Language of document : ECLI:EU:T:2006:329

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

19 ta' Ottubru 2006(*)

“Uffiċjali − Promozzjoni − Proċedura ta’ promozzjoni 2003 − Għoti ta’ punti ta’ prijorità”

Fil-kawża T‑311/04,

José Luis Buendía Sierra, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (Il-Belġju), irrappreżentat minn M. van der Woude u V. Landes, Avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Berscheid u V. Joris, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck, Avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament:

–        tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tas-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrent punt wieħed biss ta’ prijorità tad-Direttorat Ġenerali, skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, ikkomunikata fit-2 ta’ Lulju 2003, ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra nnotifikata fis-16 ta’ Diċembru 2003;

–        tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra li ma tagħtix lir-rikorrent ebda punt ta’ prijorità speċjali għal attivitajiet supplimentari fl-interess ta’ l-istituzzjoni skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, innotifikata permezz tas-sistema Sysper 2 fis-16 ta’ Diċembru 2003;

–        tad-deċiżjonijiet segwenti: id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra li tagħti lir-rikorrent total ta’ 20 punt skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003; il-lista ta' mertu ta’ l-uffiċjali tal-grad A 5 skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69‑2003, tat-13 ta’ Novembru 2003; il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 u ppubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 73‑2003, tas-27 ta’ Novembru 2003; fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni li isem ir-rikorrent ma jiġix inkluż fl-imsemmija listi;

–        safejn neċessarju, tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra, tal-15 ta’ Ġunju 2004, li tiċħad l-ilment tiegħu mressaq fit-12 ta’ Frar 2004,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, kif kienu fis-seħħ fil-mument tal-fatti (iktar ’il quddiem ir-"Regolamenti ta’ l-Istaff"), fih l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 26 li jgħidu hekk:

"Il-fajl personali ta’ uffiċjal għandu jkun fih: 

(a)      id-dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv tiegħu u r-rapporti kollha relatati ma’ l-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu;

(b)      kull kumment mill-uffiċjal dwar it-tali dokumenti.

Id-dokumenti għandhom ikunu reġistrati, numerati u merfugħa f’serje; id-dokumenti msemmija fis-subparagrafu (a) ma jistgħux jintużaw jew ikunu kkwotati mill-istituzzjoni kontra uffiċjal [dokumenti msemmija fis-subparagrafu (a)] sakemm ma kinux kkomunikati lilu qabel ma kienu ffajljati."

2        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jgħid hekk:

"L-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fil-gradi A 1 u A 2, għandhom ikunu suġġetti għal rapport perijodiku magħmul mill-anqas darba kull sentejn kif provdut għal kull istituzzjoni skond l-Artikolu 110."

3        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jgħid hekk:

"Promozzjoni għandha tkun b’deċiżjoni ta’ l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra. Tkun effettwata b’ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmis fil-kategorija jew is-servizz li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perijodu minimu fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-merti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni u tar-rapporti dwarhom."

4        Fit-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni SEC (2001) 1697 dwar "rapport ta’ żvilupp tal-karriera" (evalwazzjoni tal-persunal) u [dwar] promozzjonijiet. F'din il-komunikazzjoni, hija tindika l-orjentazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-politika tal-persunal, sabiex "torbot l-evoluzzjoni tal-karriera ma’ l-evalwazzjoni tar-riżultati pprovduti mill-impjegat u tal-potenzal tiegħu". Hija tgħid b’mod partikolari li l-"karatteristika prinċipali [tas-sistema l-ġdida tal-promozzjoni] ser tkun, li tkun ibbażata fuq il-mertu". Il-Kummissjoni żżid tgħid li dan il-"mertu huwa kunċett dinamiku u kumulattiv (‘kapital’) […] Huwa kkwantifikat permezz ta’ sistema ta’ punti. Wara ċertu żmien (skond il-mertu akkumulat), il-‘kapital’ tal-punti jagħti lil uffiċjal id-dritt li jkun propost għal promozzjoni għal grad għola". Il-Kummissjoni tippreċiża li "n-noti u l-evalwazzjonijiet riċevuti fil-kuntest […] [t]ar-rapporti ta’ evoluzzjoni tal-karriera jikkorrispondu għall-punti ta’ mertu" (iktar ’il quddiem il-"PM") li magħhom jiġu miżjuda l-punti ta’ prijorità (iktar ’il quddiem il-"PP"). Il-Kummissjoni ssostni li "l-għoti ta’ [dawn il-PP] għandu dejjem ikun iġġustifikat bil-miktub fuq il-bażi ta’ argumenti marbuta mal-mertu". Huma "intiżi sabiex jirrikumpensaw lill-uffiċjali meqjusa li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi sabiex maż-żmien iżidulhom il-possibbiltajiet ta’ promozzjoni jew jippermettulhom minn issa 'l quddiem li jingħataw promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni li tkun għaddejja". Il-Kummissjoni tippreċiża li "[l]-għoti ta’ [PP] għandu wkoll ikun iġġustifikat minn evalwazzjonijiet miktuba b’mod dettaljat". Hija żżid tgħid li "[l]-[PP] ikunu mogħtija skond ġerarkija ta’ kriterji li għandhom l-għan li jiddeċiedu liema persunal jistħoqqlu l-aktar". Skond il-Kummissjoni, "[il]-kriterju fundamentali huwa paragun tal-merti fi ħdan id-[Direttorat Ġenerali] kollu kemm hu, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-potenzjal tal-persuna (fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni oġġettiva tal-livell tax-xogħol u tal-kompetenzi murija)". Il-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq il-fatt li "s-sistema hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tassigura l-għola livell possibbli ta’ koerenza ta’ l-evalwazzjonijiet bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni". Fl-aħħar nett, hija tippreċiża li "loġikament hija wkoll intiża sabiex tassigura li r-ritmu li bih jingħataw il-promozzjonijiet lill-membri kollha tal-persunal ta’ Direttorat Ġenerali partikolari jkun jista' jitqabbel ma' dak ta' Direttorat Ġenerali ieħor".

5        Fis-26 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar id-dispożizzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff (iktar ’il quddiem id-"DĠI 43" u d-"DĠI 45").

6        Skond l-Artikolu 1(1) tad-DĠI 43, rapport perijodiku, imsejjaħ rapport ta’ żvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-"RŻK"), "huwa stabbilit kull sena għal dak li jikkonċerna l-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz għal kull membru permanenti tal-persunal […]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 2(1) tad-DĠI 43 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ PM u ta' PP għall-finijiet tad-DĠI 43 u d-DĠI 45. Skond it-tieni sal-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 2(1) tad-DĠI 43:

"Kemm il-[PM] kif ukoll il-[PP] għandhom l-għan li jirrikumpensaw il-mertu u l-għoti tal-[PP] għandu jkunu dejjem iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-mertu.

Il-[PM] huma dawk li jirriżultaw minn noti u evalwazzjonijiet ta’ rapport ta’ żvilupp tal-karriera.

Il-[PP] huma dawk li jistgħu jkunu mogħtija:

(a)      mid-Diretturi Ġenerali (għall-persunal A/LA) [...] lill-membri tal-persunal li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi, wara li r-rapporti ta’ żvilupp tal-karriera jkunu ġew stabbiliti fid-[Direttorat Ġenerali] jew fis-servizz ikkonċernat. Il-kriterji ta’ għoti huma definiti fl-Artikolu 6 tad-[DĠI 45];

(b)      mill-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra, fuq rakkomandazzjoni tal-kumitati ta’ promozzjoni, lill-membri tal-persunal li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi, li jaċċettaw li jwettqu kompiti supplimentari fl-interess ta’ l-istituzzjoni. Il-kriterji ta’ għoti huma definiti fl-Artikolu 9 tad-[DĠI 45];

(ċ)      mill-Awtorità tal-Ħatra, fuq rakkomandazzjoni tal-kumitati ta’ promozzjoni, bħala risposta għar-rikors imressaq kontra l-għoti ta’ [PP], skond l-Artikolu 13(2) tad-[DĠI 45].

Il-[PM] bħall-[PP] huma kapitalizzati matul is-snin. Wara promozzjoni, in-numru ta’ punti jikkorrispondi għall-kwota ta’ promozzjoni hu mnaqqas; id-differenza eventwali hija miżmuma għall-eżerċizzju segwenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skond l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 tat-3 ta’ Diċembru 2002, dwar l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-persunal 2001‑2002 (tranżizzjoni), "fl-evalwazzjoni [tiegħu], kull uffiċjal jirċievi marka globali bejn [0] u [20] minn [20]". Dik il-marka hija mbagħad ikkonvertita f’PM li jintużaw għall-finijiet tal-promozzjoni. Mill-istess Informazzjoni Amministrattiva jirriżulta li n-numru ta’ PM jikkorrispondi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, għall-marka globali ta’ evalwazzjoni.

9        L-Artikolu 3 tad-DĠI 45 jipprovdi li l-uffiċjali jistgħu jkunu promossi biss "wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-merti mqabbla ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni". Minn dan l-artikolu jirriżulta li "[l]-ewwel element li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni huwa għalhekk in-numru ta’ [PM] u ta’ [PP] li kull uffiċjal ikun kiseb f’dik is-sena jew fis-snin preċedenti". Il-Kummissjoni żżid tgħid li "kunsiderazzjonijiet oħra aċċessorji jistgħu jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1) [tad-DĠI 45,] sabiex jiġi deċiż bejn l-uffiċjali li bħala total ikollhom l-istess numru ta’ [PM] u ta’ [PP]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 4 tad-DĠI 45 jipprovdi li:

"Il-proċedura ta’ promozzjoni tinkludi ż-żewġ fażijiet segwenti:

(a)       l-għoti tal-[PP] mid-Direttorati Ġenerali, imbagħad mill-kumitati ta’ promozzjoni definiti fl-Artikolu 14, skond il-metodi previsti fl-Artikoli 6, 7 u 9;

(b)      il-proċedura ta’ promozzjoni hekk deskritta fl-Artikolu 10." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skond l-Artikolu 6 tad-DĠI 45, id-Diretturi Ġenerali jew id-diretturi jqassmu l-PP li jkunu għad-dispożizzjoni ta’ kull Direttorat Ġenerali (iktar ’il quddiem il-"PPDĠ"), wara konsultazzjoni tal-kumitati konġunti ta’ evalwazzjoni.

