Language of document : ECLI:EU:T:2021:607

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Settembru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Deċiżjoni li timponi multi għat-twettiq ta’ konċentrazzjoni qabel in-notifika tagħha u l-awtorizzazzjoni tagħha – Artikolu 4(1), Artikolu 7(1), u Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ legalità – Preżunzjoni tal-innoċenza – Proporzjonalità – Gravità tal‑ksur – Implimentazzjoni tal-ksur – Skambji ta’ informazzjoni – Ammont tal‑multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑425/18,

Altice Europe NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Allendesalazar Corcho u H. Brokelmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Petrova u O. Segnana, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża prinċipalment għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2418 final tal‑24 ta’ April 2018 li timponi multa għall-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (Każ M.7993 – Altice vs PT Portugal), u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen u R. Norkus (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Altice Europe NV, hija kumpannija multinazzjonali ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ teledistribuzzjoni bbażata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2        PT Portugal SGPS SA (iktar ’il quddiem “PT Portugal”) hija operatur ta’ telekomunikazzjonijiet u multimedia li l-attivitajiet tagħha jirrigwardaw is-settur kollu tat-telekomunikazzjonijiet fil-Portugall.

A.      L-akkwist ta’ PT Portugal mir-rikorrenti

3        Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti kkonkludiet mal-operatur tat-telekomunikazzjonijiet Brażiljan, Oi SA, kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet (Share Purchase Agreement, iktar ’il quddiem is-“SPA”) li permezz tiegħu hija kienet ser tieħu, permezz tas-sussidjarja tagħha Altice Portugal SA, il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

4        L-għeluq ta’ dan l-akkwist kien suġġett b’mod partikolari għall-kisba tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bis-saħħa tar-Regolament Nru 139/2004.

5        Fit‑2 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti ħabbret pubblikament li t-tranżazzjoni kienet ingħalqet u li l-proprjetà tal-azzjonijiet ta’ PT Portugal kienet ġiet ittrasferita lilha.

B.      L-istadju ta’ qabel in-notifika

6        Fil‑31 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex twissiha bil-pjan tagħha li tikseb il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal. Fil‑5 ta’ Diċembru 2014, saret laqgħa bejn ir-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

7        Fit‑12 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti bagħtet talba lill-Kummissjoni għall-ħatra ta’ grupp inkarigat sabiex jipproċessa l-fajl tagħha u, fit‑18 ta’ Diċembru 2014, bdew il-kuntatti ta’ qabel in-notifika.

8        Fis‑26 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti bagħtet proposta lill-Kummissjoni ta’ impenji dwar it-trasferiment tas-sussidjarji tagħha fil-Portugall, Cabovisão u ONI.

9        Fit‑3 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ssottomettiet abbozz ta’ formola ta’ notifika, li kienet tinkludi kopja tas-SPA fost l-annessi tagħha.

C.      In-notifika u d-deċiżjoni li jawtorizzaw il-konċentrazzjoni suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti impenji

10      Fil‑25 ta’ Frar 2015, it-tranżazzjoni ġiet innotifikata uffiċjalment lill-Kummissjoni.

11      Fl‑20 ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, li permezz tagħha hija ddikjarat it-tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern suġġetta għall-osservanza tal-impenji annessi ma’ din id-deċiżjoni, fosthom it-trasferiment mir-rikorrenti tas-sussidjarji tagħha Cabovisão u ONI tagħha.

D.      Id-deċiżjoni kkontestata u l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha

12      Fit‑13 ta’ April 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni dwar l-iskambji li hija kellha ma’ PT Portugal, f’laqgħa bejn id-diretturi rispettivi tagħhom, li kienet saret taf biha mill-istampa, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha.

13      Fis‑17 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

14      Fit‑12 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti t-tieni talba għal informazzjoni, b’riferiment speċifiku għan-natura tal-informazzjoni skambjata, li għaliha r-rikorrenti rrispondiet fit‑12 ta’ Ġunju 2015. Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Lulju 2015, meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li titlob lir-rikorrenti tipproduċi dokumenti li kienu neqsin, ir-rikorrenti pprovdiet, fit‑30 ta’ Lulju 2015, l-imsemmija dokumenti.

15      Fl‑4 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti t-tielet talba għal informazzjoni, li r-rikorrenti rrispondiet għaliha fit‑18 ta’ Diċembru 2015.

16      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li, wara l-eżami tad-dokumenti pprovduti minnha bi tweġiba għat-talbiet għal informazzjoni, hija kienet fetħet investigazzjoni sabiex tiddetermina jekk hija kinitx kisret l-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2016 meħuda skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tipprovdi diversi dokumenti. Din tal-aħħar ipprovdiet l-imsemmija dokumenti fis‑6 ta’ April 2016.

18      Fl‑20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-raba’ talba għal informazzjoni, li għaliha r-rikorrenti wieġbet fit‑23 ta’ Awwissu, u sussegwentement, fl‑24 ta’ Awwissu 2016, il-ħames talba għal informazzjoni, li għaliha r-rikorrenti rrispondiet fil‑15 ta’ Settembru 2016.

19      Id-dipartimenti tal-Kummissjoni u tar-rikorrenti ltaqgħu fit‑12 ta’ Mejju 2017.

20      Fis‑17 ta’ Mejju 2017, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kkonkludiet, b’mod preliminari, li hija kienet kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

21      Fit‑18 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

22      Fil‑21 ta’ Settembru 2017 inżammet seduta li matulha r-rikorrenti setgħet tippreżenta l-argumenti tagħha.

23      Fl‑20 ta’ Ottubru 2017, Oi wieġeb għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2017.

24      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li kienu jeżistu provi addizzjonali li jinsabu fil-fajl tagħha u li jsostnu l-konklużjonijiet preliminari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

25      Fl‑24 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 2418 final li timponi (fuq ir-rikorrenti) multa għall-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (Każ M.7993 – Altice vs PT Portugal) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

26      Il-Kummissjoni kkonkludiet li minn diversi elementi tal-fajl jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà teżerċita influwenza determinanti jew kienet eżerċitat il-kontroll ta’ PT Portugal qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u, f’ċerti każijiet, qabel in-notifika, bi ksur rispettivament tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

27      Il-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata jispjega għalfejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet implimentat is-SPA qabel l-awtorizzazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. B’mod iktar preċiż, il-punt 4.1 jirrileva li ċerti klawżoli tas-SPA (iktar ’il quddiem il-“klawżoli preparatorji”) jagħtu lir-rikorrenti dritt ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-politika kummerċjali ta’ PT Portugal. Il-punt 4.2 jiddeskrivi l-każijiet li jinvolvu lir-rikorrenti fil-funzjonament ta’ kuljum ta’ PT Portugal. Il-punt 4.3 jesponi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom it-termini tas-SPA, kif deskritti fil-punt 4.1, u l-aġir tal-partijiet, kif deskritt fil-punt 4.2, jikkostitwixxu l-implimentazzjoni tas-SPA qabel ma l-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern (premessa 56).

28      Il-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata jispjega għalfejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet implimentat it-tranżazzjoni qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (premessa 57).

29      L-ewwel erba’ artikoli tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

Altice NV wettqet, għall-inqas b’negliġenza, konċentrazzjoni qabel ma ġiet awtorizzata tagħmel dan, u dan bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fil-kuntest tal-Każ Nru M.7499 – Altice vs PT Portugal.

Artikolu 2

Altice NV wettqet, għall-inqas b’negliġenza, konċentrazzjoni qabel ma ġiet awtorizzata tagħmel dan, u dan bi ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 fil-kuntest tal-Każ Nru M.7499 – Altice vs PT Portugal.

Artikolu 3

Multa ta’ EUR 62 250 000 hija imposta fuq Altice NV skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 għan-nuqqas imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

Multa ta’ EUR 62 250 000 hija imposta fuq Altice NV skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 għan-nuqqas imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2018, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Il-Kunsill ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit‑22 ta’ Frar 2019 u l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

33      Fit‑30 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

34      Il-partijiet prinċipali ppreżentaw ir-replika u l-kontroreplika fil‑25 ta’ Frar u fl‑10 ta’ Mejju 2019 rispettivament.

35      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ressqet talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

36      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, din il-kawża ġiet attribwita lis-Sitt Awla.

37      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fl‑10 ta’ Marzu 2020 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jindikaw il-konsegwenzi eventwali li kienu jisiltu, f’din il-kawża, mis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149). Il-partijiet wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-termini mogħtija.

38      Permezz tal-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti ġiet awtorizzata tippreżenta ittra intiża li tirrispondi għal domanda magħmula waqt is-seduta u li għaliha hija ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tipproduċi dokument imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u sabiex tipprovdi kull spjegazzjoni utli.

39      Il-Kummissjoni kkonformat ma’ din it-talba u l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija.

40      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tħassar jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multi imposti fuqha skont l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

41      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

42      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad fl-intier tagħha l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004.

III. Id-dritt

43      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004, “[g]ħandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’: […] (b) l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor”.

44      Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 139/2004, “[k]ontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża”.

45      Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, “[k]onċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll”.

46      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, “[k]onċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja […] ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq [intern] permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikoli 6(1)(b), 8(1) jew 8(2), jew a bażi ta’ preżunzjoni skond l-Artikolu 10(6)”.

47      Madankollu, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni tista’, wara li ssirilha talba, toħroġ deroga mill-obbligi imposti fil-paragrafi 1 jew 2. It-talba biex tingħata deroga għandha tinkludi l-argumenti u r-raġunijiet ta’ min jagħmilha. […] [Id-deroga] tista’ ssir u d-deroga tista’ tingħata f’kull stadju, kemm qabel in-notifika u anki wara t-transazzjoni.”

48      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(2), “[i]l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi ta’ mhux aktar minn 10 % tal-valur tal-bejgħ totali ta’ l-impriża konċernata […] meta, b’intenzjoni jew b’negliġenza, huma (a) jonqsu milli jinnotifikaw konċentrazzjoni skond l-Artikoli 4 […]; (b) jimplimentaw konċentrazzjoni bi ksur ta’ l-Artikolu 7”. Skont l-Artikolu 14(3), “[m]eta jkun qiegħed jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom ikunu kunsidrati n-natura, l-gravità u t-tul tal-ksur”.

49      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-allegat akkwist tal-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal, it-tielet wieħed, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja kif ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 4(1) u 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, u l-ħames wieħed, fuq l-illegalità tal-multi u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ħames parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha, kemm minħabba l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-ħames parti tal-ħames motiv, kif ukoll minħabba l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet motiv.

50      Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li l-ewwel sat-tielet motiv jiġu eżaminati flimkien, imbagħad ir-raba’ u l-ħames motiv. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li l-ewwel tiġi ttrattata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fil-kuntest tar-raba’ motiv.

A.      Fuq it-talbiet imqajma prinċipalment, intiżi għall-annullament taddeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(2)(a) tarRegolament Nru 139/2004 imqajma fil-kuntest tar-raba’ motiv

51      Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet, billi jippermettu lill-Kummissjoni li timponi t-tieni multa fuq l-istess persuna għall-istess fatti bħal dawk diġà ssanzjonati minn dispożizzjoni legali oħra li tipproteġi l-istess interess ġuridiku (Artikolu 7(1), flimkien mal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 139/2004), jiksru l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta u l-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-kumulu ta’ liġijiet. Ir-rikorrenti tindika li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fis-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), li l-qafas legali attwali ma kienx “tas-soltu” u li dan seta’, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ikun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. Din l-anomalija oriġinat mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, li ma għadux jipprevedi li l-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati mhux iktar tard minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, il-pubblikazzjoni tal-offerta pubblika ta’ xiri jew l-akkwist ta’ sehem ta’ kontroll, kif kien previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31). F’dan ir-regolament, kienu jeżistu żewġ obbligi differenti (obbligu formali ta’ notifika fit-terminu ta’ ġimgħa previst fl-Artikolu 4(1), u obbligu materjali li ma titwettaqx il-konċentrazzjoni qabel in-notifika tagħha u l-awtorizzazzjoni tagħha prevista fl-Artikolu 7(1)), it-tnejn li huma suġġetti għal multi differenti ħafna minħabba d-daqs tagħhom. L-impriża li kienet innotifikat konċentrazzjoni iktar minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, iżda li kienet tistenna l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni qabel ma timplimentaha, kisret biss l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 4064/89, u mhux l-Artikolu 7(1) tiegħu. Il-problema ġiet aggravata bl-introduzzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 li bis-saħħa tiegħu l-assenza ta’ notifika tal-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4(1) hija issa suġġetta għal multa sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 huma superfluwi. L-Artikoli 2 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk jiġu annullati.

52      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

53      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, wara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149), ir-rikorrenti, mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

54      Fir-rigward tal-konklużjoni ġenerali tar-rikorrenti li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 huma “superfluwi” fid-dawl tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jitfakkar li għalkemm ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 iwassal awtomatikament għal ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, madankollu l-kuntrarju ma huwiex korrett (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punti 294 u 295, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 101).

55      B’hekk, fis-sitwazzjoni fejn impriża tinnotifika konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ikun għad hemm il-possibbiltà li din l-impriża tikser l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, fl-ipoteżi fejn hija timplimenta din il-konċentrazzjoni qabel ma l-Kummissjoni tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 102).

56      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhom għanijiet awtonomi fil-kuntest tas-sistema ta’ “one‑stop shop”, imsemmija fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 103).

57      Barra minn hekk, minn naħa, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi obbligu li tittieħed azzjoni, li jikkonsisti fl-obbligu ta’ notifika tal-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament jipprevedi obbligu li ma tittiħidx azzjoni, jiġifieri li din il-konċentrazzjoni ma tiġix implimentata qabel in-notifika u l-awtorizzazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 302, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 104).

58      Barra minn hekk, il-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa ksur instantanju, filwaqt li ksur tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament huwa ksur kontinwu, li jibda jiddekorri fl-istess mument meta jitwettaq il-ksur tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 352, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punti 113 u 115).

59      Huwa għalhekk b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 huma “superfluwi” fid-dawl tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-regolament.

60      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, billi jippermettu lill-Kummissjoni li timponi t-tieni multa fuq l-istess persuna għall-istess fatti bħal dawk diġà ssanzjonati minn dispożizzjoni legali oħra li tipproteġi l-istess interess ġuridiku bħal dak protett mill-Artikolu 7(1) u mill-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-regolament, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-kumulu ta’ liġijiet, għadu kif ġie rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet isegwu għanijiet awtonomi, jiġifieri, minn naħa, li jobbligaw lill-impriżi jinnotifikaw il-konċentrazzjoni inkwistjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li jipprekluduhom milli jimplimentaw din il-konċentrazzjoni qabel ma l-Kummissjoni tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern.

61      F’dan ir-rigward, mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li hemm lok li jinftiehem li t-terminoloġija użata minnha, jiġifieri l-espressjoni “interess ġuridiku”, għandha l-istess sens bħall-kelma “għan”, użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149).

62      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li, minħabba l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet isegwu l-istess “interess ġuridiku”, dawn jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta jew il-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-kumulu ta’ liġijiet.

63      Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li toħloq distinzjoni, permezz tal-multi li hija timponi, bejn is-sitwazzjoni li fiha l-impriża tosserva l-obbligu ta’ notifika, iżda tikser l-obbligu ta’ sospensjoni, u dik li fiha din l-impriża tikser dawn iż-żewġ obbligi ma jippermettix li jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 li huwa li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja, sa fejn il-ksur tal-obbligu ta’ notifika qatt ma jista’ jkun is-suġġett ta’ sanzjoni speċifika (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18, EU:C:2020:149, punti 108 u 109).

64      Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 jiġu ddikjarati illegali, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, jipprekludi li l-ksur tal-obbligu ta’ notifika jkun is-suġġett ta’ sanzjoni speċifika u jmur kontra l-għan tal-imsemmi regolament.

65      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat, fil-punt 343 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), iċċitata mir-rikorrenti, li l-impożizzjoni ta’ żewġ sanzjonijiet għall-istess aġir, mill-istess awtorità f’deċiżjoni waħda, ma tistax titqies, bħala tali, li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk, kif tirrileva r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-qafas legali inkwistjoni ma kienx tas-soltu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 306), minn naħa, dan il-qafas legali huwa intiż sabiex jippermetti li jintlaħqu żewġ għanijiet awtonomi fil-kuntest tas-sistema ta’ “one-stop shop” (ara l-punti 56 u 64 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-rikorrenti ma ppermettewx li tintwera l-illegalità tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument insostenn tal-allegata illegalità tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

67      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll, sa fejn din tkun tqajmet, tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan ir-regolament.

2.      Fuq l-ewwel tliet motivi, dwar l-eżistenza ta’ ksur skont l-Artikolu 4(1) u lArtikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004

68      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, fl-ewwel parti tat-tielet motiv, li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist inklużi fil-ftehim dwar it-tranżazzjoni kienu anċillari min-natura tagħhom u ma kinux jikkostitwixxu implimentazzjoni antiċipata tal-konċentrazzjoni, fit-tieni parti tat-tielet motiv, li fir-realtà hija ma eżerċitat l-ebda influwenza determinanti fuq PT Portugal qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni, fit-tielet parti tat-tielet motiv, li fid-deċiżjoni kkontestata jeżisti żball ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tat-trażmissjoni tal-informazzjoni, fit-tieni parti tal-ewwel motiv, li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipji ġenerali ta’ legalità u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u, fit-tieni motiv, li jeżistu żbalji ta’ fatt fid-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li hija kienet akkwistat il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004

69      Skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni” tal-konċentrazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kemm f’dak li jirrigwarda l-miżuri intiżi li jagħtuha l-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva” minħabba d-drittijiet ta’ konsultazzjoni u ta’ veto allegatament mogħtija mill-klawżoli preparatorji previsti fl-Artikolu 6.1(b) tas-SPA kif ukoll l-allegazzjonijiet dwar skambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni u mit-tifsira mogħtija lil dan il-kunċett mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

70      B’mod iktar preċiż, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata “possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva” minħabba l-klawżoli preparatorji, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel, li l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jipprekludux il-ftehimiet li jagħtu l-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva” fuq l-attività ta’ impriża oħra, iżda biss l-“implimentazzjoni” ta’ kisba ta’ kontroll fuq bażi dewwiema. Il-kisba ta’ kontroll (l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004), u għalhekk ukoll il-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva” fuq bażi dewwiema (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 139/2004) għandhom “jiġu implimentati” sabiex jinkisru l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, it-tranżazzjonijiet preparatorji jew anċillari għall-konċentrazzjoni u li kellhom l-għan li jippreparaw għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni jew li jmexxu l-perijodu tranżitorju bejn l-iffirmar u l-għeluq u, min-naħa l-oħra, it-tranżazzjonijiet li kienu jwasslu għall-implimentazzjoni effettiv tal-konċentrazzjoni, sa fejn dawn kienu jikkontribwixxu għall-bidla dewwiema fil-kontroll. F’dan il-każ, il-bidla fil-kontroll deċiża fis-SPA tirriżulta biss mit-trasferiment tal-azzjonijiet ta’ PT Portugal lir-rikorrenti. Issa, ma huwiex ikkontestat li dan it-trasferiment ma seħħx qabel l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni.

