa tal-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja, tal-obbligi tiegħu skont sensiela ta’ ftehimiet intergovernattivi konklużi bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Federazzjoni tar-Russja u, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-volumi ta’ provvista ta’ gass fil-Polonja kif ukoll il-kostruzzjoni u l-ġestjoni tal-pajp tal-gass Yamal (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet Polonja-Russja”), jiġifieri, b’mod konkret, l-obbligi li skonthom l-operat tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u tal-arloġġi kellu jibqa’ f’idejn EuRoPol. Issa, ir-rikorrenti tenfasizza li dan l-operat kien responsabbiltà ta’ Gaz-System biex tkun żgurata l-indipendenza ta’ din tal-aħħar, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-gass, u l-Kummissjoni stess ikkunsidrat, fl-opinjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2015, li din kienet waħda mill-funzjonijiet ċentrali tas-setgħat ta’ ġestjoni ta’ ĠNI.

92      Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

93      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-aċċettazzjoni tal-impenji skont l‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu hija tkun mitluba tagħmel analiżi li teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi ekonomiċi, bħalma hija l-analiżi prospettiva sabiex tevalwa l-adegwatezza tal-impenji offruti mill-impriża inkwistjoni, u li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, dan l-istħarriġ jirrigwarda biss il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni hijiex manifestament żbaljata u l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni, billi tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi, sakemm ma tkunx trid tindaħal fil-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ din, flok tistħarreġ il-legalità tal-evalwazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punti 42, 60 u 67, u s-sentenza Morningstar, punt 41).

94      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi nnotata li l-oġġezzjonijiet Yamal huma eżaminati prinċipalment fit-taqsimiet 13 u 15.9 tad-DO. Minnhom jirriżulta li t-tħassib tal-Kummissjoni jiffoka fuq l-aġir allegat ta’ Gazprom intiż li jżomm jew isaħħaħ il-kontroll tagħha fuq l-investimenti fit-taqsima Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, b’mod partikolari inkwantu din l-impriża ipprovat tiddisponi mis-setgħat deċiżjonali importanti fi ħdan il-EuRoPol u żżomm għand din l-aħħar entità, iktar milli għand ĠNI responsabbli minn din it-taqsima, jiġiferi għand Gaz-System, il-kompetenzi fil-qasam tal-investiment fl-imsemmija sezzjoni tal-pajp tal-gass. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni kienet eżaminat il-kuntratt ta’ ġestjoni konkluż fl-2010 bejn EuRoPol u Gaz-System, l-istatuti l-ġodda ta’ EuRoPol adottati fl‑2011 kif ukoll [kunfidenzjali] (1).

95      B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-taqsima 15.9.2 tad-DO, l-għan tal-aġir allegament abbużiv ta’ Gazprom intiż li jżomm i-kontroll tagħha fl-investimenti fuq it-taqsima Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal kien li jipprekludi l-iżvilup tal-infrastutturi li jippermettu d-diversifikazzjoni tas-sorsi u tal-fornituri tal-gass (jiġifieri l-kompetituri ta’ Gazprom). B’mod partikolari, Gazprom irnexxielha tittardja l-introduzzjoni ta’ flussi virtwali u fiżiċi invertiti fuq din it-taqsima u, permezz ta’ dan, ipprekludiet tali diversifikazzjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet provviżorjament li, bil-ksib tal-poteri fuq l-investimenti, Gazprom kienet, tal-inqas potenzjalment, wettqet abbuż fl-operat billi pprekludiet l-aċċess tal-kompetituri għall-imsemmi sezzjoni, bi ksur tal-Artikolu 102(d) TFUE.

96      Imbagħad, il-Kummissjoni aċċettat, madankollu, li tagħmel vinkolanti l-impenji finali, li ma jinkludu ebda miżura li tindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal. Fid-deċiżjoni kkontestata, wara li rrilevat, fil-premessa 137, li ċerti partijiet ikkonċernati kienu, fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq, sorpriżi b’tali assenza ta’ miżura, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 138 ta’ din id-deċiżjoni, li t-tħassib preliminari tagħha dwar il-kompetizzjoni ma kienx ġie kkonfermat, u dan għaż-żewġ motivi esposti f’din il-premessa.

97      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, li kien jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni nnotat, b’mod partikolari, li permezz tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, l-Uffiċċju Pollakk kien ikkonkluda b’mod partikolari li Gaz-System kellha kontroll deċiżiv fuq id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-investimenti li jirrigwardaw is-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, la EuRoPol, bħala proprjetarja tal-pajp tal-gass, u lanqas Gazprom, bħala azzjonista ta’ EuRoPol, ma kinux f’pożizzjoni li jimblokkaw dawn id-deċiżjonijiet.

98      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, tinkludi, fid-dawl ta’ eżami dettaljat taċ-ċirkustanzi rilevanti, fosthom il-kuntratt ta’ ġestjoni tal-25 ta’ Ottubru 2010 u l-istatuti ta’ EuRoPol, diversi konstatazzjonijiet dwar il-kontroll ta’ Gaz-System fuq l-investimenti fis-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal. Fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-President tal-Uffiċċju Pollakk, ta b’mod definittiv ċertifikat ta’ indipendenza lil Gaz-System, fejn indika li din l-impriża kienet tissodisfa r-rekwiżiti marbutin mar-rwol ta’ ĠNI, b’mod partikolari f’termini ta’ kontroll tal-investimenti.

99      Ċertament, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja jsemmu diversi ċirkustanzi li jistgħu jimplikaw li Gaz-System tista’ tkun skoraġġuta milli tieħu ċerti deċiżjonijiet fil-qasam tal-investimenti fl-imsemmija sezzjoni jew tista’ tkun esposta għal spejjeż sostanzjali marbutin ma’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji mibdija b’mod partikolari minn EuRoPol. B’dan il-mod, huma jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni.

100    Madankollu, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja ma jikkontestawx il-validità bħala tali tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni adottata mill-Uffiċċju Pollakk u ma invokaw ebda żball li suppost għamel dan tal-aħħar u li huwa marbut mal-konstatazzjonijiet partikolari li jinsabu f’din id-deċiżjoni, u lanqas indikaw liema konstatazzjonijiet huma, fil-fehma tagħhom, skorretti. F’dan il-kuntest, u meħud kont tar-rwol mogħti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-settur tal-gass, u b’mod partikolari mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-gass”), il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tieħu inkunsiderazzjoni konstatazzjonijiet magħmula minn tali awtorità u, f’dan il-każ, tibbaża fuq l-imsemmija deċiżjoni, li fiha l-Uffiċċju Pollakk ikkonkluda li Gaz-System kellha l-kontroll fuq l-investimenti fis-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal u ċċertifika dan l-operatur bħala li kien ĠNI.

101    Fit-tieni lok, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja li jikkonċernaw id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni jiffokaw speċjalment fuq l-eżistenza u n-natura tar-rakkomandazzjoni, li tinsab f’din id-deċiżjoni, dwar it-trasferiment tal-operat tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u tal-arloġġi, kif ukoll fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-rakkomandazzjoni. Issa, la jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni u lanqas mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja li l-kontroll ta’ Gaz-System fuq l-investimenti fis-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal jiddependi fuq l-implimentazzjoni tal-imsemmija rakkomandazzjoni.

102    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-operat ta’ kuljum tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u tal-arloġġi ma humiex l-istess ħaġa bħall-kwistjoni tal-kontroll tal-flussi tal-gass fis-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal. Mistoqsija fuq il-punt dwar jekk Gaz-System kellhiex il-kontroll effettiv tal-fluss tal-gass f’din is-sezzjoni, ir-rikorrenti kkonferamt li dan kien il-każ. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar dan l-operat ma jistax jimplika li Gazprom eventwalment ħadet fuqha l-kontroll ta’ dawn il-flussi, permezz ta’ EuRoPol, b’mod li jqajjem dubji fir-rigward tar-rilevanza tal-kontroll ta’ Gaz-System fuq l-investimenti li jirrigwardaw l-imsemmija sezzjoni u, konsegwentement, fuq il-possibbiltajiet ta’ diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ gass.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar it-trasferiment tal-operat kif ukoll dak li jikkonċerna l-aġir ostruttiv allegatament użat minn Gazprom, permezz ta’ EuRoPol, marbut ma’ din l-implimentazzjoni ma humiex tali li jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-investimenti minn Gaz-System.

104    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti marbut maż-żewġ opinjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni lill-Uffiċċju Pollakk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ Gaz-System bħala ĠNI, ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni dwar il-motiv ikkontestat. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’diversi premessi tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni li ġiet finalment adottata, l-Uffiċċju Pollakk irrisponda għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dawn l-opinjonijiet.

105    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni, fiż-żewġ opinjonijiet tagħha, għamlet osservazzjonijiet dwar il-ħtieġa li l-operat ta’ kuljum tal-istazzjonijiet ta’ kompressjoni u tal-arloġġi jiġi ttrasferit u kienet ikkunsidrat li dan l-operat ikkostitwixxa wieħed mill-“kompiti ċentrali” ta’ ġestjonarju ta’ network, dawn l-osservazzjonijiet ma kinux jikkonċernaw l-ippjanar u l-kontroll tal-investimenti, imma kienu pjuttost iggwidati minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw rekwiżiti oħra li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-gass, b’mod partikolari marbutin mar-riskju li EuRoPol taċċessa informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna operaturi oħra. Issa, tali riskju ma kienx jikkorrispondi għat-tħassib espress mill-Kummissjoni fl-oġġezzjonijiet Yamal.

106    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li d-dipartiment tal-Kummissjoni li fformula ż-żewġ opinjonijiet eżamina l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Pollakk fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-settur tal-gass, filwaqt li d-DĠ “Kompetizzjoni” analizza l-fatti rilevanti fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, għalkemm ir-riżervi eventwalment espressi fl-imsemmija opinjonijiet setgħu, ċertament minn tal-inqas, jinteressaw lil dan id-direttorat ġenerali, huma ma setgħux jiddeterminaw l-analiżi tiegħu mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-konferma tal-oġġezzjonijiet Yamal u l-eventwali bżonn ta’ impenn fuq dan is-suġġett. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni stess, fil-punt 1016 tad-DO, irrilevat kontradizzjoni ċara bejn il-kontenut tal-kuntratt ta’ ġestjoni tal-25 ta’ Ottubru 2010 u r-regoli previsti fid-Direttiva dwar il-gass, il-President tal-Uffiċċju Pollakk innota, fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, li l-pjan ta’ żvilupp tan-network ippreparat minn EuRoPol kien jikkonerna essenzjalment kwistjonijiet ta’ tiġdid u, fi kwalunkwe każ, li dan ma kienx jillimita s-setgħat ta’ Gaz-System fil-qasam tal-investimenti, fosthom it-tħejjija tal-pjan deċennali ta’ żvilupp previst minn din id-direttiva.

107    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma tistax tirnexxi meta ssostni li, peress li ma kienet inbidlet ebda ċirkustanza rilevanti, il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, kienet biddlet l-evalwazzjoni tagħha dwar l-oġġezzjonijiet Yamal bejn ix-xhur ta’ April 2015, li hija data li fiha hija nnotifikat id-DO lil Gazprom, u ta’ Mejju 2018, li hija d-data li fiha hija adottata id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kienet tikkostitwixxi tali ċirkustanza rilevanti. Iktar minn hekk, din l-adozzjoni kienet saret f’kuntest fejn l-investimenti sinjifikattivi kienu saru fuq is-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal jew kienu marbutin ma’ din is-sezzjoni, liema investimenti kellhom jippermettu preċiżament id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tal-gass. Għaldaqstant, il-President tal-Uffiċċju Pollakk kien ikkonstata, f’din id-deċiżjoni, li l-investimenti li jirrigwardaw l-istabbiliment tal-flussi fiżiċi invertiti fis-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal kienu saru. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni diġà rrilevat, b’mod preliminari, li l-metodi dilatorji ta’ Gazprom kienu ġew implimentati bejn l-2009 u l-2013 u li Gaz-System irnexxielha tipproċedi bid-diversi investimenti sabiex tippermetti tali flussi invertiti b’effett mis-sena 2014 (ara l-punti 734 u 1033 tad-DO).

108    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-obbligu msemmi fil-punt 83 iktar ’il fuq u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar il-konstatazzjonijiet riprodotti fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u l-investimenti mwettqa li jikkonċernaw is-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, taċċetta, minħabba r-raġuni bbażata fuq din id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, l-impenji finali, minkejja li dawn ma jinkludu ebda miżura li tindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li huwa paċifiku li ż-żewġ motivi mressqa mill-Kummissjoni fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata huma awtonomi, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, li jikkontesta l-motiv ibbażat fuq il-ftehimiet Polonja-Russja u fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni magħrufa bħala tal-azzjoni Statali (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni tal-azzjoni Statali”). Fil-fatt, anki jekk wieħed iqis dan it-tieni lment bħala fondat, dan ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tagħlaq il-Każ AT.39816, b’mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

2.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ kooperazzjoni leali

111    Insostenn tal-argumenti tar-rikorrenti marbutin mal-istħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda l-abbandun tal-oġġezzjonijiet matul il-proċedura tal-impenji, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet argument dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ amminstrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ kooperazzjoni leali.

112    Il-Kummissjoni, li tirrileva li dan l-argument jikkostitwixxi, essenzjalment, motiv ġdid, tikkunsidra wkoll li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

113    F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja, għandu jiġi kkonstatat li dawn jistgħu jifformaw motiv separat mill-ewwel motiv kif ippreżentat fir-rikors u bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

114    Madankollu, dawn l-argumenti jidħlu fil-kuntest tal-kontestazzjoni magħmula mir-rikorrenti għal dak li jikkonċerna l-assenza ta’ impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal, b’mod li ma jibdlux is-suġġett tat-tilwima kif iddelimitata fit-talbiet u l-motivi tal-partijiet prinċipali. Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti huma ammissibbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, kif interpretati mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-20 ta’ Settembru 2019, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni, T‑673/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:643, punti 44 u 45, u d-digriet tal-15 ta’ Novembru 2019, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:808, punt 41).

a)      Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza

115    Ir-Repubblika tal-Polonja, mingħajr ma tikkontesta d-dritt tal-Kummissjoni li tirtira ċerti oġġezzjonijiet inizjalment esposti f’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, issostni li din tal-aħħar kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza, bi ksur tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 10(3) TUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, dawn il-prinċipji jimplikaw, b’mod partikolari, l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Issa, il-konstatazzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-premessi 137 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu motivi suffiċjenti, u din l-insuffiċjenza hija iktar mhux ġustifikabbli peress li l-Kummissjoni, għal diversi snin, għarrfet lill-awtoritajiet Pollakki bit-tħassib tagħha dwar il-ġestjoni tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal.

116    Iktar minn hekk, il-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata hija qarrieqa inkwantu tagħti l-impressjoni li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, iktar milli hija applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali għall-każ ineżami, tikkostitwixxi l-motiv prinċipali għall-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal. Fuq dan il-punt, il-ftehimiet Polonja-Russja jissemmew f’termini ġenerali li ma ppermettewx li wieħed jifhem li l-Kummissjoni kienet qegħda tipprevalixxi ruħha minn din l-eċċezzjoni, ħaġa li bdiet tidher biss fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tispjega ruħha dwar il-miżuri tad-dritt Russu li jiggwidaw allegatament l-aġir ta’ Gazprom u dwar il-fakultà li tinvoka l-imsemmija eċċezzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza u l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni, meta r-restrizzjoni Statali tiġi minn Stat terz.

117    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

118    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, għalkemm huwa ċar li hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-oġġezzjonijiet Yamal, ir-Repubblika tal-Polonja ma tindikax liema huma l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni li ma ġewx eżaminati b’reqqa u b’imparzjalità minn din l-istituzzjoni, speċjalment li hija ma tinvokax xi ksur partikolari tar-regoli proċedurali previsti fir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004. Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Polonja ma tispjegax fejn il-Kummissjoni jingħad li kisret il-prinċipju ta’ trasparenza, kif jinsab sanċit f’dawn ir-regolamenti.

120    Barra minn hekk, safejn ir-Repubblika tal-Polonja u, essenzjalment, ir-rikorrenti jikkontestaw fir-realtà n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni li tinsab fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, tali ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

121    Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu japplika, bħala prinċipju, għal kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti legali. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il-Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li għandhom locus standi jista’ jkollhom biex jirċievu l-ispjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, inkwantu l-punt dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, imma wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet iż-żewġ motivi li jiġġustifikaw l-assenza ta’ impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, ibbażat fuq id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, jidher, fid-dawl tat-trattament tal-oġġezzjoni dwar dan il-motiv (ara l-punti 86 sa 110 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja, li kellhom partikolarment jiġu informati fuq is-sitwazzjoni fis-settur Pollakk tal-gass u fuq l-attivitajiet tal-Uffiċċju Pollakk, kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet marbutin mal-imsemmi motiv, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u li l-Qorti Ġenerali setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-premessa 138. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

123    Għal dak li jirrigwarda t-tieni motiv, marbut man-natura intergovernattiva tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fis-settur tal-gass fil-Polonja, li fuqha huma bbażati prinċipalment il-kritiki tar-rikorrenti u tar-Repubblika tal-Polonja, dawn tal-aħħar isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-pożizzjoni tagħha inkwantu hija tibbaża ruħha essenzjalment fuq applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali minħabba l-impatt, fuq l-aġir ta’ Gazprom, tal-ftehimiet Polonja-Russja u tal-leġiżlazzjoni Russa kif ukoll tat-tmexxija tal-Gvern tal-Federazzjoni tar-Russja.

124    F’dan ir-rigward, kif ġie espost fil-punti 108 u 109 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat, għall-motiv ibbażat fuq id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, l-impenji finali minkejja li dawn ma kienu jinkludu ebda miżura intiża li tindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal u li, għal din ir-raġuni, u meħud kont tan-natura awtonoma ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi li jinsabu fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx hemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilment tar-rikorrenti dwar it-tieni motiv. Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti u tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni dwar dan it-tieni motiv huma ineffettivi huma wkoll.

125    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tixtieq fir-realtà tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li tali ilment diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv.

126    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

127    Skont ir-Repubblika tal-Polonja u r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, prevista fl-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fatt, meta kkonkludiet li l-oġġezzjonijiet Yamal “ma [kinux] ġew[…] ikkonfermati”, il-Kummissjoni kienet effettivament ikkonstatat in-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE f’dan ir-rigward u adottat deċiżjoni li tmur lil’hinn minn dak li jippermetti l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. B’dan il-mod, hija ddeċidiet kwistjoni li ma kinitx koperta mill-impenji finali u li setgħet tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni, differenti jekk ikun il-każ, mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew mill-qrati nazzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni pprekludiet lil dawn tal-aħħar milli jaġixxu fir-rigward tal-prattiki msemmija fl-imsemmija oġġezzjonijiet, minkejja li dawn jaqdu funzjoni essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

128    Madankollu, dan il-ksur huwa iktar sfortunat peress li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali ma setgħux jaġixxu sakemm il-Każ AT.39816 kienet għadha pendenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(6) u l-Artikolu 16(1), rispettivament, tar-Regolament Nru 1/2003, dawn l-awtoritajiet u dawn il-qrati kienu diġà mċaħħda mis-setgħa li jaġixxu għal perijodu ta’ kważi sitt snin, jiġifieri b’effett mill-ftuħ tal-proċedura formali, fil-31 ta’ Awwissu 2012, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-24 ta’ Mejju 2018. Fin-nuqqas li l-Kummissjoni tkun biddlet formalment il-portata tad-DO, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati Pollakki setgħu leġittimament jippretendu li l-Kummissjoni tintervjeni fir-rigward ta’ dawn l-oġġezzjonijiet, fid-dawl b’mod partikolari tal-pożizzjonijiet espressi f’dan ir-rigward minn Gaz-System, mill-President tal-Uffiċċju Pollakk u mill-Gvern Pollakk fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq. Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-qrati nazzjonali, dawn kienu jippermettu ċertu dewmien, bir-riskju li ċerti azzjonijiet jkunu llum preskritti.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

130    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa minnu li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dawn ma jistgħux jinjoraw deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li att ta’ dan it-tip huwa, fi kwalunkwe każ, ta’ natura deċiżiva u li kemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikjedu li dawn l-awtoritajiet u dawn il-qrati nazzjonali jikkunsidraw l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u li jikkunsidrawha bħala indizju, jew saħansitra bħala bidu ta’ prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et, C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 29).

131    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ċertament ippreċiżat, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tħassib preliminari tagħha dwar il-kompetizzjoni, ifformulat fil-forma tal-oġġezzjonijiet Yamal “ma [kienx] ġie[…] kkonfermat”.

132    Madankollu, għalkemm l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali għandhom effettivament jieħdu inkunsiderazzjoni l-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk ikun il-każ bħala li tikkostitwixxi indizju tan-nuqqas ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, la jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din il-premessa u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mill-kontenut tal-bqija tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkonstatat espressament, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet Yamal, nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, jeħtieġ pjuttost li l-formulazzjoni kontenzjuża tinftiehem bħala li tfisser li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira dawn l-oġġezzjonijiet u li tkun issodisfatta bl-impenji finali anki jekk dawn ma kinux jindirizzaw l-imsemmija oġġezzjonijiet.

133    Fi kwalunkwe każ, il-formulazzjoni kontenzjuża li tinsab fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tbiddel in-natura tad-deċiżjoni kkontestata u tipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-qrati nazzjonali milli jintervjenu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel biss “evalwazzjoni preliminari” tas-sitwazzjoni kompetittiva, mingħajr ma, sussegwentement, id-deċiżjoni dwar l-impenji meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur jew le. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li qorti nazzjonali tikkonkludi li l-aġir li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni dwar l-impenji tikser l-Artikoli 101 jew 102 TFUE u li, billi tagħmel hekk, hija tintendi, b’differenza mill-Kummissjoni, li tistabbilixxi ksur ta’ wieħed jew ieħor minn dawn l-artikoli. Fl-istess sens, il-premessi 13 u 22 tar-Regolament Nru 1/2003, moqrija flimkien, jispeċifikaw espliċitament li d-deċiżjonijiet dwar l-impenji, huma bla preġudizzju għall-fakultà li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jiddeċiedu l-kawża, u ma jaffettwawx is-setgħa li għandhom dawn il-qrati u dawn l-awtoritajiet li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et, C‑547/16, EU:C:2017:891, punti 26 u 27).

134    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mir-rikorrenti.

135    Fl-ewwel lok, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma setgħux jaġixxu għal matul sitt snin huwa biss ir-riżultat tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura formali twaqqaf il-kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-kompetenza tagħhom terġa’ tingħatalhom malli titlesta l-proċedura mibdija mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 80 u 83 sa 87).

136    Għal dak li jirrigwarda lill-qrati nazzjonali, f’każ ta’ ftuħ ta’ proċedura formali, dawn ma jkollhomx jastjenu indefinittivament mill-possibbiltà ta’ intervent fil-kawżi li jirrigwardaw il-fatti marbutin jew konnessi mal-oġġezzjonijiet Yamal. L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi biss li dawn il-qrati għandhom jevitaw milli jieħdu deċiżjonijiet li jkunu jmorru kontra d-deċiżjoni kkontemplata fi proċedura mibdija mill-Kummissjoni u jistgħu, għal dan il-għan, jevalwaw jekk huwiex meħtieġ li jissospendu l-proċeduri tagħhom. L-allegazzjoni li tgħid li ċerti azzjonijiet nazzjonali huma llum preskritti, minħabba dewmien tal-qrati Pollakki, hija irrilevanti peress li t-termini ta’ preskrizzjoni rilevanti u l-amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ dawn l-azzjonijiet jaqgħu, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, taħt l-awtonomija proċedurali tar-Repubblika tal-Polonja.

137    Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nri 1/2003 jew 773/2004 ma timponi li l-Kummissjoni tinforma formalment lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew, b’mod iktar ġenerali, lit-terzi kkonċernati meta hija tabbanduna, matul il-proċedura, ċerti oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ xi impriża kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja ma jirreferu għal ebda proċedura nazzjonali speċifika li allegatament kienet affettwata mill-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

138    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-awtorità tal-kompetizzjoni u l-qrati Pollakki setgħu leġittimament jippretendu li l-Kummissjoni tintervjeni fir-rigward tal-oġġezzjonijiet Yamal, u fin-nuqqas il-Kummissjoni titqies li biddlet formalment il-kontenut tad-DO. Fil-fatt, il-konsegwenza prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri li l-ftuħ tal-proċedura formali twaqqaf il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE fir-rigward tal-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura, tikkonsisti fil-protezzjoni tal-impriżi kkonċernati minn proċeduri paralleli min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 18, u d-digriet tal-15 ta’ Marzu 2019, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni, T‑410/18, EU:T:2019:166, punt 20), imma ma tistax tfisser li l-Kummissjoni kienet obbligata tadotta deċiżjoni, kemm jekk taħt l-Artikolu 7 jew taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, EAEPC vs Il-Kummissjoni, T‑574/14, EU:T:2018:605, punt 86).

139    Fl-aħħar nett, jekk wieħed jipotizza li r-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeħtieġ li jitfakkar li d-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq dan il-prinċipju huwa miftuħ għal kull individwu li għandu tamiet fondati mnissla minn xi istituzzjoni tal-Unjoni, billi tawh assigurazzjonijiet preċiżi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja ma ssemmi ebda assigurazzjoni preċiża mogħtija mill-Kummissjoni. Għall-bqija, id-DO ma tistax tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, peress li dan id-dokument kien indirizzat lil Gazprom u kellu biss natura provviżorja. Bl-istess mod, ma jikkostitwixxux tali assigurazzjonijiet l-organizzazzjoni tal-konsultazzjoni mas-suq u l-fatt li ċerti partijiet ikkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, peress li dawn iċ-ċirkustanzi jidħlu fil-kuntest tal-implimentazzjoni ordinarja tal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

140    Għaldaqstant, l-argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi miċħud flimkien mat-tieni parti tal-ewwel motiv.

141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li l-ewwel motiv jiġi miċħud, fl-intier tiegħu, bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

C.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn il-Kummissjoni aċċettat l-impenji finali minkejja li ma jindirizzawx adegwatament l-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw il-prattiki tariffarji

142    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika tal-Litwanja, issostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji tad-dritt, bi ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn din l-istituzzjoni kkonkludiet li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji (punti 18 u 19 tal-impenji finali) kienu adegwati minkejja li, skont ir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja, l-imsemmija impenji ma kinux jippermettu li jinżammu jew li jerġgħu jiġi stabbiliti, malajr u b’mod effikaċi, il-prezzijiet tal-gass f’livell paragunabbli mal-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi. Dan il-motiv jinqasam, essenzjalment, f’erba’ partijiet.

143    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tikkunsidra li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

1.      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar żball imwettaq fl-għan tal-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji inkwantu dawn ma jirrimedjawx is-sustanza tal-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw lil dawn il-prattiki

144    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat l-impenji limitati għall-modifiki tal-klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezz (price revision clauses) inklużi fil-kuntratti ta’ Gazprom mal-klijenti tagħha fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji, minkejja li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni espost fid-DO ma kienx jirrigwarda r-reviżjonijiet tal-prezzijiet, imma n-natura inġusta u eċċessiva tal-prezzijiet applikati minn Gazprom fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti (iktar ’il quddiem il-“prezzijiet kuntrattwali”). Dawn l-impenji, limitati biex jistabbilixxu proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezz, ma jirrimedjawx is-sors tal-problema, jiġifieri l-eżistenza ta’ formoli tariffarji (price formulae) ibbażati fuq l-indiċi tal-prezz ta’ ċerti prodotti taż-żejt.

145    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni, fid-DO, ikklassifikat il-prattiki inkwistjoni bħala li jmorru kontra l-ewwel parti tal-Artikolu 102(a) TFUE, dwar il-“prezzijiet inġusti”, u mhux kontra t-tieni parti tiegħu, dwar il-“kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ”. Huma għaldaqstant il-prezzijiet eċċessivi li kienu fil-mira tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni, u mhux il-proċess tar-reviżjoni ta’ dawn il-prezzijiet.

146    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat hija wkoll, fid-DO, li l-formoli tariffarji eżistenti, ibbażati fuq l-indiċi tal-prezzijiet taż-żejt, kienu l-fattur prinċipali li kkontribwixxew għall-prezzijiet kuntrattwali eċċessivi. Hija kkonstatat ukoll li l-indiċjar tal-prezzijiet tal-gass fuq il-prezzijiet ta’ prodotti taż-żejt hija prattika tal-imgħoddi, li tista’ tiġġenera prezzijiet li ma jirriflettux il-valur ekonomiku tal-gass. Fl-istess sens, hija kienet qegħda tirreferi, fid-DO, għall-miżuri ta’ korrezzjoni, b’mod partikolari il-modifiki ta’ dawn il-formoli, sabiex dawn jiġġeneraw prezzijiet li ma humiex ogħla minn dawk tal-pjattaforma Olandiża Title Transfer Facility (TTF) jew li jkunu marbutin mal-ispejjeż ta’ Gazprom. Għaldaqstant, filwaqt li astejniet milli timponi, fl-impenji finali, modifika tal-formoli tariffarji u billi ppermettiet għaldaqstant ir-ritorn ta’ prezzijiet eċċessivi, il-Kummissjoni ma rrimedjatx għas-sustanza tat-tħassib inizjali li jikkonċerna l-prattiki tariffarji u lanqas għall-kaġunijiet ta’ dawn il-prezzijiet eċċessivi, b’mod li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji huma inadegwati u li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-għanijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

147    Fl-istess sens, ir-Repubblika tal-Litwanja tfakkar li l-prezzijiet inġusti u eċċessivi fis-seħħ fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji rriżultaw mill-fatt li l-prezzijiet tal-gass f’dawn il-pajjiżi kienu differenti minn dawk applikabbli fl-Ewropa tal-Punent. Sabiex jiġi evitat dan ir-riżultat, il-formola tariffarja kellha minnha nfisha tiġġenera prezzijiet kompetittivi, b’mod li kellha tiġi mibdula din il-formola, iktar milli l-proċess ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, li jdum minn tal-inqas sitt xhur u jkun jiddependi fuq ir-rieda tajba ta’ Gazprom.