12      Mill-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 jirriżulta li, fid-dawl ta’ din id-distribuzzjoni, "kull Direttorat Ġenerali jkollu [...] kwota ta’ [PP] ekwivalenti għal 2.5 darba tan-numru ta’ uffiċjali li jkunu eliġibbli għal promozzjoni tenut kont tal-grad tagħhom, u li jokkupaw kariga fl-imsemmi Direttorat Ġenerali". Madankollu, mill-istess dispożizzjoni u mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 jirriżulta li d-Direttorati Ġenerali li l-medja tal-PM tagħhom, għal grad partikolari, jabeż il-medja ta’ 14 minn 20 b'aktar minn punt titnaqqsilhom il-kwota tagħhom ta’ PP b’ammont li jikkorrispondi eżattament għall-kumplament. Madankollu, id-Direttorati Ġenerali jistgħu jiġġustifikaw din id-differenza u l-kumitati ta’ promozzjoni jistgħu jiddeċiedu, f’każ eċċezjonali, li jannullaw dak it-tnaqqis kollu jew parti minnu.

13      L-Artikolu 6(2) tad-DĠI 45 jipprovdi li, "għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ [PP], id- Diretturi Ġenerali u d-diretturi jiltaqgħu fil-bidu tas-sena għand kull Direttorat Ġenerali sabiex jiftehmu fuq il-kriterji li jirregolaw il-qsim tal-kwota tal-[PP] bejn id-direttorati". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Skond l-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45:

"Wara li jkunu eżaminaw ir-riżultati tar-[RŻK], id-diretturi ġenerali, fuq proposta tad-diretturi tagħhom għall-persunal A […] jagħtu l-[PP] lill-uffiċjali meqjusa li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi, b’mod partikolari:

(i)      għaliex ikkontribwew għall-kisba tar-riżultati, fil-kuntest tal-program ta’ ħidma tad-direttorat/direttorat ġenerali, li jmorru lil hinn mill-għanijiet individwali tagħhom, inkluż billi jgħinu lil unitajiet oħra;

(ii)      għaliex wettqu sforzi partikolari u kisbu riżultati notevoli fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, kif muri mir-[RŻK] tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-Artikolu 6(4) tad-DĠI 45 jipprovdi li, "sabiex issir distinzjoni bejn il-persunal":

"(a)      50 % tal-[PP] li jifformaw parti mill-kwota tad-direttorat ġenerali huma maqsuma bejn l-uffiċjali li huma l-aktar effiċjenti, li taw prova tal-mertu eċċezzjonali tagħhom billi ssodisfaw il-kriterji previsti fil-paragrafu 3(i) u (ii). Dawn l-uffiċjali jirrappreżentaw approssimativament 15 % ta’ l-impjegati tad-direttorat ġenerali għal kull grad. Kull uffiċjal jiġi mogħti bejn 6 u 10 punti.

(b)      Il-50 % tal-punti li jkun għad fadal huma diviżi bejn l-uffiċjali l-oħra meqjusa li jistħoqqilhom fid-dawl tal-kriterji previsti fil-paragrafu 3(i) u (ii) u li jingħataw minn 0 sa 4 punti għal kull individwu.

Il-[PP] li uffiċjal jista’ jibbenefika minnhom jista’ jaqgħu biss f’wieħed mill-każijiet previsti msemmija iktar ’il fuq. Konsegwentement, in-numru massimu tal-[PP] li l-istess uffiċjal [jista’] jiġi mogħti f’kull proċedura ta’ promozzjoni huwa ta’ 10". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 8 tad-DĠI 45 jipprovdi li meta l-PP ġew mogħtija skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 6, id-direttorat ġenerali (DĠ) "Persunal u amministrazzjoni" għandu jistabbilixxi l-listi ta' mertu ta’ l-uffiċjali għal kull grad ikkonċernat u skond l-ordni tal-punti, għandu jippubblikahom fuq l-intranet u jikkomunikahom lill-persunal kollu. Fuq dawn il-listi għandhom jidhru l-ismijiet ta’ l-uffiċjali li ma jkunx jonqoshom aktar minn 5 punti sabiex jilħqu l-kwota tal-promozzjoni u l-isem ta’ dawk li laħqu jew qabżu din il-kwota.

17      Skond l-Artikolu 13(1) tad-DĠI 45, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta' mertu pprovduta fl-Artikolu 8 tad-DĠI 45, l-uffiċjali jistgħu jippreżentaw appell mid-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-PP quddiem il-Kumitat tal-Promozzjoni (iktar ’il quddiem l-"appell intern"). Skond l-Artikolu 13(2) tad-DĠI 45, "fl-eżami ta’ kull każ, jekk il-Kumitat tal-Promozzjoni jikkunsidra jkun xieraq, huwa jista’ jipproponi l-għoti ta’ ċertu numru ta’ [PP]. Fl-opinjoni motivata tiegħu, il-Kumitat tal-Promozzjoni jagħmel rakkomandazzjoni indirizzata lill-[Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra,]" li tiddeċiedi l-għoti eventwali tal-PP supplimentari li n-numru tagħhom huwa ppubblikat (iktar ’il quddiem il-"punti ta’ prijorità ta’ appell jew PPA"). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Skond l-Artikolu 9(1) tad-DĠI 45, il-Kumitati ta’ Promozzjoni huma min-naħa l-oħra responsabbli li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-"Awtorità tal-Ħatra") fir-rigward ta’ l-għoti tal-PP bħala rikonoxximent tal-kompiti supplimentari mwettqa fl-interess ta’ l-istituzzjoni (iktar ’il quddiem il-"PPKS"). Dawn il-kompiti huma enumerati fl-anness I ta’ l-imsemmi DĠI.

19      L-Artikolu 12 tad-DĠI 45 isemmi dispożizzjonijiet tranżitorji għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003, sabiex "il-mertu jkun jista’ jiġi debitament meħud in kunsiderazzjoni f’dan iż-żmien". Din id-dispożizzjoni, fil-paragrafu 3 tagħha, tipprovdi tliet kategoriji ta’ PP tranżitorji (iktar ’il quddiem il-"PPT"):

"(a)      il-[PPT] huma mogħtija lill-uffiċjali fuq il-bażi ta’ punt għal kull sena li jaħdmu b’dak il-grad, sakemm jammontaw għal massimu ta’ 7 punti. Minbarra dan, il-Kumitati ta’ Promozzjoni jipprovdu kwota ta’ [PPT] li tikkorrispondi għal 0.25 punt għal kull uffiċjal, punti li huma jistgħu jagħtu sa ammont massimu ta’ 2 punti għal kull uffiċjal.

(b)      il-[PP] speċjali supplimentari jistgħu jkunu mogħtija mid-direttorati ġenerali sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-uffiċjali proposti fl-eżerċizzju preċedenti, iżda mhux promossi [...] " (iktar ’il quddiem l-"uffiċjali mhux promossi"). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Skond l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 18‑2003, tas-17 ta’ Frar 2003 (Promozzjonijiet 2003 – Kategoriji A, LA, B, C u D – Baġit ta’ l-Operat – Il-kumplament tal-proċedura ta’ promozzjoni 2002), u l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 34‑2003, tat-2 ta’ Mejju 2003 (Proċedura ta’ promozzjoni 2003), punt III, 4 PP speċjali supplimentari (iktar ’il quddiem il-"PPSS") jistgħu jiġu assenjati għal massimu.

21      L-Artikolu 10 tad-DĠI 45 jipprovdi dan li ġej:

"1. Meta l-proċedura deskritta fl-Artikolu 9 tkun twettqet sa l-aħħar, il-Kumitati ta’ Promozzjoni previsti fl-Artikolu 14 iltaqgħu sabiex jeżaminaw il-lista ta' mertu u jifformulaw proposti fejn [jagħmlu għażla] fost il-grupp ta’ uffiċjali li jilħqu l-kwota ta' promozzjoni, iżda li n-numru tagħhom jaqbeż il-possibbiltajiet reali ta’ promozzjoni (grupp ta’ ex æquo). F’din l-għażla magħmula minn fost l-uffiċjali li għandhom numru ekwivalenti ta’ punti, il-kumitati jieħdu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari elementi bħas-senjorità fil-grad u tal-kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-ugwaljanza ta’ l-opportuntajiet. Dak l-eżerċizzju għandu jibda l-aktar tard fil-15 ta’ Mejju. Il-kumitati huma marbuta li jiġġustifikaw il-proposti tagħhom u li jippreżentawhom lill-[Awtorità tal-Ħatra]. Il-lista ta' mertu li fiha dawk il-proposti għandha tiġi ppubblikata fl-intranet. Għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali li n-numru tagħhom ta’ punti jikkoinċida mal-kwota ta' promozzjoni, dik il-lista tagħmel distinzjoni bejn l-partijiet interessati skond dak li ġie u dak li ma ġiex propost mill-Kumitat tal-Promozzjoni.

2. Il-promozzjoni ta’ uffiċjal hija suġġetta għall-kundizzjoni li dak ikun ġabar ta' l-inqas 10 [PM] fir-rapport tiegħu ta’ żvilupp tal-karriera ta’ l-aħħar proċedura ta’ evalwazzjoni [...]

3. F’Ġunju, fuq il-bażi tal-proposti tal-kumitati ta’ promozzjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] tiddeċiedi liema huma l-uffiċjali li għandhom jiġu promossi f’kull grad. F’kull promozzjoni, il-kwota ta’ referenza hija mnaqqsa mill-kreditu tal-punti ta’ l-uffiċjali promossi u d-differenza hija kkonservata għas-snin segwenti.

4. F’Lulju, id-DĠ ‘Persunal u amministrazzjoni’ għandu jippubblika l-lista tal-persunal promoss." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      L-Artikolu 14(1) u ( 2) tad-DĠI 45 jipprovdi li:

"1. Ħames kumitati ta’ promozzjoni huma stabbiliti għall-persunal A, LA, B, C u D, rispettivament.

2. Il-kompożizzjoni tal-kumitati hija s-segwenti:

–        Għall-persunal A: president, li huwa d-direttur ġenerali tad-DĠ 'Persunal u amministrazzjoni', numru ta’ membri ekwivalenti għan-numru ta’ diretturi ġenerali u ta’ kapijiet tas-servizzi, 15-il membru nnominat mill-kumitat ċentrali tal-persunal, u li jkunu ta' l-inqas tal-livell A 4/LA 4.