71      It-tieni, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirreferu għall-kunċett, bl-Ingliż, ta’ “implementation”, li għandha tinftiehem bħala “implimentazzjoni sħiħa” tal-konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 90 tad-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07 R, EU:T:2008:80), li jgħid li, prima facie, id-definizzjoni ta’ “implementation” prevista skont l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004 timplika l-implimentazzjoni sħiħa tal-konċentrazzjoni, u għall-punt 98 tal-imsemmi digriet li l-istess interpretazzjoni tat-terminu “implementation” għandha tapplika, mutatis mutandis, għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004.

72      It-tielet, sakemm il-konċentrazzjoni ma tkunx effettivament implimentata, l-effikaċja tas-sistema tal-kontroll ex ante tal-effetti tal-konċentrazzjonijiet ma tistax tiġi ppreġudikata.

73      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar l-iskambji ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, din l-informazzjoni bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għal bidla dewwiema fil-kontroll u lanqas ma hija neċessarja sabiex jintlaħaq dan il-kontroll. Hija lanqas ma tagħti l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li fl-Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat”), il-Kummissjoni tikklassifika perijodu ta’ sena bħala relattivament qasir u tippreċiża wkoll li perjodu tal-bidu li jista’ jdum sa tliet snin jista’ ma jikkostitwix bidla dewwiema fil-kontroll (punt 34 tal-avviż). Il-konsultazzjonijiet li seħħew matul perijodu tranżitorju u limitat ta’ erba’ xhur bejn l-iffirmar tas-SPA u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma jistgħu bl-ebda mod jikkontribwixxu għal “tibdil fil-kontroll permanenti”.

74      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li ma kienx hemm, f’dan il-każ, “implimentazzjoni” ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 peress li, fix-xenarju ipotetiku ta’ projbizzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata, ma jkunx hemm neċessità ta’ “xoljiment” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

76      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-argument tar-rikorrenti, minn naħa, li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jipprojbixxux il-ftehimiet li jagħtu lok għall-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva” fuq l-attività ta’ impriża oħra u, min-naħa l-oħra, li jirreferi għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), li għamlet distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet preparatorji jew anċillari għall-konċentrazzjoni u t-tranżazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-bidla dewwiema fil-kontroll, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni għandha titqies li tkun ġiet implimentata meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema li tirriżulta mill-amalgamazzjoni ta’ żewġ impriżi jew iktar jew ta’ partijiet ta’ tali impriżi, jew mill-akkwist, minn persuna waħda jew iktar li diġà għandhom il-kontroll ta’ mill-inqas impriża waħda jew iktar, tal-kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew impriżi oħra jew ta’ partijiet minnhom, bil-kundizzjoni li l-kontroll jirriżulta mill-possibbiltà, mogħtija minn drittijiet, kuntratti jew mezzi oħra, li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività ta’ impriża (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 45, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 49).

77      Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi analizzat jekk is-SPA wassalx għal bidla dewwiema fil-kontroll ta’ PT Portugal biss bit-trasferiment tal-azzjonijiet tagħha lir-rikorrenti, kif issostni din tal-aħħar, jew jekk is-SPA wassalx għal tali bidla minħabba l-possibbiltà li huwa kien jagħti lil din tal-aħħar li teżerċita influwenza determinanti fuq PT Portugal qabel ma t-tranżazzjoni ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

78      Din l-analiżi ser issir iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tielet motiv.

79      It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ “réalisation”, użat fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jikkorrispondi, fil-verżjoni Ingliża ta’ dawn l-artikoli, għall-kunċett ta’ “implementation”, li għandu jinftiehem bħala “implimentazzjoni sħiħa” tal-konċentrazzjoni, konformement mal-punti 90 u 98 tad-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07 R, EU:T:2008:80), għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, skont dan id-digriet, il-mod li fih l-espressjoni “implemented” tingħata f’diversi lingwi uffiċjali jindika li, prima facie, id-definizzjoni ta’ “implementation” prevista skont l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004 timplika l-implimentazzjoni sħiħa tal-konċentrazzjoni (digriet tat‑18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni, T‑411/07 R, EU:T:2008:80, punt 90), id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali kienet indikat, fil-punt 98 ta’ dan id-digriet, li l-istess interpretazzjoni tat-terminu “implementation” kellha tapplika, mutatis mutandis, għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 ma hijiex korretta.

80      Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, mill-punt 98 tad-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07 R, EU:T:2008:80), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali indikat li l-istess interpretazzjoni tat-terminu “implementation” kellha tapplika, mutatis mutandis, għall-“argumenti tar-rikorrenti” bbażati fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, u mhux għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 innifsu.

81      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali llimitat din l-interpretazzjoni għall-argumenti tar-rikorrenti, jiġifieri, f’dan il-każ, id-deroga mill-obbligu ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, u ma kellhiex l-intenzjoni li tagħti interpretazzjoni ġenerali tat-terminu “implementation” bħala “implimentazzjoni sħiħa”.

82      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 83 tas-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07, EU:T:2010:281), il-Qorti Ġenerali indikat b’mod ċar li, fil-kuntest tad-deroga mill-obbligu ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 139/2004, l-akkwist ta’ sehem li ma jagħtix, bħala tali, il-kontroll fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 seta’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

83      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, jekk il-partijiet f’konċentrazzjoni kienu pprojbiti milli jimplimentaw konċentrazzjoni permezz ta’ tranżazzjoni waħda, iżda kienu jistgħu jaslu għall-istess riżultat permezz ta’ tranżazzjonijiet parzjali suċċessivi, dan inaqqas l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 u b’hekk idaħħal f’perikolu n-natura preliminari tal-kontroll previst minn dan ir-regolament kif ukoll il-kisba tal-għanijiet tiegħu (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 47).

84      It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li sakemm il-konċentrazzjoni ma tkunx effettivament implimentata, l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll ex ante tal-effetti ta’ konċentrazzjonijiet ma tistax tiġi ppreġudikata, għandu jitfakkar li kull tranżazzjoni jew sett ta’ tranżazzjonijiet li jġibu “bidla dewwiema fil-kontroll” billi tingħata l-“possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività tal-impriża kkonċernata” hija konċentrazzjoni meqjusa li ġiet implimentata fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004. Il-karatteristika komuni għal dawn il-konċentrazzjonijiet hija din li ġejja: fejn kien hemm żewġ impriżi separati qabel ma saret it-tranżazzjoni fir-rigward ta’ attività ekonomika partikolari, wara din it-tranżazzjoni jkun hemm waħda biss. Apparti din l-ipoteżi ta’ amalgamazzjoni, li tistabbilixxi t-tmiem ta’ waħda miż-żewġ impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha għalhekk tiddetermina jekk l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni għandhiex il-konsegwenza li tattribwixxi lil waħda mill-impriżi kkonċernati setgħa ta’ kontroll fuq l-oħra, liema setgħa hija ma kellhiex preċedentement. Din is-setgħa ta’ kontroll tikkonsisti fil-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività ta’ impriża, b’mod partikolari meta l-impriża li għandha din is-setgħa tista’ timponilha għażliet li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni, T‑411/07, EU:T:2010:281, punt 63).

85      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni, bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li aġir limitat ratione temporis ma jistax jikkontribwixxi għal bidla dewwiema fil-kontroll, għandu jiġi rrilevat, konformement mas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst Litwan Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 52), li hija l-bidla fil-kontroll li għandha tkun dewwiema sabiex ikun hemm konċentrazzjoni, u mhux it-tranżazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu, fil-fatt jew fid-dritt, għal bidla fil-kontroll bħal din.

86      Fir-rigward tal-kwistjoni, f’dan il-każ, ta’ jekk dawn l-iskambji ta’ informazzjoni kkontribwixxewx għal bidla dewwiema fil-kontroll jew jekk tawx il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, din il-kwistjoni hija s-suġġett tat-tielet parti tat-tielet motiv iktar ’il quddiem.

87      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li huma biss it-tranżazzjonijiet li jeżiġu miżuri ta’ “xoljiment” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 139/2004 li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma ssostnix din l-affermazzjoni u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tiddefinixxi l-kunċett ta’ konċentrazzjoni, iżda li tindika s-setgħat tal-Kummissjoni meta hija tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur. Għaldaqstant ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni hija kkaratterizzata biss meta l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li xxolji t-tranżazzjoni inkwistjoni.

88      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà indikat li filwaqt li l-akkwist ta’ kontroll kien neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha li xxolji l-konċentrazzjoni, dan ma kienx neċessarju sabiex tranżazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni, T‑411/07, EU:T:2010:281, punti 66 u 83).

89      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

b)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist inklużi fil-ftehim dwar it-tranżazzjoni kienu anċillari min-natura tagħhom u ma kinux jikkostitwixxu implimentazzjoni antiċipata tal-konċentrazzjoni

90      Din il-parti hija maqsuma f’erba’ subpartijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tqis li l-arranġamenti preċedenti ma kinux anċillari jew preparatorji għall-konċentrazzjoni, it-tieni waħda tirrigwarda l-fatt li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq inklużi fil-ftehim dwar it-tranżazzjoni ma tawx dritt ta’ veto lir-rikorrenti fuq ċerti deċiżjonijiet ta’ PT Portugal, it-tielet waħda tirrigwarda l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali permezz tal-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur u r-raba’ waħda tirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba l-impożizzjoni ta’ multi.

1)      Fuq l-ewwel subparti, ibbażata fuq żball ta’ liġi sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tqis li l-arranġamenti preċedenti ma kinux anċillari jew preparatorji għall-konċentrazzjoni

91      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Artikolu 8.2(b) tas-SPA jistipula li jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa ma jkunux issodisfatti sa mhux iktar tard minn tmintax‑il xahar wara l-firma, is-SPA jiskadi u d-dispożizzjonijiet kollha inklużi fih jintemmu u jiġu mingħajr effett għall-futur. L-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist li allegatament jikkostitwixxu l-allegat ksur kienu damu biss erba’ xhur u ħdax‑il jum (premessa 595 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, anki jekk dawn l-arranġamenti kkontribwixxew għal bidla fil-kontroll (quod non), dawn ma setgħux jikkontribwixxu għal “bidla dewwiema fil-kontroll” tal-impriża kkonċernata peress li, skont il-paragrafu 28 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat, ir-Regolament Nru 139/2004 ma jkoprix “tranżazzjonijiet li jirriżultaw biss f’tibdil temporanju ta’ kontroll”.

92      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi, konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet (ĠU 2005, C 56, p. 24, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet anċillari”), li “l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq li jippreskrivu l-mod kif l-impriża mmirata għandha tiffunzjona bejn l-iffirmar u l-għeluq jistgħu jkunu ġġustifikati sabiex jiġi evitat li jsiru tibdiliet sostanzjali […] għall-impriża mmirata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), hija tapplika kriterju esklużiv li huwa estremament ristrett billi jiġi kkunsidrat li dawn il-ftehimiet “[kienu] jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk dawn l-attivitajiet [kienu] strettament limitati għall-attivitajiet neċessarji sabiex jinżamm il-valur tal-kumpannija mmirata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, la r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas il-Komunikazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet anċillari ma jeżiġu li l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist direttament marbuta u neċessarji jkollhom bħala għan uniku li jżommu l-valur tal-impriża mmirata, peress li l-prassi stabbilita fuq livell dinji tirrikonoxxi li dawn l-arranġamenti għandhom rwol importanti billi jiżguraw l-integrità tal-attività kummerċjali tal-impriża akkwistata bejn l-iffirmar u l-għeluq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li, fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), li tikkostitwixxi l-uniku preċedent li fih ġiet eżaminata l-possibbiltà li tiġi applikata l-projbizzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għal arranġamenti preċedenti għall-għeluq, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni għall-impenn preċedenti kontenzjuż billi kkunsidrat li dan kien anċillari jew preparatorju għall-konċentrazzjoni, mingħajr ma semmiet il-kriterju taż-żamma tal-valur tal-impriża mmirata.

93      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

94      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq it-tul tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist li allegatament jikkostitwixxu l-ksur allegat, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 28 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat, iċċitat mir-rikorrenti, jipprovdi dan li ġej:

“L-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 139/2004] jiddefinixxi l-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’tali mod li tkopri l-operazzjonijiet biss jekk iwasslu għal tibdil permanenti fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u […] fl-istruttura tas-suq. Ir-Regolament [Nru 139/2004] għalhekk ma jittrattax dwar tranżazzjonijiet li jirriżultaw biss f’tibdil temporanju ta’ kontroll. Iżda, tibdil tal-kontroll fuq bażi permanenti mhuwiex eskluż mill-fatt li l-ftehimiet li jirfdu jsiru għal żmien definit, kemm‑il darba dawk il-ftehimiet jistgħu jiġġeddu. Konċentrazzjoni tista’ tirriżulta wkoll f’każijiet fejn il-ftehimiet jipprevedu tmiem definit, jekk il-perjodu kkontemplat huwa twil biżżejjed li jwassal għal tibdil permanenti fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati.”

95      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat invokati mir-rikorrenti jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ konċentrazzjoni u, b’mod partikolari, it-tul tal-ftehimiet sottostanti għal konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, minn dan jirriżulta li konċentrazzjoni hija implimentata meta l-bidla fil-kontroll tal-impriża tkun dewwiema, inkluż meta l-perijodu kopert mill-ftehim sottostanti jkun determinat. Mill-banda l-oħra, kuntrarjament għas-suġġeriment tar-rikorrenti, l-imsemmi kliem ma jikkonċernax it-tul tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq.

96      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 85 iktar ’il fuq, hija l-bidla ta’ kontroll li għandha tkun dewwiema sabiex ikun hemm konċentrazzjoni, u mhux il-miżuri, bħal arranġamenti preċedenti għall-għeluq, li jistgħu jikkontribwixxu, fil-fatt jew fid-dritt, għal tali bidla ta’ kontroll, billi jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività tal-impriża mmirata.

97      B’hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq konfużjoni bejn id-definizzjoni ta’ konċentrazzjoni, li tippreżumi bidla dewwiema fil-kontroll, u l-miżura li tikkontribwixxi għal tali bidla.

98      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-portata tal-allegat ksur u, b’mod iktar preċiż, dwar liema huwa l-kriterju jew liema huma l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klawżoli preparatorji kinux jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, l-ewwel, fir-rigward tar-riferiment, mir-rikorrenti, għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, li kellha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, qieset li anki jekk il-miżura inkwistjoni kienet suġġetta għal rabta kundizzjonata mal-konċentrazzjoni inkwistjoni u seta’ kellha natura anċillari u preparatorja għaliha, xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja l-effetti li hija seta’ kellha fuq is-suq, hija ma kkontribwixxietx, bħala tali, għall-bidla dewwiema fil-kontroll tal-impriża mmirata (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 60).

99      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ma eskludietx il-miżuri aċċessorji u preparatorji kollha, bħala tali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u, min-naħa l-oħra, ma qisitx li kien utli li jintuża xi kriterju sabiex tiġi stabbilita n-natura probabbilment anċillari u preparatorja tal-miżura inkwistjoni, peress li hija ma qisitx li kien neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din il-miżura kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni anċillari.

100    Għalhekk, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), sabiex tipprova turi li jeżistu kriterji oħra li jiġġustifikaw arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist, bħal dawk f’dan il-każ, ħlief dak taż-żamma tal-impriża mmirata, ma huwiex rilevanti.

101    It-tieni, skont ir-rikorrenti, kriterju ieħor li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-integrità, fis-sens tal-“integrità kummerċjali” tal-impriża mmirata. L-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist għandhom ikunu jistgħu jobbligaw lill-bejjiegħ jikkonsulta lix-xerrej fuq ċerti tranżazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-integrità tal-attività kummerċjali, irrispettivament mill-fatt li dawn iwasslu għaż-żamma, għaż-żieda jew għat-tnaqqis tal-valur tagħha. Iż-żamma ta’ din l-integrità tmur lil hinn mill-kriterju taż-żamma tal-valur tal-kumpannija mmirata. Konsegwentement, il-legalità tal-arranġamenti preċedenti għall-għeluq ma tistax tiddependi minn limiti finanzjarji li jagħtu lok għall-obbligu ta’ konsultazzjoni bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, kif tallega l-Kummissjoni fil-premessi 94 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-paragrafu 13 tal-Komunikazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet anċillari, “[i]l-ftehimiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni huma normalment maħsuba sabiex jipproteġu l-valur ittrasferit” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

103    Il-Komunikazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet anċillari għalhekk ma teskludix il-possibbiltà li jintużaw kriterji oħra minbarra dak tas-sempliċi żamma stretta tal-valur tal-impriża ttrasferita.