148    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis infondat l-uniku veru motiv imressaq mill-Kummissjoni, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, biex tiġġustifika l-għażla tagħha li ma tbiddilx il-formoli tariffarji. Fil-fatt, il-fatt biss li l-prezzijiet li jirriżultaw minn dawn il-formoli raw tnaqqis fl-2015 u fl-2016 u “ċerta konverġenza” mal-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju ma ppermettiex lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-intervent tagħha ma kienx għadu ġġustifikat.

149    B’mod partikolari, dan il-motiv bl-ebda mod ma huwa kkorroborat, b’mod partikolari b’analiżijiet ekonomiċi, u bl-ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru, min-natura tiegħu, evoluttiv tal-prezzijiet taż-żejt, minħabba l-fatt li dawn il-prezzijiet ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u għaldaqstant, il-possibbiltà li l-prezzijiet kuntrattwali jistgħu jerġgħu isiru eċċessivi. Il-Kummissjoni jingħad li injorat il-fatt li l-prezzijiet taż-żejt, madwar is-sena 2015 u 2016, kienu jinsabu, għal diversi raġunijiet, f’livelli minimi, differenti mill-medja ta’ dawn il-prezzijiet.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta li ma rrimedjtax is-sustanza tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni msemmi fl-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw il-prattiki tariffarji.

151    Jeħtieġ li jitfakkar li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji jinsabu fil-punti 18 u 19 tal-impenji finali. Il-punt 18 jipprovdi, essenzjalment, li, f’terminu ta’ għaxar ġimgħat b’effett mid-dħul fis-seħħ tagħhom, Gazprom kellha tipproponi li tbiddel il-kuntratti kkonċernati, sabiex tinkludi klawżola ġdida ta’ reviżjoni tal-prezzijiet jew li tbiddel il-klawżoli eżistenti sabiex tasal għall-istess riżultat, jiġifieri, b’mod konkret, proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-formoli tariffarji li jiddeterminaw il-prezzijiet kuntrattwali tal-gass. Gazprom kellha tipproponi dan għall-kuntratti kollha ta’ provvista ta’ gass għal żmien ta’ mill-inqas tliet snin, kemm jekk għall-kuntratti fis-seħħ jew ukoll għall-kuntratti ġodda. Il-punt 19 tal-impenji finali jipprovdi ħames elementi li għandu jinkludi dan il-proċess sabiex, f’każ ta’ attivazzjoni tal-proċess, wieħed jasal għal formoli tariffarji ġodda.

152    Għaldaqstant, jirriżulta mill-punti 18 u 19 tal-impenji finali li l-Kummissjoni għamlet effettivament l-għażla li tawtorizza proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet iktar milli tiżgura tibdil immedjat tal-formoli tariffarji.

153    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fid-DO, il-Kummissjoni ma ffokatx fuq il-proċess ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, imma eżaminat il-formoli tariffarji eżistenti fil-kuntratti kkonċernati u, b’mod partikolari, l-ibbażar fuq l-indiċi tal-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt integrat f’dawn il-formoli, filwaqt li analizzat l-effetti inflazzjonarji, fuq il-prezzijiet kuntrattwali tal-gass, ta’ dan l-ibbażar fuq l-indiċi, kif dan jirriżulta b’mod partikolari fuq it-taqsima 11.4 tad-DO, intitolata “[kunfidenzjali]”. Il-Kummissjoni kienet osservat li r-raġunijiet li inizjalment kienu ġġustifikaw l-indiċjar tal-formoli tariffarji fuq il-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt, jiġifieri b’mod partikolari l-maturità insuffiċjenti tas-swieq tal-gass, kienu, b’mod ġenerali, ma baqgħux jissussistu (punt 545 tad-DO), fejn din l-aħħar konstatazzjoni tirriżulta wkoll, essenzjalment, mill-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni espost, b’mod preliminari, fid-DO mill-Kummissjoni kien jirrigwarda madankollu, qabel xejn, l-eżistenza ta’ prezzijiet kuntrattwali potenzjalment eċċessivi u li l-Kummissjoni ma kinitx [kunfidenzjali] (ara b’mod partikolari l-punti 949 u 981 tad-DO). Dan jinsab, essenzjalment, fis-sunt tal-evalwazzjoni preliminari li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 62 u 63).

154    Kienet x’kienet, fl-istadju tal-evalwazzjoni preliminari tagħha, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indiċjar tal-formoli tariffarji, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li matulha ġew eżaminati l-impenji proposti minn Gazprom, il-prezzijiet kuntrattwali, marbutin mat-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ prodotti taż-żejt, kienu tbaxxew, b’mod li dawn il-prezzijiet kienu kkonverġew għal dawk applikabbli fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass tal-Ewropa tal-Punent. Din il-konstatazzjoni, imressqa mill-Kummissjoni u minn Gazprom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 49, kif ukoll il-premessi 162 u 164) u ma hijiex, fir-realtà, ikkontestata mir-rikorrenti, li tenfasizza pjuttost ir-riskju ta’ żieda futura fil-prezzijiet taż-żejt u, b’mod korrelattiv, żieda fil-prezzijiet kuntrattwali għal livelli potenzjalment eċċessivi.

155    Għaldaqstant, meħud kont tal-livell tal-prezzijiet fil-mument tal-adozzjoni tal-impenji finali, ma kinitx kwistjoni ta’ prezzijiet potenzjalment eċċessivi li teżiġi tibdil fil-formoli tariffarji li jkollhom effett immedjat.

156    Fuq dan il-punt, jeħtieġ li jiżdied jingħad li l-klijenti kkonċernati setgħu jintroduċu malajr talba għar-reviżjoni tal-prezz sabiex jiksbu tibdil fil-formoli tariffarji. Fil-fatt, skont l-aħħar inċiż tal-punt 19(ii) tal-impenji finali, dawn il-klijenti jistgħu jintroduċu l-ewwel talba tagħhom għar-reviżjoni tal-prezz f’kull mument malli l-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet ikun ġie integrat f’kuntratt partikolari, peress li Gazprom kellha tipproponi din l-integrazzjoni f’terminu ta’ għaxar ġimgħat b’effett mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

157    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif ġie espost fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għażla tat-triq ta’ proċess ta’ reviżjoni tal-prezzijiet ippermettiet lill-Kummissjoni li ma jkollhiex toħloq hija stess, b’koordinazzjoni ma’ Gazprom, formoli tariffarji ġodda għal kull wieħed mill-kuntratti kkonċernati, ħaġa li ma kinitx faċli fid-dawl tal-kumplessità ta’ tali eżerċizzju. Fil-fatt, [kunfidenzjali] (kif jirriżulta mill-punti 223 u 1065 tad-DO). Minn dan isegwi li ma kienx manifestament irraġonevoli għall-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi studjat il-bilanċ ekonomiku u l-karatteristiċi partikolari ta’ kull kuntratt ikkonċernat, li ma ndaħlitx, fil-kuntest ta’ din l-elaborazzjoni tal-impenji, f’tali ħolqien tal-formoli tariffarji.

158    Għall-bqija, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji kienu jippermettu r-repetizzjoni tal-prattiki inzijalment ikkontestati, jiġifieri dawk tal-prezzijiet potenzjalment eċċessivi, u jiksru għaldaqstant l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, peress li l-għażla ta’ proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet għandha tippermetti li wieħed jilqa’ għall-effetti tal-eventwali żieda futura fil-prezz taż-żejt, billi tiżgura, kif ġie affermat fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezzijiet fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji ma jkunu qatt differenti mill-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi tal-Ewropea tal-Punent “lil’hinn minn perijodu qasir ħafna”, din l-għażla hija intiża preċiżament li tevita tali repetizzjoni.

159    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u mingħajr preġudizzju għall-analiżi tal-partijiet segwenti tat-tieni motiv, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, in-natura adegwata tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet bħala tali, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet, mingaħjr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, taċċetta impenn li jipprevedi l-istabbiliment ta’ dan il-proċess ġdid iktar milli tibdil immedjat tal-formoli tariffarji.

160    Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda bħala infondata l-ewwel parti tat-tieni motiv.

2.      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar in-natura ineffettiva tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet

161    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura effettiva tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet previst fl-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji. Din il-parti tinqasam, essenzjalment, f’erba’ lmenti.

162    Il-Kummissjoni tikkontesta l-iżbalji allegati mir-rikorrenti.

a)      Fuq l-ineffettività tal-impenji fid-dawl tal-prattiki ostruttivi ta’ Gapzrom (l-ewwel ilment)

163    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom Gazprom irnexxielha żżomm il-prezzijiet kuntrattwali eċċessivi, ħaġa li wasslitha taċċetta proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet ineffikaċi.

164    Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-prezzijiet kuntrattwali eċċessivi passati kienu jirriżultaw min-nuqqas, fil-kuntratti kkonċernati, ta’ klawżoli effettivi ta’ reviżjoni tal-prezzijiet li jirreferu għall-prezz ta’ referenza approprjati, bħalma huma l-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass. Tali konklużjoni hija kontra l-provi li kellha l-Kummissjoni u l-konstatazzjonijiet tagħha fid-DO. B’mod partikolari, l-eżami korrett tal-klawżola ta’ reviżjoni tal-prezzijiet inkluża fil-kuntratt tar-rikorrenti ma’ Gazprom kien jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li din il-klawżola kienet diġà tippermetti li jiġi invokat il-livell ta’ ċerti prezzijiet ta’ referenza kemm bħala ċirkustanza li tiġġustifika l-iskattar ta’ reviżjoni tal-prezz kif ukoll bħala kriterju għad-determinazzjoni ta’ prezz ġdid.

165    Issa, minkejja l-fatt li l-klawżoli eżistenti ta’ reviżjoni tal-prezzijiet kienu diġà jirreferu għall-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi u għat-twettiq ta’ ċerti reviżjonijiet, il-klijenti ta’ Gazprom iltaqgħu madankollu ma’ diverġenzi kontinwi bejn il-prezzijiet riveduti u l-prezzijiet kompetittivi tal-gass u kienu obbligati jħallsu prezzijiet mhux kompetittivi.

166    Fir-realtà, il-veru ostaklu għar-reviżjonijiet tal-prezzijiet jiġi, kif il-Kummissjoni kkonstatat barra minn hekk fid-DO, l-aġir ostruttiv ta’ Gazprom, li kienet irrifjutat fil-passat li tirrevedi l-prezzijiet tagħha u li tapplika l-prezzijiet irriveduti. Sakemm il-formola tariffarja eżistenti tiffavorixxi lil Gazprom, din l-impriża tkun tista’ ttawwal il-proċeduri ta’ reviżjonijiet ta’ prezzijiet, peress li l-klijenti tagħha, li jkunu obbligati jħallsu prezzijiet eċċessivi, ikunu finalment disposti jaċċettaw tnaqqis anki marġinali tal-prezzijiet.

167    B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tirrileva, l-ewwel nett, li r-reviżjoni ta’ prezzijiet teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ Gazprom f’diversi stadji, li tippreżumi, bħala minimu, li din tal-aħħar tkun lesta tidħol in bona fide f’negozjati dwar il-prezzijiet u sabiex taċċetta l-prezzijiet riveduti li jirriżultaw mill-proċess ta’ reviżjoni, jekk ikun il-każ, billi teżegwixxi l-eventwali deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Issa, Gazprom użat preċiżament id-dgħufija inerenti għall-proċess ta’ reviżjoni tal-prezzijiet previst mill-klawżoli eżistenti u rrikattat lill-klijenti tagħha għal diversi snin, b’mod partikolari billi heddet li tnaqqas jew twaqqaf il-provvista tal-gass jekk dawn jinsistu fuq prezz rivedut. Barra minn hekk, Gazprom hija wkoll f’pożizzjoni li timmina l-effikaċità tal-arbitraġġi, billi tirrifjuta li teżegwixxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew billi ttawwal iż-żmien tagħhom. Dawn il-prattiki jirriżultaw mis-sitwazzjonijiet li fihom kienu jinsabu Naftogaz, stabbilita fl-Ukraina, u r-rikorrenti rispettivament. Fir-realtà, matul il-perijodu eżaminat mill-Kummissjoni, huma biss xi klijenti tal-Ewropa tal-Punent li bbenefikaw verament mill-prezzijiet riveduti, filwaqt li l-allegati reviżjonijiet tal-prezzijiet mal-klijenti fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji seħħew biss f’ċerti “xenarji” li baqgħu essenzjalment fil-kontroll ta’ Gazprom.

168    Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li l-aċċettazzjoni mill-klijenti ta’ Gazprom ta’ prezzijiet riveduti, fiċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw lil dawn ix-xenarji, u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ “kompromess sfurzat”, irriżultat mill-għażliet indipendenti min-naħa tagħhom. Għall-kuntrarju, dawn l-għażliet seħħew f’kuntest ta’ pressjoni magħmula minn din l-impriża u jikkostitwixxu biss komponenti jew effetti tal-użu abbużiv minn Gazprom ta’ din il-pożizzjoni.

169    Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ ssostni li l-prattiki passati ta’ Gazprom quddiem it-talbiet għar-reviżjoni tal-prezzijiet, b’mod partikolari dawk li kellha għarfien tagħhom, ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, għar-raġuni biss li dan il-proċess ġdid jinsab stabbilit f’impenji vinkolanti. Tali approċċ jippermetti li jiġu injorati ċirkustanzi fattwali rilevanti u, għaldaqstant, imur kontra n-natura tar-rwol tal-Kummissjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tal-provi, kif ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87), u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392). Fir-realtà, l-elementi li jattestaw id-diffikultajiet li ffaċċjaw il-klijenti ta’ Gazprom fil-passat u, minħabba dan, l-ineffikaċità tal-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji għandhom jitqiesu manifesti tant li huma inkontestabbli, b’mod li l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni ma jistgħux jinbidlu fuq dan il-punt.

170    Fl-istess sens, il-Kummissjoni ma spjegatx, b’mod konkret, kif l-aġir ostruttiv ta’ Gazprom jiġi evitat fil-futur minħabba l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji jew kif dawn jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ dawn l-impenji. Fir-realtà, kif ġie kkonstatat fid-DO, in-negozjati tariffarji, jiġifieri l-arbitraġġi, ma jiggarantixxux li jitneħħew il-prezzijiet eċċessivi, peress li l-prattiki ta’ Gazprom ikomplu sakemm ikunu għadhom jeżistu l-formoli tariffarji strutturalment inġusti.

171    F’dan ir-rigward, l-effikaċità tal-Konvenzjoni għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin, iffirmata f’New York fl-10 ta’ Ġunju 1958, hija kompletament relattiva quddiem il-prattiki użati minn Gazprom, peress li din tal-aħħar tirrifjuta li teżegwixxi d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, tostakola l-proċedura ta’ eżekuzzjoni u taħbi l-assi tagħha billi tittrasferixxihom barra mill-portata tal-qrati li quddiemhom il-benefiċjarji ta’ dawn is-sentenzi jkunu jistgħu jduru.

172    Fl-aħħar nett, fuq l-istess linja mal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja jenfasizzaw li Gazprom tibqa’ fornitur indispensabbli fir-reġjun u li, minkejja t-twettiq tal-investimenti infrastrutturali pprogrammati, u b’mod partikolari, l-bini ta’ interkonnessjoni bejn il-Polonja u l-Litwanja, is-saħħa ta’ negozjar tagħha x’aktarx mhux ser jiddgħajjef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha teżiġi minn Gazprom impenji iktar ambizzjużi b’mod li tiggarantixxi reviżjonijiet effettivi tal-prezzijiet, peress li, fl-istat attwali ta’ dawn l-impenji, Gazprom, bl-aġir ostruttiv imsemmi, ma tkunx tikser formalment l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji.

173    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura ineffettiva tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, b’mod li l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

174    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li, bl-argument tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li fih żewġ komponenti, li jispjegaw in-natura ineffikaċi tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet. Min-naħa, din l-istituzzjoni jingħad li identifikat b’mod żbaljat, bħala l-kaġun tar-reviżjonijiet ineffettivi tal-prezzijiet fil-passat, l-impossibbiltà li tinvoka l-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi u, min-naħa l-oħra, hija naqset milli tidentifika u tirrimedja l-kaġun veru ta’ dawn ir-reviżjonijiet ineffettivi, jiġifieri l-aġir ostruttiv ta’ Gazprom.

175    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel komponent tal-argument tar-rikorrenti, dwar in-nuqqas ta’ prezz ta’ referenza kompetittiv fil-klawżoli eżistenti tar-reviżjoni tal-prezzijiet, jirriżulta, b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-eżempji ta’ kuntratti esposti fid-DO (b’mod partikolari fil-punti 226 sa 232 tagħha, kif tirrileva l-Kummissjoni) li, minn tal-inqas għal ċertu numru ta’ kuntratti kkonċernati, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn kienu jinkludu riferimenti, fil-klawżoli għad-determinazzjoni jew għar-reviżjoni tal-prezzijiet, għal prezzijiet ta’ referenza kompetittivi u ddefiniti b’mod ċar, kif ikkontemplati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-eżempji jirreferu għall-klawżoli li l-formulazzjoni tagħhom hija differenti ħafna minn dik tal-linji gwida tariffarji li jinsabu fil-punt 19(iii) tal-impenji finali, b’mod partikolari inkwantu dawn il-linji gwida jirreferu “għal-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa kontinentali tal-Punent” u jirrigwardaw il-prezzijiet medji ponderat tal-importazzjoni fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja kif ukoll il-livell tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi tan-negozju tal-gass likwidu tal-Ewropa kontinentali ġeneralment aċċettati.

176    Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-klawżola inkluża fil-kuntratt konkluż bejn Gazprom u r-rikorrenti, li kopja tagħha ġiet riprodotta minn din tal-aħħar mar-risposti tat-8 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li [kunfidenzjali].

177    Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji u, b’mod partikolari, l-opportunità li jkun hemm proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni preliminari, li tinsab b’mod partikolari fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata (u, f’termini simili, fil-premessi 78, 79 u 177 ta’ din id-deċiżjoni), li tgħid li n-nuqqas, fil-klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, ta’ prezz ta’ referenza ddefinit b’mod ċar, kompetittiv u pubblikament disponibbli (bħalma huwa l-prezz fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass kompetittiv), kien wieħed mill-fatturi prinċipali li setgħu jwasslu għal prezz inġust fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji.

178    Għal dak li jirrigwarda t-tieni komponent tal-argument tar-rikorrenti, dwar l-aġir ostruttiv ta’ Gazprom, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi enfasizzat li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji li huma intiżi li jistabbilixxu process ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-klijenti ta’ Gazprom fil-PEĊL ikkonċernati, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti tagħhom kif tirriżulta mid-DO (b’mod partikolari l-punti 226 sa 232 tagħha). Kif jirriżulta mill-punt 151 iktar ’il fuq, il-punt 19 tal-impenji finali jipprovdu ħames elementi li għandhom jinvolvu l-imsemmi proċess.

179    B’mod partikolari, barra mill-impożizzjoni ta’ linji gwida tariffarji (ara l-punt 19(iii) tal-impenji finali, taqsima intitolata “Adjustment part of the price review clause” (il-parti tal-klawżola tar-reviżjoni tal-prezzijiet ddedikata għall-aġġustament”)) li jinkludu riferimenti għall-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi (ara l-punt 175 iktar ’il fuq), dan il-proċess ġdid jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

–        kriterji preċiżi li jippermettu lil dawn il-klijenti li jitolbu reviżjoni tal-prezzijiet, fosthom kriterju bbażat fuq diverġenza bejn il-livell tal-prezzijiet kuntrattwali u l-evoluzzjoni ta’ dawk is-swieq Ewropej tal-gass b’mod li din l-evoluzzjoni tkun riflessa f’dik tal-prezzijiet medji ponderati tal-importazzjoni fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja jew dik tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass likwidu tal-Ewropa kontinentali ġeneralment aċċettati [ara l-punt 19(i) tal-impenji finali, taqsima intitolata “The trigger part of the price review clause” (il-parti tal-klawżola tar-reviżjoni tal-prezzijiet iddedikata għall-bidu tal-applikazzjoni tagħha);

–        il-possibbiltà li jitolbu reviżjoni tal-prezzijiet kull sentejn u, b’żieda ma’ din il-possibbiltà, id-dritt li jitolbu reviżjoni darba kull ħames snin (ħaġa li tikkorriposndi mal-“joker” imsemmi fil-premessi 125 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l-punt 19(ii) tal-impenji finali, taqsima intitolata “The frequency and timing of the price review” (il-frekwenza u ż-żmien tar-reviżjoni tal-prezzijiet));

–        il-possibbiltà li jressqu t-tilwima dwar il-prezzijiet għall-arbitraġġ f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fil-120 jum wara l-introduzzjoni tat-talba għar-reviżjoni tal-prezzijiet (ara l-punt 19(iv) tal-impenji finali, taqsima intitolata “Arbitration part of the price review clause” (parti tal-klawżola ta’ reviżjoni tal-prezzijiet iddedikata għall-arbitraġġ)).

180    Fuq kollox, lil hinn minn dawn l-elementi li jifformaw il-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, ir-rikorrenti ma tistax tinjora differenza kbira fir-rigward tat-talbiet għar-reviżjoni tal-prezzijiet magħmula minn wieħed mill-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom fil-passat. Kieku l-klijent kellu jressaq tali talba skont l-imsemmi proċess, dan ikun jidħol fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-impenji magħmula vinkolanti skont il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

181    Għaldaqstant, l-aġir ta’ Gazprom fl-implimentazzjoni tal-impenji finali jkun issorveljat, l-ewwel nett, mill-mandatarju responsabbli mill-monitoraġġ ta’ dawn l-impenji, skont it-taqsima 5.2 tal-imsemmija impenji. Għaldaqstant, il-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom, fosthom ir-rikorrenti, jkunu jistgħu jinformaw lil dawn il-mandatarji u lill-Kummissjoni bl-aġir li, skont dawn il-klijenti, ma jkunx konformi mal-impenji finali. Issa, kieku l-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta mill-imsemmi mandatarju jew mill-imsemmija klijenti, kellha tikkonstata aġir li jmur kontra l-formulazzjoni u l-għan ta’ dawn l-impenji, hija tkun tista’ timponi multa fuq Gazprom skont l-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003.

182    Tali aġir kuntrarju jippermetti wkoll lill-Kummissjoni li terġa’ tiftaħ il-proċedura amministrattiva, skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003. Fuq l-istess linja, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni mibgħuta mill-mandatarju responsabbli mill-monitoraġġ ta’ dawn l-impenji jew mill-klijenti kkonċernati, il-Kummissjoni tkun tista’, skont l-Artikolu 9(2)(a) u (ċ) tal-imsemmi regolament, terġa’ tiftaħ din il-proċedura jekk hija kellha ssib li wieħed mill-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ra tibdil sinjifikattiv jew li d-deċiżjoni hija bbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, ineżatta jew żnaturata mill-partijiet. Issa, meħud kont tal-investigazzjoni approfondita diġà mwettqa u n-notifika tad-DO, tali ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-kronoloġija tagħha ma hijiex paragunabbli mal-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida ab initio kontra l-imsemmija impriża.

183    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr preġudizzju għall-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet eventwali li jista’ jasal għalihom il-mandatarju responsabbli mill-monitoraġġ tal-impenji finali jew mill-Kummissjoni, u jekk wieħed jippreżumi li l-aġir adottat minn Gazprom fiċ-ċirkustanzi partikolari jista’ jkun diffiċli li jiġi evalwat u kklassifikat, ikun riskjuż għal din l-impriża li tkun ħatja, jekk ikun il-każ, ta’ aġir ostruttiv fil-kuntest ta’ proċeduri futuri ta’ reviżjoni tal-prezzijiet. B’mod partikolari, kif issostni b’mod partikolari l-Kummissjoni, l-aġir li permezz tiegħu tfittex li torbot ir-riżultat tan-negozjati tariffarji mal-ksib ta’ vantaġġi favur tagħha manifestament mingħajr relazzjoni mal-prezz, jew tostakola b’mod sinjifikattiv l-iżvolġiment ta’ arbitraġġ, ikun jista’ jwassal għall-konsegwenzi msemmija fiż-żewġ punti preċedenti.

184    Barra minn hekk, meħud kont tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-konstatazzjonijiet preliminari li jinsabu fil-punti 976 sa 979 tad-DO, li jikkonċernaw l-insuffiċjenzi tal-klawżoli eżistenti ta’ reviżjoni tal-prezzijiet u s-sitwazzjoni li kienet tipprevali qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jiġġustifikawx li tiġi kkontestata n-natura adegwata tal-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji. Bl-istess mod, is-sempliċi fatt, wara din l-adozzjoni u li l-veraċità tiegħu ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, li ma saret ebda talba għar-reviżjoni tal-prezzijiet sad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-impenji ma huwiex biżżejjed biex jikkontesta n-natura adegwata tagħhom.

185    Mill-bqija, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Litwanja u bbażati, min-naħa, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmula mill-Ministeru tal-Enerġija tagħha u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-mandatarju responsabbli mill-monitoraġġ tal-impenji finali jitħallas minn Gazprom. Fil-fatt, l-ewwel argument ma huwiex ikkorroborat. Fir-rigward tat-tieni argument, meħud kont tal-miżuri previsti fil-punti 23 sa 44 tal-impenji finali, il-fatt li dan il-mandatarju jitħallas minn Gazprom ma huwiex suffiċjenti biex tiġi kkontestata l-indipendenza tiegħu. B’mod partikolari, l-għażla tal-mandatarju hija suġġetta għal proċedura rigoruża u, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni tista’ tagħmel din l-għażla hija stess. Iktar minn hekk, dawn il-punti jippreċiżaw b’mod ċar il-missjoni tal-mandatarju u jindikaw li l-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lil dan tal-aħħar.

186    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv.

b)      Fuq in-nuqqas ta’ kapaċità tal-impenji biex jirrimedjaw fi żmien utli t-tħassib dwar il-kompetizzjoni (it-tieni lment)

187    Ir-rikorrenti ssostni li deċiżjoni ta’ impenji għandha tirrimedja malajr it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. Issa, it-tul mistenni tal-proċeduri mibdija skont il-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet jagħmluh ineffettiv. Filwaqt li l-Kummissjoni stess enfasizzat fid-DO, din il-problema li tirrigwarda l-klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, hija bl-ebda mod ma tispjega kif il-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet jikkoreġi l-prezzijiet eċċessivi fi żmien utli.

188    B’mod iktar partikolari, il-frekwenza miżjuda tal-possibbiltajiet li tintalab reviżjoni tal-prezzijiet ma telliminax ir-riskju ta’ prezzijiet eċċessivi, u lanqas l-effetti tagħhom matul id-diversi snin tal-proċess ta’ reviżjoni. It-tnaqqis ta’ 60 jum mill-perijodu ta’ negozjati qabel ma jinbeda l-arbitraġġ, li minn 180 jinżel għal 120 jum, huwa mingħajr effett fuq it-tul tal-proċeduri ta’ arbitraġġ innifishom, peress li l-marġni ta’ mmanuvrar ta’ Gazprom biex iddewwem ir-reviżjoni milli timmaterjalizza ruħha fl-istadju tal-arbitraġġ, li tiegħu hija tkun tista’ ttawwal it-tul tal-proċedura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li l-arbitraġġi bejn Gazprom u l-klijenti tagħha idumu kważi 25 xahar. Ma’ dan iż-żmien jiżdied it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, b’mod partikolari fir-rigward tal-prattika ta’ Gazprom li tirrifjuta li teżegwixxi dawn is-sentenzi. Xejn fl-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji ma jimponi li Gazprom issolvi malajr tilwima tariffarja, kemm jekk billi tidħol f’negozjati tariffarji jew billi teżegwixxi fil-pront deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

189    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta li l-applikazzjoni retroattiva tal-prezzijiet riveduti, kif previst fil-punt 19(v) tal-impenji finali, ipattu għar-riskji marbuta mad-dewmien tal-proċess ta’ reviżjoni, filwaqt li, fir-realtà, din l-applikazzjoni ma tirrimedjax id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-klijenti ta’ Gazprom, jiġifieri l-operat bit-telf fit-tul, telf ta’ likwidità, in-nuqqas ta’ kapaċità li jiffinanzjaw l-iżvilupp futur jew ukoll il-falliment.

190    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

191    Jeħtieġ li jitfakkar li l-implimentazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa limitat għall-verifika li l-impenji inkwistjoni jindirizzaw it-tħassib li bih hija tkun informat lill-impriżi kkonċernati u li dawn tal-aħħar ma offrewx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq dan it-tħassib (sentenza Alrosa, punt 41). Għalkemm dawn ir-rekwiżiti jistgħu jeżiġu li tali impenji jirrimedjaw “malajr”, kif issostni r-rikorrenti, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni, l-evalwazzjoni ta’ tali ħtieġa tiddependi mill-każ partikolari.