–        [...]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti u l-proċedura

23      Ir-rikorrent huwa uffiċjal tal-Komunitajiet Ewropej sa minn April 1991. Huwa membru tas-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni sa mill-1 ta’ Lulju 2001.

24      Fil-15 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrent ġie mogħti marka ta’ 16 minn 20 fir-RŻK tiegħu għall-perijodu bejn Lulju 2001 u Diċembru 2002. Din il-marka ġiet ittrasformata f’16 PM.

25      Permezz ta’ deċiżjoni kkomunikata lir-rikorrent fit-3 ta’ Lulju 2003, id-Direttur Ġenerali tas-servizz ġuridiku tah 1 PPDĠ fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6 tad-DĠI 45.

26      Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45, is-servizz ġuridiku tah ukoll 3 [PPT] attribwiti minħabba 1 punt għal kull sena li jkun ħadem b'dak il-grad (iktar ’il quddiem il-"PPTDĠ") li jikkorrispondu għal tliet snin ta’ senjorità fil-grad A 5.

27      Il-lista ta' mertu pprovduta fl-Artikolu 8 tad-DĠI 45, dwar il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, li kienet tikkonċerna l-uffiċjali tal-grad A 5 bħar-rikorrent, ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 48‑2003, tas-7 ta’ Lulju 2003. Hija ssemmi lil kull uffiċjal ikkonċernat bin-numru akkumulat ta’ PM u ta’ PPDĠ, iżda wkoll ta’ PPTDĠ u PPSS. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż.

28      Ir-rikorrent ippreżenta appell intern fl-14 ta’ Lulju 2003 fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45, kontra l-għoti ta’ PPDĠ wieħed. Huwa talab wkoll l-għoti ta’ PPKS. Il-Kumitat tal-Promozzjoni għall-persunal tal-kategorija A ltaqgħa fis-17 u fl-24 ta’ Ottubru ta' wara sabiex, b’mod partikolari, jeżamina dan l-appell.

29      Sussegwentement, fit-13 ta’ Novembru 2003, il-Kumitat tal-Promozzjoni msemmi iktar ’il fuq iddeċieda l-lista ta' mertu ta’ l-uffiċjali tal-grad A 5 pprovduta fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45. Dik il-lista ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69‑2003, ta’ l-istess jum. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż.

30      Fl-20 ta’ Novembru 2003, l-Awtorità tal-Ħatra stabbiliet il-lista ta’ l-uffiċjali promossi fil-proċedura 2003, li ma tinkludix l-isem tar-rikorrent. Dik il-lista ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 73‑2003 tas-27 ta’ Novembru 2003.

31      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, wara konsultazzjoni tal-fajl tal-promozzjoni individwali fis-sit Sysper 2 ta’ l-intranet tal-Kummissjoni, ir-rikorrent sar jaf li kien ġie mogħti total ta’ 20 punt skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003.

32      Il-Kummissjoni ppubblikat nota ta’ sunt ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003 tad-19 ta’ Diċembru 2003.

33      Permezz ta’ nota tat-12 ta’ Frar 2004, ir-rikorrent ressaq ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff.

34      Dak l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra datata 15 ta’ Ġunju 2004, u kkomunikata l-għada lill-parti interessata.

35      Permezz ta' rikors preżenti fit-22 ta’ Lulju 2004 fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ressaq din il-kawża.

36      Ir-risposta tad-difiża ġiet ippreżentata fid-19 ta’ Novembru 2004.

37      Ir-rikorrent irrinunzja milli jippreżenta replika permezz ta’ ittra li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Jannar 2005.

38      Skond l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta tal-Ħames Awla, wara li semgħet lill-partijiet skond l-Artikolu 51 ta’ l-imsemmi regoli, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

39      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, staqsiet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrent u lill-Kummissjoni, fejn stednithom jirrispondu sal-31 ta’ Awwissu 2005. Il-partijiet obdew għal din it-talba fi żmien stabbilit.

40      Permezz ta’ ittra mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq ir-risposti ta’ l-avversarju tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza sat-23 ta’ Settembru 2005. Ir-rikorrent u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 u t-22 ta’ Settembru 2005, rispettivament.

41      It-trattazzjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza instemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Settembru 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

42      Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tordna, permezz tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li jiġu ppreżentati xi dokumenti;

–        tannulla l-atti segwenti:

–        id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tas-servizz ġuridiku li jattribwilu punt wieħed biss ta’ prijorità tad-Direttorat Ġenerali skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, ikkomunikata fit-2 ta’ Lulju 2003, u kkonfermata minn deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra nnotifikata fis-16 ta’ Diċembru 2003;

–        id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li ma tattribwilu ebda PPKS skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003, innotifikata permezz tas-sistema Sysper 2, fis-16 ta’ Diċembru 2003;

–        id-deċiżjonijiet segwenti: id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tattribwilu total ta’ 20 punt fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003; il-lista ta' mertu ta’ l-uffiċjali tal-grad A 5 fil-proċedura 2003, ippubblikat fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69‑2003 tat-13 ta’ Novembru 2003; il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 fil-proċedura 2003 u ppubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 73‑2003 tas-27 ta’ Novembru 2003; fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni li l-isem tar-rikorrent ma jiġix inkluż fl-imsemmija listi;

–        safejn hu neċessarju, id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-15 ta’ Ġunju 2004 li tiċħad l-ilment tiegħu introdott fit-12 ta’ Frar 2004;

–        tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

43      Fir-risposta tagħha, il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara inammissibbli u infondati l-argumenti mressqa mir-rikorrent għall-annullament tad-deċiżjoni li tattribwilu total ta’ 20 punt;

–        tirrifjuta r-rikors bħala infondat fir-rigward tal-kumplament;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

44      Fis-seduta, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-argumentazzjoni tagħha dwar l-inammissibbiltà tar-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni li r-rikorrent jiġi mogħti total ta’ 20 punt ta’ promozzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta' dan fil-proċess verbal tas-seduta.

45      Wara din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrent iddikjara li jirtira t-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjonijiet individwali li jagħtuh jew li ma jagħtuhx PP fil-kategoriji differenti; u dan minkejja li jibqa' possibbli li tiġi kkontestata l-validità tal-kriterji ta’ għoti ta’ punti speċifiċi fir-rikors kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-total ta’ punti ta’ promozzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota ta' dan fil-proċess verbal tas-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà

46      Hekk kif ġie espost fil-punt 44 imsemmi iktar ’il fuq, fis-seduta l-Kummissjoni rrinunzjat għall-oġġezzjoni tiegħu dwar l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni li tattribwixxi lir-rikorrent total ta’ 20 punt skond l-proċedura ta’ promozzjoni 2003.

47      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li peress li l-kundizzjonijet għall-ammissibbiltà ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ teżaminahom ex officio, u l-istħarriġ tagħha mhuwiex limitat għall-inammissibbiltà mqajma mill-partijiet. B’mod partikolari, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza, tkun xi tkun il-pożizzjoni meħuda tal-partijiet, li għandha tara u tiddefinixxi jekk, f’kull każ, tkunx ittieħdet deċiżjoni li allegatament tikkawża dannu lir-rikorrent (ara, s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 2005, D/BEI, T‑275/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Skond ġurisprudenza stabbilita, huma biss l-miżuri biss li jipproduċu effetti ġuridiċi obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jammontaw għal atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, Ġabra p. II‑281, punt 21, u tas-17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il-Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punt 28).

49      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta l-elaborazzjoni ta’ deċiżjoni sseħħ f’bosta fażijiet, il-miżuri li jistgħu jiġu kkontestati huma biss dawk li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni ta’ l-awtur tad-deċiżjoni, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji fejn l-għan huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali (sentenzi Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 48 supra, punt 21, u McAuley vs Il-Kunsill, punt 48 supra, punt 28).

50      F’dan il-każ partikolari, ir-rikorrent jikkontesta r-regolarità ta’ l-atti differenti inklużi fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003, li tammonta għal ewwel proċedura imwettqa mid-DĠI 43 u DĠI 45 il-ġodda, li juru, b’mod partikolari, il-karattru ineżistenti ta’ uħud minn dawn l-atti.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis neċessarju li jiġu deskritti suċċessivament, ir-relazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni u l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni kollha, sabiex jiġi ddeterminat l-att li allegatament jikkawża dannu u t-termini tar-rikors kontrih.

1.     Sistema ta’ promozzjoni

52      Jeħtieġ li jingħad li l-promozzjoni hija, skond it-testi applikabbli, ibbażata fuq il-mertu u l-livell tas-servizzi ta’ l-uffiċjal, murija sena b’sena u espressi fil-forma ta’ punti mogħtija fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju annwali ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni.

53      L-Artikolu 3 tad-DĠI 45, intitolat "Bażi għall-promozzjoni", b’hekk jispeċifika li "[l]-ewwel element li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni huwa għalhekk in-numru ta’ [PM] u ta’ [PP] li kull uffiċjal ikun kiseb f’dik is-sena jew fis-snin preċedenti". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Minbarra dan, mill-Artikolu 5 tad-DĠI 45 jirriżulta li uffiċjal jista’ jikseb promozzjoni biss wara li jkun kiseb numru totali ta’ punti preċiżi, ta' l-inqas daqs kwota ta’ referenza jew "kwota ta’ promozzjoni", stabbilit mill-kumitati ta’ promozzjoni għal kull proċedura ta’ promozzjoni.

55      L-Artikolu 5(3) tad-DĠI 45 fil-fatt jgħid hekk:

"il-kwota ta' promozzjoni tindika n-numru ta’ punti (ta’ mertu u ta’ prijorità) neċessarju sabiex persuna tkun tista’ tiġi promossa għal grad jew grad ieħor; bla ħsara għall-possibbiltajiet tal-baġit, l-uffiċjali li n-numru ta’ punti tagħhom jaqbeż il-kwota stabbilita huma promossi. Dawk li n-numru ta’ punti tagħhom jikkorrispondu għall-kwota jistgħu jkunu promossi, iżda jistgħu wkoll ikollhom jistennew proċedura ta’ promozzjoni ulterjuri, skond ir-rata ta’ promozzjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

56      L-Artikolu 10(3) tad-DĠI 45 jikkompleta d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq fejn jipprovdi li "[f’]kull promozzjoni, il-kwota ta’ referenza hija mnaqqsa mill-kreditu ta’ punti ta’ l-uffiċjali promossi u d-differenza hija kkonservata għas-snin segwenti". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

57      In-numru totali ta’ punti miksuba minn uffiċjal skond il-proċedura ta’ promozzjoni huwa r-riżultat ta’ proċess kumpless li fih l-imsemmi uffiċjal jikseb PM, li jirriżultaw minn noti u evalwazzjoni tar-RŻK, u għalhekk PP, li jistgħu jkunu mogħtija, skond l-Artikolu 2(1) tad-DĠI 43, mid-diretturi ġenerali jew id-diretturi ta’ kull Direttorat Ġenerali (l-PPDĠ), jew mill-Awtorità tal-Ħatra fuq rakkomandazzjoni tal-kumitati tal-promozzjoni (il-PPKS u l-PPA).