104    Madankollu, peress li r-rikorrenti ma ppreżentatx, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, provi intiżi sabiex juru li kien hemm, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għall-integrità kummerċjali tal-impriża mmirata, dan l-argument huwa ineffettiv. Huwa biss waqt l-eżami tal-ftehimiet preċedenti għall-għeluq u fil-każijiet ta’ implimentazzjoni li, jekk ikun il-każ, ser jiġi eżaminat l-effett possibbli ta’ dan l-argument fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

105    Għaldaqstant, l-ewwel subparti tal-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni subparti, ibbażata fuq il-fatt li l-arranġamenti preċedenti għallgħeluq tal-akkwist inklużi fil-ftehim dwar it-tranżazzjoni ma tawx dritt ta’ veto lir-rikorrenti fuq ċerti deċiżjonijiet ta’ PT Portugal

106    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA kien jagħtiha biss drittijiet ta’ konsultazzjoni limitati, li ma jagħtuhiex “is-setgħa li tibblokka l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi” fis-sens tal-paragrafu 54 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala drittijiet ta’ veto. Ir-rikorrenti tenfasizza li d-deċiżjoni li hija tiġi kkonsultata fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA kienet f’kull każ tappartjeni esklużivament lil Oi, li hija kienet obbligata, skont din id-dispożizzjoni, tagħti l-kunsens tagħha dwar id-deċiżjonijiet li fuqhom hija kienet ikkonsultata sakemm ma tiġġustifikax ir-rifjut tagħha u li, bħala konsegwenza ta’ ksur minn Oi ta’ ċerti arranġamenti, is-SPA kien jipprevedi biss id-dritt li jinkiseb kumpens għad-dannu mġarrab.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

108    Fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li huwa kemm komuni kif ukoll xieraq li l-klawżoli intiżi sabiex jipproteġu l-valur ta’ impriża akkwistata bejn l-iffirmar ta’ kuntratt ta’ xiri u l-għeluq tiegħu jiġu inklużi fil-kuntratti ta’ bejgħ u ta’ xiri. Tali ftehim bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, li jiddetermina l-aġir tal-impriża mmirata, jista’ madankollu jkun raġonevolment iġġustifikat biss jekk dan ikun strettament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex il-valur tal-impriża mmirata jinżamm u ma jagħtix lix-xerrej il-possibbiltà li jeżerċita influwenza determinanti fuqha, pereżempju billi jaffettwa l-kors normali tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħha jew il-politika kummerċjali tagħha. Madankollu, skont il-Kummissjoni, ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA ma kinux strettament limitati sabiex jiggarantixxu ż-żamma tal-valur tal-mira, iżda kienu jippermettu lir-rikorrenti teżerċita influwenza determinanti fuq PT Portugal.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA jipprevedi dan li ġej:

“[S]al-għeluq, il-bejjiegħ għandu jiżgura li, bla ħsara għall-ftehim bil-miktub tax-xerrej (li ma jistax jiġi rrifjutat jew iddifferit b’mod irraġonevoli […]), l-ebda kumpannija tal-grupp [jiġifieri PT Portugal u s-sussidjarji tagħha] […] ma għandha tieħu l-inqas azzjoni msemmija iktar ’il quddiem […] peress li mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ xahar wara d-data ta’ eżekuzzjoni, il-limiti monetarji msemmija iktar ’il quddiem ser jiġu emendati awtomatikament sabiex (i) kull riferiment għal limitu ta’ EUR 5 miljun jiġi ssostitwit b’limitu ta’ EUR 1 miljun […]:

[…]

ii. tikkonkludi ftehim, tieħu impenn jew tassumi responsabbiltà (inkluża responsabbiltà kundizzjonata) ta’ valur ogħla minn total ta’ EUR 5 miljun; jew

iii. tieħu impenn ta’ valur ta’ iktar minn EUR 5 miljun u għal iktar minn 3 xhur jew li ma jistax jintemm b’avviż tat-temm ta’ 3 xhur jew inqas; jew

[…]

vii. tikkonkludi, ittemm jew temenda kull ftehim li jista’ jitqies bħala kuntratt materjali; jew

[…]

ix. ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor fil-baġit, takkwista jew taċċetta li takkwista l-assi kollha li l-valur totali tagħhom jaqbeż l-EUR 5 miljun; jew

[…]

xviii. tirrekluta direttur ġdid jew uffiċjal ġdid; jew

[…]

xx. ittemm jew temenda l-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe kuntratt ma’ kwalunkwe direttur jew uffiċjal sakemm ma jkunx hemm raġuni valida għax-xoljiment tal-kuntratt; jew

[…]

xxvi. tibdel il-politika tal-prezzijiet tagħha jew il-prezzijiet standard tagħha skont kif dawn japplikaw għall-prodotti u għas-servizzi tagħha intiżi għall-klijenti (minbarra dawk li jidhru fil-baġit) jew temenda l-kundizzjonijiet standard eżistenti kollha mal-klijenti ħlief għall-azzjonijiet ta’ kuljum ma’ ċerti klijenti speċifiċi bl-għan li tiġi evitata l-attrizzjoni [tal-klijentela]; jew

xxvii. tikkonkludi, temenda jew ittemm kull kuntratt materjali ħlief jekk dan ikun iġġustifikat jew ikun seħħ fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ordinarji […]”.

110    L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(b)(xviii) u (xx) tas-SPA, dwar il-ħatriet, it-tkeċċijiet jew il-modifiki tal-kuntratt tad-diretturi u tal-amministraturi, kif tammetti l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 75), jista’ jkun iġġustifikat li jkun hemm dritt ta’ kontroll fuq il-persunal tal-impriża ttrasferita sabiex jinżamm il-valur tal-impriża bejn l-iffirmar tal-ftehim ta’ konċentrazzjoni u l-għeluq, pereżempju għal ċerti membri tal-persunal li huma importanti għall-valur tal-impriża, jew sabiex jiġu preklużi bidliet fir-rigward tal-ispejjeż tal-impriża.

111    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 76), li l-fatt li jkun hemm dritt ta’ veto fuq il-ħatra, it-tkeċċija jew il-modifiki tat-termini tal-kuntratti ta’ kull direttur jew amministratur jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm il-valur tal-impriża mmirata u jippermetti li x-xerrej ikollu influwenza fuq il-politika kummerċjali tagħha. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b)(xviii) u (xx) tas-SPA hija, skont il-Kummissjoni, wiesgħa ħafna u tkopri klassi indeterminata ta’ persunal li l-membri kollha tiegħu x’aktarx ma jkunux ikkonċernati mill-valur tal-impriża mmirata.

112    F’dan ir-rigward, anki jekk ir-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li klassi indeterminata ta’ persunal hija koperta, din id-dikjarazzjoni tidher li ma hijiex korretta. Fil-fatt, l-Anness A.48 tar-rikors jagħti l-lista tad-“diretturi” ta’ PT Portugal, jiġifieri tmien persuni. Bl-istess mod, l-Anness A.49 jipprovdi l-lista tal-“amministraturi”, jiġifieri żewġ persuni.

113    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b)(xviii) u (xx) tas-SPA għalhekk ma kinitx “estremament wiesgħa”, iżda kienet tirrigwarda biss it-tmexxija ta’ PT Portugal.

114    Fi kwalunkwe każ, din il-konstatazzjoni ma tistax tikkontesta l-eżattezza tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-Artikolu 6(1)(b)(xviii) u (xx) tas-SPA ta lir-rikorrenti l-possibbiltà li tikkoordina l-istruttura tat-tmexxija ta’ PT Portugal. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tista’ ssir analoġija mal-paragrafu 67 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat, li jirrigwarda l-kunċett ta’ dritt ta’ veto u li jipprevedi li “id-drittijiet ta’ veto li jagħtu l-kontroll konġunt tipikament jinkludu […] il-ħatra ta’ maniġers fi grad ogħli”. Bl-istess mod, il-paragrafu 69 tal-imsemmi avviż jindika li “is-setgħa li biha tiġi ko-determinata l-istruttura tal-maniġers fi grad ogħli, bħal pereżempju l-membri tal-bord, ġeneralment tagħti lid-detentur is-setgħa li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ impriża”.

115    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(1)(b)(xxvi) tas-SPA dwar il-politika tariffarja, il-formulazzjoni tiegħu hija wiesgħa ħafna, u jobbliga lil PT Portugal li tikseb kunsens bil-miktub mingħand ir-rikorrenti dwar firxa wiesgħa ta’ deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet u l-kuntratti mal-klijenti. B’mod partikolari, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-assenza ta’ definizzjoni tal-politiki tariffarji u tal-prezzijiet standard proposti minn PT Portugal twassal għall-obbligu li jinkiseb il-kunsens bil-miktub tar-rikorrenti fuq kwalunkwe bidla fil-prezz. Barra minn hekk, l-obbligu li jinkiseb il-kunsens bil-miktub tar-rikorrenti għall-emenda tal-kundizzjonijiet ġenerali kollha mal-klijenti taha l-possibbiltà li topponi kull bidla fil-kuntratti tal-klijenti ta’ PT Portugal.

116    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(1)(b)(ii), (iii), (vii), (ix) u (xxvii) tas-SPA li jagħti l-possibbiltà lir-rikorrenti li tieħu sehem, li ttemm jew li temenda ċerti tipi ta’ kuntratti li PT Portugal tista’ tikkonkludi qabel l-għeluq tal-akkwist, skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-kwistjonijiet kummerċjali koperti minn dawn il-klawżoli u tal-livell baxx tal-limiti monetarji applikabbli għal uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-imsemmija klawżoli jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi prekluż li jsiru bidliet sostanzjali għall-attività ta’ PT Portugal u, għaldaqstant, sabiex jinżamm il-valur tal-investiment tar-rikorrenti (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    F’dan ir-rigward, jista’ biss jiġi rrilevat li l-limitazzjonijiet imposti fl-Artikolu 6(1)(b)(ii), (iii), (vii), (ix) u (xxvii) tas-SPA huma tant numerużi u wiesgħa u l-limiti monetarji huma tant baxxi li jista’ jiġi kkonstatat biss li dawn effettivament imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm il-valur tal-investiment tar-rikorrenti.

118    Barra minn hekk, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li fit-tweġiba tagħha tal‑20 ta’ Ottubru 2017 għat-talba għal informazzjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2017 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), Oi kkonferma li huwa interpreta s-SPA bħala li jfisser li huwa kien obbligat jitlob il-kunsens tar-rikorrenti fuq il-kuntratti materjali kollha, kemm jekk dawn jaqgħu taħt l-iżvolġiment normali tan-negozju jew le.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’din it-tweġiba tal‑20 ta’ Ottubru 2017, Oi spjega li l-limiti monetarji u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tas-SPA kienu ġew iddefiniti wara diversi sensiliet ta’ negozjati bejnu u r-rikorrenti, li kienu skambjaw diversi abbozzi ta’ SPA, u li l-limiti monetarji proposti minnu kienu oriġinarjament ħafna ogħla.

120    Barra minn hekk, f’din it-tweġiba tal‑20 ta’ Ottubru 2017, Oi spjega li, għalkemm, minħabba żball li għalih kienu responsabbli ż-żewġ partijiet, l-Artikolu 6(1)(b)(vii) u l-Artikolu 6(1)(b)(xxvii) tas-SPA kienu jikkoinċidu, huwa kien jippreferi jikkunsidra li l-Artikolu 6(1)(b)(vii) tas-SPA li kien jinkludi kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk previsti mill-Artikolu 6(1)(b)(xxvii) tas-SPA kien jipprevali sabiex ma jidħolx f’riskju ta’ lment min-naħa tar-rikorrenti.

121    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-obbligu għal Oi li jikseb il-kunsens bil-miktub tar-rikorrenti sabiex jieħu sehem, itemm jew jemenda varjetà wiesgħa ta’ kuntratti ta l-possibbiltà lil din tal-aħħar li tiddetermina l-politika kummerċjali ta’ PT Portugal, possibbiltà li marret lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jiġi protett il-valur tagħha.

122    L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni.

123    L-ewwel, f’dak li jirrigwarda r-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-paragrafu 54 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat, għandu jiġi rrilevat li, skont din id-dispożizzjoni, hemm “teħid ta’ kontroll esklużiv” meta impriża tista’ teżerċita, waħedha, influwenza determinanti fuq impriża oħra. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-impriża li teżerċita l-kontroll esklużiv ikollha s-setgħa li tadotta d-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tal-impriża l-oħra.

124    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex jekk l-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA tax lir-rikorrenti kontroll “esklużiv” ta’ PT Portugal, peress li l-Kummissjoni ma tallegax li r-rikorrenti ħadet tali kontroll, iżda jekk din id-dispożizzjoni wasslitx għal bidla fil-kontroll, tal-inqas parzjali, ta’ PT Portugal.

125    Ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-paragrafu 54 tal-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat għalhekk ma huwiex rilevanti.

126    It-tieni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza minn Oi tal-obbligu tiegħu li ma jieħu l-ebda azzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA mingħajr il-kunsens bil-miktub tax-xerrej jirriżulta fid-dritt għar-rikorrenti li tikseb kumpens jikkonferma li dan huwa fil-fatt dritt ta’ veto, u mhux sempliċi dritt ta’ konsultazzjoni.

127    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li hija kienet obbligata tagħti l-kunsens tagħha dwar id-deċiżjonijiet li dwarhom hija kienet ġiet ikkonsultata sakemm ma setgħetx tiġġustifika r-rifjut tagħha. Fil-fatt, tali argument jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti tista’ leġittimament tirrifjuta l-kunsens tagħha, u mhux l-eżistenza jew in-natura tad-dritt ta’ veto fih innifsu.

128    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata li tiċċita ittra tar-rikorrenti lil Oi tat‑2 ta’ April 2015, jista’ jiġi rrilevat li r-rikorrenti xi drabi espliċitament irrifjutat li tagħtih il-kunsens tagħha.

129    Għaldaqstant ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA jirrappreżenta biss dritt ta’ konsultazzjoni u mhux dritt ta’ veto.

130    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova li tista’ turi li s-setgħa li timblokka l-ħatriet, ix-xoljimenti jew l-emendi ta’ kuntratt ta’ kwalunkwe direttur jew amministratur (l-Artikolu 6(1)(b)(xviii) u (xx) tas-SPA), is-setgħa li jiġu imblokkati d-deċiżjonijiet dwar il-politiki tariffarji ta’ PT Portugal kif ukoll il-prezzijiet standard proposti lill-klijenti (l-Artikolu 6(1)(b)(xxvi) tas-SPA) u s-setgħa li tieħu sehem, li ttemm jew li temenda ċerti tipi ta’ kuntratti (l-Artikolu 6(1)(b)(ii), (iii), (vii), (ix) u (xxvii) tas-SPA) kienu neċessarji sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-valur tal-impriża ttrasferita jew sabiex jiġi evitat li l-integrità kummerċjali tagħha tiġi ppreġudikata.

131    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-premessi 55 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-drittijiet ta’ veto previsti fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jinżamm il-valur tal-impriża mmirata sal-għeluq tat-tranżazzjoni, billi jagħtu lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita kontroll fuq l-impriża mmirata. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda element fil-proċess li minnu jirriżulta li dawn id-drittijiet ta’ veto setgħu jippermettu li jiġi evitat li tiġi ppreġudikata l-integrità kummerċjali tal-impriża mmirata.

132    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-klawżoli preparatorji, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, bdew japplikaw immedjatament. Huwa għalhekk mill-jum tal-firma tas-SPA, fid‑9 ta’ Diċembru 2014, li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li teżerċita din l-influwenza determinanti, jiġifieri f’data qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni li seħħet fil‑25 ta’ Frar 2015.

133    Għaldaqstant, it-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq it-tielet subparti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali permezz tal-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur

134    Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist inklużi fil-ftehim dwar it-tranżazzjoni jirriflettu l-prassi tal-Kummissjoni u prassi stabbilita fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkwisti fuq livell dinji.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

136    Preliminarjament, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq paragun bejn, minn naħa, il-klawżoli previsti fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u allegata prassi kostanti fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkwisti fuq livell dinji jidhru li iktar jikkonċernaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi milli l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

137    Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 90).

138    Fl-ipoteżi fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem bħala bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati. Id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippreżumi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovdietx lir-rikorrenti bl-inqas indikazzjoni li tista’ tiġi interpretata bħala possibbiltà li l-konċentrazzjoni tiġi implimentata parzjalment.

140    Barra minn hekk, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni tista’ tinbidel skont il-bidla fiċ-ċirkustanzi jew fl-iżvilupp tal-analiżi tagħha (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    B’hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-fatt li, f’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma kinitx żammet lill-impriżi responsabbli għal aġir ekwivalenti ma setax joħloq aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-Kummissjoni kienet ser iżżomm lura fil-futur milli tipproċedi kontra u tissanzjona tali aġir meta din l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq interpretazzjoni korretta tal-portata tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑29/05, EU:T:2010:355, punt 428).

142    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 611 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni diġà kellha l-okkażjoni li tissanzjona impriża talli implimentat konċentrazzjoni qabel ma din ġiet innotifikata u ddikjarata kompatibbli (ara d-Deċiżjoni C(2009) 4416 final tal‑10 ta’ Ġunju 2009 dwar l-għoti ta’ multa għall-implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni fi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.4994 – Electrabel/Compagnie Nationale du Rhône) u d-Deċiżjoni C(2014) 5089 final tat‑23 ta’ Lulju 2014 li timponi multa għall-istabbiliment ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1), u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (Każ COMP/M.7184 – Marine Harvest/Morpol)).

143    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni nisslet aspettattivi leġittimi fiha.

144    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-aġir tagħha huwa konformi mal-prassi fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkwisti fuq livell dinji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, hija ma tipprovdi l-ebda eżempju li fil-kuntest tiegħu kienu ġew awtorizzati klawżoli kuntrattwali li jagħtu drittijiet ta’ veto li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm il-valur tal-impriża mmirata sal-għeluq tat-tranżazzjoni, li b’hekk jagħtu l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll fuq l-impriża mmirata.

145    L-argument tar-rikorrenti, inkluż sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa għalhekk infondat u għandu jiġi miċħud.

146    Jekk l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem li huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fis-sens li l-obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni kif previsti fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma humiex ċari, l-argument tar-rikorrenti jidher għalhekk li jaqbel ma’ dak li hija żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv li fih hija ssostni li l-estensjoni tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni” għal arranġamenti li huma anċillari għal konċentrazzjoni twassal għal estensjoni eċċessivament wiesgħa tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni”. Skont r-rikorrenti, din l-estensjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità ggarantit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta u mill-Artikolu 7 tal-KEDB. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-Artikolu 7 tal-KEDB jistabbilixxu l-prinċipju li jipprovdi li huwa biss l-aġir ikkritikat mil-liġi kriminali (nullum crimen sine lege) li jista’ jiġi ssanzjonat kriminalment (nulla poena sine lege).

147    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat li ma jippermettix il-kjarifika gradwali tar-regoli permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 217). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tkun kemm tkun ċara dispożizzjoni legali, teżisti b’mod inevitabbli parti li tkun teħtieġ interpretazzjoni ġudizzjarja u jkun dejjem meħtieġ li l-punti mhux ċari jiġu ċċarati u li l-formulazzjoni tiġi adattata skont l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 141).