192    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva li fiha kienu eżaminati l-impenji proposti minn Gazprom, wara t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt, il-prezzijiet kuntrattwali kienu tbaxxew u għaldaqstant ikkonverġew ma’ dawk applikabbli fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-Ewropa tal-Punent. Għaldaqstant, fl-imsemmi stadju, ma kinitx kwistjoni ta’ prezzijiet potenzjalment eċċessivi li jeħtieġu soluzzjoni immedjata.

193    Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-punt 18 tal-impenji finali, f’terminu, relattivament qasir, ta’ għaxar ġimgħat wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, Gazprom kellha tipproponi li tbiddel il-kuntratti kkonċernati, sabiex tinkludi klawżola ġdida ta’ reviżjoni tal-prezzijiet jew ta’ tibdil fil-klawżoli eżistenti li jippermettu li jwasslu għall-proċess ġdid ta’ reviżjoni. Iktar minn hekk, l-aħħar inċiż tal-punt 19(i) tal-impenji finali jipprevedi li l-ewwel talba għar-reviżjoni tal-prezzijiet tkun tista’ ssir f’kull mument wara l-istabbiliment ta’ dan il-proċess ġdid (ara l-punt 156 iktar ’il fuq).

194    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan il-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, huwa ċertament minnu li l-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom jibqgħu suġġetti għall-formoli tariffarji eżistenti sakemm joħroġu l-prezzijiet riveduti li jirriżultaw mill-proċeduri ta’ arbitraġġ, li jistgħu jieħdu diversi xhur, jew snin. Ir-rikorrenti u Gazprom isemmu eżempji ta’ dewmien medju ta’ tali proċeduri ta’ 25 xahar u 17-il xahar u nofs rispettivament.

195    Madankollu, kif diġà ġie espost fil-punti 178 sa 182 iktar ’il fuq, min-naħa, l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji huma intiżi li jistabbilixxu proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet li jsaħħu l-pożizzjoni tal-klijenti ta’ Gazprom fil-PEĊL ikkonċernati, meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti tagħhom. Min-naħa l-oħra, bil-fatt li tadotta aġir li jmur kontra l-formulazzjoni u l-għan tal-impenji finali, Gazprom iġġorr ir-riskju li eventwalment jiġi applikat l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija żbaljata r-rikorrenti meta ssostni li xejn fl-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji ma jimponi li Gazprom tbiddel l-aġir tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest tal-arbitraġġi jew fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, meta mqabbla mar-reviżjonijiet tal-prezzijiet passati. Fl-istess sens, mingħajr preġudizzju għat-trattament tal-ilmenti u l-partijiet li jsegwu, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet għandha tkun distinta miċ-ċirkustanzi esposti, bħala eżempju, fil-punti 977 u 978 tad-DO, li huma invokati mir-rikorrenti, fejn il-proċeduri ta’ arbitraġġ kienu partikolarment twal jew ma wasslux neċessarjament għal prezzijiet kompetittivi.

197    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegati diffikultajiet finanzjarji li jkollhom jiffaċċjaw il-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom sakemm jistennew il-prezzijiet riveduti, l-applikazzjoni retroattiva ta’ dawn il-prezzijiet, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma semmiet ebda eżempju passat konkret, ikkorroborat minn data, li juri dawn l-allegati diffikultajiet, inkluż għal dak li jikkonċernaha.

198    L-iktar l-iktar, l-istudju ekonomiku ppreżentat mir-rikorrenti fl-Anness U.6 tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ Gazprom jippreċiża li xerrej tal-gass, bħalma hija r-rikorrenti, jiffaċċja diversi inkonvenjenzi finanzjarji, b’mod partikolari telf minħabba l-ispiża addizzjonali marbuta mal-prezz tal-gass u telf possibbli ta’ klijenti li jitilqu għand kompetituri orħos (punti 19 sa 21 ta’ dan l-istudju). Issa, mingħajr il-bżonn ta’ deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ din il-parti mill-istudju, jeħtieġ li jiġi nnotat li dawn l-inkonvenjenzi lanqas ma huma kkorroborati minn figuri jew eżempji passati konkreti u li, fi kwalunkwe każ, ma jinvolvux preġudizzji finanzjarji suffiċjentement gravi, bħall-falliment jew ħruġ mis-suq ikkonċernat, biex ikunu tali li jikkontestaw in-natura xierqa tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, b’mod partikolari inkwantu dan jippreżumi l-użu eventwali tal-arbitraġġ.

199    Il-probabbiltà tar-riskji ta’ tali preġudizzji titnaqqas meħud kont tal-fatt li mill-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, essenzjalment, li, b’mod ġenerali, diversi klijenti kkonċernati jikkostitwixxu x-xerrejja bl-ingrossa prinċipali f’kull wieħed mill-PEĊL ikkonċernati u, storikament, ma kinux esposti għad-dħul ta’ volumi kbar ta’ gass li joriġina mill-PEĊL ikkonċernati l-oħra.

200    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tafferma, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impenji finali setgħu jirrimedjaw immedjatament it-tħassib dwar il-kompetizzjoni u joffru qafas prospettiv (forward-looking framework) li jiżgura li Gazprom ma tirrepetix l-istess aġir abbużiv fis-suq fil-futur.

201    Għall-bqija, inkwantu r-rikorrenti ssostni, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, li l-Kummissjoni kellha tintervjeni billi timponi tibdil dirett fil-formoli tariffarji inklużi fil-kuntratti kkonċernati, huwa biżżejjed li jitfakkar li tali lment ġie miċħud fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

202    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni ma wettqitx l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegat mir-rikorrenti li tgħid li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji ma jindirizzawx fi żmien utli l-ilmenti li jikkonċernaw dawn il-prattiki.

203    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tieni ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv.

c)      Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-proċeduri ta’ arbitraġġ (it-tielet ilment)

204    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kbar tal-proċeduri ta’ arbitraġġ, minkejja li din id-diffikultà kienet ġiet ikkonstatata fid-DO. Il-klijenti ta’ Gazprom setgħu ċertament jitolbu reviżjoni fil-prezzijiet, imma jkunu jaffaċċjaw piż finanzjarju doppju matul il-proċess ta’ reviżjoni, inkwantu jkunu obbligati jbatu l-effetti tal-prezzijiet eċċessivi bħala tali u l-ammonti kbar neċessarji biex ikopru l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ arbitraġġ.

205    Barra minn hekk, safejn il-klijenti ta’ Gazprom ikunu jixtiequ jikkontestaw il-konformità mal-Artikolu 102 TFUE ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, dan ikun jimplika spejjeż addizzjonali għalihom minħabba l-produzzjoni ta’ provi ekonomiċi jew il-ħatra ta’ esperti.

206    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

207    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fid-DO, il-Kummissjoni kienet irrilevat l-ispiża għolja tal-proċeduri ta’ arbitraġġ mibdija fil-kuntest tar-reviżjonijiet tal-prezz u kienet innotat li, fid-dawl ukoll tar-riżultati inċerti ta’ dawn il-proċeduri u tan-natura tagħhom li jieħdu ħafna ħin, [kunfidenzjali] (ara, b’mod partikolari, il-punti 236 u 977 tad-DO).

208    Madankollu, jibqa’ l-fatt li minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-klijenti ta’ Gazprom ma kinux f’pożizzjoni li jħallsu dawn l-ispejjeż marbutin ma’ proċedura ta’ arbitraġġ. Fuq kollox, kif ġie espost essenzjalment fil-punti 178 sa 182 iktar ’il fuq, il-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom isibu ruħhom, wara l-adozzjoni tal-impenji finali, f’pożizzjoni msaħħa meta mqabbla ma’ dik ta’ qabel din l-adozzjoni, meħud kont tal-elementi preskritti fil-punt 19 ta’ dawn l-impenji u tar-riskji, għal Gazprom, marbutin ma’ applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 9(2) u tal-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003.

209    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li, fil-kuntest tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, dawn il-klijenti setgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preliminari mfakkra fil-punt 207 iktar ’il fuq, fl-analiżi tagħhom tal-opportunità li jibdew arbitraġġ u, b’mod iktar partikolari, li huma jkunu ħafna iktar inklinati li jesponu ruħhom għall-ispejjeż marbutin ma’ tali arbitraġġ.

210    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wetqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-fatt li hija ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-ispiża tal-proċeduri ta’ arbitraġġ mibdija fil-kuntest ta’ proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet.

211    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv.

d)      Fuq in-natura mhux xierqa tal-limitazzjoni tat-tul tal-kuntratti (ir-raba’ ilment)

212    Skont ir-Repubblika tal-Litwanja, bil-fatt li tillimita l-inklużjoni tal-klawżola ġdida ta’ reviżjoni tal-prezzijiet għall-kuntratti biss li huma għal żmien ta’ mill-inqas tliet snin, li ma huwiex dejjem il-każ fil-każ ta’ kuntratti konklużi fil-Litwanja, il-Kummissjoni tippermetti lil Gazprom li tevita l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji, peress li din l-impriża tkun tista’, bil-fatt li tikkonkludi kuntratti għal żmien iqsar, tkompli tinkludi formoli tariffarji li jwasslu għal prezzijiet inġusti.

213    Ir-riskju marbut ma’ din il-possibbiltà mħollija lil Gazprom huwa kkorroborat mill-fatt li l-Kummissjoni stess, fid-deċiżjoni C(2016) 4764 finali, tas-26 ta’ Lulju 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39317 – E.ON Gas), ikkonstatat li x-xerrejja tal-gass bl-ingrossa, klijenti ta’ Gazprom, kienu jippreferu, dejjem iktar, kuntratti għal żmien qasir.

214    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li n-natura twila tal-kuntratti kkonċernati kienet tikkontribwixxi biex tinżamm il-pożizzjoni dominanti ta’ Gazprom fis-swieq tal-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji. Għaldaqstant, huwa inkomprensibbli li, billi tirriżerva l-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet għall-kuntratti għal żmien twil, hija tħajjar allura lill-klijenti kkonċernati biex jikkonkludu tali kuntratti.

215    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

216    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta manifestament kemm mid-DO (ara, b’mod partikolari, il-punti 206, 217, 396, 458, 498 u, b’mod iktar ġenerali it-taqsima 15.8.2) kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 70, 72, 75, 162 u 176) li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni espress mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prattiki tariffarji kienu jikkonċernaw biss il-kuntratti għal żmien twil, jiġifieri l-kuntratti għal żmien ta’ mill-inqas tliet snin.

217    Din is-sitwazzjoni ssib spjegazzjoni, skont il-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-fatt li l-kuntratti li huma għal żmien inqas minn tliet snin jimplikaw rinegozjazzjoni iktar frekwenti tal-prezzijiet, ħaġa li tneħħi r-riskju li dawn il-prezzijiet isiru prezzijiet ta’ referenza kompetittivi sostenibbli, b’kuntrast ma’ dak li kien ġie kkonstatat b’mod preliminari fid-DO għall-kuntratti għal żmien twil konklużjoni minn Gazprom mal-klijenti tagħha fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji.

218    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li l-ilmenti li jikkonċernaw il-prattiki tariffarji kienu jirrigwardaw il-kuntratti għal żmien twil, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, biex tindirizza dawn l-ilmenti, aċċettat l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji applikabbli għall-kuntratti ta’ żmien ta’ mill-inqas tliet snin.

219    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni li tgħid li l-limitazzjoni tal-imsemmija impenji għall-kuntratti għal żmien twil tippermetti lil Gazprom li tevita dawn l-impenji billi tikkonkludi kuntratti għal żmien inqas minn tliet snin, jeħtieġ li jiġi nnotat li, meta ġew mistoqsija fuq il-kwistjoni tal-interessi rispettivi, minn naħa, tal-klijenti ta’ Gazprom u, min-naħa l-oħra, ta’ din tal-aħħar biex jikkonkludi kuntratti għal żmien twil jew qasir, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, fir-risposti tat-8 ta’ Diċembru 2020, indikaw it-tnejn li huma, essenzjalment, li l-kunsiderazzjonijiet rilevanti kienu diversi u li kemm l-imsemmija klijenti kif ukoll Gazprom setgħu jkollhom interess jikkonkludu tip jew ieħor mill-kuntratti, b’mod li din l-għażla teħtieġ li jsir eżami każ b’każ.

220    Iktar minn hekk, dejjem fir-risposti tat-8 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti rrilevat li, fir-rigward tal-pajjiżi Baltiċi, peress li dawn is-swieq ma kinux joffru lil Gazprom il-garanzija ta’ volumi sinjifikattivi, kien b’mod ċar inqas importanti għaliha li tikkonkludi kuntratti għal żmien twil mal-klijenti attivi f’dawn is-swieq, b’mod li Gazprom tkun tista’ faċilment tiddeċiedi li tabbanduna l-kuntratti għal żmien twil favur kuntratti għal żmien qasir (ġeneralment għal żmien ta’ sena). Issa, dan l-element itendi li juri li l-għażla ta’ Gazprom li tikkonkludi kuntratt għal żmien qasir ma tkunx neċessarjament iggwidata mix-xewqa li tevita l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji.

221    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-raba’ ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, li tiġi miċħuda din il-parti bħala infondata fl-intier tagħha.

3.      Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar l-iżbalji fil-formulazzjoni tal-linji gwida tariffarji

222    Fil-parti sussegwenti tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li hija intiża li tikkontesta n-natura effettiva tal-proċess ġdid ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar il-kontenut tal-linji gwida tariffarji previsti fil-punt 19(iii) tal-impenji finali, fit-taqsima intitolata “Parti tal-klawżola għar-reviżjoni tal-prezzijiet iddedikata għall-aġġustament”. Din il-parti tinqasam, essenzjalment, f’ħames ilmenti.

223    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegati żbalji.

a)      Fuq l-assenza ta’ ġerarkija bejn il-kriterji adottati fil-linji gwida tariffarji u n-natura vaga ta’ dawn il-linji gwida (l-ewwel ilment)

224    Skont ir-rikorrenti, il-linji gwida tariffarji jistabbilixxu tliet kriterji għar-reviżjoni tal-formoli tariffarji, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-importazzjoni fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja, fit-tieni lok, il-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass likwidu ġeneralment aċċettati fl-Ewropa kontinentali u, fit-tielet lok, il-karatteristiċi tal-gass ipprovdut fil-kuntest ta’ kuntratt partikolari. Issa, dawn it-tliet kriterji jvarjaw fil-punti ta’ paragun użat mill-Kummissjoni fid-DO biex tevalwa n-natura eventwalment eċċessiva tal-prezzijiet kuntrattwali.

225    Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm bżonn li tiġi pprovduta ġerarkija bejn it-tliet kriterji previsti fil-linji gwida tariffarji u li l-kriterju tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju ġeneralment aċċettati kellu jikkostitwixxu l-kriterju prinċipali. Din l-assenza ta’ ġerarkija ma tistax tkun iġġustifikata mill-fatt li din tippermetti li jitnaqqsu r-riskji marbutin maċ-ċaqliq sinjifikattiv fil-prezz li jirriżulta minn wieħed mill-kriterji, peress li l-ġerarkija ssir imbagħad liberament mit-tribunali tal-arbitraġġ, skont modalitajiet potenzjalment favorevoli għal Gazprom.

226    Barra minn hekk, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li l-linji gwida tariffarji huma fformulati f’termini ġenerali wisq, b’mod li l-prezzijiet riveduti jistgħu jvarjaw skont l-arbitri, skont l-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali minn dawn l-arbitri, skont l-esperti mitluba jew ukoll skont l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull tilwima tariffarija. Fl-aħħar nett, dan jippermetti lil Gazprom tarma ruħha, fil-prattika, kontra t-tnaqqis fil-prezzijiet u ma jikkontribwixxix biex tiġi rripristinata l-kompetizzjoni libera u mhux distorta fuq is-swieq Ewropej tal-gass.

227    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, issostni li l-linji gwida tariffarji huma adegwati, b’modi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

228    Jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-punt 19(iii) tal-impenji finali, il-klawżola rilevanti tal-kuntratti kkonċernati għandha tinkludi l-linji gwida tariffarji segwenti:

“meta jirrevedu l-istipulazzjonijiet li jirrigwardaw il-Prezz Kuntrattwali, il-Partijiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali, inter alia, il-prezzijiet medji ponderati tal-importazzjoni fil-fruntiera fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja u l-livell tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi likwidi ġeneralment aċċettati fl-Ewropa kontinentali (inkluż, b’mod partikolari, t-TTF, n-NCG, eċċ) filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karratteristiċi kollha tal-gass naturali pprovdut fil-kuntest tal-Kuntratt (bħalma huma, imma mhux b’mod eżawrjenti, il-kwantità, il-kwalità, il-kontinwità u l-flessibbiltà)”.

229    Issa, jirriżulta minn qari konġunt tal-linji gwida tariffarji u tal-korp tad-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari tal-premessi 103 u 155 tagħha) li dawn il-linji gwida tariffarji jipprevedu żewġ kriterji, iktar milli t-tliet kriterji identifikati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, u kif sostniet il-Kummissjoni b’mod partikolari waqt is-seduta, fid-determinazzjoni tal-formoli tariffarji ġodda, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali, u dan, fit-tieni lok, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi għall-kuntratt ikkonċernat mir-reviżjoni tal-prezz.

230    Għal dak li jirrigwarda dan l-ewwel kriterju, jirriżulta wkoll mill-linji gwida tariffarji li l-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali għandu jinftiehem b’referenza, b’mod partikolari, għal żewġ tipi ta’ data, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-prezzijiet medji peżati tal-importazzjoni fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja (iktar ’il quddiem il-“prezzijiet medji tal-importazzjoni”) u, fit-tieni lok, il-livell tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass likwidi ġeneralment aċċettati fl-Ewropa kontinentali (iktar ’il quddiem il-“prezzijiet tal-pjattaformi”).

231    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu ttrattati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

232    Għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ ġerarkija invokata mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, indipendentement mid-data użata, il-kriterju ċentrali li għalih wieħed iridu jirreferu l-partijiet f’kuntratt ikkonċernat u t-tribunali tal-arbitraġġ eventwalment aditi huwa dak tal-“livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali”.

233    Issa, peress li parti mill-gass mixtri fl-Ewropa tal-Punent kontinentali jinxtara permezz ta’ kuntratti ta’ provvista tal-gass, jekk ikun il-każ għal żmien twil, konkluż fil-kuntest ta’ operazzjonijiet distinti minn dawk li jseħħu fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass, il-prezzijiet tal-gass li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-livell tal-prezz fis-“swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali”, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni użat il-prezzijiet applikabbli għall-kuntratti għal żmien twil ta’ Gazprom mal-klijenti Ġermaniżi fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tagħha, fid-DO, tan-natura potenzjalment eċċessiva tal-prezzijiet applikabbli għall-kuntratti mal-klijenti tagħha fil-PEĊL ikkonċernati (ara t-taqsima 10.2.1 tad-DO). Ir-rikorrenti ma kkritikatx dan l-approwċ segwit mill-Kummissjoni fid-DO.

234    Għaldaqstant, fil-linji gwida tariffarji, id-data dwar il-prezzijiet medji tal-importazzjoni jservu biex jittieħdu l-prezzijiet applikabbli għall-kuntratti ta’ provvista tal-gass distinti mill-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju. Għal dan il-għan, din id-data tista’ raġonevolment tirrifletti l-livell tal-prezzijiet fis-“swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali”.

235    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji ma humiex intiżi li jiggarantixxu lill-klijenti kkonċernati prezzijiet komparabbli għall-prezzijiet l-iktar baxxi disponibbli fis-swieq kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali, imma fil-fatt prezzijiet komparabbli għal-livell ġenerali tal-prezzijiet fuq dawn is-swieq, liema livell jirriżulta kemm mill-prezzijiet tal-pjattaformi kif ukoll mill-prezzijiet medji tal-importazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqset milli tipprovdi ġerarkija bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ data previsti fil-linji gwida tariffarji.

236    Għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-formulazzjoni tal-linji gwida tariffarji hija vaga u ġenerali wisq, l-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-fatt li l-applikazzjoni tal-linji gwida tariffarji tista’ twassal għal prezzjiet riveduti li jvarjaw minn kuntratt ikkonċernat għal ieħor, skont l-arbitri b’mod partikolari, ma jistax jiġġustifika li jiġi kkunsidrat li l-linji gwida tariffarji huma inadegwati, peress li, minħabba li l-karatteristiċi tal-kuntratti kkonċernati jistgħu jvarjaw, id-differenzi fil-prezzijiet applikabbli minn kuntratt ikkonċernat għal ieħor ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw li jiġi kkunsidrat li dawn il-linji gwida huma manifestament inadegwati. Fil-fatt, l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji ma humiex intiżi li jiksbu prezzijiet riveduti viċin ħafna jew identiċi minn kuntratt għal ieħor.

237    Imbagħad, jeħtieġ li jitfakkar li, inkwantu l-ewwel kriterju jirrigwarda espressament “il-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali”, huwa jirreferi għall-prezzijiet ta’ referenza (benchmark) manifestament ħafna iktar kompetittivi mill-prezzijiet ta’ referenza identifikati fil-klawżoli ta’ determinazzjoni jew ta’ reviżjoni tal-prezzijiet eżistenti fil-kuntratti kkonċernati, fosthom il-klawżola li tinsab fil-kuntratt tar-rikorrenti, li tirreferi għall-“[kunfidenzjali]”. Minn dan l-aspett, iktar milli vagi, il-linji gwida tariffarji jikkostitwixxu titjib meta mqabbla mal-klawżoli eżistenti.

238    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, bil-fatt li pproponiet lill-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tagħmel l-impenji vinkolanti, u fin-nuqqas li kienet waqqfet in-negozjati ma’ din l-istituzzjoni, Gazprom aċċettat li l-impenji finali jsiru vinkolanti permezz tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. L-għażla ta’ din it-triq ippermettiet lil Gazprom li tevita l-eventwali konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-eventwali impożizzjoni ta’ multa li tissanzjona dan il-ksur mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punti 35 u 48), ħaġa li tikkonferma l-konklużjoni, li tinsab fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, li tgħid li ma hemmx bżonn li l-Kummissjoni taġixxi. Dan jimplika madankollu li Gazprom hija obbligata tosserva dawn l-impenji, għax inkella tirriskja l-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-deċiżjoni msemmija fil-punti 181 u 182 iktar ’il fuq, fosthom l-impożizzjoni ta’ multa. Din l-impriża hija wkoll suġġetta għal sorveljanza kontinwa sabiex jiġi vverifikat jekk dawn l-impenji jiġux osservati għall-perijodu ta’ validità tagħhom, u dan kif jintwera fit-taqsima 5 tal-imsemmija impenji, li jipprevedu b’mod partikolari l-ħatra ta’ mandatarju responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.

239    F’dan il-kuntest, Gazprom hija marbuta mhux biss mill-kontenut ta’ dawn l-impenji finali, imma wkoll mid-deċiżjoni kkontestata stess, u jiġi mfakkar wkoll li d-dispożittiv ta’ att għandu jinftiehem fid-dawl tal-motivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, di-digriet tal-10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, EU:C:2001:393, punt 15, u s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑95/12, EU:C:2013:676, punt 40, u tat-13 ta’ Diċembru 2013, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑240/10, EU:T:2013:645, punt 90). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-impenji finali, fosthom l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tal-linji gwida tariffarji, Gazprom għandha tapplika u tinterpreta dawn l-impenji skont il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż għal dak li jikkonċerna l-pożizzjonijiet li hija tadotta fil-kuntest ta’ negozjati tariffarji u ta’ arbitraġġ imnedija b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 19(iv) tal-imsemmija impenji.

240    Issa, jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li l-livell tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju huwa partikolarment rilevanti, skont il-Kummissjoni, biex jiġu ddefiniti l-prezzijiet riveduti (ara, b’mod partikolari, il-premessi 103, 164 u 178). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ partikolari, Gazprom għandha tadotta pożizzjoni konformi ma’ dawn il-motivi u ma tistax, fil-prinċipju, issostni li l-arbitri għandhom jinjoraw il-livell tal-prezzijiet fuq dawn il-pjattaformi.

241    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja ma ppreżentawx formulazzjonijiet alternattivi ta’ dawn il-linji gwida li, fil-fehma tagħhom, ikunu jiżguraw in-natura adegwata tal-impenji tariffarji. Huma lanqas ma ressqu, fin-noti rispettivi tagħhom, argumenti preċiżi li jikkorroboraw il-kritika tagħhom fir-rigward tan-natura vaga u ġenerali wisq tal-linji gwida tariffarji. L-uniċi elementi iktar preċiżi insostenn ta’ dan l-argument jinsabu fl-istudju ekonomiku ppreżentat mir-rikorrenti bħala anness mal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ Gazprom.

242    Issa, dawn l-elementi, li jinsabu fl-istudju ekonomiku tar-rikorrenti, huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, inammissibbli.

243    Fil-fatt, ħlief safejn l-imsemmija elementi huma intiżi illi jindirizzaw il-provi mressqa minn Gazprom fl-istudju ekonomiku li hija ppreżentat bħala anness man-nota ta’ intervent tagħha, il-provi inklużi fl-istudju ekonomiku tar-rikorrenti huma tardivi skont l-Artikolu 85(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Monolith Frost vs EUIPO – Dovgan (PLOMBIR), T‑830/16, EU:T:2018:941, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72). B’mod partikolari, l-elementi li jinsabu fit-taqsimiet 3.2 u 3.5 ma ġewx ipprovduti b’risposta għal prova kuntrarja ppreżentata mill-Kummissjoni jew minn Gazprom, u xejn ma jindika li dawn is-sezzjonijiet tal-istudju ekonomiku tar-rikorrenti ma setgħux jiġu ordnati mingħand il-konsulent ikkonċernat sabiex ikunu proposti, talinqas, bħala prova fir-rikors.

244    Fl-istess sens, l-elementi esposti fl-istudju ekonomiku tar-rikorrenti jikkostitwixxu argumenti li kellhom jiġu fformulati fir-rikors jew fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-nota ta’ intervent ta’ Gazprom. Fil-fatt, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li wieħed jista’ jikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta tiġi invokata oġġezzjoni insostenn ta’ motiv. Għaldaqstant, ma jissodisfax l-imsemmija rekwiżiti l-ilment li l-elementi essenzjali tiegħu jkunu jinsabu biss fl-anness tar-rikors (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni, T‑59/07, EU:T:2011:361, punti 161 u 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

245    Madankollu, il-Qorti Ġenerali teżamina l-elementi rilevanti esposti fil-punti 25, 27, 32 u 33 tal-istudju ekonomiku tar-rikorrenti.

246    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li r-reviżjoni tal-prezzijiet tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss il-prezzijiet medji tal-importazzjoni, bl-esklużjoni tal-prezzijiet tal-pjattaformi (punt 25 tal-istudju ekonomiku), jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-inklużjoni espressa, fil-linji gwida tariffarji, taż-żewġ kategoriji ta’ data msemmija iktar ’il fuq, preċeduta mill-kliem “inter alia”, tenfasizza l-importanza ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ data, li t-tribunali tal-arbitraġġ aditi biex japplikaw dawn il-linji gwida għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, anki jekk dawn ma humiex huma stess marbutin mad-deċiżjoni kkontestata.

247    Iktar minn hekk, Gazprom hija marbuta kemm bl-impenji finali kif ukoll bid-deċiżjoni kkontestata li tagħmilhom vinkolanti. Issa, jirriżulta mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni li d-data li tirrigwarda l-prezzijiet tal-pjattaformi hija partikolarment rilevanti biex tiddefinixxi il-prezzijiet riveduti (ara, b’mod partikolari, il-premessi 103, 164 u 178). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ partikolari, Gazprom għandha tadotta pożizzjoni konformi ma’ dawn il-motivi u ma tistax, fil-prinċipju, issostni li l-arbitri għandhom jinjoraw dawn il-prezzijiet tal-pjattaformi.

248    Fit-tieni lok, skont l-istudju ekonomiku tar-rikorrenti (punt 27), il-kriterju marbut mal-karatteristiċi ta’ kuntratt ikkonċernat partikolari (bħalma hija l-kwantità, il-kwalità, il-kontinwità u l-flessibbiltà) ikun jippermetti lil Gazprom li ma jkollha bl-ebda mod tieħu inkunsiderazzjoni l-livell tal-prezzijiet tal-pjattaformi. Peress li tali interpretazzjoni tmur kontra t-termini tal-linji gwida tariffarji u ma hijiex ikkorroborata, hija għandha tiġi miċħuda.

249    Fit-tielet lok, skont l-istudju tar-rikorrenti, il-linji gwida tariffarji ma humiex xierqa, peress li ma jipprovdu xejn għal dak li jikkonċerna l-indiċjar kontinwu tal-prezzijiet kuntrattwali fuq il-prezzijiet ta’ prodotti taż-żejt (punti 32 u 33 ta’ dan l-istudju). Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li dawn il-linji gwida ma kellhomx għalfejn jirreferu espressament għal dan l-indiċjar, peress li, billi jiżguraw li l-prezzijiet ikunu qrib il-prezzijiet kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent, huma għandhom għaldaqstant jippermettu li jiġu rrimedjati l-eventwali effetti ta’ inflazzjoni tal-imsemmi indiċjar.

250    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-linji gwida tariffarji ma humiex effikaċi inkwantu jirrigwardaw, b’mod vag, “il-livell tal-prezzijiet” fuq is-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali, iktar milli l-indiċjar fuq dawn il-prezzijiet, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li hija bl-ebda mod ma tispjega kif tali indiċjar isir fil-prattika u li ma huwiex eskluż li reviżjoni permezz ta’ negozjati jew ta’ arbitraġġ twassal għal tali soluzzjoni. Iktar minn hekk, kif ġie espost fil-punt 239 iktar ’il fuq, il-linji gwida tariffarji għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprevedu b’mod partikolari li l-impenji finali “ikunu intiżi li jiżguraw li l-prezzijiet tal-gass applikabbli għall-kuntratti bbażati fuq l-indiċi taż-żejt fil-[PEĊL ikkonċernati] jibqgħu allinjati mal-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi” (premess 164) u li dawn l-impenji “ikunu intiżi għaldaqstant li jiżguraw li l-prezzijiet applikabbli fil-ħames [PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji], wara li jkun ġew riveduti, jiġu ffissati f’linja mal-prezzijiet ta’ referenza kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent” (premessa 179).