58      Minbarra dan, għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003, l-ewwel sena ta’ l-implementazzjoni tal-proċedura l-ġdida ta’ promozzjoni, ġew ipprovduti regoli dettaljati ta’ tranżizzjoni mill-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45 "sabiex il-mertu jkun jista’ jiġi debitament meħud in kunsiderazzjoni f'dan iż-żmien". Dawn ir-regoli jkopri l-għoti, minn naħa, ta’ PPT attribwiti ex officio lill-uffiċjali, minħabba l-punt għal kull sena ta’ senjorità iżda f’limitu massimu ta’ 7 punti [il-PPTDĠs, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45] jew fuq rakkomandazzjoni tal-kumitati ta’ promozzjoni meta s-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjal jiġġustifikahom u sa l-għoti ta’ 2 punti għal kull uffiċjal [il-PPT, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45], min-naħa l-oħra, ta' massimu ta’ 4 PPSS għall-uffiċjali proposti għall-promozzjoni mill-eżerċizzju 2002 iżda mhux promossi [Artikolu 12(3)(b) tad-DĠI 45 u Informazzjoni Amministrattiva Nri 18‑2003 u 34‑2003].

2.     L-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni

59      Il-proċedura ta’ promozzjoni sseħħ kull sena wara li jkun twettaq l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni u l-ewwel fażi tiegħu, wara l-għoti tal-PM, hija l-għoti tal-PP fil-livell ta’ kull Direttorat Ġenerali.

60      F’dan il-każ partikolari, permezz ta’ deċiżjoni kkomunikata lir-rikorrent fit-3 ta’ Lulju 2003, id-Direttur Ġenerali tas-servizz ġuridiku attribwielu PPDĠ wieħed fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6 tad-DĠI 45, li jiġi miżjud mas-16-il PM diġà miksuba. Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45, is-servizz ġuridiku tagħtu wkoll 3 PPTDĠ korrispondenti għal tliet snin ta’ senjorità fil-grad A 5. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma rċieva ebda PPSS skond l-Artikolu 12(3)(b) tad-DĠI 45.

61      Minbarra informazzjoni individwali u kunfidenzjali mogħtija lil kull uffiċjal mid-Direttorat Ġenerali fuq in-numru akkumulat ta’ PM u ta’ PP (Artikolu 6(8) tad-DĠI 45), id-DĠ "Persunal u amministrazzjoni" tal-Kummissjoni stabbilixxa u ppubblika, wara l-attribuzzjoni tal-PPDĠ, lista ta’ mertu, għal kull grad, li fuqha jidher l-isem ta’ l-uffiċjali li ma jonqoshomx aktar minn 5 punti sabiex jilħqu l-kwota ta' promozzjoni u l-isem ta’ dawk li laħqu jew qabżu dik il-kwota, bl-indikazzjoni tan-numru miksub ta' PM u ta' PPDĠ minn kull wieħed minnhom (Artikolu 8 tad-DĠI 45).

62      Fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2003, il-lista ta’ mertu in kwistjoni, li tikkonċerna l-uffiċjali tal-grad A 5 bħar-rikorrent, ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 48‑2003, tas-7 ta’ Lulju 2003. Hija tinkludi l-indikazzjoni għal kull uffiċjal ikkonċernat tan-numru miksub ta' PM u ta' PPDĠ, iżda wkoll ta' PPTDĠ u ta' PPSS mogħtija fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji.

63      Il-lista prevista fl-Artikolu 8 tad-DĠI 45 ma tistabbilixxix, b’mod definittiv, il-pożizzjoni ta’ l-uffiċjali, li tidher jew le f’dik il-lista, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni.

64      Minn naħa, l-uffiċjal li mhux sodisfatt bin-numru ta’ PPDĠ mogħtija għandu l-possibbiltà li jippreżenta, fit-terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol sa mill-pubblikazzjoni tal-lista ta' mertu imsemmija iktar ’il fuq, appell intern quddiem il-Kumitat tal-Promozzjoni kompetenti li jista’, jekk meħtieġ, jirrakomanda lill- Awtorità tal-Ħatra l-għoti ta’ PPA lill-uffiċjal ikkonċernat (Artikolu 13 tad-DĠI 45). Apparti dan, ir-rikorrent ippreżenta validament rikors bħal dan fl-14 ta’ Lulju 2003.

65      Min-naħa l-oħra, l-uffiċjali setgħu wkoll, wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta' mertu pprovduta fl-Artikolu 8 tad-DĠI 45, tikseb PPKS (Artikolu 9 tad-DĠI 45) u, skond id-dispożizzjonijiet tranżitorji, tal-punti ta’ prijorità tranżitorji mogħtija mill-Awtorità tal-Ħatra fuq proposta tal-kumitati ta’ promozzjoni (iktar ’il quddiem il-"PPTKP") [it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45].

66      It-tieni fażi tal-proċedura ta’ promozzjoni hija magħmula mil-laqgħa tal-kumitati tal-promozzjoni u t-trażmissjoni lill-Awtorità tal-Ħatra tal-proposti li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom.

67      Huwa paċifiku li l-kumitati ta’ promozzjoni għandhom essenzjalment kompetenza doppja. L-ewwel waħda tikkonsisti fir-rakkomandazzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra ta' l-għoti ta’ ċerti PP (Artikoli 9, 12 u 13 tad-DĠI 45), peress li ġie osservat li l-imsemmija kumitati normalment joħorġu opinjoni fuq l-għoti ta’ PPA qabel ir-rakkomandazzjoni dwar l-għoti individwali ta’ PPKS (Artikolu 13 tad-DĠI 45). It-tieni tikkonsisti fil-proposta lill-Awtorità tal-Ħatra ta' klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali li jifformaw parti mill-grupp magħruf bħala "ex aequo", jiġifieri l-grupp ta’ uffiċjali li waslu għall-kwota ta’ promozzjoni, iżda li n-numru tagħhom jaqbeż il-possibbiltajiet reali ta’ promozzjoni (Artikolu 10 tad-DĠI 45).

68      Madankollu, kif jirriżulta minn impreċiżjoni fil-kitba tad-DĠI 45, id-determinazzjoni tar-regoli dettaljati ta’ l-intervent ratione temporis tal-kumitati tal-promozzjoni twassal għal ċerta diffikultà.

69      B’hekk, l-Artikolu 10 tad-DĠI 45 jipprovdi li l-kumitati ta’ promozzjoni jiltaqgħu sabiex jeżaminaw il-lista ta' mertu u sabiex jifformulaw proposti billi jwettqu għażla magħmula mill-grupp ta’ l-ex aequo "[m]eta l-proċedura deskritta fl-Artikolu 9 tkun twettqet sa l-aħħar". Din l-aħħar espressjoni, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45, tista’ twassal sabiex wieħed jaħseb li l-Artikolu 10 tad-DĠI 45 jimplika l-ewwel intervent tal-kumitati ta’ promozzjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta' mertu ta’ l-Artikolu 8 tad-DĠI 45, dwar il-proposta u d-deċiżjoni ta’ attribuzzjoni tal-PP.

70      Dak l-intervent ikollu l-għan li jistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni ta’ l-uffiċjali fir-rigward tan-numru totali ta’ punti mogħtija skond il-proċedura ta’ promozzjoni u tkun neċessarjament segwita minn laqgħa ġdida tal-kumitati ta’ promozzjoni għall-finijiet ta’ elaborazzjoni tal-proposti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali li jifformaw parti mill-grupp ta’ l-ex aequo.

71      Madankollu, approċċ bħal dan mhux konformi la mal-kliem u lanqas mas-sitwazzjoni tad-DĠI 45.

72      Jeħtieġ li, fl-ewwel lok, jiġi mfakkar li l-użu tal-kelma "proċedura" ma tidhirx li hija xierqa, fis-sens li l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 ma jinkludix proprjament id-deskrizzjoni ta’ proċedura globali, bl-iffissar ta’ skeda preċiża, iżda dik tad-distribuzzjoni tal-kompetenza bejn il-Kumitati ta' Promozzjoni u l-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam ta’ l-għoti tal-PPKS.

73      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni msemmija fil-punti 69 u 70 imsemmija iktar ’il fuq timplika l-eżistenza ta’ deċiżjoni intermedjarja ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti. Madankollu, l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 ma jagħmel ebda referenza għall-adozzjoni ta’ att bħal dan mill-Awtorità tal-Ħatra u jillimita lilu nnifsu li jsemmi, f’termini ġenerali, il-kompetenza bi prinċipju ta’ din ta' l-aħħar f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ PP, mingħajr ma jippreċiża eżattament f’liema mument dik il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata.

74      L-istess japplika għall-Artikolu 13 tad-DĠI 45, dwar l-għoti tal-PPA, li sempliċement jipprovdi għall-kompetenza deċiżjonali ta’ l-Awtorità tal-Ħatra mingħajr ma jispeċifika aktar il-mument li fih dik il-kompetenza titwettaq fl-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni. Minbarra dan, filwaqt li l-Artikolu 13(2) tad-DĠI 45 jipprovdi li n-numru ta’ PPA b’hekk mogħti mill-Awtorità tal-Ħatra huwa ppubblikat, madankollu ma jistabbilixxix f’liema stadju sseħħ dik il-pubblikazzjoni, peress li, għall-proċedura 2003, in-numru ta’ PPA mogħti huwa speċifikat fin-nota ta’ sunt ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni, ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003.

75      Fir-realtà, huwa paċifiku li l-ebda artikolu tad-DĠI 45 ma jsemmi u lanqas ma jispeċifika, ratione temporis, l-adozzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ deċiżjoni intermedjarja u distinta li tiffissa n-numru totali ta’ punti.