148    Madankollu, għalkemm il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jippermetti, bħala prinċipju, il-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja, dan jista’ jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur. Dan ikun partikolarment il-każ jekk ir-riżultat ta’ din l-interpretazzjoni ma kienx raġonevolment prevedibbli fil-mument tat-twettiq tal-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ prevedibbiltà jiddependi ħafna mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li jkopri kif ukoll minn numru u minn natura tad-destinatarji tiegħu u dan ma jipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom. Huma wkoll mistennija jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jevalwaw ir-riskji li jista’ jkun hemm (sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 sa 219, u tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 142).

149    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandha tkun suffiċjentement prevedibbli, fl-istadju tat-twettiq tal-fatti inkriminati, fid-dawl tat-test ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretat mill-ġurisprudenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 143).

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149), iċċitati fil-punt 76 iktar ’il fuq, ingħataw wara l-iffirmar tas-SPA.

151    Madankollu, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarju għandha tiġi nnotifikata qabel l-implimentazzjoni tagħha u li hija ma għandhiex tiġi implimentata mingħajr notifika u awtorizzazzjoni minn qabel (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 246). L-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tinkludi kunċetti wiesgħa u lanqas kriterji vagi (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 379).

152    Barra minn hekk, minn naħa, kif għadu kif ġie rrilevat fil-punt 142 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni diġà kellha, qabel id-data tal-iffirmar tas-SPA, l-opportunità li tissanzjona impriża talli implimentat konċentrazzjoni qabel ma din kienet ġiet innotifikata u ddikjarata kompatibbli.

153    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali diġà kellha, qabel id-data tal-iffirmar tas-SPA, l-opportunità li tirrileva li konċentrazzjoni ma kellhiex tiġi implimentata qabel ma din tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet diġà indikat, għalkemm prima facie, li kien leġittimu għall-Kummissjoni, fid-dawl tat-terminu li fih hija kellha teżamina konċentrazzjoni nnotifikata u tal-għaqda ta’ fatturi li jistgħu jirriżultaw f’kontroll f’każ partikolari, li titlob lill-partijiet sabiex ma jieħdu ebda miżura li tista’ twassal għal bidla fil-kontroll (digriet tat‑18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni, T‑411/07 R, EU:T:2008:80, punt 94).

154    Fl-aħħar nett, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti setgħet tkun f’pożizzjoni li tifhem li l-klawżoli preparatorji previsti mill-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA kienu jikkostitwixxu l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

155    Fi kwalunkwe każ, jekk ir-rikorrenti kellha l-iċken dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-klawżoli mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, hija kellha tikkonsulta lill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’każ ta’ dubju dwar l-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 139/2004, l-aġir adegwat ta’ impriża huwa li tirrikorri għall-Kummissjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 256 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Għaldaqstant, it-tielet subparti tal-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

4)      Fuq ir-raba’ subparti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għall-fatt li ġiet issanzjonata

157    Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi tippenalizzaha għal kuntratt li kien konsistenti mal-prassi standard tas-suq fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkwisti u tal-prassi tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ssottomettiet is-SPA lill-Kummissjoni bħala anness mal-abbozz ta’ notifika fit‑3 ta’ Frar 2015 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq) u għal darba oħra bħala anness man-notifika fil‑25 ta’ Frar 2015 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Għalkemm hija kienet taf bil-kontenut tas-SPA saħansitra qabel ma ġiet innotifikata lilha t-tranżazzjoni, il-Kummissjoni ma esprimiet l-ebda tħassib u lanqas ma fformulat xi osservazzjoni dwar l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-akkwist previsti fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA, kuntrarjament għal dak li kienet għamlet fil-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni C(2007) 3104 tas‑27 ta’ Ġunju 2007 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.4439 – Ryanair vs Aer Lingus), fejn hija kienet ordnat lil Ryanair sabiex ma teżerċitax id-drittijiet ta’ vot tagħha marbuta mal-azzjonijiet ta’ Aer Lingus.

158    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

159    Għandu jiġi rrilevat li r-raba’ subparti tikkostitwixxi, essenzjalment, repetizzjoni tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fit-tielet subparti.

160    Kif tfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq, l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 139/2004 jistabbilixxi b’mod ċar li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tissanzjona impriża meta din tal-aħħar tikser l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

161    Għandu jitfakkar ukoll li ma hijiex l-ewwel darba li l-impriżi jiġu ssanzjonati, skont l-Artikolu 14(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 139/2004, minħabba li kisru l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punt 142 iktar ’il fuq).

162    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, u b’mod iktar partikolari mid-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2008, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni (T‑411/07 R, EU:T:2008:80, punt 94), li l-eżami ta’ konċentrazzjoni nnotifikata, fid-dawl tal-għaqda ta’ fatturi differenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, jeħtieġ ċertu żmien. F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti ssottomettiet is-SPA lill-Kummissjoni, bħala anness għal messaġġ elettroniku dwar l-abbozz ta’ notifika fit‑3 ta’ Frar 2015, dan il-messaġġ elettroniku kien jinkludi diversi annessi, b’total ta’ 200 paġna (filwaqt li s-SPA huwa magħmul minn 71 paġna). Peress li l-istudju ta’ dawn id-dokumenti jeħtieġ ċertu żmien, l-assenza ta’ reazzjoni rapida tal-Kummissjoni ma tistax tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni impliċita tal-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, f’wieħed mill-messaġġi elettroniċi skambjati qabel dak tat‑3 ta’ Frar 2015, wara t-talba tar-rikorrenti lill-Kummissjoni li din tal-aħħar issemmi espressament li hija ma kellha l-ebda oġġezzjoni għall-proġett, il-Kummissjoni kienet avżatha, permezz ta’ posta elettronika ta’ tweġiba li, f’dan l-istadju tal-proċedura, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tikkummenta.

163    Minbarra dan, fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punt 132 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 mid‑9 ta’ Diċembru 2014.

164    Il-ksur skont dawn id-dispożizzjonijiet kien għalhekk diġà ġie mwettaq meta l-kuntatti ta’ qabel in-notifika bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni bdew fit‑18 ta’ Diċembru 2014, minkejja li l-Kummissjoni kienet ġiet informata bil-proġett ta’ konċentrazzjoni mill‑31 ta’ Ottubru 2014.

165    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, fil-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni C(2007) 3104 (Każ COMP/M.4439 – Ryanair vs Aer Lingus), il-Kummissjoni kienet ordnat lil Ryanair sabiex ma teżerċitax id-drittijiet ta’ vot tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li meta l-Kummissjoni talbet lil Ryanair sabiex ma teżerċitax id-drittijiet ta’ vot tagħha, hija sempliċement talbet lil din l-impriża tevita milli tqiegħed lilha nnifisha f’sitwazzjoni fejn hija timplimenta konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Aer Lingus Group vs Il‑Kummissjoni, T‑411/07, EU:T:2010:281, punt 83). F’dak il-każ, ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni.

166    Jista’ jiġi rrilevat ukoll li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rekwiżit fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 li jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-konċentrazzjoni ma tiġix implimentata qabel ma tkun ġiet innotifikata u awtorizzata huwa impost biss fuq il-parti li qiegħda tinnotifika.

167    Għalkemm l-Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni tista’ tieħu miżura interim xierqa sabiex terġa ġġib jew iżżomm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva meta konċentrazzjoni […] kienet implimentata b’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu 7, u deċiżjoni dwar il-kompatibilità tal-konċentrazzjoni mas-suq [intern] tkun għadha ma ingħatatx”, huwa ma joħloq l-ebda obbligu fuqha.

168    Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għall-fatt li ġiet issanzjonata għandu jiġi miċħud.

169    Għaldaqstant, ir-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti firrealtà ma eżerċitat l-ebda influwenza determinanti fuq PT Portugal qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni

170    Fil-premessi 178 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet seba’ każijiet li juru li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq PT Portugal u kienet implimentat il-konċentrazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni tagħha.

171    F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw minn evalwazzjoni żbaljata tal-elementi tal-fajl. Fl-ewwel lok, Oi żamm kontroll esklużiv fuq PT Portugal sal-għeluq tat-tranżazzjoni. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ġiet ikkonsultata biss fuq minoranza żgħira mis-suġġetti diskussi mill-Bord tad-Diretturi ta’ PT Portugal bejn l-iffirmar tal-ftehim u l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni. Fit-tielet lok, il-konsultazzjoni tar-rikorrenti fis-seba’ każijiet imsemmija fil-punt 4.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix prova tal-implimentazzjoni antiċipata tal-konċentrazzjoni. L-ewwel, l-ebda wieħed mis-seba’ każijiet ma kkontribwixxa għal bidla dewwiema fil-kontroll ta’ PT Portugal, peress li s-seba’ każijiet imsemmija mill-Kummissjoni kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li la kellhom rabta funzjonali mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u lanqas kienu jikkostitwixxu atti preparatorji għat-tranżazzjoni fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371). It-tieni, dawn is-seba’ każijiet kellhom biss l-għan li jżommu l-istatus quo tal-impriża mmirata matul il-perijodu preċedenti għall-għeluq tat-tranżazzjoni u li jiġi evitat kull tfixkil li jista’ jaffettwa l-valur jew l-integrità ta’ PT Portugal. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-każijiet, kulma għamlet ir-rikorrenti kien li approvat il-linja ta’ azzjoni proposta minn PT Portugal jew sempliċement talbet informazzjoni addizzjonali sabiex tkun f’pożizzjoni li tifhem minn xiex din kienet eżattament tikkonsisti.

172    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

173    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li Oi żamm kontroll esklużiv fuq PT Portugal sal-għeluq tat-tranżazzjoni, għandu jitfakkar li l-kriterju rilevanti sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ġewx ippreġudikati ma huwiex dak tal-“kontroll esklużiv”, iżda dak ta’ bidla dewwiema fil-kontroll tal-impriża mmirata li tirriżulta b’mod partikolari mill-kisba tal-kontroll tagħha, peress li l-kontroll jirriżulta mill-possibbiltà, mogħtija inter alia minn kuntratt, li teżerċita influwenza determinanti fuq l-attività tagħha (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

174    Barra minn hekk, l-argument li Oi żamm kontroll esklużiv fuq PT Portugal sal-għeluq tat-tranżazzjoni huwa fattwalment infondat, kif jirriżulta kemm mill-klawżoli preparatorji tas-SPA li taw lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti sa mill-iffirmar tiegħu (ara l-punt 132 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni (ara l-ewwel u r-raba’ każ, fil-punti 181 u 199 iktar ’il quddiem, rispettivament).

175    Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

176    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija ġiet ikkonsultata biss fuq ftit kwistjonijiet, b’mod partikolari fuq tliet deċiżjonijiet marbuta mat-tiġdid jew mal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ distribuzzjoni ta’ kontenut televiżiv, iżda mhux fuq tmien deċiżjonijiet oħra marbuta ma’ tali kontenut, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li r-rikorrenti ġiet ikkonsultata biss fuq ċertu numru ta’ mistoqsijiet ma jistax iqiegħed inkwistjoni li dawn il-konsultazzjonijiet u l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-impriża mmirata setgħu kienu każijiet ta’ ksur.

177    Għaldaqstant, it-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

178    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konsultazzjoni tagħha fis-seba’ każijiet imsemmija fil-punt 4.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix prova tal-implimentazzjoni antiċipata tal-konċentrazzjoni, l-ewwel, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li s-seba’ każijiet imsemmija mill-Kummissjoni kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li la kellhom rabta funzjonali mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u lanqas kienu jikkostitwixxu atti preparatorji għat-tranżazzjoni fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina jekk ix-xoljiment ta’ ftehim kienx jikkostitwixxi l-implimentazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni.

179    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma affermatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir tar-rikorrenti kellu rabta funzjonali mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni jew kien jikkostitwixxi att preparatorju, iżda affermat li, bl-aġir tagħha, hija kienet effettivament eżerċitat kontroll fuq diversi aspetti tal-attività ta’ PT Portugal qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

180    It-tieni, fir-rigward, preliminarjament, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li “fil-parti l-kbira tal-każijiet”, kulma għamlet kien li approvat il-linja ta’ azzjoni proposta minn PT Portugal jew sempliċement talbet informazzjoni addizzjonali, għandu jiġi kkonstatat li hija tirrikonoxxi li, xi drabi, hija ma approvatx l-għażliet ta’ PT Portugal.

181    Sussegwentement, b’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-ewwel wieħed mis-seba’ każijiet, relatat ma’ kampanja ta’ promozzjoni ta’ servizzi mobbli li jitħallsu wara, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan ta’ din il-kampanja kien li titħaffef il-migrazzjoni tal-klijentela tal-kuntratti mħallsa minn qabel lejn kuntratti li jitħallsu wara u, b’hekk, li tiġi kkonsolidata l-bażi ta’ klijenti ta’ PT Portugal, li jiżdied id-dħul mill-bejgħ għal kull abbonat u li jitnaqqsu r-rati ta’ tneħħija tal-abbonament. Qabel ma l-proposta dwar il-kampanja ta’ promozzjoni ta’ servizzi li jitħallsu wara ġiet approvata mill-Bord tad-Diretturi ta’ PT Portugal, din tal-aħħar talbet, permezz ta’ konferenza telefonika tal‑20 ta’ Jannar 2015, il-kunsens tar-rikorrenti sabiex tniedi l-kampanja. Immedjatament wara din il-konferenza telefonika, ir-rikorrenti tat struzzjonijiet bil-miktub lil PT Portugal dwar l-għanijiet li għandhom jintlaħqu u t-tul tal-kampanja. Barra minn hekk, PT Portugal regolarment bagħtet lir-rikorrenti informazzjoni dwar l-iżvilupp tagħha. Skont id-deċiżjoni kkontestata, kampanji ta’ prezzijiet kienu jiġu organizzati b’mod regolari fis-suq tal-konsumaturi tal-komunikazzjonijiet mobbli. Konsegwentement, il-kampanja ta’ promozzjoni ta’ servizzi li jitħallsu wara ma kienet bl-ebda mod straordinarja u kienet taqa’ taħt l-andament normali tal-operazzjonijiet kummerċjali ta’ PT Portugal. Barra minn hekk, l-għan tal-kampanja li jinżamm id-dħul mill-bejgħ għal kull abbonat u li titnaqqas ir-rata ta’ tneħħija tal-abbonament huwa għan komuni għall-attivitajiet promozzjonali tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet (premessi 181 sa 219 tad-deċiżjoni kkontestata).

182    Ir-rikorrenti tallega li l-intervent tagħha kien iġġustifikat, peress li l-kampanja kienet tirrappreżenta orjentament mill-ġdid ta’ PT Portugal lejn offerti awtonomi iktar milli “multiplay”, li seta’ jagħmel ħsara lill-integrità tal-impriża u, konsegwentement, kien imur lil hinn mill-kuntest tal-promozzjonijiet fuq il-prezzijiet normali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li hija ma ppruvatx tibdel il-portata, il-modalitajiet jew il-kontenut tal-kampanja u li, fi kwalunkwe każ, l-intervent tagħha ma pproduċa l-ebda effett fuq l-attività ta’ PT Portugal sa fejn hija ma pprekludithiex milli twettaq il-kampanja prevista inizjalment.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li l-kampanja seta’ kellha effett negattiv fuq l-integrità tal-attività ta’ PT Portugal. Kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-għan li jinżamm id-dħul mill-bejgħ għal kull abbonat u li titnaqqas ir-rata ta’ tneħħija tal-abbonament huwa għan normali għal operatur tat-telekomunikazzjonijiet.

184    Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-premessi 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża tal-kampanja kienet inqas mil-limitu li jwassal, skont l-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA, għall-obbligu li Oi jikseb l-awtorizzazzjoni bil-miktub tar-rikorrenti (limitu ta’ EUR 1 miljun biss wara l-iskadenza ta’ xahar wara d-data ta’ eżekuzzjoni, ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

185    Barra minn hekk, anki jekk, kif issostni r-rikorrenti, hija ma pprekludietx lil PT Portugal milli twettaq il-kampanja prevista inizjalment, mill-fatti, kif imfakkra fil-punt 181 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija kellha rwol essenzjali fl-approvazzjoni, fil-modalitajiet u fil-monitoraġġ tal-kampanja ta’ promozzjoni ta’ servizzi mobbli li jitħallsu wara.

186    Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti, kif hija stess tenfasizza fir-rikors, ikkonfermat il-qbil tagħha għat-tnedija tal-kampanja juri li hija effettivament eżerċitat kontroll fuq il-kampanja, peress li hija ddeċidiet jekk il-kampanja setgħetx titnieda.

187    Ir-rikorrenti għalhekk iffissat il-limiti li għandhom jiġu osservati u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Hija ġiet ikkonsultata wkoll dwar il-karatteristiċi u l-għanijiet tal-kampanja ta’ promozzjoni ta’ servizzi li jitħallsu wara u tat struzzjonijiet bil-miktub lit-tmexxija ta’ PT Portugal dwar l-għanijiet u t-tul tal-kampanja. Hija rċeviet ukoll informazzjoni ddettaljata, mhux biss dwar l-intenzjonijiet futuri ta’ PT Portugal fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet (premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda wkoll dwar ir-riżultati tal-kampanja ta’ servizzi li jitħallsu wara matul l-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru ta’ klijenti li marru lejn kuntratti li jitħallsu wara u taż-żieda fid-dħul mill-bejgħ għal kull abbonat skont it-tip ta’ offerta (premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata).

188    It-tieni wieħed mis-seba’ każijiet jirrigwarda t-tiġdid tad-distribuzzjoni tal-istazzjon tal-isport ta’ Porto Canal, li kien saħħaħ l-iskeda tiegħu b’kontenut ta’ sport addizzjonali mill-Porto Football Club. Dan il-każ kien is-suġġett ta’ diversi diskussjonijiet bejn ir-rikorrenti u PT Portugal mit‑18 ta’ Frar 2015. Madwar din id-data, ir-rikorrenti u PT Portugal kellhom konverżazzjoni telefonika li matulha r-rikorrenti ġiet informata bil-progress tad-diskussjonijiet dwar l-imsemmi tiġdid. Matul din il-konverżazzjoni, ir-rikorrenti talbet lil PT Portugal tipprovdilha d-dokumenti rilevanti kollha u tiffissa data għal konferenza telefonika. Matul din l-istess konverżazzjoni, ir-rikorrenti informat lil PT Portugal, il-kompetitriċi tagħha, li s-sussidjarja tagħha, Cabovisão, kienet waqfet tiddistribwixxi l-Porto Canal. Fl‑20 ta’ Frar 2015, PT Portugal bagħtet messaġġ elettroniku lir-rikorrenti li kien jinkludi informazzjoni kunfidenzjali ddettaljata dwar il-kuntratt ta’ distribuzzjoni bħal informazzjoni dwar it-termini tal-kuntratt eżistenti, il-prestazzjoni tal-istazzjonijiet ikkonċernati, il-proċess ta’ negozjar mill-ġdid u l-proposta indirizzata lil Porto Canal. Dan il-messaġġ elettroniku kien jinkludi wkoll żewġ xenarji possibbli għall-istruttura tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni futuri. Fl-istess messaġġ elettroniku, PT Portugal talbet li tinżamm konferenza telefonika mar-rikorrenti, li seħħet fit‑23 ta’ Frar 2015. Fil‑25 ta’ Frar 2015, PT Portugal bagħtet ċifri ddettaljati lir-rikorrenti dwar in-numru ta’ sigħat li matulhom l-abbonati kienu jaraw il-Porto Canal. Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ April 2015, ir-rikorrenti qabelxejn irrifjutat li tagħti l-kunsens tagħha lil PT Portugal għat-tiġdid tal-kuntratt, qabel ma biddlet fehmitha, ftit jiem wara, u tat il-kunsens tagħha għat-tkomplija tan-negozjati. Għalhekk, mill-fatti kif esposti fid-deċiżjoni kkontestata, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li din tat struzzjonijiet lil PT Portugal dwar it-tkomplija tan-negozjati u li PT Portugal applikat dawn l-istruzzjonijiet (premessi 220 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata).