251    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni allegati mir-rikorrenti. Mill-bqija, jekk wieħed jippreżumi li r-rikorrenti ssostni li l-linji gwida tariffarji kellhom jippermettu lill-klijenti kkonċernati li jiksbu l-prezzijiet l-iktar baxxi possibbli, bħalma huma l-prezzijiet tal-pjattaformi, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-fatt li l-impenji l-oħra setgħu jiġu aċċettati wkoll, jew li setgħu kienu iktar favorevoli għall-kompetituri, ma setax, bħala tali, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Morningstar, punt 59).

252    Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għat-trattament tal-ilmenti l-oħra, jeħtieġ li l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv jiġi miċħud.

b)      Fuq in-natura mhux xierqa tal-kriterju dwar il-livell tal-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ negozju tal-gass (it-tieni lment)

253    Ir-rikorrenti ssostni li l-pjattaforma ta’ negozju Britannika “National Balancing Point” (NBP) ma ġietx inkluża bħala pjattaforma ta’ referenza espressament identifikata fil-linji gwidi tariffarji (b’kuntrast mal-pjattaformi “Title Transfer Facility” (TTF) u “NetConnect Germany” (NCG)), filwaqt li l-maturità ta’ NBP u l-fatt li r-Renju Unit jiġi fornit b’gass li joriġina mill-Ewropa kontinentali kienu jiġġustifikaw li tiġi inkluża. B’kuntrast ma’ dak li kienet inizjalment allegat il-Kummissjoni, ma jkunx possibbli li wieħed jirreferi madankollu għal din il-pjattaforma, peress li l-formulazzjoni tal-linji gwida tariffarji tirrigwarda lill-pjattaformi tal-Ewropa “kontinentali”. Dan l-iżball jikkonferma d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li ġew altrimenti allegati.

254    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

255    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ okkorrenzi tal-kelma “kontinentali” fil-linji gwida tariffarji jeskludu l-użu tad-data tariffarja li toriġina mill-pjattaforma NBP.

256    Madankollu, din l-esklużjoni ma tistax minnha nfisha tkun suffiċjenti biex jiġi kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni marbut mal-formulazzjoni tal-linji gwida tariffarji, peress li dawn il-linji gwida tariffarji jippermettu l-użu ta’ pjattaformi oħrajn “ġeneralment aċċettati” u jirrigwardaw espressament il-pjattaformi TTF u NCG, li li n-natura xierqa u likwida tagħhom ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-istudju ekonomiku ta’ din tal-aħħar tippreċiża espressament li l-pjattaforma TTF hija matura u tikkostitwixxi waħda mill-pjattaformi ta’ negozju l-iktar likwidi tal-Ewropa.

257    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv.

c)      Fuq in-natura mhux xierqa tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja (it-tielet ilment)

258    Skont ir-rikorrenti, id-data li tirrigwarda l-prezzijiet medji tal-importazzjoni fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja ma hijiex xierqa u, barra minn hekk, ma ntużatx fid-DO. Fl-ewwel lok, il-linji gwida tariffarji ma jindikawx is-sors li għandu jintuża biex jiġu identifikati l-prezzijiet rilevanti u d-data pubblika disponibbli ma tirriflettix il-prezzijiet reali għal perijodu partikolari fin-nuqqas ta’ korrezzjoni retroattiva u rigoruża ta’ din id-data f’każ ta’ reviżjoni sussegwenti tal-prezzijiet fil-kuntest ta’ negozjati jew ta’ arbitraġġ.

259    Fit-tieni lok, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni ma humiex xierqa inkwantu s-swieq tal-gass fi Franza u fl-Italja, li ma humiex l-iktar likwidi u lanqas l-iktar liberalizzati, jirriżultaw, bħala regola ġenerali, ogħla minn dawk tal-Ġermanja. Barra minn hekk, il-prezzijiet applikabbli f’dawn iż-żewġ pajjiżi ftit jintużaw bħala prezzijiet ta’ referenza mill-klijenti ta’ Gazprom fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji.

260    Fit-tielet lok, matul it-tmien snin ta’ applikazzjoni tal-impenji finali, is-swieq tal-gass ikunu suxxettibbli li jevolvu, b’mod li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta’ wieħed minn dawn it-tliet pajjiżi jistgħu jitilfu l-“istatus” tagħhom ta’ prezz ta’ referenza mingħajr ma l-linji gwida tariffarji jikkontemplaw din il-possibbiltà. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proposta magħmula mir-rikorrenti, waqt il-konsultazzjoni mas-suq, biex il-prezz ta’ referenza jiġi stabbilit skont metodu oġġettiv.

261    Fir-raba’ lok, b’mod ġenerali, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni jkunu ogħla mill-prezzijiet pjattaformi, b’mod li jeżerċitaw pressjoni ’il fuq fuq il-prezzijiet li jirriżultaw mil-linji gwida tariffarji.

262    Il-Kummissjoni ssostni li l-użu tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni huwa xieraq, b’mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

263    F’dan ir-rigward, jeħtieġ, l-ewwel nett, jiġi rilevat, fuq l-istess linja ta’ dak li diġà ġie espost fil-punti 233 sa 235 iktar ’il fuq, li ma jidhirx li hemm raġuni ta’ prinċipju li tiġġustifika li tiġi eskluża d-data marbuta mal-prezzijiet tal-importazzjoni. L-argumenti relattivi mressqa mir-rikorrenti ma jinvalidawx din il-kunsiderazzjoni.

264    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-ostakli prattiċi u tekniċi identifikati mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi rilevat li dawn l-ostakli ma humiex tali li l-persuni implikati fir-riżoluzzjoni tat-tilwim tariffarju, fosthom il-persunal tal-klijenti kkonċernati, l-arbitri jew l-esperti użati mit-tribunali tal-arbitraġġ, ma jkunux f’pożizzjoni li jirreaġixxu jew li jeħduhom inkunsiderazzjoni meta jiżviluppaw il-formoli tariffarji. Għaldaqstant, dawn il-persuni jistgħu jużaw l-informazzjoni tariffarja reża disponibbli mill-awtoritajiet pubbliċi (l-awtoritajiet nazzjonali jew il-Eurostat (l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea)), kif ukoll dawk prodotti mill-impriżi privati, u jiddefinixxu tali formoli b’mod li jkopru l-eventwali insuffiċjenzi ta’ din l-informazzjoni, b’mod partikolari l-fatt li huma ma jirriflettux ir-reviżjonijiet tal-prezz li jseħħu wara l-ġbir, mill-imsemmija awtoritajiet jew mill-impriżi privati, tad-data rilevanti. Bl-istess mod, wieħed jista’ raġonevolment jistenna mingħand l-imsemmija persuni li huma jkunu f’pożizzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi ġeneralment ikkonstatati bejn il-prezzijiet medji tal-importazzjoni u l-prezzijiet tal-pjattaformi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-inkorporazzjoni tal-“ispejjeż tad-dħul” (entry costs).

265    Fit-tieni lok, jekk wieħed jippreżumi li s-swieq tal-gass ta’ Franza u tal-Italja huma inqas likwidi u inqas illiberalizzati minn dak tal-Ġermanja, dan ma jistax ikun suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkludiet dawn l-ewwel żewġ pajjiżi. Jibqa’ l-fatt li s-swieq tal-gass ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet pajjiżi huma kompetittivi, minkejja, barra minn hekk, is-sehem kbira ta’ Gazprom mis-suq. Għal dak li jirrigwarda wkoll l-argument li jgħid li s-swieq l-oħra huma iktar likwidi, bħalma huma dawk tal-Belġju jew tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-linji gwida tariffarji ma jipprekludux lill-partijiet u lill-arbitri milli jieħdu inkunsiderazzjoni dawn is-swieq l-oħra.

266    Fit-tielet lok, kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tressaq ebda raġuni li tiġġustifika l-biża’ ta’ tibdil fiċ-ċirkustanzi tali li s-swieq tal-gass tal-Ġermanja, ta’ Franza jew tal-Italja ma jibqgħux kompetittivi u li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni ta’ wieħed jew ieħor minn dawn il-pajjiżi ma jkunux jistgħu jibqgħu jservu bħala prezz ta’ referenza. Fi kwalunkwe każ, f’każ ta’ tibdil kbir tal-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, terġa’ tiftaħ il-proċeduri.

267    Fir-raba’ lok, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 233 sa 235 u 263 iktar ’il fuq, anki jekk wieħed jippreżumi li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni ikunu ogħla mill-prezzijiet tal-pjattaformi u jagħmlu għaldaqstant “pressjoni ’il fuq” fuq il-livell tal-prezzijiet li jirriżultaw mil-linji gwida tariffarji, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li dawn il-prezzijiet medji ma humiex xierqa fil-prinċipju.

268    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv.

d)      Fuq il-karatteristiċi tal-gass ipprovdut fil-kuntest ta’ kuntratt partikolari (ir-raba’ lment)

269    Ir-rikorrenti ssostni li, bil-fatt li ppermettiet it-tieni kriterju tal-linji gwida tariffarji, li jimponi li “jittieħed debitament kont tal-karatteristiċi kollha tal-gass ipprovdut fil-kuntest (ta’ kuntratt partikolari)”, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-użu sfavorevoli magħmul minn Gazprom, fil-passat, ta’ tali karatteristiċi. Fil-fatt, din tal-aħħar tippreżenta l-kuntratti għal żmien twil tagħha bħala li jikkosttwixxu prodott “premium” meta mqabbel mal-gass mixtri fuq il-pjattaformi ta’ negozju, li jiġġustifika prezzijiet ogħla. Iktar minn hekk, kull waħda mill-karatteristiċi espressament identifikata fil-linji gwida tariffarji (jiġifieri l-kwantità, il-kwalità, il-kontinwità u l-flessibbiltà) jippermettu li jiġġustifikaw iż-żidiet fil-prezzijiet, filwaqt li ebda karatteristika li tiġġustifika t-tnaqqis fil-prezzijiet ma kienet inkluża.

270    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

271    F’dan ir-rigward, kif diġà ġie espost fil-punt 229 iktar ’il fuq, il-linji gwida tariffarji jipprovdu li ż-żewġ kriterji japplikaw, b’mod li jeħtieġ, waqt ir-reviżjoni tal-prezzijiet, fl-ewwel lok, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali, u dan, fit-tieni lok, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi għall-kuntratt ikkonċernat.

272    Għaldaqstant, jirriżulta mil-linji gwida tariffarji li dawn jimponu, permezz tal-ewwel kriterju, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi esterni għall-kuntratt ikkonċernat partikolari, jiġifieri d-data li tirrifletti l-livell tal-prezzijiet fis-swieq tal-gass kompetittivi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali. Issa, tali data tista’ tirriżultw mid-diversi kuntratti potenzjalment differenti minn dan il-kuntratt ikkonċernat, pereżempju jekk hija tkun marbuta mat-tranżazzjonijiet fuq pjattaformi ta’ negozju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li aċċettat li l-linji gwida tariffarji jintegraw ukoll it-tieni kriterju, li jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi interni għall-imsemmi kuntratt.

273    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, b’kuntrast ma’ dak li tagħti lil wieħed x’jifhem ir-rikorrenti, l-inklużjoni tat-tieni kriterju u tal-karatteristiċi espressament identifikati fil-linji gwida tariffarji ma twassalx neċessarjament għal pressjoni biex jiżdiedu l-prezzijiet riveduti. Fil-fatt, anki jekk wieħed jippreżumi li, f’każ partikolari, it-tribunal ta’ arbitraġġ eventwalment adit jagħżel li japplika l-ewwel kriterju billi juża prinċipalment id-data marbuta mal-provvista tal-gass fl-Ewropa tal-Punent kontinentali permezz ta’ kuntratti għal żmien twil, jiġifieri l-kuntratti b’karatteristiċi potenzjalment simili għall-kuntratti kkonċernati, xejn ma jipprekludi lil dan it-tribunal milli jieħu inkunsiderazzjoni din l-għażla filwaqt li jimmodera l-implimentazzjoni tat-tieni kriterju.

274    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-raba’ lment tat-tielet parti tat-tieni motiv.

e)      Fuq l-elementi mhux imsemmija fil-linji gwida tariffarji (il-ħames ilment)

275    Ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Litwanja jsostnu, essenzjalment, li l-linji gwida tariffarji kellhom jinkludu elementi addizzjonali. Fl-ewwel lok, dawn il-linji gwida kellhom jinkludu element li jirrigwarda l-ispejjeż tal-konsenja, li jvarjaw sostanzjalment skont il-punt tal-konsenja u, bħala eżempju, ikunu ħafna irħas għal Gazprom fir-rigward tal-provvista tal-gass fil-Litwanja, minħabba l-prossimità ġeografika mar-Russja, meta mqabbla mal-provvisti fl-Ewropa tal-Punent.

276    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li, kif jirriżulta mill-istudju ekonomiku tagħha, il-linji gwida tariffarji ma jagħtu ebda importanza lill-obbligi fissi tax-xiri (il-mekkaniżmu “take or pay”) inklużi f’ċerti kuntratti inkwistjoni, filwaqt li dawn l-obbligi jkollhom valur importanti għal Gazprom. Huma biss fatturi li jippermettu ż-żidiet fil-prezzijiet li ġew inklużi f’dawn il-linji gwida.

277    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

278    F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-linji gwida tariffarji previsti fil-punt 19(iii) tal-impenji finali jirriżulta manifestament li, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi ta’ kuntratt ikkonċernat partikolari, l-eżempji tal-karatteristiċi espressament identifikati f’dawn il-linji gwida ma humiex eżawrjenti.

279    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat il-linji gwida tariffarji li ma jsemmux espressament il-karatteristiċi li jirrigwardaw l-ispejjeż tal-konsenja u l-obbligi fissi tax-xiri (il-mekkaniżmu “take or pay”).

280    Għall-bqija, inkwantu r-rikorrenti ssostni, b’mod iktar ġenerali, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura xierqa tal-impenji finali, l-impożizzjoni min-naħa ta’ Gazprom ta’ klawżoli ta’ obbligi fissi ta’ xiri fil-kuntratti kkonċernati, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni, fid-DO, eżaminat il-preżenza ta’ dawn il-klawżoli fl-imsemmija kuntratti, hija ma esponietx tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirrigwarda speċifikament lill-imsemmija klawżoli u, barra minn hekk, ma kkunsidratx miżura korrettorja f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tiżgura li l-impenji finali jindirizzaw dan it-tħassib.

281    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi miċħud il-ħames ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, li tiġi miċħuda din il-parti bħala infondata fl-intier tagħha.

4.      Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, dwar l-iżbalji ta’ liġi u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u l-arbitraġġi

282    Ir-rikorrenti ssostni li mill-motivi li jinsabu fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi kif ukoll, essenzjalment, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw, min-naħa, l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv tal-Unjoni fl-arbitraġġi previsti fil-punt 19(iv) tal-impenji finali u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għal din l-istituzzjoni li tintervjeni bħala amicus curiae f’tali proċeduri.

283    Il-Kummissjoni ssostni li ma wettqitx żball f’dan ir-rigward.

a)      Fuq l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv tal-Unjoni fl-arbitraġġi (l-ewwel ilment)

284    Skont ir-rikorrenti, fl-ewwel lok, bil-fatt li bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eco Swiss”, EU:C:1999:269, punt 36), il-Kummissjoni jingħad li żbaljat meta kkunsidrat li t-tribunali tal-arbitraġġ, minħabba li kienu stabbiliti fl-Unjoni, kellhom neċessarjament isolvu t-tilwim tal-kwistjonijiet tariffarji bejn Gazprom u l-klijenti kkonċernati tagħha fid-dawl tad-dritt sostantiv tal-Unjoni.

285    Fil-fatt, permezz tas-sentenza Eco Swiss, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet biss għall-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) u indirettament, għall-qrati l-oħra tal-Istati Membri, imma mhux għat-tribunali ta’ arbitraġġ, li ma jikkostitwixxux qrati fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Din is-sentenza timponi biss fuq dawn il-qrati li japplikaw id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest limitat tal-istħarriġ, a posteriori, tal-osservanza tal-“ordni pubbliku” minn dawn it-tribunali, mingħajr ma teżiġi li dawn tal-aħħar japplikaw id-dritt sostantiv tal-Unjoni.

286    Fir-realtà, it-tribunali ta’ arbitraġġ ikkonċernati huma obbligati japplikaw biss il-punt 19 tal-impenji finali, imma mhux l-Artikolu 102 TFUE u lanqas id-deċiżjoni kkontestata bħala tali, Għaldaqstant, xejn ma jindika li klijent ta’ Gazprom jista’ faċilment jinvoka l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ arbitraġġ, peress li din il-possibbiltà tista’ tkun ikkonfermata biss fil-kuntest, ineffikaċi mill-aspett ta’ żmien, ta’ domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali li tistħarreġ l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

287    Fit-tieni lok, l-effikaċità tal-arbitraġġi tkun ridotta b’mod sinjifikattiv bin-nuqqas ta’ referenza għad-deċiżjoni kkontestata jew għall-Artikolu 102 TFUE fl-impenji finali. It-tribunali ta’ arbitraġġ ma jeżaminawx neċessarjament il-konformità tal-prezzijiet riveduti mal-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE u jirriskjaw ukoll li jeċċedu l-kompetenza tagħhom u li jkollhom is-sentenzi tagħhom annullati jekk jipproċedu b’tali eżami.

288    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

289    Jeħtieġ li jitfakkar li l-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata tindika, meta tirreferi għas-sentenza Eco Swiss (punti 35 u 36), li l-impenji finali “jeżiġu li l-proċeduri ta’ arbitraġġ iseħħu fi ħdan l-Unjoni” u li “[d]an jobbliga lit-tribunali tal-arbitraġġ sabiex josservaw u japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni bħala materja ta’ ordni pubbliku, indipendentement mill-interessi privati tal-partijiet fl-arbitraġġ”.

290    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 3(3) TUE u mill-Protokoll Nru 27 dwar is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 309), li l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma dispożizzjonijiet fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-funzjonament tas-suq intern peress li għandhom l-għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi distorta b’detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eco Swiss, punt 36, u s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 20 sa 22). Għaldaqstant, l-Artikoli 101 u 102 TFUE jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, inkluż fis-sens tal-Konvenzjoni għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin, iffirmata f’New York fl-10 ta’ Ġunju 1958, li għandhom jiġu applikati ex officio mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eco Swiss punti 36 sa 41, u s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

291    Minn dan jirriżulta li t-tribunali ta’ arbitraġġ ikkonċernati, anki jekk ikunu stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni, ma humiex neċessarjament marbutin bid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-intier tiegħu, u lanqas mill-bqija bid-dritt sostantiv tal-Unjoni, Huwa minnu wkoll, kif issostni r-rikorrenti, li l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet arbitrali eżerċitat mill-qrati tal-Istati Membri jkollu natura limitata (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Xorta jibqa’ l-fatt li, li kieku wieħed minn dawn it-tribunali kellu jagħti deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE, il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri jkollhom, f’każ li jiġu mitluba, jannullaw din id-deċiżjoni. Dan jista’ jwassal lill-imsemmija tribunali li jiżguraw li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ adottata tosserva din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

292    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, anki jekk din il-kawża ma tikkonċernax direttament l-Artikolu 102 TFUE, imma l-osservanza ta’ deċiżjoni ta’ impenji adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 290 iktar ’il fuq, u peress li dan ir-regolament ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 103 TFUE u jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-qrati nazzjonali jistgħu jilqgħu talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jekk huma jidhrilhom li dik id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tmur kontra tali deċiżjoni tal-impenji.

293    Din l-interpretazzjoni tal-implikazzjonijiet, imsemmija fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, tar-rekwiżit tal-istabbiliment tat-tribunali ta’ arbitraġġ fl-Unjoni ma tistax tkun ikkontestata bl-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegati diffikultajiet prattiċi li jistgħu jaffaċċjaw il-qrati nazzjonali meta jistħarrġu l-konformità ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mal-Artikolu 102 TFUE jew ma’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu l-analiżi ta’ tali tilwim taqa’ taħt il-kompetenza materjali ta’ dawn il-qrati.

294    Barra minn hekk, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, Gazprom għandha tapplika l-impenji finali skont il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għax inkella tirriskja li jiġi kkonstatat li naqset milli tosserva din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, Gazprom hija obbligata, fil-kwalità tagħha ta’ parti fil-proċeduri ta’ arbitraġġ, li tiżgura, meta tiddetermina l-uffiċċju tal-arbitri u tagħmel l-iskritturi tagħha, li huma jirrevedu l-formoli tariffarji b’mod konformi mal-imsemmija deċiżjoni.

295    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, minkejja l-formulazzjoni xi ftit impreċiża tal-kliem kontenzjuż tal-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqet la żball ta’ liġi meta inkludiet dawn it-termini, u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-obbligu li jiġu organizzati l-arbitraġġi fit-territorju tal-Unjoni kien tali li jsaħħaħ l-effikaċità tal-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud l-ewwel ilment tar-raba’ parti tat-tieni motiv.

b)      Fuq il-possibbiltà għall-Kummisjsoni li tintervjeni bħala amicus curiae (it-tieni ilment)

296    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tista’ tintervjeni bħala amicus curiae fl-arbitraġġi. Issa, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma teżisti ebda bażi legali li tistabbilixxi kooperazzjoni ta’ dan it-tip bejn il-Kummissjoni u t-tribunali ta’ arbitraġġ. Għaldaqstant, tali intervent għandu jkun awtorizzat mill-partijiet għall-arbitraġġi, li ma hemm ebda garanzija fuqha f’dan il-każ, peress li Gazprom ma ħadet ebda impenn f’dan is-sens u li diversi klijenti jistgħu joqgħodu lura milli jinvolvu lill-Kummissjoni meħud kont tal-informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali skambjata u l-qagħda meqjusa bħala “favorevoli” għal Gazprom adottata minn din tal-aħħar fil-Każ AT.39816.

297    Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-parteċipazzjoni tagħha bħala amicus curiae ma hijiex dejjem iggarantita u tinsisti pjuttost fuq il-possibbiltà li tintervjeni, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri ġudizzjarji ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ.

298    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

299    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li l-impenji finali bl-ebda mod ma jipprovdu d-dritt għall-Kummissjoni li tintervjeni bħala amicus curiae f’arbitraġġ mibdi fuq il-bażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fil-punt 19(iv) ta’ dawn l-impenji u li tali dritt ma huwiex iggarantit mod ieħor fid-dritt tal-Unjoni.

300    Madankollu, peress li preċiżament il-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fil-punt 19(iv) tal-impenji finali ma tkoprix il-kwistjoni tal-intervent ta-Kummissjoni bħala amicus curiae, il-fatt li din tal-aħħar semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, tali possibbiltà mingħajr ma din il-possibbiltà hija ggarantita b’dawn l-impenji ma huwiex suxxettibbli li jikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ liġi huwa ineffettiv.

301    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tieni ilment tar-raba’ parti u, għaldaqstant, li jiġi miċħud it-tieni motiv bħala li huwa infondat fl-intier tiegħu.

D.      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni aċċettat l-impenji finali minkejja li ma kinux jindirizzaw b’mod xieraq l-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali

302    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u Overgas, isostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu hija kkonkludiet li l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali (punti 5 sa 17 tal-impenji finali) kienu xierqa. Dan il-motiv jinqasam, essenzjalment, fi tliet partijiet.

303    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tikkunsidra li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għal dak li jirrigwarda n-nota ta’ intervent ta’ Overgas, hija ssostni li l-parti l-kbira tal-argumenti li jissemmew hemm huma inammissibbli inkwantu ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tal-kawża kif iddefinit mill-partijiet prinċipali.

1.      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux xierqa tal-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali meħudin fit-totalità tagħhom

304    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali, meħudin fit-totalità tagħhom, ma humiex xierqa. Filwaqt li l-analiżi prospettiva tagħha għandha tkun partikolarment plawsibbli, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi elementi li kellhom ikollhom effett deċiżiv fuq il-kontenut ta’ dawn l-impenji.

305    Fil-fatt, filwaqt li kien espressament ikkunsidrat, fid-DO, li Gazprom kienet adottat “strateġija” ta’ qsim tas-swieq, il-Kummissjoni madankollu aċċettat impenji selettivi li ma jindirizzawx b’mod globali din l-istrateġija. B’mod partikolari, l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali jikkonsistu, essenzjalment, f’li jintemmu ċerti mekkaniżmi kuntrattwali, filwaqt li Gazprom użat ukoll diversi proċessi mhux kuntrattwali biex tipprekludi l-esportazzjoni mill-ġdid tal-gass. Din il-fokalizzazzjoni fuq mekkaniżmi kuntrattwali tkun iktar u iktar ineffettiva peress li l-parti l-kbira tagħhom kienu ilhom ħafna li tneħħew. Gazprom irrikorriet b’mod ġenerali għal-proċessi mhux kuntrattwali, li kienet taf bihom il-Kummissjoni.

306    Din il-konstatazzjoni tintwera bil-fatt li, fl-2003 u fl-2005, il-Kummissjoni tterminat l-investigazzjonijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni permezz ta’ tranżazzjonijiet informali li jinvolvu l-eliminazzjoni ta’ klawżoli territorjali espressi fil-kuntratti konklużi minn Gazprom ma’ E.ON Ruhrgas AG u ENI SpA, ħaġa li ma pprekludietx lil; Gazprom milli tkompli tostakola l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ gass b’metodi differenti. Bl-istess mod, barra mill-każ tal-kriżi tal-2009/2010, li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti kienet ġiet esposta għal nuqqas gravi ta’ gass minħabba tfixkil fil-provvisti ta’ gass li jgħaddi mill-Ukraina, il-Kummissjoni kienet ġiet informata bil-prattiki li permezz tagħhom Gazprom, matul l-istaġun tax-xitwa 2014/2015, kienet naqqset il-provvisti tal-gass sabiex twaqqaf l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ gass lejn l-Ukraina, ħaġa li kellha konsegwenzi f’ċerti PEĊL ikkonċernati. Dawn l-eżempji ma jistgħux jitqiesu bħala sempliċi ksur kuntrattwali u l-approċċ adottat mill-Kummissjoni, eċċessivament teoretiku, jinjora l-fatt li dan it-tfixkil u tnaqqis jikkostitwixxu wieħed mill-aspetti tal-istrateġija ta’ Gazprom.

307    Lil hinn minn dawn il-proċessi mhux kuntrattwali, ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li l-kummerċ ta’ gass bejn il-PEĊL ikkonċernati kien diffiċli minħabba n-nuqqasijiet għal dak li jikkonċerna l-infrastrutturi ta’ trasport tal-gass li kienu jirriżultaw, fil-parti l-kbira tagħhom, mir-restrizzjonijiet territorjali imposti minn Gazprom, li, b’mod partikolari, kienu joħonqu d-domanda transkonfinali tal-gass. It-titjib infrastrutturali mwettaq minn dakinhar ma jistax jiġġustifika l-insuffiċjenza tal-imsemmija impenji, li kellhom jinkludu miżuri attivi min-naħa ta’ Gazprom.

308    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument imressaq mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja, li huwa bbażat fuq premessi żbaljati, b’mod li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

309    F’dan ir-rigward, jirriżulta ċertament mill-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, it-titolu tat-taqsima 8 u punt 246 tad-DO) li Gazprom kellha “strateġija” ġenerali ta’ qsim tas-swieq tal-gass. Madankollu, jirriżulta wkoll minn din l-evalwazzjoni li din l-istrateġija kienet komposta minn diversi prattiki antikompetittivi partikolari (ara, b’mod partikolari, il-punt 248 tad-DO u premessi 54 sa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet permessa tipprova tirrimedja din l-istrateġija billi tipproċedi b’mod gradwali, permezz ta’ miżuri li jirrimedjaw speċifikament kull waħda minn dawn il-prattiki, ħaġa li kienet twaqqaf l-imsemmija strateġija.

310    F’dan il-kuntest, sabiex jiġi eżaminat jekk l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali jirrimedjawx globalment id-diversi prattiki msemmija fl-oġġezzjonijiet li jikkonċernawx dawn ir-restrizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi rrilevat li jirriżulta kemm mid-DO kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata li dawn l-oġġezzjonijiet kienu jirrigwardaw żewġ kategoriji ta’ prattiki:

–        min-naħa, restrizzjonijiet territorjali espressi previsti fil-klawżoli kuntrattwali, bħalma huma l-klawżoli tad-destinazzjoni, tal-projbizzjonijiet kontra l-bejgħ mill-ġdid jew l-esportazzjoni (ara, b’mod partikolari, il-punti 247 u 897 u t-taqsimiet 8.2 u 15.7.2.2 tad-DO kif ukoll il-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        min-naħa l-oħra, proċessi kuntrattwali u mhux kuntrattwali li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet territorjali espressi (ara, b’mod partikolari, il-punti 248, 322 u 898 u t-taqsimiet 8.3 u 15.7.2.3 tad-DO kif ukoll il-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata), liema proċessi jieħdu prinċipalment erba’ forom, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-kombinazzjoni ta’ klawżola msejħa ta’ “espansjoni” mal-obbligu ta’ informazzjoni lejn Gazprom, fit-tieni lok, ir-rifjuti li jinbidel il-post ta’ konsenja tal-gass previst f’kuntratt, fit-tielet lok, ir-rifjuti li tinbidel l-istazzjoni tal-arloġġi (metering station) previst f’kuntratt u, fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda lill-Bulgarija, stipulazzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, b’mod partikolari marbutin mal-istazzjonijiet tal-arloġġi, li jagħtu de facto lil Gazprom kontroll fuq l-esportazzjonijiet tal-gass minn dan il-pajjiż.