76      Fit-tielet lok, l-Artikolu 10 tad-DĠI 45 jindika li l-kumitati ta’ promozzjoni għandhom jiltaqgħu sabiex "jeżaminaw il-lista ta' mertu", denominazzjoni li tidher fl-Artikolu 8 tad-DĠI 45 u li tikkorrispondi għall-lista ta’ l-uffiċjali ma jonqoshomx aktar minn 5 punti sabiex jilħqu l-kwota ta' promozzjoni u l-isem ta’ dawk li laħqu jew għaddew dik il-kwota, bl-indikazzjoni tan-numru akkumulat ta’ PM u ta’ PPDĠ, kif ukoll ta’ PPTDĠ u ta’ PPSS fil-kuntest tas-sistema tranżitorja, miksuba għal kull wieħed minnhom. It-teħid in kunsiderazzjoni ta’ lista bħal dik għandha biss effett jekk, f’dak l-istadju, dak id-dokument ikun għadu jippreżenta interess, li ma jkunx il-każ fl-ipoteżi li deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti li jiġu adottati wara l-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmija lista.

77      Fir-rigward tas-sitwazzjon tad-DĠI 45, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(3) ta’ l-imsemmi DĠI jgħid li, "f’Ġunju, fuq il-bażi tal-proposti tal-kumitati ta’ promozzjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] tiddeċiedi liema huma l-uffiċjali li għandhom jiġu promossi f’kull grad".

78      Jidher ukoll li, għal raġunijiet evidenti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, kien previst li l-adozzjoni, ratione temporis, ta’ deċiżjoni formali ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, li tippermetti lill-uffiċjali kollha kkonċernati li jkunu ċerti u jkollhom idea definittiva dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ promozzjoni, tiġi differita għal dak li normalment huwa l-aħħar tal-proċedura ta' promozzjoni.

79      Qari tad-DĠI 45 iwassal għal qtugħ ta’ l-interventi tal-kumitati ta’ promozzjoni u ta’ l-Awtorità tal-Ħatra u għall-adozzjoni neċessarja minn din l-aħħar imsemmija, ta’ att intermedju dwar in-numru totali ta’ punti li jkun ta’ tip li jikkomplika eċċessivament is-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjali li għandhom eliġibbiltà għal promozzjoni, li huwa l-każ kemm tad-determinazzjoni ta’ l-att li allegatament jikkawża dannu kif ukoll ta’ l-osservanza tat-terminu tar-rikors, li jkun kuntrarju għall-eżiġenzi taċ-ċertezza legali.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta' mertu prevista fl-Artikolu 8 tad-DĠI 45, il-kumitati ta’ promozzjoni jingħaqdu sabiex jabbozzaw il-proposti tagħhom kemm dwar l-għoti ta’ PP li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom kif ukoll il-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali li jifformaw parti mill-grupp ta’ ex aequo. Dawn il-proposti jinsabu kollha fil-lista ta' mertu msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-DĠI 45.

81      F’dan il-każ partikolari, jeħtieġ li jingħad li, skond ix-xogħol tal-Kumitat ta' Promozzjoni għall-persunal tal-kategorija A li ltaqgħa fis-17 u l-24 ta’ Ottubru 2003, il-lista ta' mertu msemmija fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45 ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69‑2003 tat-13 ta’ Novembru 2003.

82      F’din il-lista jidhru l-isem ta’ l-uffiċjali, bil-kariga tagħhom, li laħqu jew qabżu l-kwota ta' promozzjoni u dawk li ma jonqoshomx aktar minn 5 punti sabiex jaslu għall-imsemmija kwota bl-indikazzjoni:

–        tan-numru totali ta’ punti proposti għal kull wieħed minnhom, li seta' jiżdied għal xi uħud mill-uffiċjali meta mqabbla ma’ dak imsemmi fil-lista ta' mertu ppubblikata fis-7 ta’ Lulju 2003, u dan minħabba l-proposti tal-kumitat li jattribwielhom PPKS, PPA u PPTKP;

–        ta’ l-ittra "p" ħdejn l-isem ta’ l-uffiċjal li għalih il-kumitat ippropona promozzjoni, referenza li l-ħtieġa legali tagħha u l-interess jikkonċerna biss il-grupp ta’ ex aequo, jiġifieri l-grupp ta’ uffiċjali li laħqu l-kwota ta' promozzjoni, iżda li n-numru tagħhom jaqbeż il-possibbiltajiet reali tal-promozzjoni, sitwazzjoni li timplika klassifikazzjoni ta’ l-interessi bbażati, b’mod partikolari fuq is-senjorità fir-rigward tal-grad u fuq il-kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet.

83      Il-lista prevista fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45 lanqas tiffisa, b’mod definittiv, il-pożizzjoni ta’ l-uffiċjali, li jidhru jew le f’dik il-lista, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni.

84      Hekk kif ġie diġà spjegat, kemm fir-rigward ta’ l-għoti ta’ PP kif ukoll fir-rigward tad-distinzjonijiet li jinsabu fi ħdan il-grupp ta’ ex aequo, kull ma jagħmel il-Kumitat tal-Promozzjoni huwa li jagħmel proposti għall-attenzjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li waħidha għandha l-poter li tiddeċiedi kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-DĠI 43, ta’ l-Artikolu 10 u ta’ l-Artikolu 14(4) tad-DĠI 45. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu indikati, u dan b'dispjaċir, ċerti impreċiżjonijiet fit-test tad-DĠI 45, li jistgħu jikkawzaw konfużjoni dwar ir-rwol tal-Kumitat tal-Promozzjoni, bħal fit-titolu ta’ l-Artikolu 9 "Għoti ta’ [PP] mill-kumitati ta’ promozzjoni", filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ l-imsemmi artikolu jgħid b’mod ċar li dan huwa fir-rigward tal-"proposti" individwali ta’ għoti tal-PP suġġetti għall-Awtorità tal-Ħatra li "tiddeċiedi dwar l- għoti ta’ [PP]". L-istess japplika, kif sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, skond il-kliem tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 dwar l-għoti tal-PPTKP.

85      L-Artikolu 10(3) tad-DĠI 45 jippreċiża wkoll b’mod ċar li l-Awtorità tal-Ħatra "tiddeċiedi" min huma l-uffiċjali li għandhom jiġu promossi f’kull grad fuq il-bażi tal-"proposti" tal-kumitati ta’ promozzjoni, li ma jorbtux lill-Awtorità tal-Ħatra, li l-ewwel trid tiddeċiedi fir-rigward ta' l-għoti tal-punti kif ukoll tal-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali li jifformaw parti mill-groupp ex aequo. Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ ssegwi jew tiddistakka ruħha mill-proposti tal-kumitati ta’ promozzjoni, li, f’dan l-aħħar każ, jista’ jissarraf, għall-uffiċjal ikkonċernat, permezz ta' tnaqqis jew żieda tan-numru totali ta’ punti bil-konsegwenza li dan jista’ ikun għola, ekwivalenti jew inqas mill-kwota ta' promozzjoni.

86      It-tielet u l-aħħar fażi tal-proċedura ta’ promozzjoni hija l-istabbiliment tal-lista ta’ l-uffiċjali promossi. F’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra stabbilixxiet il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 fl-20 ta’ Novembru 2003, li ġiet ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 73‑2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 u b’hekk informat lill-uffiċjali kollha kkonċernati, fosthom ir-rikorrent. Minn dik il-lista jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra aċċettat il-proposti kollha tal-Kumitat ta' Promozzjoni kemm għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-punti kif ukoll il-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali li jifformaw parti mill-groupp ex aequo.

3.     Att li allegatament jikkawża dannu

87      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ promozzjoni tkun ikkompletata bit-twaqqif tal-lista ta’ l-uffiċjali promossi. Dik id-deċiżjoni finali tidentifika lill-uffiċjali li huma promossi fl-okkażjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni. Konsegwentement, huwa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ dik il-lista li l-uffiċjali li jikkunsidraw ruħhom f’pożizzjoni li jiġu promossi, isiru jafu, b’mod ċert u definittiv, bl-evalwazzjoni tal-merti tagħhom u li l-pożizzjoni ġuridika tagħhom hija affettwata (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 1996, Michaël vs Il-Kummissjoni, T‑144/95, ĠabraSP p. I‑A‑529 u II‑1429, punt 30, u tad-19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑495, punt 73).

88      Madankollu, huwa importanti li jiġi mfakkar li l-għoti ta’ punti għal sena stabbilita għandu effetti li mhumiex biss limitati u ċirkoskritti għall-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni. Is-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni tibbaża ruħha fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-merti akkumulati, irrappreżentati minn punti akkumulati sena wara sena. Minn dan isegwi li l-punti mogħtija għal sena partikolari huma ta’ tip li jinfluwenzaw bosta proċeduri ta’ promozzjoni.

89      Madankollu, f’kuntest simili, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, f’sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Breton vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑323/02, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1587, punti 52 sa 54), li l-iffissar tan-numru ta’ punti fid-dawl tal-promozzjoni huwa att awtonomu li jipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji li jaffettwaw l-interessi ta’ uffiċjal li jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, filwaqt li jammonta biss għal wieħed mill-istadji tal-proċedura ta’ promozzjoni.

90      Anki jekk din tikkonċerna sistema ta’ promozzjoni, li tkopri biss kategorija waħda ta’ punti, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ partikolari. B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-att finali li permezz tiegħu sseħħ il-proċedura ta’ promozzjoni huwa kumpless, fis-sens li jinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista tal-promossi u dik ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti, li tibbaża fuqha l-ewwel deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq. Dik id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti li tikkostitwixxi att awtonomu li, fid-dawl tal-ġurisprudenza prevista fil-punt preċedenti, jista’ bħala tali, ikun is-suġġett ta’ ilment u, jekk ikun il-każ, ta’ appell ġudizzjarju fil-kuntest tal-possibbiltajiet ta’ appell previsti fir-Regolamenti ta’ l-Istaff.

91      Konsegwentement, uffiċjal inkluż fil-lista tal-promossi jkun jista’, jekk huwa jikkontesta n-numru totali ta’ punti li jingħatawlu mill-Awtorità tal-Ħatra u konsegwentement anki d-differeza kkonservata għas-snin segwenti, iressaq ilment u, jekk ikun il-każ, appell ġudizzjarju kontra l-att biss ta’ għoti ta’ punti li jinvolvi, fir-rigward tiegħu, effetti ġuridiċi obbligatorji u definittivi.