189    Skont ir-rikorrenti, l-intervent tagħha fin-negozjati mal-istazzjoni tal-isport kien iġġustifikat minħabba s-sensittività politika tal-kuntratt, fir-rigward tan-negozjati ma’ klabb tal-isport. Barra minn hekk, l-intervent tagħha kellu l-għan li jevita li l-istrateġija kummerċjali ta’ PT Portugal fis-settur tat-televiżjoni tinbidel b’mod estensiv. Barra minn hekk, in-negozjati mal-istazzjoni Porto Canal tmexxew b’pass kajman (il-kuntratt ġie konkluż fit‑23 ta’ Lulju 2015, jiġifieri kważi tliet xhur wara l-awtorizzazzjoni). Barra minn hekk, PT Portugal kompliet tiddistribwixxi l-istazzjoni wara d-data ta’ skadenza tal-kuntratt preċedenti, jiġifieri wara l‑31 ta’ Marzu 2015. Fl-aħħar nett, l-iskambji bejn ir-rikorrenti u PT Portugal dwar in-negozjar mill-ġdid tal-kuntratt mal-istazzjon Porto Canal ma setgħux kellhom effetti fuq Cabovisão, li kienet waqqfet tiddistribwixxi dan l-istazzjoni diversi xhur qabel (f’Settembru 2013).

190    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-argument li l-intervent tar-rikorrenti, minn naħa, kien iġġustifikat minħabba s-sensittività politika tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, kien intiż sabiex tiġi evitata bidla estensiva tal-istrateġija kummerċjali ta’ PT Portugal, għandu jiġi rrilevat li n-negozjar mill-ġdid ta’ kuntratti relatati mad-distribuzzjoni ta’ kontenut televiżiv jagħmel parti mill-attivitajiet normali ta’ impriża attiva fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi televiżivi. Barra minn hekk, huwa indikat fil-premessa 235 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li l-valur tal-kuntratt ma kienx għoli ħafna meta mqabbel mal-ispiża tal-akkwist ta’ PT Portugal u d-dħul mill-bejgħ tagħha. Għalhekk, l-intervent tar-rikorrenti ma jistax jiġi raġonevolment ikkunsidrat neċessarju sabiex jinżamm il-valur tal-impriża mmirata matul il-perijodu bejn id-data tal-iffirmar u d-data tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element intiż sabiex juri li dan il-kuntratt kellu importanza politika jew indika bidla sostanzjali fl-istrateġija li kienet tiġġustifika l-intervent tagħha.

191    Fir-rigward tal-argument li n-negozjati mal-istazzjoni Porto Canal tmexxew b’pass kajman, il-ħeffa, jew id-dewmien, li bihom saru n-negozjati, ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-fatt li r-rikorrenti effettivament intervjeniet f’deċiżjoni kummerċjali ta’ PT Portugal qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

192    Fir-rigward tal-argument li PT Portugal kompliet tiddistribwixxi l-istazzjon Porto Canal skont il-modalitajiet tal-ftehim preċedenti, kif ġie rrilevat fil-premessa 249 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-fatt huwa irrilevanti fil-kuntest tal-intervent mhux iġġustifikat tar-rikorrenti fid-deċiżjonijiet u fl-istrateġiji kummerċjali ta’ PT Portugal matul il-perijodu bejn l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim. Barra minn hekk, dan l-argument pjuttost jidher li jmur kontra dak li jgħid li kien essenzjali li hija tintervjeni f’PT Portugal fil-kuntest tan-negozjati tagħha mal-istazzjoni Porto Canal.

193    Fir-rigward tal-argument li l-iskambji bejn ir-rikorrenti u PT Portugal ma setgħux kellhom effetti fuq Cabovisão, dan il-fatt huwa wkoll irrilevanti fil-kuntest tal-intervent mhux iġġustifikat tar-rikorrenti fid-deċiżjonijiet u fl-istrateġiji kummerċjali ta’ PT Portugal matul il-perijodu bejn l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim.

194    It-tielet wieħed mis-seba’ każijiet jikkonċerna l-għażla ta’ fornituri ta’ networks ta’ aċċess bir-radju, li fir-rigward tagħha PT Portugal talbet lir-rikorrenti, fis‑17 ta’ Marzu 2015, jekk kinitx tawtorizzaha tkompli l-proċess ta’ selezzjoni, minkejja li kien miftiehem li l-għażla kienet ser issir biss wara l-għeluq tal-konċentrazzjoni. Ir-rikorrenti għalhekk tat lil PT Portugal l-istruzzjoni li tissospendi l-proċess ta’ selezzjoni u li tipprovdilha l-informazzjoni dwar dan is-suġġett, u wara dan din tal-aħħar biddlet l-istrateġija ta’ selezzjoni tagħha (premessi 251 sa 280 tad-deċiżjoni kkontestata).

195    Skont ir-rikorrenti, PT Portugal ikkonsultatha sabiex tiżgura li din is-selezzjoni tiġi ppreparata u mwettqa fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tevita kull tfixkil fil-funzjonament tal-apparat tan-network ta’ aċċess bir-radju ta’ PT Portugal, li jikkostitwixxi kemm element indispensabbli kif ukoll is-sinsla tan-network mobbli ta’ kull operatur tat-telekomunikazzjonijiet.

196    F’dan ir-rigward, jidher li l-proċess ta’ selezzjoni ma kienx intiż sabiex isolvi riskju ta’ tfixkil fil-funzjonament tal-apparat tan-network ta’ aċċess bir-radju ta’ PT Portugal. Fil-fatt, mill-premessi 253 u 273 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li PT Portugal, li kellha diversi fornituri ta’ networks ta’ aċċess bir-radju għal kull sit, xtaqet tirrazzjonalizza n-numru ta’ fornituri b’tali mod li tnaqqas l-ispejjeż operattivi u li tissemplifika n-network.

197    Barra minn hekk, filwaqt li, kif għadu kif ġie rrilevat, PT Portugal talbet il-kunsens tar-rikorrenti mhux għall-għażla finali tal-fornitur ta’ tagħmir, iżda għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċess ta’ selezzjoni, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni sabiex tipprova tiġġustifika r-raġuni għaliex it-tkomplija ta’ proċess ta’ selezzjoni seta’ kellha effett sostanzjali fuq l-attività ta’ PT Portugal b’tali mod li tiġġustifika l-intervent tagħha. Minbarra dan, jista’ jiġi nnotat li, fil-premessa 274 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li ma setax jiġi eskluż li l-kwistjoni dwar it-tkomplija tal-proċess ta’ selezzjoni lanqas biss kienet prevista mill-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata, li PT Portugal kienet ippreċiżat b’mod espliċitu li t-talba tagħha ma kinitx tirrigwarda spejjeż ta’ kapital.

198    Dan it-tielet każ jidher għalhekk li juri l-fatt li r-rikorrenti mhux biss implimentat il-klawżoli preparatorji tal-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA, iżda li hija setgħet ukoll tmur lil hinn minn dawn il-klawżoli.

199    Ir-raba’ wieħed mis-seba’ każijiet jikkonċerna kuntratt dwar il-vidjo fuq talba. Fl‑10 ta’ Frar 2015, PT Portugal ikkuntattjat lir-rikorrenti sabiex tiddetermina jekk il-konklużjoni ta’ ftehim fuq il-kontenut televiżiv hijiex konformi mal-istrateġija kummerċjali tagħha u talbitha l-kunsens tagħha għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim. PT Portugal bagħtet ukoll informazzjoni lir-rikorrenti dwar in-negozjati relatati ma’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, PT Portugal saqsietha jekk kinitx iffirmat kuntratti simili u saqsietha tagħtiha struzzjonijiet dwar l-iffirmar tal-imsemmi kuntratt. Fil‑11 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti informat lil PT Portugal li hija kienet qiegħda tiffirma ftehimiet simili b’kundizzjonijiet kummerċjali iktar favorevoli u talbitha ma tikkonkludix dak il-ftehim qabel ma jiddiskutuh kif ukoll li tnaqqas it-tul tal-kuntratt għal sena (premessi 281 sa 304 tad-deċiżjoni kkontestata).

200    Skont ir-rikorrenti, l-intervent tagħha kien iġġustifikat fid-dawl tan-natura ġdida tal-kuntratt li kien jirrappreżenta bidla sostanzjali fl-istrateġija. Ir-rikorrenti tammetti li pprovdiet indikazzjonijiet lil PT Portugal, iżda ssostni li din tal-aħħar ma ħadithomx inkunsiderazzjoni u ffirmat il-ftehim fl‑4 ta’ Marzu 2015, jiġifieri qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni.

201    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tal-kuntratt ma kienx ġdid, peress li PT Portugal kienet diġà toffri servizzi ta’ vidjo fuq talba fil-kuntest ta’ kuntratti b’iktar minn 60 fornitur ta’ kontenut. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 298 sa 301 tad-deċiżjoni kkontestata, li xejn ma kien jindika li l-kuntratt kien tant importanti għall-attività ta’ PT Portugal li l-intervent tar-rikorrenti kien neċessarju sabiex jiġi protett il-valur tal-investiment tagħha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li għalkemm PT Portugal kienet effettivament ikkonkludiet il-kuntratt qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni, it-tul tal-kuntratt kien tnaqqas għal sena minflok sentejn kif inizjalment xtaqet PT Portugal, skont l-istruzzjonijiet tar-rikorrenti. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontesta l-ebda wieħed minn dawn it-tliet elementi.

202    Il-ħames wieħed mis-seba’ każijiet jikkonċerna l-inklużjoni ta’ stazzjon televiżiv ġdid. Fil-bidu ta’ April 2015, PT Portugal talbet struzzjonijiet mingħand ir-rikorrenti, li rrifjutat tawtorizza din l-inklużjoni. Fid-data tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ir-rikorrenti kienet għadha ma tatx il-kunsens tagħha (premessi 305 sa 326 tad-deċiżjoni kkontestata).

203    Ir-rikorrenti ssostni li, peress li dan l-istazzjoni ma kienx intiż għall-bnedmin iżda għall-klieb, l-intervent tagħha kien iġġustifikat fid-dawl tan-natura ġdida tal-kuntratt u tal-effetti negattivi li dan il-kontenut seta’ jkollu fuq ir-reputazzjoni ta’ PT Portugal. Il-provi tal-fajl juru mhux biss li hija ma kinitx involuta fil-proċess deċiżjonali ta’ PT Portugal, iżda li xejn ma jindika li hija kellha saħansitra interess li tagħmel dan. Hija llimitat ruħha li titlob kjarifiki dwar il-mudell ta’ tqassim tad-dħul ta’ dan l-istazzjon li kien ġdid u li qatt ma kienet semgħet bih preċedentement u ħalliet lil PT Portugal weħidha sabiex tieħu d-deċiżjoni dwar jekk tikkonkludix dan il-kuntratt. Fl-aħħar nett, dan l-istazzjon tnieda, minkejja l-assenza ta’ tweġiba min-naħa tar-rikorrenti, xahar wara l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni.

204    F’dan ir-rigward, anki jekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, PT Portugal kienet diġà toffri, fiż-żmien tan-negozjati, stazzjonijiet dwar il-kaċċa, is-sajd u s-sarar mat-toru (premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata), stazzjon intiż għall-klieb effettivament jidher li jikkostitwixxi proposta oriġinali.

205    Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni tenfasizza, fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispiża annwali ta’ dan il-kuntratt kienet ferm inqas mil-limitu monetarju stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA, ma jistax jiġi eskluż li dak il-kontenut seta’ kellu effetti negattivi fuq ir-reputazzjoni ta’ PT Portugal u li l-intervent tar-rikorrenti kien għalhekk neċessarju sabiex tiġi ppreżervata r-reputazzjoni, jew il-valur li seta’ jirriżulta minn tali reputazzjoni, ta’ PT Portugal. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 103 iktar ’il fuq, konformement mal-Komunikazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet anċillari, restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn kriterji differenti minn dak taż-żamma stretta biss tal-valur tal-impriża mmirata.

206    Is-sitt wieħed mis-seba’ każijiet jikkonċerna l-aġir li għandu jiġi adottat fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ network nazzjonali ta’ telekomunikazzjonijiet. Fid‑9 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ġiet informata minn Oi, minn naħa, li operatur kellu l-intenzjoni jixtri dawk l-azzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li Oi la kellu l-intenzjoni li jċedi l-ishma tiegħu u lanqas li jeżerċita d-drittijiet ta’ prelazzjoni tiegħu. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tikkontestax li dan l-iskambju seta’ jiġi ġġustifikat min-neċessità li tiġi ppreżervata l-attività akkwistata mir-rikorrenti, li kienet tinkludi l-parteċipazzjoni f’dan in-network, iżda tikkonstata li r-rikorrenti, wara li talbet u kisbet iktar informazzjoni, indikat espressament li hija xtaqet li PT Portugal tixtri kemm jista’ jkun possibbli ishma mingħand azzjonisti oħra u tagħmel kuntatti sabiex tixtri ishma oħra, u b’hekk qabżet il-limiti ta’ dak li seta’ jitqies bħala aġir xieraq u neċessarju sabiex jinżamm il-valur ta’ PT Portugal (premessi 327 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata).

207    Skont ir-rikorrenti, l-informazzjoni ġiet trażmessa lilha bħala korteżija. Hija sempliċement staqsiet jekk azzjonisti oħra kinux lesti li jittrasferixxu l-ishma tagħhom lil PT Portugal u s-suġġeriment tagħha li takkwista azzjonijiet addizzjonali ma ġiex segwit.

208    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti talbet lil PT Portugal tikkuntattja lill-operatur inkwistjoni u li PT Portugal bdiet il-passi neċessarji għal dan l-għan.

209    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti, billi talbet lil PT Portugal tikkuntattja lill-operatur inkwistjoni, kienet qabżet il-limiti ta’ dak li seta’ jitqies neċessarju sabiex jinżamm il-valur ta’ PT Portugal bejn id-data tal-iffirmar u d-data tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata). B’dan il-mod, ir-rikorrenti aġixxiet bħallikieku hija kienet diġà akkwistat formalment il-kontroll ta’ PT Portugal.

210    L-argument tar-rikorrenti li finalment ma kienx hemm akkwist ta’ azzjonijiet mingħand l-operatur inkwistjoni ma jistax jikkontesta din il-konstatazzjoni.

211    Fil-fatt, għalkemm din it-tranżazzjoni ma kellhiex suċċess, ma huwiex minħabba PT Portugal, iżda minħabba r-rikorrenti, li finalment ma aċċettatx li tiltaqa’ mal-operatur inkwistjoni (premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata).

212    Is-seba’ każ imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi u ta’ soluzzjonijiet ta’ subappalt. Sabiex teżegwixxi dan il-kuntratt, PT Portugal kellha tagħmel ċerti investimenti. Fis‑6 ta’ April 2015, Oi bagħat talba formali lir-rikorrenti skont l-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA sabiex jikseb l-approvazzjoni tagħha fir-rigward tal-investimenti li kellhom isiru. Ir-rikorrenti għalhekk talbet informazzjoni addizzjonali u staqsiet x’kien it-terminu għall-irkupru tal-investiment. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma tantx kien probabbli li l-kuntratt kien ikollu impatt sostanzjali fuq il-valur tal-attività ta’ PT Portugal, fid-dawl tal-valur tal-imsemmi kuntratt meta mqabbel mal-valur tal-attività ta’ PT Portugal u mal-prezz tal-akkwist tagħha, u li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni li PT Portugal kienet bagħtet lir-rikorrenti kienet ħafna iktar iddettaljata u abbundanti minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jinżamm il-valur tal-impriża mmirata, bħall-iskambju ta’ informazzjoni ddettaljata fuq id-dħul prevedibbli (premessi 353 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

213    Skont ir-rikorrenti, l-intervent tagħha kien iġġustifikat fid-dawl tal-profitabbiltà dgħajfa u tan-natura tal-kuntratt. Barra minn hekk, kulma għamlet kien li talbet informazzjoni addizzjonali u ma ddettatx kif PT Portugal kellha taġixxi. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-intervent tagħha ma setax ikollu effett fuq l-attività ta’ PT Portugal, peress li l-investiment sar mingħajr ma kien mistenni l-kunsens tagħha.

214    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratt kien jaqa’ taħt il-ħidma ta’ kuljum ta’ PT Portugal, peress li dan kien it-tiġdid ta’ kuntratt eżistenti u kien jirrigwarda livell ta’ dħul komparabbli għal dak tal-kuntratt li kien diġà jeżisti. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-valur tal-kuntratt ma kienx jilħaq il-limiti stabbiliti fis-SPA. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-investiment sar mingħajr ma kien mistenni l-qbil tar-rikorrenti ma jbiddel xejn mill-fatt li PT Portugal bagħtet informazzjoni kunfidenzjali dwar id-“dħul mill-bejgħ lill-klijenti” previst lir-rikorrenti, li, f’dak iż-żmien, kienet kompetitur fis-suq Portugiż tat-telekomunikazzjonijiet.