311    Issa, l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali (punti 5 sa 17 tal-impenji finali), li huma intiżi li jindirizzaw dawn l-oġġezzjonijiet, jinkludu dan li ġej:

–        miżuri li jipprojbixxu l-klawżoli kuntrattwali li bihom Gazprom tipprekludi jew tillimita, direttament jew indirettament, il-bejgħ mill-ġdid jew l-esportazzjoni mill-ġdid tal-gass mill-klijenti kkonċernati tagħha (iktar ’il quddiem l-“impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid u l-esportazzjoni mill-ġdid”); kif jirriżulta, min-naħa, mill-premessi 54 sa 57 u mit-taqsimiet 5.1.1, 7.1.1 u 8.2.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, mill-punti 5 u 6 tal-impenji finali, dawn il-miżuri huma intiżi li jirrimedjaw ir-restrizzjonijiet territorjali espressi msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt preċedenti kif ukoll l-ewwel tip ta’ proċessi esposti fit-tieni inċiż ta’ dan il-punt, jiġifieri l-kombinazzjoni ta’ klawżola magħrufa ta’ “espansjoni” mal-obbligu ta’ informazzjoni lejn Gazprom;

–        miżuri li jippermettu l-bdil tal-postijiet ta’ konsenja tal-gass (iktar ’il quddiem l-“impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja”); kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 373 sa 375 tad-DO, mill-premessi 59 u 60 u mit-taqsimiet 5.1.3, 7.1.3 u 8.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 5 sa 17 tal-impenji finali (fit-taqsima 1.2, intitolata “Changes of Delivery Points” (Bidla tal-postijiet ta’ konsenja)), dawn il-miżuri huma intiżi li jirrimedjaw it-tieni u t-tielet tipi ta’ proċessi esposti fit-tieni inċiż tal-punt preċedenti, jiġifieri r-rifjuti ta’ Gazprom li tibdel il-postijiet ta’ konsenja jew l-istazzjonijiet tal-arloġġi;

–        miżuri marbutin mal-ġestjoni tan-netowrk tal-gass Bulgaru (iktar ’il quddiem l-“impenji li jirrigwardaw in-netowrk tal-gass Bulgaru”); kif jirriżulta, min-naħa, mill-premessa 58 u mit-taqsimiet 5.1.2, 7.1.2 u 8.2.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, mill-punti 7 u 8 tal-impenji finali (fit-taqsima 1.1, intitolata “1.1 Changes to the Bulgarian Gas System” (Bidla fis-sistema tal-gass Bulgara)), dawn il-miżuri huma intiżi li jirrimedjaw ir-raba’ tip ta’ proċess espost fit-tieni inċiż tal-punt preċedenti, jiġifieri l-proċessi li de facto taw lil Gazprom kontroll fuq l-esportazzjonijiet tal-gass mill-Bulgarija.

312    Għaldaqstant, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 311 iktar ’il fuq li l-punti 5 sa 17 tal-impenji finali jkopru l-prattiki kollha imsemmija fiż-żewġ kategoriji inklużi fl-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali u mfakkra fil-punt 310 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, meta tipparaguna dawn l-oġġezzjonijiet ma’ dawn l-impenji, il-Qorti Ġenerali ma tikkonstata ebda lakuna fil-kontenut tal-imsemmija impenji.

313    Il-konklużjoni magħmula fil-punt preċedenti ma hijiex invalidata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

314    Fil-fatt, l-ewwel nett, inkwantu r-rikorrenti tinsisti fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-proċessi mhux kuntrattwali użati minn Gazprom biex taqsam is-swieq tal-PEĊL ikkonċernati, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fir-rigward tal-erba’ forom ta’ proċessi kuntrattwali u mhux kuntrattwali effetivament identifikati fl-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali, il-Kummissjoni kisbet l-impenji intiżi li jindirizzawhom.

315    B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-proċessi kuntrattwali u mhux kuntrattwali murija mill-prattika ta’ Gazprom li tikkonsisti filli tuża kombinazzjoni ta’ klawżola magħrufa bħala ta’ “espansjoni” flimkien mal-obbligu ta’ informazzjoni lil Gazprom (imsemmija fl-ewwel tip ta’ proċessi esposti fit-tieni inċiż tal-punt 310 iktar ’il fuq u esposta fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata), jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni immirat l-użu magħmul minn din l-impriża ta’ diversi stipulazzjonijiet kuntrattwali li, mingħajr ma jimponu restrizzjonijiet territorjali espressi, kienu jippermettu li jnaqqsu l-inċentiv ekonomiku tal-klijenti tagħha biex jerġgħu ibiegħu jew jerġgħu jesportaw il-gass ipprovdut minnha u, għaldaqstant, li jipprekludu l-bejgħ transkonfinali.

316    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 5 u 6 tal-impenji finali huma intiżi li jinnewtralizzaw il-klawżoli kklassifikati bħala “Clauses Restricting Resale” (klawżoli li jirrestrinġu l-bejgħ mill-ġdid) u bħala “Territorial Restriction Clause” (klawżoli li jimponu restrizzjonijiet territorjali) u li, fid-dawl tad-definizzjonijiet ta’ dawn il-kliem riprodotti fil-punt 4 ta’ dawn l-impenji, dawn it-tipi ta’ klawżoli jkopru firxa wiesgħa ħafna ta’ stipulazzjonijiet. Dan huwa konformi mal-kontenut tal-“lista indikattiva” li tinsab fl-Anness 1 tal-imsemmija impenji, li jgħid li huma pprojbiti, b’mod partikolari, il-klawżoli ta’ espansjoni, il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fil-kuntratti kkonċernati.

317    Imbagħad, fl-ewwel lok, inkwantu r-rikorrenti tagħti lil wieħed x’jifhem li l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru kellu jiġi estiż għall-PEĊL ikkonċernati kollha, hija ma tispjegax f’hiex huma jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni fil-PEĊL ikkonċernati l-oħra. Fit-tieni lok, l-argument li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet informali konklużi fl-2003 u fl-2005 għandu jiġi miċħud, peress li dawn it-tranżazzjonijiet kienu jirrigwardaw il-prattiki li ma għandhomx rabta mal-PEĊL ikkonċernati u, fuq kollox, li l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali jkopru preċiżament il-prattiki li jmorru lil’hinn mir-restrizzjonijiet territorjali espressi. Fit-tielet lok, l-aġir kontenzjuż ta’ Gazprom u marbut mal-kriżi tal-2009/2010, jiġifieri r-rifjuti li tibdel il-post tal-konsenja jew stazzjon tal-arloġġi, huma koperti bl-impenji li jirrigwardaw il-postijiet tal-konsenja (li huma eżaminati fil-kuntest tat-tieni parti iktar ’il quddiem). Fir-raba’ lok, il-prattiki marbutin mal-istaġun tax-xitwa 2014/2015 ma humiex koperti bl-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali, b’mod li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tindirizzahom. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti stess tammetti li dawn il-prattiki kienu jikkonċernaw prinċipalment lill-Ukraina, mingħajr ma tispjega f’hiex l-allegati konsegwenzi tagħhom fuq il-PEĊL ikkonċernati jirriskjaw li jerġgħu jirrepetu ruħhom minkejja l-adozzjoni tal-impenji finali. Fil-ħames lok, inkwantu r-rikorrenti tipprova tipprevalixxi ruħha mill-fatti esposti fis-subtaqsima 8.2.2.2 tad-DO, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta manifestament mill-elementi ta’ din is-subtaqsima u, b’mod iktar ġenerali, mit-taqsima 8.2, li l-imsemmija subtaqsima tirrigwarda s-sorveljanza minn Gazprom tal-osservanza tal-klawżoli l-antiki tar-restrizzjonijiet territorjali espressi, u mhux il-proċessi mhux kuntrattwali allegatament mhux koperti bl-impenji.

318    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw in-nuqqasijiet f’termini ta’ infrastrutturi għat-trasport tal-gass, peress li d-diffikultajiet li hija ssemmi ma jinsabux fit-tħassib dwar il-kompetizzjoni li kellha l-Kummissjoni, inkluż għal dak li jirrigwarda l-impatt futur tal-finalizzazzjoni tal-pajp tal-gass Nord Stream 2. Barra minn hekk, mill-oġġezzjonijiet esposti fid-DO ma jirriżultax li l-impenji finali kellhom jinkludu obbligi pożittivi, f’termini ta’ infrastrutturi, biex jindirizzaw b’mod xieraq dawn l-oġġezzjonijiet, speċjalment peress li r-rikorrenti ma tidentifikax b’mod konkret liema prattiki antikompetittivi jkunu jiġġustifikaw tali obbligi.

319    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura mhux xierqa tal-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali meħudin fit-totalità tagħhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tielet motiv bħala infondata.

2.      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux xierqa tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja

320    Ir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u Overgas iressqu, essenzjalment, sitt ilmenti bbażati fuq in-natura mhux xierqa tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja (punti 9 sa 17 tal-impenji finali).

321    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, tikkontesta dawn l-ilmenti u titlob l-inammissibbiltà parzjali tan-nota ta’ intervent ta’ Overgas.

a)      Fuq l-insuffiċjenza tal-postijiet ta’ konsenja kkonċernati (l-ewwel ilment)

322    Ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Litwanja jikkunsidraw li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja kellhom jikkonċernaw iktar punti minn dawk previsti fil-punt 15 tal-impenji finali, peress li t-titjib infrastrutturali invokati mill-Kummissjoni biex jiġġustifikaw in-natura suffiċjenti tal-postijiet adottati ma jiżguraw il-moviment liberu tal-gass fil-PEĊL ikkonċernati.

323    Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari ċ-ċirkulazzjoni tal-gass bejn il-Polonja u l-ġirien tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza, l-ewwel nett, li, meħud kont tal-kontroll tagħha fuq is-sezzjonijiet Ġermaniżi u Pollakki tal-pajp tal-gass Yamal, Gazprom hija f’pożizzjoni li tinfluwenza l-flussi invertiti mill-Ġermanja lejn il-Polonja. Iktar minn hekk, fl-istat attwali tal-infrastrutturi transkonfinali fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja, ma kienx ikun hemm verament titjib fil-kummerċ bejn il-Polonja u l-Ungerija. Barra minn hekk, il-bini tal-pajp tal-gass Nord Stream 2 għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-aġir antikompetittiv ta’ Gazprom fuq is-suq Pollakk. Issa, dawn il-konstatazzjonijiet jesponu n-natura insuffiċjenti, għal dak li jikkonċerna l-Polonja, tal-postijiet ta’ konsenja limitati għall-pajjiżi Baltiċi, ħaġa li ma tkunx taqbel mal-attenzjoni partikolari miġbuda fuq il-Polonja fid-DO.

324    Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni li, minħabba n-numru insuffiċjenti ta’ postijiet ta’ konsenja kkonċernati, l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja ma jippermettux li jiġi prekluż il-qsim tas-swieq tal-gass Litwan, Latvjan u Estonjan.

325    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument imressaq mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Litwanja, b’mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

326    Il-Qorti Ġenerali tosserva li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja għandhom għan differenti minn dawk li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid u fuq l-esportazzjoni mill-ġdid u li r-rilevanza rispettiva tagħhom tiddependi mill-eżistenza jew mis-suffiċjenza tal-infrastrutturi transkonfinali tat-trasport tal-gass, jiġifieri l-pajp tal-gass bejn żewġ PEĊL ikkonċernati jew, jekk ikun il-każ, tagħmir li jippermetti t-trattament tal-gass naturali likwiduż.

327    Minn naħa, meta jkunu jeżistu tali infrastrutturi bejn PEĊL ikkonċernati, it-trasport dirett tal-gass bejn tnejn minn dawn il-pajjiżi huwa teknikament possibbli, imma l-bejgħ mill-ġdid jew l-esportazzjoni mill-ġdid tal-gass Russu minn wieħed minn dawn il-pajjiżi lejn l-ieħor minn klijent ikkonċernat ta’ Gazprom jista’ jkun ostakolat mod ieħor b’miżuri kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li jipprekludu jew jillimitaw dan il-bejgħ mill-ġdid jew din l-esportazzjoni mill-ġdid. Skont l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, Gazprom implimentat tali miżuri fil-passat u l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid u fuq l-esportazzjoni mill-ġdid huma intiżi li jirrimedjawhom.

328    Min-naħa l-oħra, meta tali infrastrutturi ma jeżistux bejn il-PEĊL ikkonċernati jew huma insuffiċjenti, l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid u fuq l-esportazzjoni mill-ġdid huma ineffikaċi, kif jirriżulta essenzjalment mill-premessa 171 in fine tad-deċiżjoni kkontestata, peress li t-trasport dirett tal-gass bejn tnejn minn dawn il-pajjiżi hija teknikament impossibbli jew insuffiċjenti. F’din is-sitwazzjoni, li hija s-suġġett ta’ din it-tieni parti, il-bejgħ mill-ġdid jew l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ gass Russu tista’ għaldaqstant issir b’tibdil fil-post ta’ konsenja jew fl-istazzjon tal-arloġġi, sabiex il-gass mixtri mill-klijent ikkonċernat ta’ Gazprom jiġi ridirezzjonat mill-post ta’ konsenja inizjali lejn il-post ta’ konsenja ġdid fejn dan il-klijent ikun jixtieq jerġa’ jbigħ il-gass.

329    Madankollu, tali bidla teżiġi li jinkiseb il-kunsens jew il-kooperazzjoni ta’ Gazprom, jiġifieri intervent attiv ta’ din tal-aħħar (kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 362, 363 u 373 sa 375 tad-DO kif ukoll mill-premessi 59, 60 u 171 ta’ din id-deċiżjoni). Skont l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, Gazprom irrifjutat tali intervent fil-passat, billi rrifjutat bdil fil-post ta’ konsenja jew fl-istazzjon tal-arloġġi tal-gass.

330    Issa, l-impenji li jirrigwardaw il-punti ta’ konsenja huma intiżi preċiżament li jiggarantixxu, f’ċerti ċirkustanzi, intervent attiv minn Gazprom billi jobbligaw lil din l-impriża taċċetta bidla fil-post tal-konsenja mitluba minn klijent li jkun jixtieq jerġa’ jbigħ il-gass, intiż għal pajjiżu, lejn PEĊL ikkonċernat ieħor, u dan peress li dan il-bdil tal-post ta’ konsenja jinkludi, jekk ikun il-każ, il-bidla tal-istazzjon tal-arloġġ. B’mod partikolari, dawn l-impenji jipprevedu erba’ kumbinazzjonijiet ta’ bidla fil-postijiet ta’ konsenja, li għandu jippermetti l-bejgħ ta’ gass mill-ġdid, b’mod bidirezzjonali, jiġifieri, fl-ewwel lok, bejn il-Polonja u l-Pajjiżi Baltiċi, fit-tieni lok, bejn is-Slovakkja u l-Pajjiżi Baltiċi, fit-tielet lok, bejn l-Ungerija u l-Bulgarija u, fir-raba’ lok, bejn is-Slovakkja u l-Bulgarija (ara l-premessi 170 sa 172 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 15(i) sa (iv) tal-impenji finali).

331    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-possibbiltà li wieħed jerġa’ jbigħ jew li jerġa’ jinbiegħ lilu gass biss mill-Pajjiżi Baltiċi, bl-esklużjoni ta’ pajjiżi oħra, hija insuffiċjenti. Jeħtieġ li jiġi rilevat f’dan ir-rigward li, effettivament, ir-rifjuti għal bidla tal-post ta’ konsenja jew tal-istazzjon tal-arloġġi, esposti mill-Kummissjoni fid-DO, kienu jikkonċernaw b’mod partikolari lill-Polonja inkwantu t-talbiet għal bdil inkwistjoni kienu intiżi li jtaffu l-ħtieġa akuta ta’ gass ta’ dan il-pajjiż marbut mal-kriżi li ra fl-2009/2010 (kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 342 sa 386, 648 u 878 sa 893 tad-DO kif ukoll mill-premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata).

332    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Polonja bbenefikat mit-titjib tal-infrastrutturi transkonfinali ta’ trasport tal-gass ikkonstatat fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dan il-pajjiż jista’ jimporta volumi sostanzjali ta’ gass mill-Ġermanja, ħafna ogħla mid-defiċjenza ta’ 2.5 biljun metru kubu ta’ gass li kellha tiffaċċja l-Polonja matul il-kriżi tal-2009/2010.

333    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 734 u 1033 tad-DO, it-tranżazzjonijiet neċessarji kienu saru biex jippermetti, b’effett mis-sena 2014, flussi fiżiċi invertiti mill-Ġermanja mill-pajp tal-gass Yamal. Bl-istess mod, jirriżulta minn stqarrija għall-istampa tat-8 ta’ Jannar 2015 ippubblikata minn Gas-System li, meħud kont tad-diversi titjib tekniku, kien possibbli, b’effett mill-bidu tas-sena 2015, li mill-Ġermanja jiġu importati kważi 5.5 biljun metru kubu ta’ gass fis-sena, f’kapaċità fissa, permezz ta’ flussi invertiti virtwali minn dan il-pajp tal-gass (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 76 tad-DO). L-istess komunika tindika wkoll li kien imbagħad possibbli, f’din id-data, li jiġi ttrasportat, mill-Punent u n-Nofsinhar tal-Polonja, iktar minn 90 % tal-bżonnijiet ta’ importazzjoni ta’ gass minn dan il-pajjiż, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni mezzi tekniċi, fosthom il-possibbiltà li jiġi importat, permezz tal-imsemmi pajp tal-gass, 2.7 biljun metru kubu ta’ gass fis-sena, fil-kuntest ta’ kapaċitajiet interrompibbli.

334    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja huma intiżi li jtaffu n-nuqqasijiet f’termini ta’ infrastrutturi li, bħala tali, ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ Gazprom, minkejja l-eventwali responsabbiltà partikolari ta’ din tal-aħħar bħala impriża dominanti. Iktar minn hekk, il-bdil tal-post ta’ konsenja ma huwiex neċessarjament possibbli jew faċli, peress li jimplika, għal Gazprom, limitazzjonijiet tekniċi, li jissemmew fil-premessi 59 u 173 tad-deċiżjoni kkontestata.

335    Barra minn hekk, ma huwiex ċertament eskluż li l-Kummissjoni setgħet, jekk ikun hemm bżonn, tikkonstata, fil-kuntest ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, li r-rifjuti kontra l-bdil tal-post ta’ konsenja jew tal-istazzjon tal-arloġġi opposti minn Gazprom u esposti fid-DO kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, din l-eventwali konstatazzjoni ma timplikax li Gazprom kellha neċessarjament tiggarantixxi iktar bdil tal-post ta’ konsenja, u dan anki jekk wieħed jipotizza li tali miżura setgħet tkun iktar favorevoli għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Morningstar, punt 59).

336    Minn dan jirriżulta li, minkejja l-fatt li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja kienu ispirati mill-prattiki ta’ Gazprom li jikkonsistu li tirrifjuta l-bdil tal-post ta’ konsenja jew ta’ stazzjon tal-arloġġi u li dawn setgħu eventwalment jippermettu li tiġi evitata s-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab il-Polonja fil-kuntest tal-kriżi tal-2009/2010, dan ma jimplikax li l-imsemmija impenji kellhom jippermettu lill-klijenti kkonċernati ta’ dan il-pajjiż li jerġgħu jbiegħu jew li jerġa’ jbiegħ lilhom gass minn diversi pajjiżi. Meħud kont tal-iżolament tal-pajjiżi Baltiċi u tal-Bulgarija msemmi fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tikkonċentra fuq il-possibbiltajiet għal dawn il-PEĊL ikkonċernati.

337    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, taċċetta li, għal dak li jirrigwarda lil dan il-pajjiż, l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja jkunu limitati għall-kombinazzjoni tal-bdil previst fil-punt 15(i) tal-impenji finali, jiġifieri l-possibbiltà li jerġa’ jbigħ jew li jerġa’ jinbiegħ lilu gass mal-pajjiżi Baltiċi biss.

338    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bl-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-kontroll ta’ Gazprom fuq is-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal. Fil-fatt, inkwantu dawn l-allegazzjonijiet jikkorrispondu għal dawk magħmula fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, huwa biżżejjed li jitfakkar li din il-parti ġiet miċħuda bħala infondata. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni, fl-opinjoni tagħha tad-9 ta’ Settembru 2014, kienet ikkonstatat li Gaz-System kienet tikkontrolla l-flussi ta’ gass f’din is-sezzjoni, ħaġa li kkonfermat ukoll ir-rikorrenti fir-risposti tat-8 ta’ Diċembru 2020.

339    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Litwanja u bbażat fuq il-fatt li l-insuffiċjenza tal-postijiet ta’ konsenja kkonċernati ma tippermettix li jkun prekluż il-qsim tas-swieq tal-gass Baltiċi, huwa biżżejjed li jiġi rilevat li din ma kkorroboratx l-argument tagħha u, b’mod partikolari, ma indikatx liema postijiet ta’ konsenja addizzjonali kienu jippermettu li jirrimedjaw dan l-allegat qsim.

340    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tielet motiv jiġi miċħud.

b)      Fuq in-natura mhux xierqa tal-ispejjeż tas-servizz (it-tieni lment)

341    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika tal-Litwanja u minn Overgas, issostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat l-ispejjeż previsti fil-punt 15 tal-impenji finali (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż tas-servizz”), inkwantu dawn huma eċċessivi u, għaldaqstant, irendu impossibbli, f’ċirkustanzi normali tas-suq, kull tibdil vijabbli tal-post ta’ konsenja.

342    Fl-ewwel lok, din in-natura eċċessiva tirriżulta mill-fatt li l-ispejjeż tas-servizz huma stabbiliti f’livell fiss, indipendentement mill-ispejjeż realment inkorsi minn Gazprom. Issa, dawn l-ispejjeż ikunu influwenzati minn diversi elementi, li jvarjaw, b’mod partikolari, skont jekk il-kapaċitajiet ta’ traspost humiex diġà rriżervati jew skont jekk il-gass jiġix ittrasportat fuq networks tal-gass li jappartjenu lill-grupp Gazprom. Il-Kummissjoni kellha pjuttost tipprevedi metodu trasparenti għall-kalkolu tal-imsemmija spejjeż, kif il-partijiet ikkonċernati rrilevaw waqt il-konsultazzjoni tas-suq. Fir-realtà, xejn ma jindika li l-Kummissjoni pproċediet b’analiżi ekonomika jew ġabret id-data neċessarja. Fuq dan il-punt, ir-Repubblika tal-Litwanja u Overgas jirrilevaw li l-ispejjeż tat-trasport inkorsi minn Gazprom huma minimi u f’kull każ inqas mill-ammont tal-imsemmija spejjeż.

343    Fit-tieni lok, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li kkorroborat b’mod suffiċjenti n-natura eċċessiva tal-ispejjeż tas-servizz, peress li hija uriet l-elementi ekonomiċi fuq dan is-suġġett fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq. Barra minn hekk, skont Overgas, l-evoluzzjoni tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż, li tnaqqsu b’mod sinjifikattiv, bl-ammont ta’ 30 %, bejn l-impenji inzijali u dawk finali, tikkonferma wkoll il-livell eċċessiv u l-bżonn ta’ trasparenza.

344    Fit-tielet lok, Overgas issostni li l-ħlas ta’ kull spiża tnaqqas l-effikaċità tal-impenji, b’mod li dawn l-impenji kienu essenzjalment jikkonsistu fis-sostituzzjoni ta’ ostakolu, jiġifieri r-rifjuti kategoriċi ta’ Gazprom biex tbiddel il-postijiet ta’ konsenja, b’ostakolu ieħor, jiġifieri l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż. Effettivament, il-fatt li l-bdil ta’ post ta’ konsenja normalment isir bi ħlas, ma jistax jiġġustifika l-ħlas tal-ispejjeż tas-servizz f’dan il-każ u Gazprom kellha toffri l-bdil bla ħlas, meħud kont tar-responsabbiltà partikolari tagħha bħala impriża dominanti.

345    Fir-raba’ lok, l-għanijiet kontradittorji allokati lill-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja jikkonfermaw il-livell eċċessiv tal-ispejjeż tas-servizz. Minn naħa, il-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li l-għan ta’ dawn l-impenji huwa li “jintegraw iktar is-swieq tal-gass tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant u jegħlbu l-iżolament infrastrutturali tas-swieq tal-gass fil-pajjiżi Baltiċi u fil-Bulgarija”. Dan l-għan iħalli lil wieħed x’jifhem li l-imsemmija spejjeż għandhom ikunu ffissati f’ammont li jippermetti l-kummerċ regolari bejn bejjiegħa bl-ingrossa, sabiex tiġi ddiversifikata b’mod sostenibbli l-provvista bl-ingrossa tas-swieq tal-gass Bulgari u Baltiċi. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-premessa 174 ta’ din id-deċiżjoni li l-bdil tal-postijiet ta’ konsenja jkunu rilevanti biss jekk il-prezzijiet ikun ta’ benefiċċju biss jekk il-prezzijiet ikunu “differenti b’mod sinjifikattiv” bejn il-PEĊL ikkonċernati.

346    Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni u Gazprom isostnu li l-ispejjeż tas-servizz huma xierqa, b’mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Insostenn tal-argument tagħha Gazprom tirreferi għad-diversi elementi li jinsabu fl-istudju ekonomiku tagħha, li kienu kkontestati fl-istudju ekonomiku tar-rikorrenti.

347    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess li, biex jiġu ddeterminati l-ispejjeż tas-servizz, il-Kummissjoni u Gazprom ħadu inizjalment approċċ ibbażat fuq stima tal-ispejjeż ta’ trasport tal-gass bejn pari ta’ postijiet ta’ konsenja, murija fil-[kunfidenzjali], liema approċċ irriżulta li huwa kumpless u kien iwassal għal spejjeż tas-servizz għoljin ħafna.

348    Huwa minħabba dawn l-ispejjeż tas-servizz għoljin ħafna li l-Kummissjoni u Gazprom, sussegwentement, għażlu approċċ ieħor floku, jiġifieri l-iffissar ta’ dawn l-ispejjeż b’mod tali li jippermettu l-arbitraġġi fuq il-prezz (price arbitrage) u li huma jikkostitwixxu biss parti żgħira mill-prezz tal-gass ikkonsenjat f’post ġdid. Minn dan irriżultaw l-ispejjeż tas-servizz previsti fil-punt 15 tal-impenji finali, iffissati f’0.76 u f’1.52 EUR/MWh (megawatt fis-siegħa) skont il-kumbinazzjoni tal-postijiet ta’ konsenja kkonċernata, liema spejjeż kienu ġew imnaqqsa meta mqabbla ma’ dawk previsti fl-impenji inizjali (ara l-premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata).

349    Issa, jeħtieġ li jiġi nnotat li, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ispejjeż tas-servizz ta’ 0.76 EUR/MWh għal bdil tal-post ta’ konsenja bejn il-Polonja u wieħed mill-pajjiżi Baltiċi, jiġifieri l-uniċi spejjeż tas-servizz li jistgħu jikkonċernaw lir-rikorrenti, dawn l-ispejjeż jikkorrispondu, skont il-Kummissjoni, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, għal madwar [kunfidenzjali] tal-prezz tal-gass imħallas minn din tal-aħħar fl-2017 u fl-2018, jiġifieri l-perijodu li matulu dan il-prezz kien laħaq il-livell ta’ dawk applikabbli fl-Ewropa tal-Punent. Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-evoluzzjonijiet tal-prezz li jinsabu fil-grafika Nru 1 li tinsab fir-risposta (riprodotta iktar ’il quddiem), peress li din il-grafika tirrifletti [kunfidenzjali].

350    F’dan il-livell ta’ spejjeż tas-servizz, jekk wieħed jassumi l-prezzijiet bħala allinjati bejn il-Polonja u l-pajjiżi Baltiċi u jikkorrispondu għall-prezz tal-gass imħallas mir-rikorrenti fl-2017 u fl-2018, il-bdil tal-post ta’ konsenja jkun vijabbli jekk il-prezzijiet fil-Polonja u fil-pajjiżi Baltiċi jkunu jvarjaw b’iktar minn [kunfidenzjali] meta mqabbla mal-imsemmi prezz tal-2017 u tal-2018, mingħajr preġudizzju għall-eventwali spejjeż addizzjonali u għall-marġni għall-klijent ikkonċernat rivenditur.

[kunfidenzjali]

351    Barra minn hekk, jirriżulta wkoll minn din il-grafika Nru 1 li, bejn l-2009 u l-2017, il-prezzijiet tal-gass fil-PEĊL ikkonċernati [kunfidenzjali]. Konstatazzjoni simili toħroġ mill-“evalwazzjoni kontrafattwali” li tinsab fl-istudju ekonomiku ta’ Gazprom.

352    Għaldaqstant, il-bdil fil-post ta’ konsenja jista’ jkun vijabbli f’ċerti ċirkustanzi simili għal dawk esposti fl-imsemmija grafika, mingħajr preġudizzju għall-eventwali spejjeż addizzjonali u għall-marġni għall-klijent ikkonċernat rivenditur. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti semmiet biss spejjeż tad-dħul potenzjali, iżda mingħajr ma tagħti figura għal dawn tal-aħħar u lanqas spejjeż eventwali oħra.