92      Bl-istess mod, huwa possibbli li uffiċjal mhux promoss ma jkunx jixtieq jikkontesta n-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu għall-proċedura in kwistjoni iżda biss ir-rifjut ta’ għoti ta’ ċertu numru ta’ punti, li ma jħallihx jilħaq il-kwota ta’ promozzjoni, jista’ juża proċedura identika.

93      Barra minn hekk, uffiċjal mhux promoss minħabba l-għoti, allegatament mhux iġġustifikat, ta’ numru insuffiċjenti ta’ punti u għalhekk inqas mill-kwota ta’ promozzjoni jista’ jressaq l-appell tiegħu, kemm kontra d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa n-numru totali ta’ punti u kemm kontra dik li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi. Anki jekk dawk iż-żewġ atti jistgħu jkunu effettivament distinti ġuridikament u jkunu s-suġġett ta' talbiet għall-finijiet separati ta’ annullament, huwa żgur li fir-realtà huma, kollha marbuta mill-qrib f’każ ta’ rifjut ta’ promozzjoni, peress li dan ta' l-aħħar huwa neċessarjament u unikament marbut man-numru totali ta’ punti mogħtija lill-uffiċjal meta mqabbel mal-kwota tal-promozzjoni, ħlief fil-każ li, peress li jkun laħaq l-imsemmija kwota u jkun jifforma parti mill-grupp ta’ ex aequo, l-imsemmi uffiċjal ma jkunx ġie promoss, u dan fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet addizzjonali marbuta mas-senjorità fil-grad jew ma' l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet.

94      F’dan l-aħħar każ imsemmi, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ validament iressaq appell kontra d-deċiżjoni finali biss ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi minħabba żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra fil-klassifikazzjoni ta’ l-uffiċjali li jidhru fil-grupp ta’ ex aequo.

95      F’dan il-każ partikolari, jeħieġ li jiġi mfakkar li r-rikorrent, li ma ġiex promoss skond l-proċedura 2003, ippreżenta ilment kif ukoll appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tatu total ta’ 20 punti, il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 skond l-proċedura 2003 u d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi dik il-lista safejn din tirrifjuta l-promozzjoni tiegħu.

96      Fil-kuntest tar-rikors preżenti, ir-rikorrent jikkontesta wkoll ir-regolarità tad-deċiżjonijiet individwali li jagħtuh PPDĠ wieħed jew li jirrifjutaw li jagħtuh PPKS u b’hekk li ma jinkluduhx fil-lista ta' mertu ta’ l-uffiċjali ta’ grad A 5 ippubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69‑2003 tat-13 ta’ Novembru 2003, u l-lista kif inhi.

97      Dawn id-deċiżjonijiet jammontaw għal atti preparatorji, minn qabel u neċessarji għad-deċiżjoni finali li jitwaqqfu l-promozzjonijiet u l-atti separabbli u awtonomu li hija tinkludi, jiġifieri l-iffissar tan-numru totali ta’ punti, meta r-rikorrent jitlob l-annullament fil-kuntest ta’ l-istanza preżenti. Dan huwa l-każ tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-PPDĠ, indipendentement mill-fatt li appell intern ġiex imressaq jew le kontra tagħha fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45. Jekk, fin-nuqqas ta’ appell bħal dan, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax timmodifika n-numru ta’ PPDĠ fl-għoti ta’ PPA, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ PPDĠ xorta tibqa' però att preparatorju biss, peress li l-ammont massimu tal-PPDĠ li jistgħu jkunu mogħtija ma jippermettix, fihom infushom, li jaslu għall-kwota ta’ promozzjoni.

98      Skond il-ġurisprudenza, dawn l-atti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għall-annullament awtonomu, iżda l-legalità tagħhom tista’ dejjem tkun ikkontestata fil-kuntest tar-rikors indirizzat kontra d-deċiżjoni definittiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 18).

99      Fis-seduta, ir-rikorrent ċertament iddikjara li jirrinunzja għat-talbiet tiegħu li l-għan tagħhom huwa l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali li jagħtuh PPDĠ wieħed jew li jirrifjutawlu l-għoti ta’ PPKS, iżda bil-kundizzjoni li legalment huwa jkollu l-possibbiltà li jikkontesta l-validità tal-kriterji ta’ għoti ta’ l-imsemmija punti fil-kuntest ta’ appell magħmul kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-total ta’ punti.

100    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li rinunzja bħal din mhijiex ammissibbli. Fil-fatt, hija biss rinunzja ċara u bla kundizzjoni tal-kapijiet tat-talbiet li jidhru fir-rikors li tista’ tkun ikkunsidrata mill-Qorti tal-Prim’Istanza (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Marzu 1992, Gavilan vs Il-Parlament, T‑73/91, Ġabra p. II‑1555, punt 26).

101    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jingħad li r-rikorrent jeżiġi, fil-kuntest ta’ dan l-appell, safejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-15 ta’ Ġunju 2004 li tirrifjuta l-ilment tiegħu. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, l-ilment amministrattiv u r-rifjut tiegħu, espliċitu jew impliċitu, mill-Awtorità tal-Ħatra jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, magħmul ukoll formalment kontra r-rifjut ta’ l-ilment, għandu l-effett li jirrikjedi lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-att li allegatament jikkawża dannu li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8, u tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 7; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Ottubru 1996, Capitanio vs Il-Kummissjoni, T‑36/94, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1279, punt 33, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il-Kummissjoni, T‑375/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

4.     Terminu għal appell

102    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li r-Regolamenti ta’ l-Istaff jirregolaw id-dritt ta’ appell tal-persunal kontra deċiżjonijiet ta’ l-amministrazzjoni li allegatament jikkawżaw dannu, b’mod ġenerali, fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff. Minn dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta li s-sistema kontenzjuża kollha kemm hi, hekk stabbilita, tispira ruħha mill-ħtieġa li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell huwa ammess biss it-termini stabbiliti jitħarsu b'mod rigoruż (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1993, Boessen vs CES, T‑87/91, Ġabra p. II‑235, punt 27).

103    L-osservanza tat-termini għal appell previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff timplika l-għarfien espliċitu u komplet mill-uffiċjal ta’ att li allegatament jikkawża dannu.

104    Fir-rigward tal-perijodu ta’ tliet xhur impost fuq l-uffiċjal għall-introduzzjoni ta’ ilment kontra deċiżjoni li allegatament tikkawża dannu, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jipprovdi li l-imsemmi perijodu jibda:

–        "fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-att jekk huwa miżura ta’ natura ġenerali;

–        fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data meta dan ta’ l-aħħar irċieva t-tali notifika, jekk il-miżura taffettwa persuna speċifika; madankollu, jekk att li jaffettwa persuna speċifikata wkoll fih ilment kontra persuna oħra, il-perijodu jibda dwar dik il-persuna l-oħra fid-data meta tirċievi n-notifika tagħha iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data tal-pubblikazzjoni[…]".

105    Dawn id-dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu rabta bejn il-punt li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur u n-natura ġuridika ta’ l-att inkriminati, għandhom ikunu interpretati, f’dan il-każ partikolari, b’kunsiderazzjoni tal-partikolarità tal-proċedura ta' promozzjoni, jiġifieri li l-att finali li permezz tiegħu tinkiseb il-proċedura ta’ promozzjoni huwa ta’ natura kumplessa, fis-sens li jinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista tal-promossi u dik ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi t-total ta’ punti fl-aħħar ta’ l-imsemmija proċedura, li tibbaża fuqha l-ewwel deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq. Dik id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-punti fl-aħħar tal-proċedura ta’ promozzjoni tammonta għal att awtonomu li jista’ jkun is-suġġett, bħala tali, ta’ ilment u, jekk ikun il-każ, ta’ appell ġudizzjarju fil-kuntest tal-possibbiltajiet ta’ appelli previsti mir-Regolamenti ta’ l-Istaff.

106    Mill-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li hemm tliet tipi ta’ appelli bil-għan ta' annullament li jistgħu, għall-inqas, ikunu previsti fil-bidu tal-proċedura ta’ promozzjoni:

–        appell li għandu biss bħala suġġett id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa n-numru totali ta’ punti, jista’ jiġi mressaq minn uffiċjal promoss iżda li qed jikkontesta d-differenza ta’ punti jew minn uffiċjal li mhux promoss li ma jaqbilx man-numru ta’ punti mogħtija lilu iżda li ma jikkontestax in-nuqqas ta’ promozzjoni;

–        appell mid-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti u minn dik li tistabbilixxi l-lista ta’ uffiċjali promossi, jista’ jiġi ppreżentat minn uffiċjal mhux promoss minħabba l-għoti, allegatament inġustifikat, ta’ numru insuffiċjenti ta’ punti u b’hekk inqas mill-kwota ta’ promozzjoni jew minn uffiċjal mhux promoss li, filwaqt li għandu numru ta’ punti ekwivalenti għall-kwota ta’ promozzjoni, jikkontesta kemm l-insuffiċjenza ta’ l-imsemmi numru kif ukoll l-għażliet magħmula mill- Awtorità tal-Ħatra fil-grupp ta’ ex aequo fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet addizzjonali;

–        appell li għandu biss bħala suġġett id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra stabbilixxiet il-lista ta’ l-uffiċjali promossi, jista’ jiġi mressaq minn uffiċjal mhux promoss, li n-numru ta’ punti tiegħu huwa daqs il-kwota ta' promozzjoni, li tikkritika biss l-għażliet in kwistjoni.

107    Jekk id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li twassal għall-iffisar tan-numru totali ta’ punti tammonta bla dubju għal miżura ta’ karattru individwali li jista’ jiġi mressaq ilment kontra tagħha f’perijodu ta’ tliet xhur sa mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data meta din ta’ l-aħħar tkun irċeviet it-tali notifika, id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi tikkostitwixxi ġabra ta’ atti li jikkonċerna persuna speċifika indirizzata lill-uffiċjali promossi għall-grad ikkonċernat. Madankollu, din il-ġabra ta' atti allegatament tikkawża dannu lill-uffiċjal li ismu ma jidhirx fil-lista safejn dan jammonta għal rifjut impliċitu li jingħata promozzjoni.