215    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, anki jekk jitqies li l-ħames każ ma jurix implimentazzjoni tat-tranżazzjoni qabel id-data tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), fid-dawl tal-konstatazzjonijiet dwar is-sitt każijiet l-oħra, li minn diversi elementi tal-fajl jirriżulta li r-rikorrenti kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq PT Portugal qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u, f’ċerti każijiet, qabel in-notifika, bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

216    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, peress li r-rikorrenti tallega li l-intervent tagħha kien iġġustifikat minħabba n-natura mhux tas-soltu ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, li hija kellha, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, titlob deroga mill-obbligu ta’ sospensjoni, għal dawn it-tranżazzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

217    Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, hija diġà tat diversi drabi derogi mill-obbligu ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 139/2004 billi awtorizzat ċerti azzjonijiet li kienu kkunsidrati li jikkostitwixxu implimentazzjoni parzjali ta’ konċentrazzjoni, iżda li ma kinux jikkostitwixxu bidla effettiva tal-kontroll (deroga mogħtija sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tal-impriża mmirata (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2008, Każ COMP/M.5267 – Sun Capital/SCS Group); deroga mogħtija sabiex ikunu jistgħu jitwettqu ċerti stadji bħall-iffirmar ta’ kuntratti amministrattivi (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Settembru 2004, Każ COMP/M.3275 – Shell España/Cepsa/SIS JV); deroga mogħtija sabiex tippermetti t-twettiq ta’ ċerti miżuri ta’ implimentazzjoni bħall-iffirmar ta’ kuntratti u l-kostituzzjoni ta’ impriża konġunta (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Novembru 2006, Każ COMP/M.4472 – William Hill/CODERE/JV)).

218    Għaldaqstant, dan it-tielet argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u t-tieni parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

d)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt meta kkunsidrat li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni kkontribwixxiet għallkonstatazzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti

219    Ir-rikorrenti ssostni li s-sempliċi eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni, li huwa inevitabbli u anki neċessarju fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 4(1) jew tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha turi li t-trażmissjoni lir-rikorrenti ta’ informazzjoni dwar PT Portugal kellha l-effett li tittrasferilha l-kontroll ta’ PT Portugal fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371). F’dan ir-rigward, jekk il-portata tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tiġi estiża indebitament għall-atti li ma jikkontribwixxux għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni, dan ikollu, skont dik is-sentenza, l-effett li jnaqqas b’mod korrispondenti l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004. Għalhekk, billi tippreżumi li l-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrenti intużat sabiex tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq PT Portugal, id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantit mill-Artikolu 48 tal-Karta.

220    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

221    Fil-premessi 378 sa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat każijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-rikorrenti u PT Portugal li jikkontribwixxu sabiex jintwera li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq PT Portugal u kienet implimentat il-konċentrazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni tagħha.

222    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minn naħa, inżammu tliet laqgħat, fit‑3 ta’ Frar, fl‑20 ta’ Marzu u fil‑25 sas‑27 ta’ Marzu 2015, bejn it-tmexxija tar-rikorrenti u dik ta’ PT Portugal, fuq l-inizjattiva tar-rikorrenti, bl-għan, skont posta elettronika interna tar-rikorrenti tas‑27 ta’ Jannar 2015 fir-rigward tal-ewwel laqgħa, li “jibdew jikkoordinaw id-deċiżjonijiet importanti li jeħtieġu l-kunsens [tar-rikorrenti] skont il-kuntratt [u tistieden lil PT Portugal] tinforma [lir-rikorrenti] dwar kull inizjattiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 380 u 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

223    Matul dawn il-laqgħat, PT Portugal ipprovdiet informazzjoni ddettaljata u preċiża lir-rikorrenti dwar kwistjonijiet bħalma huma l-inizjattivi prinċipali tagħha f’dak li jikkonċerna l-istrateġija tagħha u l-għanijiet kummerċjali tagħha, l-istrateġiji tagħha fil-qasam tal-ispejjeż, ir-relazzjonijiet tagħha mal-fornituri prinċipali, data finanzjarja reċenti fuq id-dħul tagħha, il-marġni kummerċjali tagħha, l-ispejjeż tagħha ta’ kapital u l-ippjanar baġitarju tagħha, informazzjoni ewlenija dwar il-prestazzjonijiet, il-pjanijiet tagħha ta’ espansjoni tan-network u informazzjoni ddettaljata dwar l-attività bl-ingrossa ta’ PT Portugal (premessi 384 sa 410 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ skambji bilaterali, li bdew fl‑20 ta’ Frar 2015, PT Portugal ipprovdiet ukoll lir-rikorrenti informazzjoni preċiża u ddettaljata dwar l-istrateġija futura tagħha fil-qasam tal-prezzijiet għall-offerti lill-klijenti 3Play/4Play (premessi 449 sa 454 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fuq talba tar-rikorrenti, ipprovdiet kull ġimgħa, mill‑11 ta’ Marzu 2015, informazzjoni dwar l-indikaturi prinċipali ta’ prestazzjoni (premessi 455 sa 468 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sempliċi eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni, għalkemm inevitabbli u anki neċessarja fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, kienet suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 4(1) jew tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija ineżatta fir-rigward ta’ żewġ aspetti.

226    L-ewwel, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li dan l-iskambju ta’ informazzjoni kien suffiċjenti sabiex “jistabbilixxi” ksur tal-Artikolu 4(1) jew tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

227    Fil-fatt, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-iskambji kienu “kkontribwixxew” sabiex juru li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal, kif barra minn hekk ikkonstatat ir-rikorrenti stess fit-tielet parti.

228    It-tieni, dan ma kienx “sempliċi skambju ta’ informazzjoni”.

229    Fil-fatt, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod espliċitu, fil-premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskambji ta’ informazzjoni ta’ natura kummerċjali bejn xerrej potenzjali u bejjiegħ jistgħu jiġu kkunsidrati, jekk dawn saru b’mod xieraq, bħala parti mill-proċess ta’ akkwist normali, jekk in-natura u l-iskop ta’ dawn l-iskambji kienu direttament marbuta man-neċessità għax-xerrej potenzjali li jevalwa l-valur tal-impriża.

230    Madankollu, f’dan il-każ, l-iskambji ta’ informazzjoni komplew wara l-iffirmar tas-SPA. Barra minn hekk, minn dak li għadu kemm ġie rrilevat jirriżulta li l-partijiet skambjaw ċerta informazzjoni sensittiva ħafna ta’ PT Portugal fuq il-livell kummerċjali u kompetittiv, minkejja li Cabovisão u ONI, sussidjarji tar-rikorrenti (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), f’dak iż-żmien kienu f’kompetizzjoni diretta ma’ PT Portugal.

231    B’hekk, ir-rikorrenti kellha aċċess għal informazzjoni li mhux suppost kellha aċċess għaliha u PT Portugal wieġbet għat-talbiet tagħha, peress li din l-informazzjoni ma kinitx barra minn hekk iġġustifikata mix-xewqa li jinżamm il-valur tal-impriża mmirata.

232    Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet konxja minn din is-sitwazzjoni.

233    Fil-fatt, dokument intern tar-rikorrenti ta’ April 2015, iċċitat fil-premessa 582 tad-deċiżjoni kkontestata, isemmi dan li ġej:

“[J]idher li ċerti skambji ta’ informazzjoni huma strettament ipprojbiti [skont ir-regoli dwar it-terminazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni]: skambji ta’ informazzjoni dwar klijenti, dwar karatteristiċi speċifiċi tan-network, skambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti, skambji dwar kundizzjonijiet kummerċjali, dwar prezzijiet jew tnaqqis eventwali, dwar kundizzjonijiet tax-xiri, dwar negozjati pendenti b’mod partikolari, dwar ftehimiet ma’ terzi. Kwalunkwe skambju li jirrigwarda kwistjonijiet finanzjarji għandu jiġi pprojbit sa fejn dan ma jkunx jikkonċerna elementi aċċessibbli għall-pubbliku (lista ta’ prezzijiet standard, […]). L-ebda konsultazzjoni ma hija possibbli fil-kuntest ta’ offerti lil klijenti jew ftehimiet ma’ terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

234    Bl-istess mod, in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 214 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata jiċċitaw messaġġ elettroniku intern tar-rikorrenti li huwa espliċitu ħafna li fih il-kap tad-dipartiment B2B jesprimi t-tħassib tiegħu lill-uffiċjal kap operattiv fir-rigward ta’ skambji ta’ messaġġi elettroniċi ma’ PT Portugal matul il-perijodu ta’ qabel l-għeluq tat-tranżazzjoni li huwa jqis li huwa prematur.

235    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu kkontribwixxew sabiex juru li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal.

236    Għaldaqstant, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha turi li t-trażmissjoni lir-rikorrenti ta’ informazzjoni dwar PT Portugal kellha l-effett, fiha nnifisha, li tittrasferilha l-kontroll ta’ PT Portugal fis-sens tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371).

237    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma estendietx indebitament il-portata tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għal atti li ma jikkontribwixxux għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.

238    Għalhekk, ir-riferiment li tagħmel ir-rikorrenti għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), li indikat, fil-punt 58 tagħha, li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 għal tranżazzjonijiet li ma jikkontribwixxux għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni twassal mhux biss sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bi ksur tal-Artikolu 1 tiegħu, iżda wkoll sabiex jitnaqqas, b’mod korrispondenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li mbagħad ma jibqax ikun applikabbli għal tali tranżazzjonijiet, anki jekk dawn jistgħu jagħtu lok għal koordinazzjoni bejn l-impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, huwa irrilevanti.

239    Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll ex ante, huma intiżi li jevitaw is-sitwazzjoni, bħal f’dan il-każ, li fiha xerrej għandu l-possibbiltà li jintervjeni, jew fil-fatt jintervjeni, b’mod mhux iġġustifikat fil-ġestjoni tal-attività tal-impriża mmirata qabel ma l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tawtorizza l-konċentrazzjoni, u mhux dik prevista mill-Artikolu 101 TFUE u mir-Regolament Nru 1/2003, li jippreżumu mekkaniżmu ex post.

240    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li peress li l-ewwel laqgħa nżammet fit‑3 ta’ Frar 2015, l-iskambji ta’ informazzjoni kkontribwixxew sabiex juru li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal kemm bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

241    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza minħabba li l-Kummissjoni tippreżumi li l-iskambju ta’ informazzjoni kien jikkostitwixxi bidla dewwiema fil-kontroll, kif għadu kif ġie rrilevat, il-Kummissjoni ma ppreżumietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan l-iskambju kien jikkostitwixxi bidla dewwiema fil-kontroll, iżda, wara li enfasizzat li ċerti skambji setgħu jitqiesu li jagħmlu parti mill-proċess ta’ akkwist normali, evalwat l-implikazzjonijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni li kien seħħ bejn ir-rikorrenti u PT Portugal qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni u kkonkludiet li dawn l-iskambji kkontribwixxew sabiex juru li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq PT Portugal.

242    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ legalità u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

243    Ir-rikorrenti ssostni li l-estensjoni tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni” għal arranġamenti li huma anċillari għal konċentrazzjoni u li jagħtu lix-xerrej il-possibbiltà li jiġi kkonsultat fuq ċerti suġġetti partikolari, mingħajr madankollu ma jikkontribwixxi għal bidla dewwiema fil-kontroll effettiv, twassal sabiex jiġu ssanzjonati sitwazzjonijiet li fihom l-ebda aġir kundannabbli ma seħħ effettivament u li assolutament ma humiex previsti mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Tali estensjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni” hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità ggarantit mill-Artikolu 49(1) tal-Karta u mill-Artikolu 7 tal-KEDB. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt fundamentali għall-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantit mill-Artikolu 48(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB.

244    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

245    F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ legalità sa fejn l-arranġamenti, jiġifieri l-klawżoli previsti fl-Artikolu 6(1)(b) tas-SPA, ma kkontribwixxewx għal bidla dewwiema fil-kontroll effettiv tal-impriża mmirata, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 108 et seq. iktar ’il fuq, uħud mill-klawżoli preparatorji kkontribwixxew għall-bidla dewwiema fil-kontroll minħabba l-possibbiltà li huma taw lir-rikorrenti li tikkodetermina l-istruttura tat-tmexxija ta’ PT Portugal u li tieħu sehem, li ttemm jew li temenda ċerti tipi tal-kuntratti tagħha, kif ukoll l-obbligu għal din tal-aħħar li tikseb il-kunsens bil-miktub tar-rikorrenti fir-rigward ta’ ambitu wiesa’ ta’ deċiżjonijiet relatati mal-prezzijiet u mal-kuntratti ma’ klijenti.

246    Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma estendietx il-kunċett ta’ “implimentazzjoni”.

247    Għaldaqstant hemm lok li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ legalità jiġi miċħud.

248    F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jimplika li kull persuna akkużata għandha titqies li hija innoċenti sakemm ma tiġix ipprovata l-ħtija tagħha skont il-liġi. B’hekk, din tipprekludi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni għar-responsabbiltà ta’ persuna akkużata għal ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità sabiex tibbenefika mill-garanziji kollha li huma inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedimenti li jkunu qegħdin jissoktaw b’mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kontestazzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata).

249    F’dan il-każ, mill-punti 12 sa 24 iktar ’il fuq, dwar il-proċedura amministrattiva, jirriżulta li r-rikorrenti bbenefikat minn drittijiet proċedurali li jippermettulha teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tallegax li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru matul il-proċedura amministrattiva.

250    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Total Raffinage Marketing vs Il‑Kummissjoni, T‑566/08, EU:T:2013:423, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-eżistenza ta’ dubju f’għajnejn il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża li tkun id-destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Total Raffinage Marketing vs Il‑Kummissjoni, T‑566/08, EU:T:2013:423, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

251    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ssodisfat l-oneru tal-prova billi stabbilixxiet li kemm il-possibbiltà għar-rikorrenti li teżerċita influwenza determinanti (ara l-punt 132 iktar ’il fuq), kif ukoll l-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal (ara l-punt 215 iktar ’il fuq), u anki l-eżistenza ta’ skambji ta’ informazzjoni li kkontribwixxew għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 235 iktar ’il fuq), kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

252    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza għandu jiġi miċħud u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

f)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt u ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet akkwistat il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal

253    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ssanzjonatha b’mod żbaljat talli ħadet, qabel in-notifika tal-konċentrazzjoni u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, il-“kontroll esklużiv ta’ PT Portugal fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, permezz tax-xiri ta’ azzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li t-trasferiment lilha tal-proprjetà tal-azzjonijiet ta’ PT Portugal seħħ fit‑2 ta’ Ġunju 2015 (premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri wara n-notifika tal-konċentrazzjoni (25 ta’ Frar 2015) u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (20 ta’ April 2015). Ir-rikorrenti tenfasizza li, qabel din id-data, PT Portugal kienet sussidjarja kompletament miżmuma minn Oi li kien proprjetarju tal-azzjonijiet li jirrappreżentaw 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ dik il-kumpannija. Oi żamm il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal sat‑2 ta’ Ġunju 2015, billi żamm l-azzjonijiet kollha u d-drittijiet ta’ vot kollha fis-sussidjarja tiegħu, u kien biss minn din id-data li r-rikorrenti ħadet il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata ma sar l-ebda riferiment għall-eżistenza ta’ “implimentazzjoni parzjali”, f’dan il-każ, ta’ konċentrazzjoni.

254    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

255    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma allegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet akkwistat il-“kontroll esklużiv” ta’ PT Portugal qabel in-notifika u l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni.

256    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 173 iktar ’il fuq, il-kriterju rilevanti sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ġewx ippreġudikati ma huwiex dak tal-“kontroll esklużiv”, iżda dak ta’ bidla dewwiema fil-kontroll tal-impriża mmirata li tirriżulta b’mod partikolari mill-kisba tal-kontroll tagħha, li huwa kontroll li jirriżulta mill-possibbiltà, mogħtija b’mod partikolari permezz ta’ kuntratt, li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq l-attività tagħha (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

257    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat, kemm mill-klawżoli preparatorji tas-SPA li taw lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti (ara l-punt 131 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal (ara l-punt 215 iktar ’il fuq) u wkoll mill-eżistenza ta’ skambji ta’ informazzjoni li kkontribwixxew għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 235 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-rikorrenti kienet kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

258    Għaldaqstant hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

259    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja

260    Ir-raba’ motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti, li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponitilha żewġ multi għall-istess aġir, fit-tieni parti, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem u, fit-tielet parti, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

261    Fit-tweġiba tagħha għall-istedina li għamlet il-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Marzu 2020 li tindika l-konsegwenzi possibbli li huma jisiltu mis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149) (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirtira t-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

a)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni imponiet fuq irrikorrenti żewġ multi li jissanzjonaw l-istess aġir bis-saħħa ta’ żewġ dispożizzjonijiet li jipproteġu l-istess interess ġuridiku

262    Ir-rikorrenti tirrileva li l-premessa 564 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li l-fatti li taw lok għall-ksur allegat tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma l-istess. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni, fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jistabbilixxu prinċipji legali distinti u għandhom, minħabba dan il-fatt, rwol distint u komplementari huwa kontradittorju u fi kwalunkwe każ infondat. Id-distinzjoni formali li tagħmel id-deċiżjoni kkontestata bejn obbligu pożittiv, jiġifieri dak tan-notifika qabel l-implimentazzjoni (premessi 40 u 486), u obbligu negattiv, jiġifieri dak li ma ssirx l-implimentazzjoni qabel in-notifika (u tinkiseb l-awtorizzazzjoni) (premessi 41 u 487), ma tistax teskludi, skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-ksur previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jikkonsistix fl-assenza ta’ notifika tal-konċentrazzjoni, iżda fl-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni qabel in-notifika tagħha. Barra minn hekk, impriża ma tistax tikser l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 mingħajr ma tikser ukoll l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament. Il-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet jimponu l-istess obbligu (jew li jipprojbixxu l-istess aġir) huwa kkorroborat ukoll mill-fatt li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprevedi li l-partijiet jistgħu jitolbu deroga mill-obbligi previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “f’kull stadju, kemm qabel in-notifika u anki wara t-transazzjoni”, u mill-assenza, f’dan ir-regolament, ta’ dispożizzjoni simili li tippermetti lill-partijiet jitolbu deroga mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

263    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

264    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-prinċipji mfakkra fil-punti 54 et seq. iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ppreżentata mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 7(1)(b) tar-regolament għandhom għanijiet awtonomi fil-kuntest tas-sistema ta’ “one-stop shop”, imsemmija fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, u li din l-ewwel dispożizzjoni tipprevedi obbligu pożittiv, li huwa istantanju, filwaqt li t-tieni dispożizzjoni tipprevedi obbligu negattiv, li huwa kontinwu.