353    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, kif diġà sar fil-punt 334 iktar ’il fuq, li l-impenji li jirrigwardaw il-punti ta’ konsenji huma intiżi li jtaffu n-nuqqasijiet f’termini ta’ infrastrutturi li ma humiex, bħala tali, responsabbiltà ta’ Gazprom. Din il-konstatazzjoni timplika li, fid-dawl tal-preokkupazzjonijiet li hija kienet esponiet għal dak li jikkonċerna r-rifjuti passati ta’ Gazprom biex tbiddel post ta’ konsenja, għalkemm il-Kummissjoni setgħet teżiġi mekkaniżmu bħalma hu dak previst fl-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja, hija ma kelliex għalfejn tiggarantixxi li dawn l-impenji jippermettu tranżazzjonijiet ta’ arbitraġġ tal-prezz paragunabbli għal dawk li setgħu jippreżentaw ruħhom meta jkunu jeżistu l-infrastrutturi transkonfinali.

354    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, taċċetta l-ispejjeż tas-servizz previsti fil-punt 15 tal-impenji finali fid-dawl tal-għan tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja, li jinsabu fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha dawn għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw is-sitwazzjonijiet fejn il-prezzijiet ikunu “jvarjaw b’mod sinjifikattiv” bejn is-swieq tal-gass tal-PEĊL ikkonċernati.

355    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidità bl-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja u minn Overgas, li intervjeniet insostenn tagħha.

356    Fl-ewwel lok, inkwantu r-rikorrenti ssostni li l-paragun ma’ perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mal-perijodu ta’ bejn l-2009 u l-2014, ma huwiex xieraq peress li l-prezzijiet tal-gass kienu jkunu eċċessivi, min-naħa, jeħtieġ li jiġi nnotat li n-matura xierqa tal-ispejjeż tas-servizz għandha tiġi evalwata skont id-diskrepanza fil-prezzijiet bejn il-PEĊL ikkonċernati iktar milli l-livell ta’ dawn il-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-grafika Nru 1 imsemmija iktar ’il fuq, li, inkluż matul il-perijodu ta’ konverġenza mal-prezzijiet tal-Ewropa tal-Punent (kif irrappreżentati mill-kurva “TTF – month ahead”), jiġifieri b’mod partikolari [kunfidenzjali], li jippermettu l-arbitraġġi tal-prezzijiet. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi mistenni mill-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja li dawn jippermettu l-arbitraġġi tal-prezzijiet f’ċirkustanzi fejn il-prezzijiet tal-PEĊL huma kompetittivi u ma hemmx diskrepanza bejniethom.

357    Inkwantu Overgas sostniet, waqt is-seduta, li l-ispejjeż tas-servizz ma jkunux xierqa f’każ ta’ waqa’ fil-prezz tal-gass, bħalma hija l-waqa’ ta’ 40 % li ġiet osservata fil-Bulgarija matul il-proċedura kontenzjuża, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja jippermettu li wieħed jibbenefika minn sitwazzjoni bħalma hija l-waqa’ tal-prezz f’wieħed mill-PEĊL ikkonċernati, li ma sseħħx f’PEĊL ikkonċernat ieħor, peress li din id-diverġenza tista’ tippermetti preċiżament arbitraġġ tal-prezz.

358    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li huwa opportun li jiġu ppreferuti spejjeż tas-servizz ibbażati fuq l-ispejjeż reali effettivament inkorsi minn Gazprom biex wieħed jipproċedi għall-bdil tal-postijiet ta’ konsenja, il-Qorti Ġenerali tinnota li l-Kummissjoni ma jidhirx li kkontemplat tali metodu, fl-apparenza raġonevoli, u lanqas ipprovat tiddetermina, talinqas b’mod approssimattiv, l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż reali, meħud kont ta’ fatturi bħalma huma l-ispejjeż għat-trażmissjoni jew tal-ibbilanċjar.

359    Madankollu, meħud kont tal-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid ta’ impenji, kien permess li l-Kummissjoni taċċetta l-ispejjeż tas-servizz fissi, fid-dawl tal-vantaġġi f’termini ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà, li jippermettu l-arbitraġġi tal-prezz. Iktar minn hekk, anki jekk wieħed jippreżumi li l-ispejjeż reali marbutin mal-bdil tal-post ta’ konsenja huma inqas mill-imsemmija spejjeż, dan il-fatt ma huwiex tali li jinvalida n-natura xierqa tagħhom, inkwantu l-bdil tal-post ta’ konsenja jkun possibbli u vijabbli f’każ ta’ diskrepanza sinjifikattiva fil-prezzijiet bejn il-PEĊL ikkonċernati.

360    Fit-tielet lok, inkwantu r-rikorrenti u Overgas jenfasizzaw ir-riskji marbutin mal-ipoteżi fejn l-ispejjeż reali jkunu ogħla minn dawn l-ispejjeż, b’mod li Gazprom tiffattura dawn l-ispejjeż iktar milli l-ispejjeż tas-servizz fissi, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li Gazprom hija obbligata tippreżenta l-provi dokumentarji tal-imsemmija spejjeż u li l-eventwali nuqqas ta’ qbil bejn Gazprom u l-klijent ikkonċernat jista’ jittieħed quddiem il-mandatarju responsabbli mill-monitoraġġ tal-impenji finali (ara l-punti 15, 16 u 32(vi)) tal-impenji finali.

361    Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-bdil tal-post ta’ konsenja għandu jiġi offrut bla ħlas minn Gazprom, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat, inkluż fl-istadju tal-formulazzjoni tat-tħassib tagħha fid-DO, id-dritt ta’ Gazprom li tiffattura lill-klijenti tagħha bl-ispiża ta’ tali bidla (ara, b’mod partikolari, il-punt 883 tad-DO).

362    Fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda l-allegata kontradizzjoni fil-motivi bejn il-premessi 172 u 173 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex eskluż li l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 172 ta’ dik id-deċiżjoni, li tgħid li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja “jikkostitwixxu mezz effikaċi biex jiġu integrati iktar is-swieq tal-gass fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant”, hija enfatika. Madankollu, din l-affermazzjoni ma hijiex tali li tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma tikkostitwixxix il-bażi neċessarja għad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑164/02, EU:C:2004:54, punt 21).

363    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tieni lment tat-tieni parti tat-tielet motiv.

c)      Fuq il-limitazzjoni mhux xierqa fir-rigward tat-tul tal-kuntratti (it-tielet ilment)

364    Skont ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Litwanja, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja japplikaw biss għall-kuntratti bi żmien ta’ mill-inqas 18-il xahar, peress li dan irendi lil dawn l-impenji ineffettivi għall-klijenti Litwani ta’ Gazprom, li ma jikkonkludux, normalment, kuntratti għal żmien itwal minn sena. Iktar minn hekk, ir-rabtiet marbutin ma’ dawn l-impenji ma jħajrux lil Gazprom sabiex tirrevedi l-imsemmi biex ittawwlu.

365    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

366    Il-Qorti Ġenerali tosserva li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja jimponu perijodu ta’ konsenja għal post ġdid ta’ mill-inqas 12-il xahar u jipprevedu terminu għall-implimentazzjoni (lead-time) ta’ mill-inqas 4 xhur għall-eżekuzzjoni ta’ talba għall-bdil tal-post ta’ konsenja (ara t-tieni inċiż tal-punt 10 u l-punt 11 tal-impenji finali). Jirriżulta mill-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li dawn ir-rekwiżiti kienu proporzjonati fid-dawl tal-limitazzjonijiet tekniċi marbutin mal-bdil ta’ post ta’ konsenja.

367    Issa, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Litwanja ma kkontestawx il-fatt li dan it-tul ta’ 12 u ta’ 4 xhur, jiġifieri total ta’ 16-il xahar, huma proporzjonati meħud kont tal-imsemmija limitazzjonijiet tekniċi. Fid-dawl ta’ dan il-perijodu ta’ 16-il xahar, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tirriżerva l-bdil tal-postijiet ta’ konsenja għall-kuntratti bi żmien ta’ mill-inqas 18‑il xahar.

368    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, jekk il-bejjiegħa bl-ingrossa li kienu klijenti ta’ Gazprom fit-23 ta’ April 2015 kellhom jikkonkludu, fil-futur, kuntratti għal żmien ta’ mill-inqas 18-il xahar, huma setgħu jipprevalixxu ruħhom mill-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja, minkejja l-fatt li l-kuntratti attwali tagħhom normalment idumu sena biss (ara l-punt 4, taħt it-titolu “Eligible Customer” (klijent eliġibbli), u l-punt 9 tal-impenji finali). Inkwantu r-Repubblika tal-Litwanja jsostnu li dawn l-impenji ma jħajrux lil Gazprom jikkonkludu kuntratti għal żmien ta’ mill-inqas 18-il xahar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirrigwarda l-kuntratti għal żmien qasir, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timponi li Gazprom toffri kuntratti għal żmien ta’ mill-inqas 18-il xahar.

369    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li tgħid li t-terminu għall-implimentazzjoni ta’ 4 xhur ikun jippermetti lil Gazprom toffri kundizzjonijiet aħjar lill-bejjiegħa bl-ingrossa li jixtru gass li joriġina minn PEĊL ikkonċernat ieħor, peress li tali sitwazzjoni tirriżulta mill-arbitraġġ tal-prezz u mill-effett tal-kompetizzjoni msaħħa proprju bil-possibbiltà tal-bdil tal-post tal-konsenja.

370    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud t-tielet ilment tat-tieni parti tat-tielet motiv.

d)      Fuq il-kundizzjoni mhux xierqa fir-rigward tal-volum minimu ta’ gass (ir-raba’ lment)

371    Ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Litwanja jsostnu li l-volum minimu ta’ gass meħtieġ biex wieħed jitlob bdil fil-post ta’ konsenja, iffissat fl-ammont ta’ 50 miljun metru kubu, huwa għoli wisq fid-dawl tal-volumi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ bdil tal-punt ta’ konsenja. Fil-fatt, tali bdil huwa aċċessibbli biss għall-bejjiegħa bl-ingrossa kbar u jinneċessita li dawn tal-aħħar jkunu jistgħu jittamaw li jistgħu jakkwistaw sehem mis-suq sostanzjali fis-suq servut mill-post ġdid ta’ konsenja, ħaġa li trendi lil dawn l-impenji totalment illużorji. Għaldaqstant, dan il-volum minimu jirrappreżenta minn tal-inqas 10 % mill-bżonnijiet annwali tal-ikbar bejjiegħa bl-ingrossa Baltiċi u, skont l-istudji ekonomiku tar-rikorrenti, jikkorrispondi, f’termini ta’ konsum ta’ gass, għal 17 % mis-suq Estonjan, għal 12 % mis-suq Latvjan u għal 3 % mis-suq Litwan.

372    Barra minn hekk, il-klijenti kkonċernati li jkunu jixtiequ jerġgħu jbigħu l-gass tagħhom ma jkollhomx, fil-prattika, volumi żejda kbar, b’mod li l-bidla tal-post ta’ konsenja tkun jimplika fir-realtà ordni addizzjonali għal Gazprom biex jintlaħaq il-limitu minimu ta’ 50 miljun metru kubu ta’ gass, filwaqt li l-bejgħ mill-ġdid marbut ma’ din il-bidla jkun inċert, peress li, pereżempju, Gazprom tkun tista’ tirrifjuta l-imsemmi bidla f’każ ta’ defiċjenza fil-kapaċità ta’ trasport.

373    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

374    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn ir-rekwiżiti kienu proporzjonati fid-dawl tal-limitazzjonijiet tekniċi marbutin mal-bdil ta’ post ta’ konsenja u meħud kont tad-daqs tas-swieq tal-gass inkwistjoni. Issa, għalkemm ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Litwanja jikkontestaw, essenzjalment, in-natura proporzjonata tal-volum minimu ta’ 50 miljun metru kubu previst fil-punt 20 tal-impenji finali fid-dawl tad-daqs tas-swieq tal-gass tal-pajjiżi Baltiċi, huma ma kkontestawx il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-imsemmija limitazzjonijiet.

375    Imbagħad, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, bħalma t-tliet pajjiżi Baltiċi għandhom kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni kbar, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, u kif jirriżulta mill-punt 138 tad-DO, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsum totali tal-gass tagħhom. Issa, il-volum minimu ta’ 50 miljun metru kubu kien jirrappreżenta fl-2018 1.25 % biss minn dan il-konsum totali, b’mod li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, kif hija għamlet fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan il-volum kien proporzjonat meħud kont tad-daqs ta’ dawn is-swieq meħudin flimkien.

376    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-volumi żejda insuffiċjenti biex tibbenefika mill-bdil tal-post ta’ konsenja ma jistax jiġġustifika l-konklużjoni dwar in-natura mhux xierqa tal-volum minimu, peress li l-għażliet magħmula minn dawn il-klijenti li jirrigwardaw l-użu ta’ volumi inizjalment mixtrija minn Gazprom jew ix-xiri ta’ volumi addizzjonali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-klijenti stabbiliti fil-pajjiżi Baltiċi jkunu jistgħu potenzjalment ifornu ruħhom bil-gass mingħand bejjiegħa bl-ingrossa oħra f’dawn il-pajjiżi, meħud kont tal-interkonnessjonijiet bejn l-imsemmija pajjiżi rrilevati fil-punt preċedenti u l-eżistenza ta’ terminal ta’ gass natural likwidu fil-Litwanja (kif jingħad fil-punt 135 tad-DO).

377    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u meħud kont ukoll tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 334 u 335 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja ma humiex ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit dwar il-volum minimu ta’ gass meħtieġ biex jintalab il-bdil tal-post tal-konsenja. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-raba’ lment tat-tieni parti tat-tielet motiv.

e)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-kundizzjonijiet tas-suq fil-Bulgarija (il-ħames ilment)

378    Overgas tikkunsidra li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja ma humiex xierqa fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jikkonċerna l-iżolament tas-suq Bulgaru u tal-għan tal-Kummissjoni li tbiddel b’mod sostenibbli l-istruttura ta’ dan is-suq. Dawn l-impenji ma jtejbu la s-sigurtà u lanqas id-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ gass fil-Bulgarija peress li, fir-realtà, huma jippermettu biss is-sostituzzjoni tal-provvista tal-gass Russu b’importaturi Bulgari bil-provvista ta’ gass Russu b’esportaturi Slovakki jew Ungeriżi.

379    Skont Overgas, Gazprom kellha timpenja ruħha, fl-ewwel lok, biex tippermetti mhux biss il-bidla tal-post ta’ konsenja tal-gass Russu, imma wkoll l-iskambji bejn gass Russu u gass naturali likwidu, fit-tieni lok, biex tistabbilixxi l-pjattaformi ta’ negozju tal-gass għall-fruntieri bejn ir-Russja, l-Ukraina u l-Bjelorussja u, fit-tielet lok, sabiex tastjeni milli xxekkel l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ diversifikazzjoni tal-provvista ta’ gass. Il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, irrifjutat li ddaħħal miżuri ta’ dan it-tip meta kkunsidrat li dawn kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni tagħha fil-Każ AT.39816.

380    Fi kwalunkwe każ, l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja ma jippermettux li jindirizzaw it-tħassib li jaqa’ fil-kamp tal-investigazzjoni kif iddefinit mill-Kummissjoni, peress li l-klijenti kkonċernati li jkunu jixtiequ jipprovdu l-gass fil-Bulgarija ma jkunu la kapaċi u lanqas inkoraġġuti jittrasportaw il-gass mibjugħ lil’hinn mill-postijiet ta’ konsenja f’Negru Vodă (ir-Rumanija). Fil-fatt, il-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn Bulgartransgaz u Gazprom jirriżerva 99.5 % mill-kapaċitajiet ta’ trasport fil-Bulgarija favur din tal-aħħar, ħaġa li tkun tipprekludi lill-bejjiegħa bl-ingrossa ta’ PEĊL ikkonċernati oħra milli jittrasportaw il-gass tagħhom bejn post partikolari ta’ Negru Vodă u l-klijenti eventwali fil-Bulgarija. Iktar minn hekk, il-kuntratt ta’ provvista ta’ gass konkluż bejn Gazprom u Bulgargaz jipprevedu obbligu fiss ta’ xiri (obbligu “take or pay”) għal volumi konsiderevoli ta’ gass, li jirrappreżentaw parti kbira mill-bżonnijiet fil-Bulgarija u, għaldaqstant, ostaklu kbir għad-dħul għal dawn il-bejjiegħa bl-ingrossa. Fl-aħħar nett, il-klijenti Bulgari jkunu ġeneralment marbutin b’kuntratti ta’ provvista fit-tul mal-fornitur attwali tagħhom, f’dan il-każ Bulgargaz, b’mod li huma ma jikkostitwixxux klijenti disponibbli għall-imsemmija bejjiegħa bl-ingrossa.

381    Il-Kummissjoni tikkunsidra, prinċipalment, li dan l-ilment huwa inammissibbli, u dan kif diġà ngħad fil-punti 303 u 321 iktar ’il fuq, u, b’mod sussidjarju, li huwa infondat.

382    Fir-risposti tagħha tas-26 ta’ Novembru 2020, Overgas ikkontestat din l-inammissibbiltà u sostniet, essenzjalment, li l-ġurisprudenza kienet tippermetti lill-partijiet intervenjenti li jressqu firxa wiesgħa ta’ argumenti u li l-argumenti kollha tagħha kienu marbutin direttament mas-suġġett tal-kawża. L-interpretazzjoni ta’ dan is-suġġett kif mogħtija mill-Kummissjoni ċċaħħad minn kull utilità n-noti ta’ intervent, peress li l-partijiet intervenjenti jkollhom jillimitaw ruħhom biex jirrepetu l-argumenti tal-partijiet prinċipali.

383    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rilevat li, minkejja l-fatt li r-rikorrenti ffokat fuq l-impatt, għall-Polonja, tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja, Overgas tikkontesta n-natura xierqa ta’ dawn l-istess impenji f’dan l-ilment, b’mod li dan ma jeċċedix is-suġġett tal-kawża u għandu jitqies bħala ammissibbli.

384    Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali tosserva li, inkwantu Overgas xtaqet li jkun hemm impenji li jiżguraw id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tal-gass, sabiex tirrimedja d-dipendenza tal-Bulgarija fuq il-gass Russu, tali impenji jeċċedu, kif irrilevat il-Kummissjoni, il-portata tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja kif iddefinita mit-tħassib dawr il-kompetizzjoni espost fid-DO. Dan it-tħassib ma kienx jikkonċerna d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ gass, imma kien jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istrateġija ta’ Gazprom intiż li jevita li l-gass Russu tagħha pprovdut minn waħda mill-klijenti tagħha jkun f’kompetizzjoni mal-gass Russu tagħha pprovdut minn klijenti oħrajn tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punt 250 tad-DO u l-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li ssemi “Russian-on-Russian gas competition” (kompetizzjoni bejn il-gassijiet Russi)).

385    Iktar minn hekk, għal dak li jirrigwarda r-riżerva minn Gazprom ta’ 99.5 % mill-kapaċitajiet tan-network Bulgartransgaz, jeħtieġ li jiġi rilevat li l-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt minn Overgas, li din ir-riżerva kienet tikkonċerna l-postijiet tad-dħul ta’ Negru Vodă u kienet koperta mill-obbligu, preskritt fl-inċiż ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 15 tal-impenji finali, fuq Gazprom li tuża r-riservi ta’ kapaċità eżistenti tagħha.

386    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-obbligi fissi ta’ xiri allegatament imposti fuq Bulgargaz, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, għalkemm hija eżaminat l-eżistenza ta’ obbligi ta’ dan it-tip fid-DO, il-Kummissjoni ma kellix tħassib dwar il-kompetizzjoni f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata. Iktar minn hekk, dawn l-obbligi fissi ta’ xiri ma jipprekludux lill-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom sitwati fis-Slovakkja jew fl-Ungerija milli jerġgħu jbiegħu volumi ta’ gass lill-bejjiegħa bl-ingrossa oħra li ma humiex Bulgargaz.

387    Fl-aħħar nett, l-argument li jirrigwarda l-kuntratti fit-tul li jorbtu lill-klijenti Bulgari iktar ’l isfel fil-katina għandu jiġi miċħud, peress li dawn il-kuntratti ma jaqgħux taħt it-tħassib dwar il-kompetizzjoni espost fid-DO. Iktar minn hekk, Overgas ma tispjegax fejn l-eventwali defiċjenzi f’dawn is-swieq huma imputabbli lil Gazprom, u lanqas liema impenji din l-impriża setgħet tieħu biex tirrimedja l-effetti ta’ kuntratti li hija ma tinsabx kontraenti fihom.

388    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegat minn Overgas, ibbażat fuq li jingħad li hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kundizzjonijiet tas-suq fil-Bulgarija. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud il-ħames ilment tat-tieni parti tat-tielet motiv.

f)      Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni probabbli u prevedibbli tal-politika ta’ tranżitu ta’ Gazprom (is-sitt ilment)

389    Skont Overgas, l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja ma jiħdux debitament inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni probabbli u prevedibbli tal-politika ta’ tranżitu ta’ Gazprom, meħud kont partikolarment tal-kostruzzjoni tal-pajpijiet tal-gass Nord Stream 2 u TurkStream, filwaqt li din l-evoluzzjoni jkollha implikazzjonijiet diretti fuq l-effikaċità ta’ dawn l-impenji. Iktar minn hekk, l-inċertezzi fir-rigward tal-attivazzjoni ta’ dawn il-pajpijiet tal-gass ma jistgħux jiġġustifikaw din id-defiċjenza, fid-dawl tal-intenzjonijiet magħrufa ta’ Gazprom u l-instabbiltà li tikkaratterizza s-settur tal-gass.

390    Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-Bulgarija, il-Kummissjoni kellha taħseb, waqt l-elaborazzjoni tal-impenji, l-ipoteżi li Gazprom tiddeċiedi, fl-aħħar, li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ tranżitu mal-impriża Ukrena Naftogaz u, minflok, twassal il-gass tagħha sal-post ta’ konsenja ġdid fil-fruntiera Torka-Bulgara. Issa, ir-Repubblika Torka ma hijiex membru tal-Komunità tal-Enerġija, b’mod li l-postijiet ta’ konsenja li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni.

391    Il-Kummissjoni tikkunsidra, prinċipalment, li dan l-ilment huwa inammissibbli u, b’mod sussidjarju, infondat.

392    F’dan ir-rigward, għall-motivi esposti fil-punt 383 iktar ’il fuq, u peress li dan l-ilment ta’ Overgas jikkonċerna l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dawn huwa ammissibbli.

393    Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-ilment, inkwantu r-rikorrenti ssostni li l-allegata evoluzzjoni tal-“politika ta’ tranżitu” ta’ Gazprom tirriskja li trendi skaduti l-kombinazzjonijiet previsti fil-punt 15 tal-impenji finali, jeħtieġ li jiġi rrilevat, kif ġustament tagħmel il-Kummissjoni, li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja jipprevedu l-possibbiltà li jiġi ssostitwit wieħed mill-postijiet ta’ konsenja kkonċernati b’wieħed ieħor jekk Gazprom tieqaf milli tuża l-post ta’ konsenja inizjali (ir-raba’ inċiż tal-punt 10 tal-impenji finali).

394    Iktar minn hekk, il-fatt li post ta’ konsenja ġdid ikun jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni jew ta’ dak tal-membri tal-Komunità tal-Enerġija ma jinvalidax l-effikaċità tal-impenji, peress li din l-effikaċità ma tiddependix mill-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mill-ġestjonarju tan-network tal-pajjiż terz inkwistjoni, imma tirriżulta min-natura obbligatorja għal Gazprom.

395    Barra minn hekk, jekk wieħed jippreżumi li Overgas tixtieq, permezz ta’ dan l-ilment, issostni li l-Kummissjoni kellha tipprovdi għal impenji li jikkonċernaw speċifikament il-kostruzzjoni u l-implimentazzjoni tal-pajpijiet tal-gass Nord Stream 2 u TurkStream, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-DO ma tinkludix it-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirrigwardaw dawn il-pajpijiet tal-gass.

396    Fl-aħħar nett, inkwantu l-implimentazzjoni tal-imsemmija pajpijiet tal-gass jimplikaw l-evoluzzjoni sinjifikattiva tal-aġir ta’ Gazprom fuq is-swieq tal-gass tal-PEĊL ikkonċernati, jeħtieġ li jiġi nnotat li dan il-fatt jista’ jikkostitwixxi tibdil importanti f’wieħed mill-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant jippermetti lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, li terġa’ tiftaħ il-proċedura amministrattiva. Madankollu, l-imsemmi ċirkustanza ma tikkostitwixxix element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jikkonċerna l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja.

397    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud is-sitt ilment tat-tieni parti tat-tielet motiv.

398    Inkwantu, waqt is-seduta, Overgas enfasizzat li l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja ma kinux xierqa fid-dawl tal-evalwazzjoni globali tan-nuqqasijiet u tal-ommissjonijiet imressqa mis-sitt ilmenti eżaminati iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li kull wieħed minn dawn l-ilmenti ġie miċħud u li, anki meta meħudin flimkien, dawn ma jippermettux li jiġi konkluż li l-aċċettazzjoni ta’ dawn l-impenji hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, minkejja l-fatt li l-klijenti kkonċernati ta’ Gazprom ma jistgħux jirrikorru għal bdil fil-post ta’ konsenja ħlief f’ċerti ċirkustanzi partikolari.

399    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv bħala infondat fl-intier tiegħu.

3.      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux xierqa tal-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru

400    Skont Overgas, l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru, kif previsti fil-punti 7 u 8 tal-impenji finali, jikkostitwixxu risposta mhux adegwata għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni f’dan ir-rigward. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni strutturat dan it-tħassib f’żewġ kategoriji ta’ restrizzjonijiet li bihom kienet ikkritikata Gazprom, jiġifieri r-restrizzjonijiet li jostakolaw l-esportazzjonijiet ta’ gass mill-Bulgarija u dawk li jostakolaw l-importazzjonijiet tal-gass lejn dan il-pajjiż. Issa, kif jirriżulta mill-premessi 167 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru jirrimedjaw biss ir-restrizzjonijiet li jostakolaw l-importazzjonijiet ta’ gass lejn il-Bulgarija.

401    Fit-tieni lok, l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru ma humiex xierqa inkwantu jippreġudikaw il-prinċipji fundamentali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-settur tal-gass. Fil-fatt, il-kuntratt ta’ provvista ta’ gass konkluż bejn Gazprom u Bulgargaz fih klawżoli li jmorru kontra l-prinċipju, previst mid-direttiva dwar il-gass, ta’ separazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġestjonarju ta’ network ta’ trasport minn dawk tal-produzzjoni jew tal-provvista ta’ gass. Issa, l-imsemmija impenji ma jimponux it-tneħħija ta’ dawn il-klawżoli.

402    Fit-tielet lok, Overgas issostni li l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru ma josservawx ir-rekwiżiti previsti fil-punt 128 tal-aħjar prattiki u lanqas dawk previsti mill-ġurisprudenza, li skonthom l-impenji għandhom ikunu direttament applikabbli u, meta ma jkunux jistgħu jiġu implimentati mingħajr il-kunsens ta’ terza persuna, l-impriża kkonċernata għandha tipprovdi prova tal-kunsens ta’ din it-terza persuna. B’mod partikolari, b’kuntrast ma’ dawn ir-rekwiżiti, dawn l-impenji jipprevedu espressament il-ksib tal-kunsens tat-terza persuna, f’dan il-każ Bulgargaz u Bulgartransgaz (ara l-punt 7(a) u (b) tal-impenji finali), u jiddependu fuq l-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet minn Bulgartransgaz (ara l-punt 7(i) sa (iii) tal-impenji finali). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma talbitx lil Gazprom sabiex tipproduċi provi tal-volontà ta’ dawn iż-żewġ impriżi biex jikkooperaw fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji.

403    Fir-raba’ lok, l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru jibqgħu mhux xierqa inkwantu huma ambigwi. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-punti rilevanti ta’ dawn l-impenji ma jistabbilixxux b’mod ċar l-obbligi ta’ Gazprom u jħallu wisq lok għal interpretazzjoni, ħaġa li, barra minn hekk, trendi diffiċli s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-impenji finali mill-mandatarju inkarigat għal dan il-għan.

404    Min-naħa tal-Kummissjoni, hija tikkunsidra, prinċipalment, li din il-parti hija inammissibbli, kif diġà ssemma fil-punti 303 u 321 iktar ’il fuq. B’mod sussidjarju, hija tikkontesta l-fondatezza tal-argument ta’ Overgas.

405    Skont il-ġurisprudenza diġà mfakkra fil-punt 114 iktar ’il fuq, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u l-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar għandhom ikunu interpretati fis-sens li parti li tkun aċċettata tintervjeni f’tilwima mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iddefinit mit-talbiet u l-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan isegwi li, għalkemm tali parti tista’ tressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti prinċipali li hija ssostni, huma biss l-argumenti tagħha li jidħlu fil-qafas iddefinit minn dawn it-talbiet u dawn il-motivi li huma ammissibbli.

406    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti jiffoka fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fil-Polonja u l-impatt, fuq is-swieq tal-gass ta’ dan il-pajjiż, tal-impenji li għandhom portata trażversali. Fil-fatt, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-iskritturi tagħha u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-tielet motiv, itendu li jikkontestaw in-natura xierqa tal-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali inkwantu jikkonċernaw lill-Polonja. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma invokatx argumenti li jikkonċernaw speċifikament in-natura mhux adegwata tal-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru.