108    B’hekk, id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, li tistabbilixxi li, fir-rigward ta’ l-uffiċjal mhux promoss, il-lista ta’ uffiċjali promossi għandha tkun ikkunsidrata bħala att ta’ natura individwali b’mod li allegatament jikkawża dannu lill-persuna oħra apparti dik ikkonċernata, fis-sens ta' l-aħħar parti tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 90(2) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1981, Schiavo vs Il-Kunsill, 122/79 u 123/79, Ġabra p. 473, punti 21 sa 23, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Vounakis vs Il-Kummissjoni, T‑326/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24). F’din is-sitwazzjoni, skond dik l-istess dispożizzjoni, għall-uffiċjal mhux promoss it-terminu jibda jiddekorri mill-jum li jsir jaf bl-att u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

109    Kif jirriżulta mill-obbligu tal-Kummissjoni pprovdut fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45 li tippubblika l-lista ta’ l-uffiċjali promossi fl-Informazzjoni Amministrattiva, il-preżentata ta’ ilment minn uffiċjal, fis-sitwazzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-punt 106, tkun suġġetta għal żewġ punti distinti li minnhom jibda jiddekorri t-terminu stabbilit skond l-att inkriminat. Fir-rigward tal-każ previst fit-tielet inċiż ta’ l-istess punt 106, normalment ikun hemm bżonn li d-data tal-pubblikazzjoni tinżamm bħala punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu li fih irid jiġi ppreżentat l-ilment.

110    Madankollu, sitwazzjoni bħal din mhix kompatibbli ma’ l-ispeċifiċità tal-proċedura l-ġdida ta’ promozzjoni li tikkonsisti fl-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ natura kumplessa li allegatament tikkawża dannu.

111    Jekk il-pubblikazzjoni tal-lista tal-promossi, li tinkludi biss l-ismijiet u l-karigi tal-partijiet interessati, tagħti l-opportunità lill-uffiċjali kollha kkonċernati li jkunu ċerti u jkollhom idea definittiva dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ promozzjoni, hija ma tippermettilhomx li jkunu jafu d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti.

112    Huwa biss meta jkun qed jikkonsulta l-fajl ta’ promozzjoni individwali fuq l-intranet tal-Kummissjoni u fuq is-sit Sysper 2 li l-uffiċjal promoss jew mhux promoss ikun jista’ isir jaf bin-numru totali tal-punti tiegħu u bl-attribuzzjoni tagħhom.

113    B’hekk, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jkun jaf jekk laħaqx jew le l-kwota ta' promozzjoni u jekk ir-rifjut tal-promozzjoni jispjegax ruħu permezz tal-kunsiderazzjonijiet addizzjonali, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45, u jkun jaf, minn naħa, it-tip ta’ appell intern li jitressaq eventwalment kontra n-numru ta’ PPDĠ mogħtija, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ PPKS eventwalment mogħtija, u, fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2003, in-numru ta’ PPTKP eventwalment mogħtija fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji.

114    Din l-informazzjoni tkun ta’ tip li tistabbilixxi teħid ta’ deċiżjoni ta’ uffiċjal ikkonċernat fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ ilment, dan l-aħħar imsemmi jista’ finalment iqis, fir-rigward tan-numru u d-detall tal-punti miksuba, tal-kwota ta' promozzjoni definittiva miksuba mill-amministrazzjoni u ta’ l-uffiċjali effettivament promossi fl-eżerċizzju in kwistjoni, li mhux opportun li tintuża proċedura bħal din jew li jkun hemm lok li tintuża biss kontra d-deċiżjoni ta’ l- Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti jew dik li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi.

115    Hekk kif ġie espost, anki jekk dawn jistgħu jkunu effettivament distinti ġuridikament u jkunu s-suġġett ta' konklużjonijiet ta’ annullament distinti bħal f’dan il-każ partikolari, huwa ċert li d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tistabbilixxi li n-numru totali ta’ punti u l-lista stabbilita ta’ uffiċjali promossi huma, fir-realtà, strettament konnessi/marbuta mill-qrib. Madankollu, il-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmija lista ma tippermettix li l-uffiċjali kkonċernati jkunu jafu totalment dwar deċiżjoni li allegatament tikkawżalhom dannu, b’natura kumplessa, li permezz tagħha tiġi kkompletata l-proċedura ta' promozzjoni.

116    Barra minn hekk, il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 tiżvela li jistgħu jgħaddu numru ta' ġranet bejn id-data tal-pubblikazzjoni tal-lista ta’ l-uffiċjali promossi u d-data li fiha l-uffiċjal jista’ effettivament jikkonsulta l-fajl tiegħu ta’ promozzjoni fuq is-Sysper 2. Din id-differenza tista’ tiġi spjegata permezz tad-dewmien ta’ l-aġġornament tas-sit in kwistjoni mis-servizz kompetenti, bl-inklużjoni ta’ l-informazzjoni dwar l-uffiċjali kollha kkonċernati mill-proċedura ta’ promozzjoni, għan-numru ta’ 14 000 fl-2003. Dan it-terminu neċessarju ta' l-aġġornament, evidentement, ma jkunx magħruf bi preċiżjoni meta l-lista in kwistjoni tiġi ppubblikata fl-Informazzjoni Amministrattiva, li fl-2003 ma kien fiha l-ebda referenza għal dan is-suġġett.

117    Anki jekk huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li l-uffiċjal ikkonċernat, bħar-rikorrent f’dan il-każ partikolari, ikun jaf bin-numru totali ta’ punti u ta’ l-attribuzzjoni tagħhom fit-terminu ta’ tliet xhur li fihom jista' jitressaq ilment, iż-żmien neċessarju għall-aġġornament tal-fajls ta’ promozzjoni individwali fis-sit Sysper 2 inaqqas dak il-perijodu mogħti lill-uffiċjal sabiex jipprepara sew u jippreżenta l-ilment tiegħu, jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ punt doppju li jibda jiddekorri minnu l-imsemmi terminu meta l-parti kkonċernata tikkontesta kemm id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi kif ukoll dik li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fi kwistjoni ta’ ċertezza legali, ta’ trattament ugwali u ta’ amministrazzjoni tajba, il-punt minn meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur sabiex fih jitressaq ilment kemm kontra d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi kif ukoll kontra dik li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti għandu jkun stabbilit fid-data li fiha l-uffiċjal isir jaf bil-fajl tiegħu tal-promozzjoni individwali aġġornat fuq is-sit Sysper 2.

119    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li, fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-konsultazzjoni ta’ l-imsemmi sit hija "intraċċata" elettronikament għal raġunijiet ta’ sigurtà u li "protokoll ta’ aċċess" b’hekk jippermetti r-reġistrazzjoni tad-dati ta’ konsultazzjoni u tal-kitba tagħhom.

120    Minbarra dan, mill-fajl li l-Kummissjoni ppubblikat fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003 tirriżulta nota ta’ sunt dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ promozzjoni 2003 li tinkludi punt 4 li jgħid:

"Aġġornament tal-fajls fuq is-Sysper 2

Il-proposti ta’ għoti tal-punti li jirriżultaw mill-kumitati ta’ promozzjoni u approvati mill-[Awtorità tal-Ħatra] issa jidhru fil-fajl ta’ kull uffiċjal.

Skond l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff li jipprovdi li kull deċiżjoni individwali għandha tkun ikkomunikata lill-uffiċjal ikkonċernat, kull uffiċjal huwa hawnhekk mistieden li jinforma ruħu dwar il-fajl tiegħu fis-Sysper 2." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

121    Jekk dan il-proċess ma jkunx assimilat ma’ notifika proprja skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, hemm lok li jkun ikkunsidrat li, sabiex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ s-sitwazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mill-proċedura ta’ promozzjoni jiġu kkontestati aktar tard, il-konsultazzjoni mill-uffiċjal tal-fajl tiegħu ta’ promozzjoni individwali fuq is-Sysper 2 għandha ssir f’terminu raġonevoli sa mill-pubblikazzjoni tan-nota ta’ sunt li taqa' taħt il-prattika tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ proċedura ta’ promozzjoni.

122    F’dan il-każ partikolari, huwa paċifiku li r-rikorrent kien jaf bl-iffissar tan-numru totali tiegħu ta’ punti u ta’ l-attribuzzjoni tagħhom meta kkonsulta l-fajl tiegħu ta’ promozzjoni individwali aġġornat fuq is-Sysper 2 fis-16 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri qabel id-data tal-pubblikazzjoni tan-nota ta’ sunt, u li huwa ppreżenta l-ilment tiegħu, fir-rigward kemm tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi kif ukoll fir-rigward ta' dik li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti, tat-12 ta’ Frar 2004, u b’hekk osserva t-terminu previst għal dan il-għan.

123    Dak l-ilment ġie rrifjutat permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra datata l-15 ta’ Ġunju 2004 u kkomunikata l-għada lir-rikorrent. Dan ta' l-aħħar ppreżenta dan ir-rikors fit-22 ta’ Lulju 2004, jiġifieri fit-terminu ta’ tliet xhur ipprovdut fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors preżenti għandu jkun iddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-mertu

1.     Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-DĠI 43 u tad-DĠI 45

125    Ir-rikorrent, fl-ewwel lok, jikkontesta l-legalità ta’ l-Artikolu 2 tad-DĠI 43 u ta’ l-Artikoli 3, 6, 7, 9, 10, 12 u 13 tad-DĠI 45. Huwa essenzjalment jikkritika l-karattru mhux determinanti tal-PM, in-nuqqas ta’ obbligu li jingħataw ir-raġunijiet għall-għoti tal-PP, in-nuqqas ta' ħarsien tad-drittijiet tad-difiża u l-ineffikaċja tar-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 13 tad-DĠI 45. Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikoli 6 u 7 tad-DĠI 45, moqrija fid-dawl ta’ l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002. Huwa jikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw id-diskrezzjoni tad-direttorati ġenerali, għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-PPDĠ, u li huma jtellfuhom milli jqabblu b'mod effettiv il-merti ta’ l-uffiċjali. Fit-tielet lok, ir-rikorrent jinvoka l-illegalità ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45. Kuntrarjament għall-kliem tiegħu, dan l-artikolu m'għandux karattru tranżitorju, jagħti pożizzjoni dominanti lis-senjorità tal-grad, ma jiffissax il-kriterji ta’ l-għoti tal-PPTKP u jikkonferixxi, b’mod żbaljat, l-għoti tagħhom lill-kumitati ta’ promozzjoni. Fir-raba' lok, ir-rikorrent isostni eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 9 u l-anness I, punti 1, 2, 3, 5 u 6 tad-DĠI 45. Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu għal sopravalutazzjoni ta’ ċerti servizzi u għall-vjolazzjoni tat-trattament ugwali bejn uffiċjali. Fil-ħames lok, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità ta’ l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 li jiffavorixxi lill-uffiċjali impjegati fid-direttorati ġenerali żgħar.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 2 tad-DĠI 43 u l-Artikoli 3, 6, 7, 9, 10, 12 u 13 tad-DĠI 45

126    Ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 2 tad-DĠI 43 u kontra l-Artikoli 3, 6, 7, 9, 10, 12 u 13 tad-DĠI 45 fejn jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff kif ukoll fuq l-Artikolu 45 tagħhom li jiggarantixxi l-ugwaljanza tat-trattament, il-promozzjoni bbażata fuq il-mertu, l- eliġibbiltà għall-karriera u l-eżami komparattiv tal-merti. Huwa jinvoka wkoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba u għall-proċedura imparzjali u ekwa, kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq.