265    Huwa għalhekk b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(1)(b) u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 “jipproteġ[u] l-istess interess ġuridiku”, “jimponu l-istess obbligu” jew “jipprojbixxu l-istess aġir”.

266    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta u tal-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi talIstati Membri

267    Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li jiġu imposti żewġ sanzjonijiet fuq l-istess persuna għall-istess fatti fil-kuntest tal-istess proċedura jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta kif ukoll il-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-kumulu ta’ liġijiet. Bejn l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, teżisti relazzjoni ta’ kunflitt apparenti jew ta’ kunflitt falz (kumulu ta’ liġijiet), peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipproteġu l-istess interess ġuridiku u jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ żewġ multi għall-istess persuna li wettqet il-ksur għall-istess aġir. Ir-rikorrenti żżid li dan huwa iktar u iktar il-każ hawnhekk peress li hija informat, fuq inizjattiva tagħha stess, lill-Kummissjoni dwar il-konċentrazzjoni ferm qabel l-iffirmar tas-SPA, u sussegwentement bagħtet talba għall-ħatra ta’ grupp inkarigat sabiex jipproċessa l-fajl tagħha tlett ijiem wara l-imsemmija firma.

268    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

269    F’dan ir-rigward, għadu kif ġie rrilevat (punt 264 iktar ’il fuq) li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandhom għanijiet awtonomi fil-kuntest tas-sistema ta’ “one-stop shop”, imsemmija fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament.

270    Il-fatt li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jsegwu għanijiet awtonomi jikkostitwixxi għalhekk element ta’ distinzjoni li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni ta’ żewġ multi distinti.

271    Huwa għalhekk b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jipproteġu l-“istess interess ġuridiku” li l-kumulu tas-sanzjonijiet huwa sproporzjonat, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, u jmur kontra l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

272    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża C‑10/18 P li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis li l-Kummissjoni setgħet timponi żewġ multi distinti skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 rispettivament (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 111).

273    Barra minn hekk, minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, diġà ġie rrilevat (ara l-punt 65 iktar ’il fuq) li l-impożizzjoni ta’ żewġ sanzjonijiet għall-istess aġir mill-istess awtorità f’deċiżjoni waħda ma tistax titqies, bħala tali, li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 343).

274    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet argument simili. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, fl-assenza, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ta’ dispożizzjoni li tkun “applikabbli prinċipalment”, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur, kif jirriżulta mid-dritt internazzjonali u mill-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, ma jistax jintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punti 117 u 118).

275    Għall-istess raġuni, l-argument ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja bbażata fuq il-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri ma jistax jintlaqa’.

276    Għaldaqstant, il-fatt li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Ottubru 2014 sabiex tavżaha bil-pjan tagħha li tikseb il-kontroll esklużiv ta’ PT Portugal (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), jiġifieri qabel id-data tal-iffirmar tas-SPA, fid‑9 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), u sussegwentement bagħtet talba għall-ħatra ta’ grupp inkarigat sabiex jipproċessa l-fajl tagħha fit‑12 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li timponi żewġ multi distinti skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 rispettivament.

277    Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. Konsegwentement, it-talbiet imressqa prinċipalment intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq it-talbiet, imqajma sussidjarjament, dwar l-ammont tal-multi

278    Insostenn ta’ dawn it-talbiet, imqajma sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka l-ħames motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-multi u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-illegalità tal-multi minħabba l-assenza ta’ negliġenza jew ta’ intenzjoni, it-tieni parti hija bbażata fuq in-natura mhux xierqa tal-multi filwaqt li l-għanijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma humiex ostakolati, it-tielet parti hija bbażata fuq in-natura illegali tal-multi minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-ammont tagħhom, ir-raba’ parti hija bbażata fuq in-neċessità li tiġi annullata jew imnaqqsa t-tieni multa imposta għall-istess fatti u l-ħames parti hija bbażata fuq l-assenza ta’ proporzjonalità tal-ammont tal-multi, li abbażi tagħha r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas il-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

1.      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-illegalità tal-multi minħabba l-assenza ta’ negliġenza jew ta’ intenzjoni

279    Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni li ksur “twettaq mill-inqas b’negliġenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 7.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li hija l-ewwel darba li arranġamenti preċedenti għall-għeluq ta’ akkwist u inklużi fi ftehim ta’ konċentrazzjoni jew li konsultazzjonijiet u skambji ta’ informazzjoni jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004. B’mod iktar preċiż, l-ewwel, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka dokument intern tar-rikorrenti ta’ April 2015 sabiex turi li hija kienet konxja mill-fatt li kien importanti li ma jkunx hemm “aġir qabel il-waqt” (gun jumping). Ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tikkwota b’mod partikolari tliet estratti minn dak id-dokument li fih hija tiddeskrivi l-gun jumping, twissi kontra l-multi kbar li jistgħu jiġu imposti u tirreferi b’mod partikolari għall-projbizzjoni li jsiru ċerti skambji ta’ informazzjoni. Minn naħa, dak id-dokument ġie wara d-data tal-ewwel ksur (obbligu ta’ notifika) u jikkoinċidi mat-tmiem tat-tieni ksur (obbligu ta’ sospensjoni) u, min-naħa l-oħra, dak id-dokument tfassal fil-kuntest ta’ proġett ieħor. It-tieni, il-Kummissjoni ma tistax issostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti inkludiet id-dispożizzjonijiet ikkontestati fis-SPA sabiex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tagħha stess, peress li persuna li wettqet ksur li aġixxiet b’intenzjoni qatt ma kienet tistipula l-klawżoli kontenzjużi fi ftehim relatati ma’ konċentrazzjoni, peress li tali ftehim ikun neċessarjament irid jiġi sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tan-notifika tal-konċentrazzjoni. It-tielet, l-assenza ta’ preċedenti twassal għall-fatt li kien impossibbli, jew fi kwalunkwe każ iktar ikkumplikat, għar-rikorrenti li tkun taf li l-aġir tagħha seta’ jikkostitwixxi ksur.

280    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

281    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ timponi multi għal ksur imwettaq “b’intenzjoni jew b’negliġenza” (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

282    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ksur twettaqx b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-impriża inkwistjoni ma tkunx tista’ tkun konxja min-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, irrispettivament minn jekk kinitx konxja li qiegħda tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 237).

283    Il-fatt li l-impriża kkonċernata kienet ikklassifikata b’mod ġuridikament żbaljat l-aġir tagħha li fuqu tkun ibbażata l-konstatazzjoni tal-ksur ma jistax ikollu bħala effett li jeżentaha mill-impożizzjoni ta’ multa sa fejn din ma setgħetx ma tkunx konxja min-natura antikompetittiva tal-imsemmi aġir. Impriża ma tistax taħrab mill-impożizzjoni ta’ multa meta l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun joriġina minn żball ta’ din l-impriża dwar il-legalità tal-aġir tagħha minħabba l-kontenut ta’ parir legali ta’ avukat (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 238).

284    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi eżaminat jekk kienx b’mod ġust li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti aġixxiet b’negliġenza billi implimentat it-tranżazzjoni bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

285    F’dan ir-rigward, peress li huwa biss fir-rigward tal-kriterju ta’ negliġenza li l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet kisret dawn id-dispożizzjonijiet, dawn l-argumenti huma ineffettivi sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li hija kienet aġixxiet b’mod intenzjonat, peress li dawn l-argumenti ma jirriflettux ir-realtà tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

286    Fil-premessi 578 sa 586 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-elementi li ġejjin sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kienet negliġenti:

–        ir-rikorrenti hija kumpannija Ewropea kbira li għandha esperjenza sinjifikattiva ta’ konċentrazzjonijiet u diġà kienet involuta fi proċeduri ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fuq livell nazzjonali;

–        dokument intern tar-rikorrenti, ta’ April 2015, isemmi li “jidher li ċerti skambji ta’ informazzjoni huma strettament ipprojbiti [skont ir-regoli dwar it-terminazzjoni bikrija ta’ konċentrazzjoni]” (li silta minnu hija riprodotta fil-punt 233 iktar ’il fuq);

–        ir-rikorrenti nnegozjat b’attenzjoni t-termini tas-SPA ma’ Oi u, skont ir-rikorrenti nnifisha, din inkludiet id-dispożizzjonijiet ikkontestati fis-SPA speċifikament sabiex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tagħha stess. Il-Kummissjoni tqis li xerrej diliġenti kien jevalwa r-riskji ta’ ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, iktar u iktar peress li, kif spjegat fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-klawżoli preparatorji jmorru ferm lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm il-valur tal-impriża mmirata;

–        kif ġie spjegat fil-punt 7.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti kienet taf jew kellha tkun taf li l-aġir deskritt fil-punti 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni kien jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ notifika jew tal-obbligu ta’ sospensjoni.

287    F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument tar-rikorrenti li d-dokument ta’ April 2015 ġie wara d-data tal-ewwel ksur u jikkoinċidi mat-tmiem tat-tieni ksur u li dan tfassal fil-kuntest ta’ proġett ieħor, minn naħa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li dak id-dokument tfassal wara li seħħ il-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u minkejja li l-ksur tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament kien beda ma jistax jagħmel imġiba diliġenti minn aġir kontenzjuż u juri li r-rikorrenti kienet taf sew bir-riskju ta’ inkompatibbiltà tal-aġir tagħha mar-Regolament Nru 139/2004.

288    Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni li dak id-dokument tfassal fil-kuntest ta’ proġett ieħor ma hijiex korretta. Fil-fatt, il-premessa 582 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 306, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn din in-nota ta’ qiegħ il-paġna jirriżulta li d-dokument ta’ April 2015, intitolat “Nota qafas dwar l-iskambji ta’ informazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ aġir qabel il-waqt”, kien marbut mad-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità, mitluba mir-rikorrenti, li permezz tagħha l-impjegati ta’ PT Portugal impenjaw ruħhom li ma jiżvelawx l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-preparazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

289    Jista’ jiġi rrilevat ukoll li dokument ieħor jikkonferma li r-rikorrenti kienet taf sew bir-riskju ta’ inkompatibbiltà tal-aġir tagħha mar-Regolament Nru 139/2004, kif jirriżulta mill-messaġġ elettroniku intern, tat‑2 ta’ April 2015, irrepetut fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 214 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata, li jindika l-biża’ li ċerti messaġġi elettroniċi skambjati ma’ PT Portugal kienu “prematuri” fil-perijodu ta’ qabel l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 234 iktar ’il fuq).

290    Fir-rigward tat-tieni argument tar-rikorrenti li hija ma setgħetx, b’mod intenzjonat, tinkludi d-dispożizzjonijiet ikkontestati fis-SPA sabiex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tagħha stess, għandu jitfakkar li l-ksur imwettaq b’negliġenza ma huwiex, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni, inqas gravi mill-ksur imwettaq b’mod intenzjonat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Electrabel vs Il‑Kummissjoni, T‑332/09, EU:T:2012:672, punt 237).

291    Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, kif għadu kif ġie rrilevat, dan l-argument huwa ineffettiv, peress li, għalkemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma eskludietx il-possibbiltà li r-rikorrenti kienet aġixxiet b’mod intenzjonat, hija finalment ikkonkludiet li hija kienet aġixxiet tal-inqas b’negliġenza meta kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

292    Fir-rigward tat-tielet argument tar-rikorrenti li, fl-assenza ta’ preċedenti, hija ma setgħetx tkun taf li l-aġir tagħha seta’ jikkostitwixxi ksur, huwa biżżejjed li jitfakkar li s-sempliċi fatt li, fil-mument li fih jitwettaq ksur, il-qrati tal-Unjoni għad ma kellhomx l-okkażjoni li jiddeċiedu speċifikament fuq aġir preċiż ma jeskludix, bħala tali, li impriża għandha, jekk ikun xieraq, tistenna li l-aġir tagħha jkun jista’ jiġi ddikjarat inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 389).

293    Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni tosserva, il-fatt li aġir bl-istess karatteristiċi kien għadu ma ġiex eżaminat f’deċiżjonijiet preċedenti ma jeżentax l-impriża mir-responsabbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 901).

294    Fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie rrilevat, jekk ir-rikorrenti kellha l-iċken dubju dwar il-kompatibbiltà tal-klawżoli preparatorji (punt 155 iktar ’il fuq), jew anki tal-aġir tagħha, mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, hija kellha tikkonsulta lill-Kummissjoni.

295    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-premessa 586 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet aġixxiet tal-inqas b’negliġenza meta hija kisret l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

296    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura mhux xierqa tal-multi filwaqt li lgħanijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma humiex ostakolati

297    Skont ir-rikorrenti, għandha ssir distinzjoni fuq il-livell tal-gravità tal-ksur bejn, minn naħa, il-ksur – allegat – li jikkonsisti fl-implimentazzjoni antiċipata ta’ konċentrazzjoni li biha l-Kummissjoni kienet ġiet informata b’mod sħiħ u, min-naħa l-oħra, il-ksur li jikkonsisti jew fl-assenza totali ta’ notifika tal-konċentrazzjoni, jew inkella fl-implimentazzjoni tagħha qabel ma l-Kummissjoni tkun informata bit-tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fl-istqarrija għall-istampa tagħha li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata ma kellu l-ebda effett fuq id-deċiżjoni tagħha li tawtorizza l-konċentrazzjoni. Għalhekk, l-għanijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx kompromessi f’dan il-każ u għalhekk ma kienx xieraq li jiġu imposti multi.

298    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

299    Għandu jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa li tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll ex ante tal-effetti ta’ konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet huwa li jiġu pprevenuti effetti ħżiena irreparabbli u permanenti fuq il-kompetizzjoni. Is-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni li teżerċita “kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skond l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni” (premessa 6 tar-Regolament Nru 139/2004) (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 498).

300    Fil-każ ta’ konċentrazzjonijiet li jqajmu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern, ir-riskji possibbli għall-kompetizzjoni marbuta ma’ implimentazzjoni prematura ma humiex l-istess bħal dawk fil-każ ta’ konċentrazzjonijiet li ma jqajmux problemi ta’ kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 499).

301    Għaldaqstant, il-fatt li konċentrazzjoni tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jirrendi l-implimentazzjoni prematura ta’ din il-konċentrazzjoni iktar serju mill-implimentazzjoni prematura ta’ konċentrazzjoni li ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni, ħlief jekk, minkejja l-fatt li din tqajjem tali dubji serji, ikun jista’ jiġi eskluż f’każ partikolari li l-implimentazzjoni tagħha fil-forma inizjalment prevista u mhux awtorizzata mill-Kummissjoni seta’ kellha effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 500).

302    F’dan il-każ, il-konċentrazzjoni, kif inizjalment innotifikata fil‑25 ta’ Frar 2015, qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

303    Dawn id-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienu jirriżultaw b’mod partikolari mis-sovrappożizzjoni bejn PT Portugal u l-attivitajiet tas-sussidjarji Cabovisão u ONI tar-rikorrenti, li dak iż-żmien kienu f’kompetizzjoni diretta ma’ PT Portugal.

304    B’hekk, mill-premessi 8 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-akkwist ta’ PT Portugal mir-rikorrenti ġie awtorizzat biss wara li din tal-aħħar ippreżentat impenji, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004, sabiex jitneħħew id-dubji serji mqajma mill-konċentrazzjoni. Dawn l-impenji kienu jikkonċernaw ċertu numru ta’ swieq fil-Portugall affettwati b’mod orizzontali, b’mod partikolari l-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija b’linja fissa, ta’ servizzi tal-internet u ta’ diversi servizzi bi ħlas fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

305    Ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

306    Barra minn hekk, fid-data tan-notifika tas-SPA, il-klawżoli preparatorji kienu diġà fis-seħħ sa mill-iffirmar tiegħu (9 ta’ Diċembru 2014), l-ewwel mis-seba’ każijiet kien diġà ġie implimentat (20 ta’ Jannar 2015) u l-ewwel laqgħa bejn ir-rikorrenti u PT Portugal kienet diġà saret (fit‑3 ta’ Frar 2015).

307    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti u PT Portugal huma kompetituri f’numru ta’ swieq (ara l-punti 188, 214 u 230 iktar ’il fuq), permezz tal-aġir tagħhom, huma kienu qegħdin jirriskjaw li jnaqqsu l-kompetizzjoni bejniethom u li jikkawżaw dannu dewwiemi għall-kompetizzjoni.

308    Konsegwentement, il-fatt li r-rikorrenti nnotifikat il-konċentrazzjoni jew ipproponiet impenji ma għandu l-ebda effett fuq il-ksur imwettaq. Anki jekk ir-rikorrenti pproponiet impenji mill-bidu, dan ma kienx jawtorizzaha timplimenta t-tranżazzjoni u dan ma jistax inaqqas il-fatt li l-imġiba tagħha kienet tikkostitwixxi ksur.

309    L-argument tar-rikorrenti li l-għanijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx kompromessi jew ostakolati għandu għalhekk jiġi miċħud.

310    Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, skont il-kliem fl-istqarrija għall-istampa tal‑24 ta’ April 2018 (IP/18/3522), “ma għandhiex effett fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ April 2015 li tawtorizza l-konċentrazzjoni skont ir-Regolament [Nru 139/2004]”. Fil-fatt, kif ġie ppreċiżat fl-imsemmija stqarrija, l-“evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dak iż-żmien kienet indipendenti mill-fatti li bihom [ir-rikorrenti] ġiet akkużata fid-deċiżjoni [kkontestata]”.

311    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

3.      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura illegali tal-multi minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-ammont tagħhom

312    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur iktar lil hinn, b’mod sinjifikattiv, mid-deċiżjonijiet preċedenti, kemm fir-rigward tal-aġir li hija tiddikjara li jmur kontra l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, kif ukoll fir-rigward tal-ammont tal-multi imposti li huwa sitt darbiet ogħla minn dak tal-multi l-iktar għolja imposti mid-deċiżjonijiet preċedenti. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi biss b’mod ġenerali ħafna l-fatturi li hija apparentement ħadet inkunsiderazzjoni (natura, gravità u tul tal-ksur) u ma tippermettix li jinftiehem il-piż approssimattiv ta’ kull wieħed minn dawn il-fatturi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi l-ebda motivazzjoni li tiġġustifika n-natura identika tal-multi minkejja d-differenza fit-tul tagħhom.

313    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

314    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tagħmel ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tadotta l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li tiġi adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 446 u l-ġurisprudenza ċċitata).