407    Fit-tieni lok, b’kuntrast mal-impenji l-oħra li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali, li huma kkontestati mir-rikorrenti, jiġifieri l-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet kontra l-bejgħ mill-ġdid u l-esportazzjoni mill-ġdid (punti 5 u 6 tal-impenji finali) u dawk li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja (taqsima 1.2 u punti 9 sa 17 tal-impenji finali), l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru jikkonċernaw essenzjalment is-swieq tal-gass tal-Bulgarija u ma humiex tali li japplikaw f’diversi PEĊL ikkonċernati. F’dan ir-rigward, l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru, imniżżla taħt it-titolu “Changes to the Bulgarian Gas System” (Tibdil fis-sistema tal-gass Bulgaru), huma ppreżentati b’mod separat u bħala li huma indipendenti mill-impenji l-oħrajn li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali. Bl-istess mod, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru, eżaminati fit-taqsima 7.1.2 ta’ din id-deċiżjoni, taħt it-titolu “The Commitment dealing with the Bulgarian gas system” (L-impenn li jirrigwarda s-sistema tal-gass Bulgaru), huma ttrattati separatament miż-żewġ kategoriji l-oħra ta’ impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali, li huma eżaminati fit-taqsimiet 7.1.1 u 7.1.3 tal-imsemmija deċiżjoni, taħt it-titolu “The Commitment to remove territorial restrictions and measures of an effect equivalent to such restrictions” (L-impenn biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet territorjali u l-miżuri b’effett ekwivalenti għal dawn ir-restrizzjonijiet) u “The Commitment dealing with the changes of gas delivery points” (L-impenn li jirrigwarda l-bdil tal-postijiet ta’ konsenja tal-gass).

408    F’dan ir-rigward, Overgas ma esponietx kif, jekk ikun il-każ, l-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru jkunu marbutin mal-impenji finali l-oħra li huma ta’ natura ġeografika li jkopru diversi PEĊL ikkonċernati. Ma jirriżultax mill-argument imressaq minn Overgas, b’mod partikolari fir-risposti tagħha tas-26 ta’ Novembru 2020, li l-eventwali natura mhux xierqa tal-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru jkollha neċessarjament konsegwenzi fuq in-natura xierqa tal-impenji finali l-oħra, b’mod partikolari ta’ dawk li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali.

409    Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-argumenti mressqa minn Overgas jirrigwardaw l-iżbalji tal-Kummissjoni li jikkonċernaw ukoll is-swieq tal-gass f’PEĊL ieħor barra mill-Bulgarija. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha essenzjalment sabiex ittenni ċerti argumenti ta’ Overgas, billi tenfasizza li dawn jixbhu lil dawk li hija stess ressqet dwar l-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji, mingħajr madankollu ma tesponi kif l-imsemmija argumenti jippermettu li juru n-natura mhux xierqa tal-impenji finali, lil’hinn mill-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru.

410    Għaldaqstant, b’kuntrast ma’ dak li ssostni Overgas, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-kontenut tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti u l-portata ġeografika tal-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru, is-suġġett tal-kawża ma huwiex iddeterminat, f’dan il-każ, mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u mill-integralità tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li għandhom jindirizzaw l-impenji finali.

411    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-argument ta’ Overgas li jikkontesta n-natura xierqa tal-impenji li jirrigwardaw in-network tal-gass Bulgaru jeċċedi s-suġġett tal-kawża u, għaldaqstant, li t-tielet parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

412    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet motiv fl-intier tiegħu bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

E.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 194(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 TFUE, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni meħud kont tal-impatt negattiv ta’ din id-deċiżjoni fuq is-suq Ewropew tal-provvista ta’ gass

413    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika tal-Litwanja u minn Overgas, tenfasizza li l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, li huma stabbiliti fl-Artikolu 194(1) TFUE u fid-diversi dokumenti ppubblikati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jinkludu b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda s-settur tal-gass, id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista u tal-mezzi ta’ trasport tal-gass kif ukoll il-garanzija tal-libertà tal-flussi tal-gass bejn Stati Membri bi prezz ġust u kompetittiv. Iktar minn hekk, l-Artikolu 194(1) TFUE jistabbilixxi prinċipju ta’ solidarjetà fl-enerġija.

414    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ħadet miżuri li jiddeterminaw l-istruttura u l-kundizzjonijiet li jipprevalixxu fuq is-swieq tal-gass tal-Unjoni għal perijodu ta’ mill-inqas tmien snin, liema miżuri kellhom, skont l-Artikolu 7 TFUE, ikunu s-suġġett ta’ “evalwazzjoni sħiħa” li tivverifika l-koerenza tagħhom ma’ dawn l-għanijiet. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata kellha tkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju li jimplika, barra mir-rekwiżiti diġà msemmija mill-qorti tal-Unjoni li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, l-eżami tal-konformità tagħha mal-Artikolu 194 TFUE.

415    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑883/16, EU:T:2019:567, punti 70 sa 73), jikkonfermaw il-pożizzjoni sostnuta mir-rikorrenti. B’mod partikolari, jirriżulta minn din is-sentenza li l-prinċipju ta’ solidarjetà, iktar milli huwa limitat għal sitwazzjonijiet straordinarji, jinkludi wkoll obbligu ġenerali, fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-atturi l-oħra. Iktar minn hekk, dan il-prinċipju huwa distint mill-eventwali rekwiżiti partikolari li għandha tosserva l-Kummissjoni meta tadotta deċiżjonijiet ibbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju. Għaldaqstant, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha mhux biss tivverifika n-natura xierqa tal-impenji, imma wkoll tibbilanċja l-interessi tal-Unjoni ma’ dawk tal-Istati Membri affettwati mill-prattiki ta’ Gazprom.

416    Issa, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-għanijiet tal-politika tal-enerġija u l-prinċipju ta’ solidarjetà fl-enerġija kif ukoll hija nieqsa mill-motivazzjoni fuq dawn il-punti, ħaġa li tkun ħafna agħar peress li l-Kummissjoni tkun aċċettat l-applikazzjoni tal-impenji finali għal perijodu ta’ tmien snin mingħajr ma pprevediet l-iċken mekkaniżmu li jippermetti l-aġġustament rapidu tagħhom skont l-evoluzzjoni tas-swieq tal-gass. Iktar minn hekk, l-approċċ meħud mill-Kummissjoni jwassal biex jippermetti li l-attività kważi regolatorja tagħha f’dan il-każ ma tiġix evalwata fid-dawl tal-għanijiet l-oħra altrimenti ddefiniti fit-Trattat FUE u jkun jippermettilha li tinnewtralizza t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 194 TFUE. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza dan li ġej:

–        fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni d-dipendenza tal-PEĊL ikkonċernati għall-importazzjonijiet tal-gass u l-influwenza problematika ta’ Gazprom fuq l-infrastrutturi tal-gass li jfornu u jaqbżu lil dan ir-reġjun, filwaqt li din is-sitwazzjoni hija inkompatibbli mat-“tielet pakkett tal-enerġija” li jeżiġi s-separazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ network u dawk ta’ produzzjoni jew provvista ta’ gass;

–        fit-tieni lok, il-Kummissjoni injorat diversi prattiki ta’ Gazprom li hija kellha għarfien tagħhom u, minħabba f’hekk, irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ ċerti Stati Membri, b’mod li ma sar xejn fir-rigward tat-tnaqqis ta’ provvista ta’ gass li tipprekludi l-esportazzjoni mill-ġdid lejn l-Ukraina matul ix-xitwa 2014/2015 kif ukoll l-azzjonijiet intiżi li jimblokkaw l-implimentazzjoni ta’ flussi invertiti fil-fruntieri bejn il-Polonja u l-Ukraina u bejn is-Slovakkja u l-Ukraina;

–        fit-tielet lok, il-Kummissjoni aċċettat spejjeż tas-servizz totalment skonnessi mill-ispejjeż reali inkorsi minn Gazprom għall-bdil ta’ post ta’ konsenja;

–        fir-raba’ lok, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni inkwantu l-impenji finali jsaħħu d-differenza fit-trattament bejn is-swieq tal-PEĊL ikkonċernati u dawk tal-Ewropa tal-Punent.

417    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

418    Skont l-Artikolu 7 TFUE, l-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b’kont meħud tal-għanijiet kollha tagħha u skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi. Dawn l-għanijiet jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 914(1) TFUE, jiġifieri b’mod partikolari l-għanijiet li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija.

419    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li l-għanijiet imfittxija minn dispożizzjonijiet oħra tat-trattat setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-Artikolu 101(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 43, tal-15 ta’ Lulju 1994, Matra Hachette vs Il-Kummissjoni, T‑17/93, EU:T:1994:89, punt 139, u tal-11 ta’ Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il-Kummissjoni, T‑528/93, T‑542/93, T‑543/93 u T‑546/93, EU:T:1996:99, punt 118).

420    Minn dan isegwi li, għal dak li jirrigwarda l-proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija minn dispożizzjonijiet oħra tat-trattat b’mod partikolari biex itkkonkludi, b’mod provviżorju, dwar in-nuqqas ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punti 46 sa 54). Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-eżami tal-impenji, il-Kummissjoni tillimita ruħha għall-verifika, minn naħa, dwar jekk l‑impenji inkwistjoni jindirizzawx it-tħassib li dwaru hija informat lill-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, jekk dawn tal-aħħar offrewx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq dan it-tħassib (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punti 40 u 41, u s-sentenza Morningstar, punt 45), anki jekk il-proċedura ma tistax twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

421    F’dan il-każ, jirriżulta mill-elementi esposti fil-punt 416 iktar ’il fuq, li, fir-realtà, ir-rikorrenti tikkritika essenzjalment lill-Kummisjoni talli rrifjutat li tinvestiga ċerta aġir ta’ tħassib ta’ Gazprom fis-settur tal-gass kif ukoll li aċċettat impenji insuffiċjenti jew mhux xierqa fir-rigward tal-prattiki ta’ din l-impriża esposti fid-DO.

422    Issa, inkwantu r-rikorrenti tikkontesta l-impenji finali peress li jirrimedjaw b’mod insuffiċjenti l-imsemmija prattiki, din il-kritika diġà ġiet miċħuda, essenzjalment, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel sat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors. Mill-bqija, fil-kuntest tal-investigazzjoni li hija fetħet ex officio fil-Każ AT.39816, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, għall-finijet li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, li tinvestiga iktar prattiki ta’ Gazprom, u lanqas li teżiġi impenji iktar vinkolanti min-naħa ta’ din tal-aħħar. L-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-għanijiet fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika li jiġu imposti fuq il-Kummissjoni tali obbligi pożittivi.

423    Barra minn hekk, inkwantu r-rikorrenti ssostni li l-impenji finali, bħala tali, imorru kontra l-għanijiet tal-politika tal-enerġija jew il-prinċipju ta’ solidarjetà fl-enerġija, dan ma turiehx. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li hija tagħti lil wieħed x’jifhem, id-deċiżjoni kkontestata u dawn l-impenji ma jiffriżawx is-sitwazzjoni fis-swieq inkwistjoni u bl-ebda mod ma jipprekludu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew lill-Istati Membri milli jaġixxu b’mezzi oħra biex jindirizzaw il-problemi identifikati minnha. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fis-settur tal-gass jistgħu jintervjenu sabiex ibiddlu l-leġiżlazzjoni f’dan is-settur jew, jekk ikun il-każ, sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni, eventwalment fis-sens mixtieq mir-rikorrenti.

424    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fis-17 ta’ April 2019, adottaw id-Direttiva (UE) 2019/692, li temenda d-Direttiva 2009/73 (ĠU 2019, L 117, p. 1), li hija intiża b’mod partikolari, skont il-premessa 3 tagħha, li tindirizza l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni, qabel l-adozzjoni tagħhom, tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi.

425    Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jinvestigaw il-prattiki allegatament antikompetittivi ta’ Gazprom, fisthom, kif tfakkar fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-prattiki involuti fit-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

426    Fl-aħħar nett, b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, tuża l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 li terġa’ tiftaħ il-proċedura jekk wieħed mill-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni jsofri tibdil kbir, b’mod partikolari f’każ ta’ evoluzzjoni tas-swieq tal-gass.

427    Mill-bqija, inkwantu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha timmotiva d-deċiżjoni kkontestata fuq il-kwistjoni tal-konformità tagħha mal-Artikolu 194(1) TFUE, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-motivazzjoni tal-atti, imfakkra fil-punt 121 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni li hija tesponi sistematikament ir-raġunijiet li minħabba fihom id-deċiżjoni kkontestata titqies konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattati li, mingħajr ma jikkostitwixxu l-bażi legali tal-att legali inkwistjoni, ikollhom potenzjalment rabta mal-kuntest fattwali u ġuridiku li jinkwadra dan l-att, b’mod partikolari meta, kif inhu l-każ f’dan il-każ, il-parti rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, ma ressqitx osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-inkompatibbiltà tal-impenji inizjali ma’ din id-dispożizzjoni.

428    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat.

F.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) TFUE u tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, inkwantu l-Kummissjoni wettqet diskriminazzjoni bejn il-klijenti ta’Gazprom attivi fl-Istati Membri tal-Ewropa tal-Punent u dawk attivi fil-PEĊL ikkonċernati

429    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li d-deċiżjoni kkontestata tinvolvi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Din id-deċiżjoni, li għandha impatt indirett fuq il-livell ta’ implimentazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif ukoll fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-kapital, tagħmel diskriminazzjoni bejn il-klijenti li kkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ gass fit-tul ma’ Gazprom skont in-nazzjonalità tagħhom, inkwantu l-klijenti stabbiliti fil-PEĊL ikkonċernati huma ttrattati b’mod differenti minn dawk stabbiliti fl-Ewropa tal-Punent.

430    Fil-fatt, il-klijenti ta’ Gazprom fil-PEĊL ikkonċernati huma f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-klijenti ta’ Gazprom li jinsabu fl-Ewropa tal-Punent, peress li, apparti l-fatt li dawn iż-żewġ gruppi ta’ klijenti jiġu fornuti bil-gass minn Gazprom, huma kollha stabbilita fi Stati Membri u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprovdi ebda distinzjoni bejn dawn iż-żewġ reġjuni. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-formulazzjoni tal-linji gwida tariffarji, li tagħmel riferiment għal-livell tal-prezz fl-Ewropa tal-Punent kontinentali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stess ikkonfermat, fid-DO, li dawn il-klijenti kollha huma f’sitwazzjonijiet simili.

431    Issa, filwaqt li ma teżisti ebda raġuni oġġettiva biex dawn il-klijenti kollha jiġu ttrattati b’mod differenti, l-impenji finali jsaħħu t-trattament differenti ta’ l-imsemmija klijenti billi jżommu l-kundizzjonijiet tas-suq inqas kompetittivi fis-swieq tal-PEĊL ikkonċernati meta mqabbla ma’ dawk tal-Ewropa tal-Punent. B’mod partikolari, il-klijenti ta’ Gazprom fil-PEĊL ikkonċernati ma humiex protetti kontra r-ritorn tal-prezzijiet eċċessivi, b’kuntrast mal-klijenti tal-Ewropa tal-Punent li, għalkemm suġġetti wkoll għal formoli tariffarji bbażati fuq l-indiċi tal-prezz ta’ prodotti taz-żejt, jevitaw dan ir-riskju minħabba l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ gass fuq dawn is-swieq tal-Ewropa tal-Punent.

432    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

433    Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, AGC Glass Europe et vs Il-Kummissjoni, C‑517/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:598, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni, T‑475/14, EU:T:2018:448, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

434    F’dan il-każ, minkejja l-kunsiderazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja u jekk wieħed jippreżumi li huwa possibbli li jiġu kklassifikati f’żewġ gruppi l-klijenti ta’ Gazprom stabbiliti fid-diversi Stati Membri, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sitwazzjonijiet li fihom kienu jinsabu l-klijenti stabbiliti fil-PEĊL ikkonċernati u dawk stabbiliti fl-Ewropa tal-Punent ma kinux komparabbli.

435    Fil-fatt, jirriżulta mill-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Każ AT.39816, u, mod iktar partikolari, mill-konstatazzjonijiet preliminari li jinsabu fid-DO u mhux ikkontestati mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja, li s-sitwazzjoni fuq is-swieq tal-gass Ewropej kienet differenti b’mod sinjifikattiv bejn l-Ewropa tal-Punent u l-PEĊL ikkonċernati. B’mod partikolari, filwaqt li l-impriżi stabbiliti fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent setgħu jixtru l-gass mingħand impriżi oħra li ma humiex Gazprom u li n-networks tal-gass ta’ dawn il-pajjiżi kienu interkonnessi, il-PEĊL ikkonċernati kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, jiddependu mill-gass ipprovdut minn Gazprom u l-pajpijiet tal-gass tal-provvista kienu intiżi biex imorru mill-Lvant lejn il-Punent (ara, b’mod partikolari, il-punti 121, 136, u 489 sa 491 tad-DO).

436    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 488 tad-DO, li tgħid li “s-swieq tal-gass tal-UE (ħlief għal Ċipru u Malta) u tal-PEĊL jistgħu jitqiesu bħala li huma suffiċjentement paragunabbli”, minħabba l-viċinanza ġeografika u xebh fl-ambjent regolatorju. Ċertament, il-Kummissjoni kienet irrilevat ċerta livell ta’ paragunabbiltà bejn il-PEĊL u l-bqija tal-Unjoni, imma, minn naħa, dan sar f’kuntest ta’ paragun tal-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa meta mqabbla ma’ dawk fl-Istati Uniti u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ukoll li s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni tas-swieq nazzjonali fl-Unjoni kienet tippreżenta differenzi kbar.

437    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-linji gwida tariffarji previsti fil-punt 19(iii) tal-impenji finali (eżaminati b’mod partikolari fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv iktar ’il fuq), ir-riferiment tagħhom għall-prezzijiet kompetittivi applikati fl-Ewropa tal-Punent tinvalida, iktar milli tikkonferma, il-konstatazzjoni li l-klijenti ta’ Gazprom f’dan ir-reġjun kienu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-klijenti fil-PEĊL ikkonċernati. Fil-fatt, kieku dawn il-klijenti kollha attivi fl-Unjoni kienu f’sitwazzjoni paragunabbli, ma kienx ikun meħtieġ li jkun previst tali impenn, intiż speċifikament biex iżomm jew jiggarantixxi approssimazzjoni bejn il-prezzijiet applikabbli għall-klijenti fil-PEĊL ikkonċernati u dawk applikabbli għall-klijenti attivi fl-Ewropa tal-Punent.

438    Mill-bqija, inkwantu r-rikorrenti ssostni li l-impenji finali jsaħħu d-differenza bejn il-klijenti attivi fil-PEĊL ikkonċernati u dawk attivi fl-Ewropa tal-Punent, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fl-adozzjoni tal-impenji finali, il-Kummissjoni ma kellhiex ikollha bħala għan li toffri lil dawk tal-ewwel kundizzjonijiet tas-suq ugwali għal dawk li fihom joperaw dawk tat-tieni, imma li tiżgura li dawn l-impenji jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati.

439    Minn dan jirriżulta li, peress li l-klijenti ta’ Gazprom attivi fl-Ewropa tal-Punent u dawk attivi fil-PEĊL ikkonċernati kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti matul il-perijodu kopert mill-proċedura fil-Każ AT.39816, il-Kummissjoni, b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma ttrattatx b’mod differenti irregolarment lil dawn iż-żewġ gruppi ta’ klijenti meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

440    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat.

G.      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, inkwantu, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-għan tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-limiti tas-setgħat tagħha fil-ġestjoni tal-proċedura amministrattiva

441    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq użu ħażin ta’ poter u hija vvizzjata bi ksur ta’ diversi drittijiet proċedurali, jiġifieri ta’ rekwiżiti formali essenzjali, fil-kuntest tal-analiżi tal-ilment. L-użu ħażin ta’ poter jidher f’sensiela ta’ fatti li kkaratterizzaw l-iżvolġiment tal-proċedura fil-Każ AT.39816, f’irregolaritajiet fl-analiżi tal-oġġezzjonijiet Yamal u fl-imsemmi ksur.

442    Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

443    Jeħtieġ li jiġu eżaminati, sussegwentement, il-fatti invokati, l-allegati irregolaritajiet u l-allegati ksur ta’ drittijiet proċedurali, qabel ma tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali użu ħażin ta’ poter.

1.      Fuq il-fatti li jikkaratterizzaw l-iżvolġiment tal-proċedura fil-Każ AT.39816

444    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li hemm tliet fatti li jiżvelaw l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Fl-ewwel lok, hemm tibdil fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni, bejn l-2013 u l-2017, fir-rigward tal-possibbiltà li tirrikorri għall-impenji, li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, iqajmu dubji fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-“rieda vera” fis-sens tal-punt 121 tal-aħjar prattiki, ta’ Gazprom li toffri l-impenji.

445    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza l-ikwadrar mhux tas-soltu tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ stqarrijiet u dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeżaġeraw l-effetti tajbin ta’ din id-deċiżjoni, li huma intiżi għaldaqstant li jneħħu l-attenzjoni minn fuq l-irregolaritajiet li twettqu.

446    Fit-tielet lok, it-twettiq ta’ ċerti stadji tal-proċedura bħala “sempliċi formalitajiet” jattesta wkoll l-allegat użu ħażin ta’ poter. Minn naħa, l-osservazzjonijiet magħmula fi tmiem il-konsultazzjoni mas-suq ġew injorati inkwantu dawn kienu jeċċedu l-portata tal-impenji inizjali ta’ Gazprom u kienu biss xi modifiki żgħar li saru lill-impenji finali. Min-naħa l-oħra, it-trażmissjoni (tardiva) tal-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut u l-ftehim fuq l-impenji ta’ Gazprom li seħħ biss diat ijiem tax-xogħol, wara li ġew irċevuti l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti b’risposta għal din l-ittra juru li l-Kummissjoni kienet ħadet il-pożizzjoni tagħha minn qabel u ma kinitx għadha qegħda tfittex għanijiet ta’ politika tal-kompetizzjoni.

447    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-materjalità ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

448    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ewwel żewġ fatti msemmija mir-rikorrenti ma humiex, minnhom infushom, mhux tas-soltu jew partikolari. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha dritt tbiddel il-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura fir-rigward tal-possibbiltà li tirrikorri għall-impenji, ħaġa li tametti r-rikorrenti stess, b’mod li, bħala tali, dan il-fatt ma huwiex tali li jqajjem dubji fir-rigward tal-validità tal-evalwazzjoni tar-rieda vera ta’ Gazprom li toffri l-impenji.

449    Fit-tieni lok, il-pubblikazzjoni tal-istqarrijiet għall-istampa fil-kuntest ta’ proċeduri tal-kompetizzjoni hija espressament prevista, kif jirriżulta mill-punti 20, 76, 91, 129 u 147 tal-aħjar prattiki, u mid-dikjarazzjonijiet tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni fi tmiem proċedura tal-kompetizzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala mhux f’lokhom, b’mod partikolari, f’kawża b’konsegwenzi kbar, peress li din kienet tikkonċerna tmien Stati Membri u settur ewlieni tal-enerġija. Barra minn hekk, ma ġiex allegat li l-kontenut tal-istqarrijiet u tad-dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw id-deċiżjoni kkontestata ma huwiex konformi ma’ din id-deċiżjoni.

450    Barra minn hekk, fir-rigward tat-twettiq ta’ ċerti stadji tal-proċedura fil-Każ AT.39816 allegatament bħala “sempliċi formalitajiet”, minn naħa, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-osservazzjonijiet irċevuti fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq ittieħdu inkunsiderazzjoni. Dan ma huwiex invalidat, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Kummissjoni tippreċiża espressament, f’din id-deċiżjoni, li kienet injorat ċerti osservazzjonijiet minħabba li kienu jeċċedu l-portata tal-impenji inizjali.

451    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li l-impenji finali ġew aċċettati mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni r-risposta tar-rikorrenti fl-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, fid-dawl taż-żmien ta’ disat ijiem tax-xogħol biss li ddekorrew bejn meta l-Kummissjoni rċeviet din ir-risposta u l-aċċettazzjoni tagħha ta’ dawn l-impenji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni hija bbażata fuq assimilazzjoni żbaljata bejn meta ġew irċevuti l-impenji finali, li seħħ fil-15 ta’ Marzu 2018, u l-aċċettazzjoni sussegwenti ta’ dawn. Minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni aċċettat immedjatament dawn l-impenji u, fi kwalunkwe każ, f’dan l-istadju avvanzat tal-proċedura, ma jistax ikun eskluż li din setgħet tkun f’pożizzjoni li teżamina l-imsemmija risposta u li tieħu pożizzjoni fuqha kif ukoll fuq l-imsemmija impenji f’tali żmien.

2.      Fuq l-irregolaritajiet imwettqa rigward it-trattament tal-oġġezzjonijiet Yamal

452    L-użu ħażin ta’ poter allegat mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja jintwera wkoll mid-diversi irregolaritajiet li kienu jikkaratterizzaw it-trattament tal-oġġezzjonijiet Yamal u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-impenji ta’ Gazprom. Barra minn hekk, minn diversi aspetti, il-Kummissjoni tipprova tiġġustifika a posteriori dawn l-irregolaritajiet.

453    Fl-ewwel lok, hemm l-aċċettazzjoni tal-impenji finali minkejja li, bi ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, dawn ma kinux ikopru t-tħassib kollu espost fid-DO, b’mod li l-Kummissjoni essenzjalment awtorizzat lil Gazprom biex ma toffrix impenji fir-rigward tal-oġġezzjonijiet Yamal. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni evalwat in-natura xierqa tal-impenji b’mod manifestament żbaljat, peress li qabżet ċirkustanzi rilevanti, u dan kif turi l-evalwazzjoni magħmula fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, li tmur kontra l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni u tikkontradixxi l-pożizzjoni espressa mill-President tal-Uffiċċju Pollakk matul il-konsultazzjoni mas-suq.

454    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-preġudizzju mwettaq lid-drittijiet ta’ terzi bil-bdil arbitrarju de facto tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni, mingħajr l-aġġustament tad-DO, mgħaqqad mat-tul eċċessiv tal-proċedura, filwaqt li l-possibbiltajiet ta’ azzjoni quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali kienu jkunu pparalizzati minħabba li l-Kummissjoni kienet tkun eżaminat, fl-apparenza, l-oġġezzjonijiet Yamal.

455    Fit-tielet lok, peress li r-rifjut tal-ilment kien ibbażat fuq interpretazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali li, inkwantu tippermetti l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni f’każ ta’ eżekuzzjoni minn Stat terz, jkollha implikazzjonijiet fuq l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni kellha tibbaża fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 kemm id-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ kif ukoll id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment fil-Każ AT.40497.

456    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza l-insuffiċjenza, jew in-natura qarrieqa, tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-abbandun tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirrigwarda l-pajp tal-gass Yamal, inkwantu dan l-abbandun kien iġġustifikat bl-applikabbiltà tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali, filwaqt li saret biss allużjoni lakonika u insuffiċjenti għal din l-eċċezzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-realtà, din id-deċiżjoni timmotiva l-imsemmi abbandun essenzjalment b’ċerti konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni.

457    Fil-ħames lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni qarrqet bl-Istati Membri meta naqset milli tressaq il-kwistjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali quddiem il-kumitat konsultattiv, bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif ukoll, skont ir-rikorrenti, tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament, inkwantu l-partijiet ikkonċernati kienu wkoll qarrqet dwar il-veri motivi li wasslu lill-Kummissjoni biex tabbanduna l-oġġezzjonijiet Yamal.

458    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-irregolaritajiet. Fir-rigward tal-argument li fuqu hija bbażata l-ħames irregolarità, dan huwa inammissibbli peress li, inkwantu tressaq mir-Repubblika tal-Polonja, dan ma jifformax parti mis-sitt motiv u jbiddel is-suġġett tal-kawża, u inkwantu huwa riprodott u elaborat mir-rikorrenti, dan jikkostitwixxi motiv ġdid.

459    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, bl-ewwel irregolarità invokata, ir-rikorrenti ttenni, essenzjalment l-ilmenti ttrattati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. Peress li din il-parti ġiet miċħuda (ara l-punti 86 sa 110 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li din l-irregolarità ma hijiex ipprovata.

460    Għal dak li jikkonċerna t-tieni irregolarità invokata, dwar il-preġudizzju lid-drittijiet tat-terzi persuni bil-bdil de facto tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni, mgħaqqas mat-tul eċċessiv tal-proċedura, din l-irregolarità tikkorrispondi, essenzjalment, għall-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li ġie miċħud fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, u għaldaqstant, l-imsemmija irregolarità għandha tiġi miċħud bħala infondata. Barra minn hekk, inkwantu t-tieni irregolarità hija bbażata fuq l-allegat tul eċċessiv tal-proċedura fil-Każ AT.39816, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, minn naħa, ma wrietx li din il-proċedura damet iktar minn żmien raġonevoli u, min-naħa l-oħra, ma semmiet ebda prova li turi li dan l-allegat tul eċċessiv kellu impatt fuq is-soluzzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

461    Għal dak li jirrigwarda t-tielet irregolarità invokata, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-interess pubbliku tal-Unjoni li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jeżiġieh, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi ex officio, tista’ tikkonstata permezz ta’ deċiżjoni li l-Artikolu 101 TFUE huwa inapplikabbi għal ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattiki miftiehma, sew għax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE ma humiex issodisfatti, jew għax il-kundizzjonijiet tal-Artiklu 101(3) TFUE huma sodisfatti. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tagħmel tali konstatazzjoni għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 102 TFUE. Iktar minn hekk, jirriżulta mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li japplika f’każijiet eċċezzjonali, sabiex jiċċara d-dritt u jiżgura l-applikazzjoni tiegħu b’mod koerenti fl-Unjoni.

462    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kienet bl-ebda mod obbligata tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, anki jekk wieħed jipotizza li l-applikazzjoni li hija kienet għamlet tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali, jiġifieri f’sitwazzjoni li timplika Stat terz, kienet innovattiva jew partikolari jew involviet in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun ikkritikata li ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata wkoll fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu.

463    Għal dak li jikkonċerna r-raba’ irregolarità invokata, dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-motivazzjoni, li tinsab fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-motiv marbut mad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni kien suffiċjenti u li, meħud kont tan-natura awtonoma ta’ kull wieħed miż-żewġ motivi li jinsabu f’din il-premessa, l-argumenti li jirrigwardaw l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tat-tieni motiv, marbut mal-ftehim Polonja-Russja u bbażat fuq applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali, kienu ineffettivi (ara l-punti 123 u 124 iktar ’il fuq). Jirriżulta wkoll minn din in-natura awtonoma taż-żewġ motivi li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, b’kuntrast ma’ dak li jirriżulta mill-imsemmija premessa, il-motiv prinċipali tal-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal huwa dak marbut mal-imsemmija ftehimiet u mal-imsemmija eċċezzjoni, u mhux dak marbut mad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, għandu jiġi miċħud ukoll.

464    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ħames irregolarità, din tinvolvi, essenzjalment, żewġ argumenti distinti, ibbażati fuq il-fatt li, fin-nuqqas li esponiet espressament li hija kienet qiegħda tibbaża ruħha fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali, il-Kummissjoni żgwidat, minn naħa, lill-Istati Membri, bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati, bi ksur tal-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament.

465    Mingħajr ma hu meħtieġ li tiġi analizzata l-ammissibbiltà ta’ dawn iż-żewġ argumenti, jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, li jiġi kkonstatat li dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żgwidat lill-Istati Membri, jeħtieġ li jġu eżaminati flimkien l-allegati ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li, għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet li jiġu stabbiliti fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-metodi ta’ implimentazzjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali ġew ippreċiżati b’mod partikolari fl-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan ir-regolament, fil-Kapitolu IV tiegħu bit-titolu “Koperazzjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑398/07, EU:T:2012:173, punt 47).

466    F’dan ir-rigward, jekk il-konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkostitwixxi formalità sostantiva, f’dan il-każ ma hijiex kwistjoni ta’ aġir li pprekluda lil dan il-kumitat milli jagħti l-opinjoni tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti, u lanqas, għaldaqstant, ta’ ksur li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-kunċett ta’ eċċezzjoni tal-azzjoni Statali ma jidhirx fiha espressament, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-formulazzjoni tal-aħħar sentenza tal-premessa 138 tal-abbozz ta’ deċiżjoni mibgħuta lill-kumitat konsultattiv, liema abbozz kien identiku għad-deċiżjoni kkontestata, kienet tippermetti li tinftiehem is-sustanza tal-motiv marbut mal-ftehimiet Polonja-Russja, jiġifieri li l-Kummissjoni ddubitat l-imputabbiltà tal-oġġezzjonijiet Yamal għal Gazprom. Barra minn hekk, jekk ikun il-każ, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri setgħu, fl-okkażjoni tal-konsultazzjoni tal-imsemmi kumitat, jesprimi r-riżervi fuq il-motivi tal-abbandun ta’ dawn l-oġġezzjonijiet u jistaqsu lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fuq il-mod kif għandu jinftiehem jew fuq in-nuqqas ta’ sustanza tal-motiv imressaq f’din l-aħħar frażi. Għaldaqstant, il-kumitat konsultattiv ma ġiex żgwidat fuq punt essenzjali b’xi ineżattezzi jew ommissjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il-Kummissjoni, T‑69/89, EU:T:1991:39, punti 21 sa 23; tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 742, u tat-12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni, T‑691/14, appellata, EU:T:2018:922, punti 148 u 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

467    Fi kwalunkwe każ, peress li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, l-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal huwa bbażat ukoll fuq il-motiv marbut mad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, li waħdu jista’ jiġġustifika dan l-abbandun u huwa suffiċjentement immotivat, il-ksur invokat ma jistax jirnexxi, peress li l-insuffiċjenza allegata fil-motivazzjoni dwar il-motiv marbut mal-ftehimiet Polonja-Russja ma kellhiex effett fuq l-eżitu tal-konsultazzjoni.

468    Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żgwidat lill-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq, din l-allegata irregolarità ma taqax, f’dan il-każ, taħt ksur tar-rekwiżit formali essenzjali, peress li, b’mod partikolari, din il-konsultazzjoni ma hijiex espressament previsti mit-trattati u tirrigwarda terzi persuni interessati, u mhux lill-impriża kkonċernata mill-proċedura ta’ kompetizzjoni.

469    Mill-bqija, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija obbligata biss li tippubblika sunt qasir tal-kawża u l-kontenut prinċipali tal-impenji jew l-azzjoni proposta. F’dan il-każ, il-Kummissjoni osservat dan l-obbligu billi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali l-komunikazzjoni, imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, li skattat il-konsultazzjoni mas-suq. Barra minn hekk, jirriżulta mid-dokumentazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni dwar din il-konsultazzjoni u, speċifikament, mill-iskeda ta’ informazzjoni msemmija mir-rikorrenti u li tikkonċerna lill-Polonja, li l-Kummissjoni kienet ħabbret l-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal, ħaġa li setgħet diġà tkun dedotta mis-silenzju fuq dan is-suġġett tal-komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kummissjoni kienet ippreċiżat hemmhekk ukoll li dan l-abbandun huwa bbażat fuq il-fatt li l-proċedura ta’ kompetizzjoni ma setgħetx tevolvi s-sitwazzjoni minħabba l-effett tal-ftehimiet Polonja-Russja.

470    Jirriżulta mis-suespost li ebda waħda mill-irregolaritajiet invokati mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja ma hija fondata.

3.      Fuq il-ksur tad-diversi drittijiet proċedurali, jew ta’ rekwiżiti formali essenzjali, fil-kuntest tal-analiżi tal-ilment

471    Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li, fil-kuntest tal-analiżi tal-ilment, il-Kummissjoni kisret ċerti mid-drittijiet proċedurali li hija kienet tgawdi fil-kapaċità tagħha ta’ lanjanti. Issa, l-osservanza ta’ ċerti minn dawn id-drittijiet jikkostitwixxu rekwiżit formali essenzjali li biha hija marbuta l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja jinvokaw, essenzjalment, erba’ ksur.

472    Il-Kummissjoni tikkontesta li wettqet dawn il-ksur. Barra minn hekk, hija ssostni li r-rikorrenti tista’ tinvoka kull ilment li jikkonċerna l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tagħha fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment fil-Kawża T‑399/19.

a)      Fuq il-ftuħ allegatament irregolari ta’ proċedura distinta għall-eżami tal-ilment (l-ewwel ksur)

473    Ir-rikorrenti tikkritika l-ftuħ irregolari ta’ proċedura distinta (Każ AT.40497) biex teżamina l-ilment, bil-għan li tipprekludiha milli tipparteċipa fil-Każ AT.39816 bħala lanjanti, billi “tittrasferixxi” d-drittijiet tagħha ’il barra fi proċedura parallela. Dan il-mod ta’ azzjoni jikkontradixxi l-kontenut tal-ilment, inkwantu kien jirreferi għall-Każ AT.39816, bis-sustanza tal-aġir ikkonċernat, fid-dawl b’mod partikolari tax-xebh kbir bejn il-parti l-kbira tal-allegazzjonijiet tal-ilment u t-tħassib tal-Kummissjoni, kif ukoll il-prattika amministrattiva ta’ din tal-aħħar.

474    Issa, inizjalment, l-ittri tal-Kummissjoni tad-29 u tal-31 ta’ Marzu 2017 ħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-Każ AT.39816, minħabba l-indikazzjoni li skontha l-Kummissjoni żammet l-ilment għal eżami u minħabba l-istedina biex tipparteċipa fil-konsultazzjoni mas-suq, kif jipprevedi l-punt 129 tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-lanjanti. Barra minn hekk, minkejja r-referenza, li tinsab fil-punt 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “[i]l-Kummissjoni analizzat ukoll bir-reqqa l-argumenti kollha […] ppreżentati fl-ilment […] kif ukoll l-osservazzjonijiet […] b’risposta għall-ittra [ta’ intenzjoni ta’ rifjut]”, il-Kummissjoni ma kellhiex f’moħħha effettivament li teżamina l-intenzjoni u li tieħu dan inkunsiderazzjoni fil-Każ AT.39816.

475    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur allegat huwa infondat.

476    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, inkarigata mill-Artikolu 105(1) TFUE bil-missjoni li tara li jiġu applikati l-Artikoli 101 u 102 TFUE, hija msejħa tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għandha għal dan l-għan setgħa diskrezzjonali fit-trattament tal-ilmenti. Sabiex twettaq b’mod effettiv dan il-kompitu, hija tista’ għalhekk tagħti livelli ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni, T‑480/15, EU:T:2017:339, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-istess sens, jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-mod li hija jkollha l-intenzjoni torganizza l-analiżi tal-ilment, sakemm hija tosserva d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 773/2004 u, b’mod partikolari, id-drittijiet li huma rrikonoxxuti lil-lanjanti f’din il-kapaċità.

477    F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ilment jinvolvi allegazzjonijiet li jikkorrispondu fil-parti l-kbira tagħhom għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li kien is-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni matul il-Każ AT.39816 u kien ġie espost fid-DO. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex eskluż li kien ikun mixtieq li l-imsemmija allegazzjonijiet jiġu ttrattati fil-kuntest tal-istess proċedura, mingħajr preġudizzju għall-fakultà li tifred l-allegazzjonijiet l-oħra li ma jikkorrispondux għall-imsemmi tħassib.

478    Dan premess, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti biex jinvalida l-motivi leġittimi mressqa mill-Kummissjoni, ibbażati fuq l-ekonomija tal-proċedura u fuq ir-rieda tagħha li ma ttawwalx l-istruzzjoni ta’ kawża li kienet tinsab fi stadju avvanzat billi twessgħalha s-suġġett tagħha, b’mod li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ftuħ, f’dan il-każ, ta’ proċedura distinta għall-analiżi tal-ilment ma kienx irregolari minnu nnifsu.

479    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument li jirrigwarda dan il-ftuħ allegatament irregolari.

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004 (it-tieni u t-tielet ksur)

480    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li qatt ma ppronunzjat ruħha dwar l-interess leġittimu tagħha li tipparteċipa fil-Każ AT.39816. B’mod konkret, din l-istituzzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ħaditx pożizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 773/2004, fuq l-eżistenza ta’ interess leġittimu tar-rikorrenti biex tintervjeni bħala lanjanti fl-imsemmija proċedura, filwaqt li l-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, mibgħuta ftit xhur qabel, kienet tippreċiża li l-Kummissjoni kienet għadha ma ddeċidietx fuq din il-kwistjoni. Madankollu, ma hemmx dubju dwar dan l-interess, b’mod partikolari peress li r-rikorrenti kienet vittma tal-prattiki ta’ Gazprom u li l-binjiet tagħha kien ġie spezzjonat mis-servizzi tal-Kummissjoni.

481    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004, li fil-kapaċità tagħha ta’ lanjanti, jagħtiha d-dritt li tirċievi u tagħmel osservazzjonijiet fuq id-DO, ħaġa li talbet diversi drabi matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrifjutat li dan id-dritt jiġi eżerċitat, minħabba l-preżentata tardiva tal-ilment, filwaqt li skont il-ġurisprudenza, il-lanjanti jkollu dan id-dritt sal-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv. Issa, din il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004, tikkonċerna fil-fatt id-deċiżjoni kkontestata fi tmiem il-Każ AT.39816, peress li hija ġiet għaldaqstant imċaħħda mill-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet fuq il-proposti ta’ impenji ta’ Gazprom billi ħadet konjizzjoni minn qabel tal-elementi miġbura fil-kuntest tal-investigazzjoni, ħaġa li llimitat debitament il-kapaċità tagħha li tikkontesta n-natura xierqa ta’ dawn l-impenji.

482    Għaldaqstant, hija żbaljata l-Kummissjoni ssostni li hija osservat l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004 meta tibbaża ruħha fuq it-trażmissjoni tad-DO bħala anness mal-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, peress li din it-trażmissjoni ma tikkostitwixxix twettiq regolari ta’ din id-dispożizzjoni għal raġunijiet differenti. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-verżjoni mhux kunfidenzjali trażmessa f’din l-okkażjoni ma kinitx kompluta biżżejjed, fit-tieni lok, it-trażmissjoni tad-DO u l-eżami tal-osservazzjonijiet b’risposta għaliha kellhom jippreċedu t-trażmissjoni tal-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, fit-tielet lok, din it-trażmissjoni, peress li seħħet wara ħdax-il xahar u fil-kuntest tal-Każ AT.40497, fl-okkażjoni tat-trażmissjoni tal-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, timplika r-rifjut tal-eżami tal-ilment fil-kuntest tal-Każ AT.39816 u pprekludiet lir-rikorrenti milli tippreżenta osservazzjonijiet komplementari fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq, fir-raba’ lok, l-osservazzjonijiet b’risposta għall-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut kellhom bħala għan li jikkummentaw il-motivi ta’ rifjut imsemmija fl-ilment, u mhux id-DO, u, fil-ħames lok, il-Kummissjoni indikat fl-iskritturi tagħha ppreżentati fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑399/19 li d-DO ma kinitx serviet bħala bażi għall-evalwazzjoni provviżorja li tinsab fl-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, ħaġa li timplika li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti b’risposta għal din l-ittra, inkwantu kienu jikkonċernaw id-DO, ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala irrilevanti, anki fil-kuntest tal-Każ AT.40497.

483    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur allegat huwa infondat.

484    Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 773/2004, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom juru interess leġittimu biex ikunu intitolati jippreżentaw ilment għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, meta l-Kummissjoni tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar kawża li fir-rigward tagħha hija tkun adita b’ilment, hija tipprovdi lil-lanjant b’kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u timponilu terminu biex jgaħti l-fehma tiegħu bil-miktub.

485    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssodisfat il-kundizzjonijiet biex tibbenefika mid-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004. Fil-fatt, min-naħa, il-Kummissjoni tammetti li r-rikorrenti, li kienet ikkonċernata bil-prattiki allegati ta’ Gazprom, kellha interess leġittimu biex tressaq l-ilment u tikkunsidra li kienet impliċitament iddeċidiet fuq dan l-interess peress li d-deċiżjoni fil-Każ AT.40497 ċaħdet l-ilment minħabba motivi fil-mertu. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-proċedura fil-Każ AT.39816 tikkonċerna “kawża li fir-rigward tagħha” l-Kummissjoni kienet adita bl-ilment, peress li kif ġie rrilevat fil-punt 477 iktar ’il fuq, huwa paċifiku bejn il-partijiet li ċerti mill-allegazzjonijiet ippreżentati f’dan l-ilment jikkorrispondu fil-parti l-kbira tagħhom mal-oġġezzjonijiet esposti fid-DO.

486    Barra minn hekk, huwa minnu li r-rikorrenti ppreżentat l-ilment fi stadju avvanzat tal-proċedura fil-Każ AT.39816, filwaqt li, wara li kienet implikata f’din il-proċedura f’diversi okkażjonijiet (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), hija kellha, f’dan l-istadju, għarfien tal-eżistenza tagħha sa minn diversi snin, dan il-fatt ma jinvalidax it-tgawdija, minn din il-parti, tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004. Fil-fatt, id-dritt li tirċievi verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jiġi eżerċitat sakemm din il-proċedura tkun għaddejja, jiġiferi sakemm il-kumitat konsultattiv fil-qasam tal-akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti ma jkunx ta l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mibgħut mill-Kummissjoni, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdix terminu speċifiku biex il-persuna lanjanti li turi interess leġittimu teżerċita d-drittijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse und Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il-Kummissjoni, T‑213/01 u T‑214/01, EU:T:2006:151, punti 148 u 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

487    Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tiftaħ proċedura distinta biex tittratta l-ilment, kif ġie espost fil-punti 477 u 478 iktar ’il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-mod ta’ aġir ma jistax iċaħħad lir-rikorrenti mit-tgawdija, fil-kuntest tal-Każ AT.39816, tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

488    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-iżvolġiment b’mod parallel tal-proċeduri AT.39816 u AT.40497, il-Kummissjoni baqgħet ambigwa fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kif ukoll tad-dritt tagħha li tirċievi kopja tad-DO u li tippreżenta l-osservazzjonijiet marbutin ma’ dan id-dokument fil-Każ AT.39816.

489    Fil-fatt, wara l-preżentazzjoni tal-ilment, fid-9 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-aċċettazzjoni ta’ dan l-ilment u stednitha, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2017, sabiex tipparteċipa fil-konsultazzjoni mas-suq, li beda fis-16 ta’ Marzu tal-isess sena fil-kuntest tal-Każ AT.39816, biex, fil-31 ta’ Marzu 2017, tinformaha bir-reġistrazzjoni tal-ilment fi proċedura distinta, jiġifieri fil-Każ AT.40497. Sussegwentement, wara li ġiet interpellata diversi drabi ir-rikorrenti sabiex tikseb verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO, il-Kummissjoni rreaġixxiet b’ittri tat-28 ta’ April u tal-24 ta’ Awwissu 2017 u indikat jew li l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward kienet għadha għaddejja u li hija terġa’ tagħmel kuntatt mar-rikorrenti fil-mument opportun, jew sempliċiment ħadet konjizzjoni ta’ din it-talba mtennija, imma dejjem filwaqt li rrilevat li l-ilment kien tressaq fi “stadju avvanzat” tal-Każ AT.39816.

490    Sussegwentement, permezz tal-ittra tal-intenzjoni dwar ir-rifjut, tat-23 ta’ Jannar 2018, mibgħuta fil-kuntest tal-Każ AT.40497, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO, imma dejjem filwaqt li enfasizzat li hija “ħall[iet] miftuħa l-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjoni tardiva tal-ilment […] kellhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tal-interessi leġittimi tar-rikorrenti jew fuq id-drittijiet tagħha li tipparteċipa fil-proedura fil-Każ AT.39816”. Fl-aħħar nett, huwa biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-24 ta’ Mejju 2018, li l-Kummissjoni, permezz tal-ittra tagħha tal-25 ta’ Settembru 2018, wieġbet għall-oġġezzjonijiet fir-rigward tan-natura mhux kompluta biżżejjed tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO li r-rikorrenti kienet ressqet fir-risposta tagħha għall-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut.

491    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti setgħet tiddubita mill-fatt li l-osservazzjonijiet tagħha esposti fir-risposta għall-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004 fil-kuntest tal-Każ AT.39816. Jeħtieġ li jiġi rilevat b’mod partikolari li l-Kummissjoni essenzjalment irrifjutat milli tiddeċiedi dwar il-kwalità bħala lanjanti tar-rikorrenti fil-Każ AT.39816, li t-trażmissjoni tad-DO seħħet espressament fil-kuntest ta’ ittra li għandha bħala suġġett il-Każ AT.40497, u mhux il-Każ AT.39816, u li d-DO ntbagħtet bħala wieħed mid-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni ibbażat l-evalwazzjoni provviżorja tagħha li tgħid li l-ilment kellu jiġi miċħud, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004, u mhux bil-għan li jinġabru l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fir-rigard tad-DO, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

492    Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma waslux sabiex jaffettwaw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

493    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rilevat li, għalkemm it-trażmissjoni tad-DO kienet saret formalment fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004, ir-rikorrenti setgħet effettivament tiddisponi minn verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-DO u setgħet, fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kontenut ta’ din il-verżjoni tad-DO, u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ. Iktar minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li, filwaqt li tikkontesta li l-osservazzjonijiet ippreżentati f’din ir-risposta jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu osservazzjonijiet bil-miktub fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004, ir-rikorrenti indikat madankollu fil-punt 3 tal-imsemmija risposta li dawn kienu jinkludu evalwazzjoni mill-ġdid approfondita tal-osservazzjonijiet ippreżentati qabel fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq u tal-ilment, bil-għan li jippermettu lill-Kummissjoni tagħlaq l-investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni li tirrigwarda lil Gazprom b’deċiżjoni li ttejjeb is-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tal-PEĊL ikkonċernati.

494    Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tieħu konjizzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura fil-Każ AT.39816 u ħadet inkunsiderazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ din il-kawża, kif jirriżulta miċ-ċitazzjonijiet u mill-punti 17 u 183 tad-deċiżjoni kkontestata.

495    Din l-aħħar konstatazzjoni ma hijiex invalidata bl-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni ma ħaditx verament inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet inklużi fir-risposta għall-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut peress li hija kienet aċċettat l-impenji ta’ Gazprom biss disat ijiem tax-xogħol wara li rċeviet din ir-risposta u li r-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta fil-Każ AT.39816 ma kienx jinkludi ebda referenza għall-ilment. Minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 451 iktar ’il fuq, l-argument ibbażat fuq il-perijodu ta’ disat ijiem tax-xogħol huwa bbażat fuq assimilazzjoni żbaljata tad-data ta’ meta ġew irċevuti l-impenji finali ma’ dik, sussegwenti, tal-aċċettazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ referenza għall-ilment fl-imsemmi rapport ma huwiex suffiċjenti biex jikkorrobora s-suppożizzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-imsemmija risposta b’diliġenza, speċjalment peress li dan ir-rapport huwa validament iffokat fuq l-osservanza tad-drittijiet proċedurali ta’ Gazprom.

496    Għal dak li jirrigwarda mill-ġdid il-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li hija rċeviet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO qabel l-iskadenza tat-terminu biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, distinti mir-risposta tagħha għall-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, fil-kuntest tal-konsultazzjoni mas-suq, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ma jirriżulta la mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004 li r-rikorrenti kellha dritt tirċievi kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO fi żmien utli sabiex tippermettilha teħodha inkunsiderazzjoni fl-osservazzjonijiet li hija setgħet tippreżenta fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni. Iktar minn hekk, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ppreżentat l-ilment ftit jiem biss qabel ma skattat l-imsemmija konsultazzjoni u t-terminu meħtieġ għall-preparazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO.

497    Fl-aħħar nett, inkwantu r-rikorrenti kkontestat in-natura suffiċjentement kompluta tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO, jeħtieġ li jitfakkar, kif dan ġie rrilevat fil-punt 50 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali ġabet il-verżjoni kunfidenzjali ta’ din għall-konjizzjoni tar-rappreżentanti tar-rikorrenti wara li dawn kienu ffirmaw impenji ta’ kunfidenzjalità. Sussegwentement, dawn ir-rappreżentanti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-verżjoni kunfidenzjali tad-DO, li fihom huma identifikaw ċerti punti rilevanti ta’ din il-verżjoni u ppreċiżaw kif, fil-fehma tagħhom, dawn il-punti setgħu jintużaw biex isaħħu, jiżviluppaw jew jikkonfermaw l-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti matul kemm il-proċedura amministrattiva kif ukoll din il-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali.

498    Madankollu, mill-osservazzjonijiet fuq il-verżjoni kunfidenzjali tad-DO jirriżulta li, għalkemm ir-rikorrenti setgħu ikunu informati aħjar fuq l-aġir preċiż li bih ġiet ikkritikata Gazprom, din kellha l-essenzjal tal-informazzjoni rilevanti u, b’mod partikolari, kienet diġà ħadet konjizzjoni tal-kontenut tal-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward ukoll, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004 ma kienx affettwat.

499    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtiep li jiġi miħċud l-argument li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

c)      Fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali l-oħra marbutin mal-kapaċità tal-lanjanati (ir-raba’ ksur)

500    Ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004, li jirriżulta mill-komunikazzjoni, fil-kuntest tal-ittra dwar l-intenzjoni ta’ rifjut, ta’ informazzjoni insuffiċjenti li tikkonċerna l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-eċċezzjoni tal-azzjoni Statali u li tikkonċerna d-dokumenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kumissjoni biex tiċħad l-ilment. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma rċeviet kopja tar-risposta ta’ Gazprom għad-DO filwaqt li, b’kuntrast ma’ dak li tat lil wieħed x’jifhem il-Kummissjoni matul il-proċedura, din ir-risposta kellha effett fuq id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment. Issa, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li jikkonċerna ż-żewġ proċeduri (AT.39816 u AT.40497), jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, li jkollu neċessarjament iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni adottata f’kull waħda minn dawn il-proċeduri, peress li r-rettifika tal-irregolarità f’kawża ma taffettwax l-irregolarità mwettqa f’kawża oħra.

501    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur allegat ma huwiex fondat.

502    F’dan ir-rigward, l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 773/2004 jirrigwardaw ir-regoli li jirregolaw ir-rifjut ta’ lment. Issa, l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni adottata wara l-proċedura fil-Każ AT.40497, u mhux dik fil-Każ AT.39816. Għaldaqstant, il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet sanċiti fl-imsemmija dispożizzjonijiet hija intrinsikament marbuta mal-Każ AT.40497 u l-eventwali ksur ta’ dawn l-aħħar drittijiet ma huwiex tali li jippreġudika l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

503    Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw il-ksur tal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 773/2004 huma ineffettivi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u għandhom ikunu miċħuda.

4.      Fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

504    Skont ir-rikorrenti, il-fatti li hija rrilevat, l-irregolaritajiet imwettqa fit-trattament tal-oġġezzjonijiet Yamal u l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha fil-kapaċità tagħha ta’ lanjanti juru l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, inkwantu l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 b’għan differenti minn dak previst f’dan l-artikolu.

505    Il-Kummissjoni ssostni li l-elementi mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja ma jurux użu ħażin ta’ poter u, fir-realtà, fil-parti l-kbira tagħhom, ma għandhomx x’jaqsmu mas-suġġett ta’ motiv ibbażat fuq tali użu ħażin.

506    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jirriżulta, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li jkun ittieħed bl-għan esklużiv jew almenu determinati, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata xi proċedura speċjali prevista mit-Trattat sabiex tipprevjeni ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 99, u tad-9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 31).

507    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma esponietx b’mod ċar l-għan tal-użu ħażin li hija tallega. Bl-istess mod, bil-fatt li tinvoka l-fatti, l-irregolaritajiet u l-ksur tad-drittijiet proċedurali ttrattati fil-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll billi tafferma li dawn iċ-ċirkustanzi juru l-“assenza ta’ rieda li jiġu implimentati l-interessi tal-Unjoni”, ir-rikorrenti u r-Repubblika tal-Polonja ġabru elementi mxerrda mingħajr ma identifikaw liema għandu veru, u allegatament moħbi, kellha l-Kummissjoni jew liema proċedura ġiet evitata minn din.

508    Issa, inkwantu r-rikorrenti ssostni li, iktar milli tagħlaq il-Każ AT.39816 billi tagħmel vinkolanti l-impenji finali, il-Kummissjoni kellha tkompli l-investigazzjoni tagħha u tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, jeħtieġ li jiġi nnotat li hija ma ressqitx argument f’dan is-sens ukoll u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex tagħmel vinkolanti proposta ta’ impenn jew biex tirrifjutaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punt 94), u dan peress li l-premessa 13 tal-imsemmi regolament jippreċiża li d-deċiżjonijiet ta’ impenji ma jixirqux fil-każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li timponi multa.

509    Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw is-sitt motiv preċedenti, fl-ewwel lok, li ebda mill-fatti invokati fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura fil-Każ AT.39816 ma huwa ta’ natura mhux tas-soltu jew partikolari li jwassal biex jiġi kkunsidrat bħala indizju potenzjali ta’ użu ħażin ta’ poter (ara l-punti 444 sa 451 iktar ’il fuq), fit-tieni lok, li l-allegati irregolaritajiet li jivvizzjaw it-trattament tal-oġġezzjonijiet Yamal ma rriżultawx (ara l-punti 444 u 452 sa 470 iktar ’il fuq) u, fit-tielet lok, li l-ftuħ tal-proċedura fil-Każ AT.40497 ma hijiex irregolari minnha nfisha, peress li l-allegat ksur tad-drittijiet proċedurali li twettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew jirriżulta infondati, jew ma jikkonċernax id-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 473 sa 503 iktar ’il fuq).

510    Għaldaqstant, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti li, jekk wieħed jipotizza li l-għan tal-użu ħażin ta’ poter allegat jista’ jiġi stabbilit, l-elementi mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika tal-Polonja, anki meħudin flimkien, ma jistgħux ikunu suffiċjenti biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali użu ħażin ta’ poter. Iktar minn hekk, kif diġà ġie kkunsidrat essenzjalment fil-punti 58 sa 64 iktar ’il fuq, dawn l-elementi huma wkoll insuffiċjenti biex jiġġustifikaw li jiġi eżaminat l-allegat “kuntest” rilevanti, ikkostitwit mill-fajls kollha fil-Każi AT.39816 u AT.40497, u, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali jidhrilha li jkun inutli li tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

511    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi miċħud is-sitt motiv bħala infondat. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà, fid-dawl b’mod partikolari, kif jingħad fil-punt 53 iktar ’il fuq, għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni waqt is-seduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52).

 Fuq l-ispejjeż

512    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, jeħtieġ li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u Gazprom, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

513    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedyra, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom bl-istess mod bħal kull intervenjent li ma huwiex Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dan. F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll Overgas għandhom ibati l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (it-Tmien Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea, ta’ Gazprom PJSC u ta’ Gazprom export LLC.

3)      Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u Overgas Inc. għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Van der Woude

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

 

      Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Frar 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-proċedura: il-Pollakk.


1      Données confidentielles occultées.