315    Fir-rigward tal-multi imposti skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004, kif ġie rrilevat fil-punt 48 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tista’ timponi multi li jilħqu 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq mill-impriżi kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament għal ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004 u għal implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament. Skont l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, “[m]eta jkun qiegħed jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom ikunu kunsidrati n-natura, l-gravità u t-tul tal-ksur”.

316    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma adottatx linji gwida li jistabbilixxu l-metodu ta’ kalkolu li hija kellha tosserva fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004 (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 449 u l-ġurisprudenza ċċitata).

317    Minn naħa, fl-assenza ta’ tali linji gwida, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkwantifika, b’mod assolut jew f’perċentwali, l-ammont bażiku tal-multa u ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jkunu possibbli (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 455 u l-ġurisprudenza ċċitata).

318    Min-naħa l-oħra, il-kuntest tal-analiżi tal-Kummissjoni għandu jkun dak tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu hija obbligata li turi b’mod ċar u inekwivoku fid-deċiżjoni kkontestata l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 450 u l-ġurisprudenza ċċitata).

319    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 568 sa 599 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat liema kienu n-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur.

320    B’mod iktar preċiż, fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessi 568 sa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet li dan kien ksur serju minħabba l-fatt li, l-ewwel, dan seta’ jippreġudika l-effikaċja tar-Regolament Nru 139/2004, it-tieni, il-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kien twettaq indipendentement mill-eżitu pożittiv tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet imwettaq mill-Kummissjoni u, it-tielet, il-leġiżlatur kien qies li l-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 seta’ jkun serju daqs il-ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE bl-iffissar tal-istess ammont massimu għall-multi.

321    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessi 578 sa 594 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li kellu jkun hemm teħid inkunsiderazzjoni, l-ewwel, tal-fatt li l-ksur kien twettaq tal-inqas b’negliġenza u, it-tieni, tar-riskji antikompetittivi marbuta mal-implimentazzjoni bikrija ta’ tranżazzjoni li qajmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

322    Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessi 595 sa 599 tad-deċiżjoni kkontestata, spjegat li ż-żewġ istanzi ta’ ksur kellhom jiġu ttrattati separatament: minn naħa, il-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 bħala ksur instantanju mwettaq fid-data tal-iffirmar tas-SPA (9 ta’ Diċembru 2014) u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 li beda fid‑9 ta’ Diċembru 2014 u kompla sad-data tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (20 ta’ April 2015).

323    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat il-fatturi elenkati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 139/2004, jiġifieri n-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur. F’dan il-kuntest, hija wriet b’mod ċar u inekwivoku l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, u b’hekk ippermettiet lir-rikorrenti li tiddefendi ruħha u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

324    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura identika tal-ammont tal-multi minkejja d-differenza fit-tul tagħhom, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, loġikament, ma jistax isir paragun bejn it-tul ta’ ksur kontinwu u ksur instantanju, peress li dan tal-aħħar ma għandux tul ta’ żmien.

325    Għaldaqstant hemm lok li t-tielet parti tal-ħames motiv tiġi miċħuda.

4.      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-neċessità li tiġi annullata jew imnaqqsa t-tieni multa imposta għall-istess fatti

326    Ir-rikorrenti ssostni li t-tieni multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata jew imnaqqsa b’mod sinjifikattiv skont il-prinċipju tad-dritt Ġermaniż ta’ “teħid inkunsiderazzjoni” (Anrechnungsprinzip) li jgħid li kull multa imposta għall-istess fatti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tieni multa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-multa imposta għal wieħed miż-żewġ istanzi ta’ ksur fl-iffissar tal-multa għall-ksur l-ieħor.

327    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

328    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-prinċipju ta’ imputazzjoni ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha jiġu imposti diversi sanzjonijiet f’deċiżjoni waħda, anki jekk dawn is-sanzjonijiet jiġu imposti għall-istess fatti (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 344).

329    Minn dan jirriżulta li ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ta’ waħda mill-multi fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa l-oħra.

330    Għalhekk, hemm lok li r-raba’ parti tal-ħames motiv tiġi miċħuda.

5.      Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ proporzjonalità tal-multi

331    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-multi imposti mill-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti minn dawn l-artikoli.

a)      Fuq in-natura illegali tal-multi fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

332    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu. B’hekk jirriżulta li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, jiġifieri fir-rigward tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża għall-ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat għall-ksur, evalwat kollu kemm hu, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, tal-gravità ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 580 u l-ġurisprudenza ċċitata).

333    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel, li l-ammont tal-multi huwa sproporzjonat fid-dawl tad-daqs tal-impriża u tal-multa imposta mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Electrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑332/09, EU:T:2012:672). It-tieni, l-ammont tal-multi huwa sproporzjonat fid-dawl tat-tul tal-ksur, kemm minħabba l-fatt li l-ksur instantanju fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa manifestament sproporzjonat sa fejn dan huwa tal-istess ammont bħall-multa imposta għall-ksur tal-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, li dam erba’ xhur u ħdax‑il jum, kif ukoll fid-dawl tat-tul tal-ksur jekk dan ikun ipparagunat ma’ dak tal-multi imposti f’każijiet preċedenti, bħal dawk li taw lok għas-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Electrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑332/09, EU:T:2012:672), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753). It-tielet, il-multi imposti huma sproporzjonati sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, in-natura kompletament ġdida tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-“assenza ta’ kwalunkwe preċedent preċiż li jikkonċerna ftehim ta’ konċentrazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 612 tad-deċiżjoni kkontestata).

334    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

335    L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ammont tal-multi huwa sproporzjonat fid-dawl tad-daqs tal-impriża u tal-multa imposta mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni C(2009) 4416 final tal‑10 ta’ Ġunju 2009 li timponi multa għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (Każ COMP/M.4994 – Electrabel/Compagnie Nationale du Rhône), għandu jitfakkar li l-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li żżid dan il-livell fil-limiti indikati fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni titlob li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument taġġusta l-livell tal-multi skont il-ħtiġijiet ta’ din il-politika (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 603 u l-ġurisprudenza ċċitata).

336    Barra minn hekk, peress li l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem bħala talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi imposti fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra għandhom biss natura indikattiva f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju, peress li ma tantx huwa probabbli li ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punti 201 u 205; tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 60, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Caffaro vs Il‑Kummissjoni, T‑192/06, EU:T:2011:278, punt 46).

337    Madankollu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħalma għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jiġi pprovat li l-fatti ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu paragunabbli ma’ dawk fil-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punti 261 u 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

338    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova intiża sabiex turi li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni C(2009) 4416 final tal‑10 ta’ Ġunju 2009 (Każ COMP/M.4994 – Electrabel/Compagnie Nationale du Rhône) u dawk ta’ din il-kawża huma paragunabbli, u lanqas ma ssostni dan il-fatt.

339    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, “fil-kawża Electrabel […] il-Qorti Ġenerali qieset li multa ta’ EUR 20 miljun imposta fuq impriża li tagħmel dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ EUR 47.5 biljun kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li din kienet tikkorrispondi għal 0.04 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp”, ma hijiex korretta, peress li, f’dik il-kawża, ma kienx il-“grupp” li kien ġie kkundannat iħallas multa, iżda l-kumpannija Electrabel. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 282 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Electrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑332/09, EU:T:2012:672), il-multa imposta fuq ir-rikorrenti kienet tikkorrispondi għal 0.13 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Il-paragun bejn l-ammont tal-multa u d-dħul mill-bejgħ tal-“grupp” biss, minflok ma jiġi pparagunat ukoll mad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkundannata għall-ħlas tal-multa huwa għalhekk qarrieqi, iktar u iktar peress li, fil-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni C(2009) 4416 final tal‑10 ta’ Ġunju 2009 (Każ COMP/M.4994 – Electrabel/Compagnie Nationale du Rhône), il-multa ġiet imposta biss għal ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4064/89.

340    Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, l-ammont totali tal-multa imposta għaż-żewġ istanzi ta’ ksur jirrappreżenta madwar 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti għall‑2017.

341    Issa, kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), l-ammont globali taż-żewġ multi imposti skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kien jikkorrispondi għal madwar 1 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata.

342    Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti li jikkonsisti fit-tqabbil tal-multi li ġew imposti fuqha ma’ dawk deċiżi fil-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni C(2009) 4416 final tal‑10 ta’ Ġunju 2009 (Każ COMP/M.4994 – Electrabel/Compagnie Nationale du Rhône) fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ma jistax ikun utli għall-kawża tagħha u għalhekk għandu jiġi miċħud.

343    It-tieni, fir-rigward, minn naħa, tal-argument tar-rikorrenti li l-ammont tal-multi huwa sproporzjonat fir-rigward tat-tul tal-ksur, peress li l-multi imposti għall-ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 huma identiċi, kif diġà ġie rrilevat f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni (ara l-punt 324 iktar ’il fuq), ma jistax isir paragun bejn it-tul ta’ ksur kontinwu u ksur instantanju, peress li dan tal-aħħar ma għandux tul ta’ żmien.

344    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-argument tar-rikorrenti li l-ammont tal-multi huwa sproporzjonat fid-dawl tat-tul tal-ksur meta mqabbel mal-multi imposti f’kawżi preċedenti bħal dawk li taw lok għas-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Electrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑332/09, EU:T:2012:672), u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (T‑704/14, EU:T:2017:753), għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova intiża li turi li ċ-ċirkustanzi tal-imsemmija kawżi u ta’ din il-kawża huma paragunabbli f’dan ir-rigward, u lanqas ma ssostni dan il-fatt.

345    Għaldaqstant, l-argument dwar it-tul tal-ksur għandu wkoll jiġi miċħud.

346    It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura allegatament kompletament ġdida tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-argument ma huwiex korrett, peress li, kif diġà ġie rrilevat, il-Kummissjoni diġà kellha l-okkażjoni li tissanzjona impriża talli implimentat konċentrazzjoni qabel ma din ġiet innotifikata u ddikjarata kompatibbli (ara l-punt 142 iktar ’il fuq).

347    Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, diġà ġie rrilevat (ara l-punt 292 iktar ’il fuq) li s-sempliċi fatt li, fil-mument li fih jitwettaq ksur, il-qrati tal-Unjoni għad ma kellhomx l-okkażjoni li jiddeċiedu speċifikament fuq aġir preċiż ma jeskludix, bħala tali, li impriża għandha, jekk ikun xieraq, tistenna li l-aġir tagħha jkun jista’ jiġi ddikjarat inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 389).

348    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma hija bl-ebda mod obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li aġir li għandu eżattament l-istess karatteristiċi bħal dawk ta’ dak inkwistjoni għadu ma tax lok għall-impożizzjoni ta’ multa (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 640).

349    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq in-natura allegatament kompletament ġdida tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud ukoll.

b)      Fuq it-talba għal tnaqqis tal-multi

350    Minn naħa, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, sabiex tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità ggarantit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, tnaqqas, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-multi imposti mill-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk hija tqis li jew l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim dwar it-tranżazzjoni li huma s-suġġett tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, jew il-każijiet imsemmija fil-punt 4.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, jew it-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt 4.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwixxux implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

351    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li tali tnaqqis jista’ jsir ukoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti l-elementi mressqa fil-ħames parti tal-ħames motiv, jiġifieri d-daqs tal-impriża ssanzjonata, it-tul, in-natura u l-gravità tal-ksur, kif ukoll l-assenza ta’ preċedenti.

352    Preliminarjament, għandu jitfakkar li huwa biss wara li l-qorti tal-Unjoni tkun temmet l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni sottomessa lilha, fid-dawl tal-motivi li jkunu tressqu quddiemha kif ukoll ta’ dawk li, jekk ikun il-każ, tkun qajmet ex officio, li hija tista’, fl-assenza ta’ annullament totali ta’ dik id-deċiżjoni, teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex, minn naħa, tislet il-konsegwenzi tal-ġudizzju tagħha dwar il-legalità ta’ dik l-istess deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, skont il-provi li jkunu ġew prodotti għall-eżami tagħha, tiddetermina jekk hemmx lok, fid-data li fiha hija tadotta d-deċiżjoni tagħha, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha nnifisha għal dik tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-ammont tal-multa jkun xieraq (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, T‑486/11, EU:T:2015:1002, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Lulju 2019, Hitachi‑LG Data Storage u Hitachi‑LG Data Storage Korea vs Il‑Kummissjoni, T‑1/16, EU:T:2019:514, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

353    Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa dwar ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagamenti ta’ penalità; din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 581 u l-ġurisprudenza ċċitata).

354    F’dan ir-rigward, minkejja li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u minkejja li l-proċedura hija kontradittorja, il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma huwiex fi proporzjon mal-gravità u mat-tul tal-ksur (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

355    Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina l-ammont tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

356    Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tispjega b’mod iddettaljat il-fatturi li hija tieħu inkunsiderazzjoni meta tiffissa l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 52).

357    L-ewwel, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali tnaqqas, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-multi jekk hija tqis li jew l-arranġamenti preċedenti għall-għeluq tal-ftehim dwar it-tranżazzjoni li huma s-suġġett tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, jew il-każijiet imsemmija fil-punt 4.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, jew it-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt 4.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwixxux implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-klawżoli preparatorji kienu taw lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq l-attività ta’ PT Portugal bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punti 108 et seq. iktar ’il fuq), li dawn id-dispożizzjonijiet kontenzjużi kienu ġew implimentati diversi drabi bi ksur tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara l-punti 173 et seq. iktar ’il fuq) u li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu kkontribwixxew sabiex juru li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq ċerti aspetti tal-attività ta’ PT Portugal (ara l-punti 221 et seq. iktar ’il fuq) bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, l-eżami tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jurix li l-multi imposti mill-Kummissjoni ma humiex adegwati u għandhom jitnaqqsu.

358    Anki jekk jitqies li l-ħames każ ma jurix implimentazzjoni tat-tranżazzjoni (ara l-punt 205 iktar ’il fuq) bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, tali ċirkustanza ma tistax tqiegħed din il-konklużjoni f’dubju.

359    Issa, il-każijiet l-oħra juru tali implimentazzjoni tat-tranżazzjoni b’mod suffiċjenti b’tali mod li l-possibbiltà li dan il-ħames każ ma huwiex illegali ma tistax tqiegħed f’dubju n-natura adegwata tal-multa imposta għall-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

360    It-tieni, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriża ssanzjonata, it-tul, in-natura u l-gravità tal-ksur u l-assenza ta’ preċedenti bħala ċirkustanza attenwanti, mill-eżami tal-ħames parti jirriżulta li l-argumenti dwar id-daqs tal-impriża ssanzjonata, it-tul tal-ksur u l-allegata assenza ta’ preċedenti għandhom jiġu miċħuda (ara l-punti 335 sa 349 iktar ’il fuq).

361    F’dak li jirrigwarda n-natura tal-ksur, ir-rikorrenti ma żviluppat l-ebda argument f’dan ir-rigward.

362    Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, preliminarjament għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 266, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il‑Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 436).

363    Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina l-ammont tal-multa li jkun proporzjonat, fir-rigward tal-kriterji li hija tqis adegwati, għall-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u li jkun ukoll suffiċjentement dissważiv.

364    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-raba’ motiv (ara l-punt 267 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti enfasizzat li hija kienet, fuq inizjattiva tagħha stess, informat lill-Kummissjoni bil-konċentrazzjoni fil‑31 ta’ Ottubru 2014 (punt 6 iktar ’il fuq), jiġifieri sew qabel l-iffirmar tas-SPA fid‑9 ta’ Diċembru 2014 (punt 3 iktar ’il fuq), u sussegwentement bagħtet talba għall-ħatra ta’ grupp inkarigat sabiex jipproċessa l-fajl tagħha fit‑12 ta’ Diċembru 2014 (punt 7 iktar ’il fuq).

365    Għaldaqstant, għalkemm tali argument ġie miċħud, fil-kuntest tar-raba’ motiv, sa fejn dan kellu, skont ir-rikorrenti, iwassal lill-Kummissjoni sabiex ma timponix żewġ multi distinti fuqha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 134/2009.

366    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li anki jekk is-SPA ġie ffirmat fid‑9 ta’ Diċembru 2014 (punt 3 iktar ’il fuq), jekk l-ewwel u r-raba’ każ ta’ implimentazzjoni bdew, rispettivament, fl‑20 ta’ Jannar (punt 181 iktar ’il fuq) u fl‑10 ta’ Frar 2015 (punt 199 iktar ’il fuq) u jekk l-ewwel laqgħa ta’ skambju ta’ informazzjoni saret fit‑3 ta’ Frar 2015 (punt 240 iktar ’il fuq), jiġifieri f’dati qabel in-notifika tas-SPA fil‑25 ta’ Frar 2015 (punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet diġà ġiet informata bil-proġett ta’ konċentrazzjoni, peress li r-rikorrenti kienet informatha dwar dan il-proġett fil‑31 ta’ Ottubru 2014 u saret laqgħa fil‑5 ta’ Diċembru 2014 bejnha u r-rikorrenti.

367    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm għadda perijodu ta’ xahrejn u nofs bejn id-data tal-iffirmar tas-SPA u d-data tan-notifika tal-proġett ta’ konċentrazzjoni, matul dan il-perijodu, kif tenfasizza r-rikorrenti, din tal-aħħar, tlett ijiem wara l-iffirmar tas-SPA, bagħtet lill-Kummissjoni talba għall-ħatra ta’ grupp inkarigat sabiex jipproċessa l-fajl tagħha (punt 7 iktar ’il fuq) u, fit‑3 ta’ Frar 2015, issottomettiet lill-Kummissjoni abbozz ta’ formola ta’ notifika li tinkludi kopja tas-SPA fost l-annessi tagħha (punt 9 iktar ’il fuq).

368    Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont tal-multa impost minħabba l-ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jitnaqqas b’10 %.

369    Għaldaqstant, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bi ksur tal‑Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi ffissat għal EUR 56 025 000 u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

370    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 134(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

371    F’dan il-każ, għalkemm it-talbiet imressqa b’mod prinċipali mir-rikorrenti ġew miċħuda, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iddeċidiet, konformement mat-talba espressa mir-rikorrenti, li tnaqqas il-multa imposta skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll 80 % ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

372    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Altice Europe NV mill-Artikolu 4 tadDeċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 2418 final tal24 ta’ April 2018 li timponi multa għall-implimentazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (Każ M.7993 – Altice vs PT Portugal), għal ksur talArtikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, huwa ffissat għal EUR 56 025 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Altice Europe hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll 80 % ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Settembru 2021.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.