 Fuq il-karattru allegatament mhux determinanti tal-PM

–       L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrent isostni li l-parti l-kbira ta’ l-uffiċjali tas-servizz ġuridiku rċevew bejn 13 u 16-il PM. Konsegwentement, il-promozzjonijiet ma jkunux iddeterminati skond il-merti bħal dawk li jirriżultaw mir-rapporti previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff. Huma jirriżultaw minn numru ta’ PP li jistgħu jkunu mogħtija sal-limitu ta’ 21 punt. Madankollu, dawn il-punti jkunu mqassma indipendentement mill-merti. Minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ ta' trattament ugwali, kif ukoll tal-prinċipji tal-promozzjoni bbażata fuq il-mertu, ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera u ta’ l-eżami komparattiv tal-merti, garantiti mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff.

128    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-PP jirrikumpensaw il-merti u jtejbu l-kapaċità tagħha li tiddistingwi l-uffiċjali skond il-kapaċità tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

129    Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, l- Awtorità tal-Ħatra tagħti l-promozzjonijiet fid-dawl ta’ eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali u fid-dawl tar-rapporti perijodiċi ta’ evalwazzjoni li kienu s-suġġett tagħhom.

130    Il-mertu huwa b’hekk il-kriterju essenzjali tal-promozzjonijiet u kriterji oħra, bħall-età, jew is-senjorità tal-grad jew fis-servizz, jistgħu jittieħdu biss in kunsiderazzjoni sussidjarjament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1983, Ohrgaard u Delvaux vs Il-Kummissjoni, 9/82, Ġabra p. 2379, punt 19, u Vainker vs Il-Parlament, punt 101 supra, punti 16 u 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 2003, Callebaut vs Il-Kummissjoni, T‑241/02, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑1061, punt 44, u ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il-Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 49). Barra minn hekk, l- Awtorità tal-Ħatra għandha tipproċedi bl-eżami komparattiv imsemmi iktar ’il fuq b’attenzjoni u imparzjalità, fl-interess tas-servizz u skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-uffiċjali (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il-Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 21; Perakis vs Il-Parlament, T‑78/92, Ġabra p. II‑1299, punt 16; tal-5 ta’ Novembru 2003, Cougnon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑240/01, ĠabraSP p. I‑A‑263 u II‑1283, punt 70; tat-28 ta’ Settembru 2004, Tenreiro vs Il-Kummissjoni, T‑216/03, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑1087, punt 68, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

131    Fil-kuntest hekk definit, l-Awtorità tal-Ħatra għandha diskrezzjoni wiesgħa. Hija tista’ tipproċedi bl-eżami tal-merti skond il-proċedura jew il-metodu li hija tqis l-aktar xieraq (sentenzi Tsirimokos vs Il-Parlament, punt 130 supra, punt 16; Perakis vs Il-Parlament, punt 130 supra, punt 14; Cougnon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 130 supra, punt 62, u Tenreiro vs Il-Kummissjoni, punt 130 supra, punt 68).

132    Sa mill-proċedura ta’ promozzjoni 2003, u sabiex tippermetti paragun tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni aktar oġġettiv u aktar faċli minn qabel, id-DĠI 43 u d-DĠI 45 implementaw sistema ta’ promozzjoni bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, ikkaratterizzata mill-għoti tal-PM u tal-PP lill-uffiċjali fuq bażi annwali.

133    Jeħtieġ li mill-bidu jingħad li din is-sistema ġdida ssaħħaħ ir-rabta, stabbilta mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, bejn l-evalwazzjoni perijodika ta’ l-uffiċjali u l-promozzjoni. B’hekk, mill-qari flimkien tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-DĠI 43 u mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 jirriżulta li kull uffiċjal jirċievi marka globali bejn żero u għoxrin, li mbagħad hija kkonvertita, bħala prinċipju, f’numru ta’ PM, utilizzabbli għall-finijiet tal-promozzjoni. Minbarra dan, l-Artikolu 10(2) tad-DĠI 45 jipprovdi li l-promozzjoni ta’ uffiċjal hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun kiseb għall-inqas 10 PM fl-aħħar RŻK tiegħu. Barra minn hekk, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 6(4)(b) tad-DĠI 45, l-uffiċjali li r-RŻK tagħhom jinkludi evalwazzjoni "dgħajfa" jew "insuffiċjenti" ma jibbenefikawx minn PP.

134    Huwa importanti wkoll li jiġi mfakkar li l-Artikolu 3 tad-DĠI 45, intitolat "Bażi għall-promozzjoni", jippreċiża li "[l]-ewwel element li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni huwa […] in-numru ta’ [PM] u ta’ [PP] li kull uffiċjal ikun kiseb f'dik is-sena jew fis-snin preċedenti". Hija t-total tal-PM u tal-PP li tippermetti lill-uffiċjali li jilħqu jew jaqbżu, jekk meħtieġ, il-kwota ta' promozzjoni. Il-PP mhumiex determinanti, waħidhom, għall-promozzjoni ta’ uffiċjal.

135    Fl-aħħar nett u fuq kollox jeħtieġ li jingħad li hekk kif jirriżulta b’mod ċar mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-DĠI 43 "[k]emm il-[PM] kif ukoll il-[PP] għandhom l-għan li jirrikumpensaw il-mertu u l-għoti ta’ [PP] għandu dejjem ikun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-mertu".

136    Fir-rigward tal-PP, l-Artikolu 6(4)(a) u (b) tad-DĠI 45 jipprovdi għall-għoti tal-PPDĠ b’limitu ta’ numru massimu ta’ 10 punti. Skond l-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45, dawn il-punti għandhom l-għan li jikkumpensaw l-uffiċjali li marru lilhinn mill-għanijiet individwali tagħhom, sabiex ikunu wettqu sforzi partikolari u jkunu kisbu r-riżultati eċċezzjonali fir-RŻK tagħhom. Minbarra dan, hekk kif diġà ġie espost (ara l-punt 133 imsemmi iktar ’il fuq), ir-referenza fir-RŻK ta’ l-evalwazzjonijiet "dgħajfa" jew "insuffiċjenti" jeskludu kull possibbiltà għall-uffiċjal ikkonċernat li jibbenefika mill-PP.

137    L-Artikolu 9 u l-anness I tad-DĠI 45 jipprovdu għall-għoti ta’ 1 jew 2 PPKS. Huma għandhom bħala għan li jiddistingwu l-membri tal-persunal li kkompletaw, b’suċċess, kompiti supplimentari fl-interess ta’ l-istituzzjoni. Dawn il-kompiti jikkonsistu f’attivitajiet ta’ "għalliem/lecturer" jew f’kontribuzzjonijiet diversi fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet jew f'organi konġunti. Jeħtieġ li jingħad li r-RŻK jinkludi titolu destinat speċjalment għall-inventarju tal-kompiti in kwistjoni.

138    Konsegwentement, fejn il-PPDĠ u l-PPKS huma t-tnejn ibbażati fuq il-mertu, l-għoti tagħhom li tikkumplimenta l-PM ma tmurx kontra l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

139    Fl-aħħar nett, għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003, l-ewwel sena ta’ implementazzjoni tal-proċedura l-ġdida ta’ promozzjoni, tal-metodi ta’ tranżizzjoni ġew ipprovduti fl-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45 "sabiex il-mertu jkun jista’ jiġi debitament meħud in kunsiderazzjoni f'dan iż-żmien", metodi li jkopru l-għoti tal-PPT (ara l-punt 58 imsemmi iktar ’il fuq). Ir-rikorrent qajjem eċċezzjoni ta’ illegalità li tirreferi speċifikament għal dik id-dispożizzjoni fejn invoka, hemmhekk ukoll, ksur ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff. Madankollu, għall-motivi spjegati fil-punti 191 et seq iktar ’il quddiem, dik l-eċċezzjoni ma tistax tkun ikkunsidrata bħala fondata.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li l-ilment preżenti jiġi rrifjutat.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

141    Ir-rikorrent isostni li, b'applikazzjoni żbaljata tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, id-DĠI 45 ma jimponix obbligu li jiġu spjegati l-proposti u d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-PPDĠ, tal-PPKS u tal-PPT. Huwa jikkunsidra li dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa sors arbitrarju.

142    Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu ta’ spjegazzjoni jikkostitwixxi għal prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju. Hija tiddeduċi li l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari fid-DĠI 45 kienu superfluwi. Barra minn hekk, dan il-prinċipju jimponi biss li jiġu spjegati d-deċiżjonijiet li allegatament jikkawżaw dannu u d-DĠI 45 jirrispettaw dak l-obbligu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

143    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, kull deċiżjoni li allegatament tikkawża dannu trid tagħti r-raġunijiet. Għalhekk, dan ma jimponix l-obbligu li tingħata spjegazzjoni tal-proposti, tar-rakkomandazzjonijiet jew ta’ l-opinjoni li allegatament ma jikkawżawx dannu fihom infushom.

144    Konsegwentement, għal dak li jirrigwarda l-PPDĠ, l-Artikolu 6(6) tad-DĠI 45 ma japplikax b'mod żbaljat it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff meta ma jobbligax lill-kumitati konġunti ta’ evalwazzjoni li jiġġustifikaw il-proposti tagħhom ħlief fil-każ fejn huma differenti minn dawk tad-direttorati ġenerali. L-Artikolu 9 tad-DĠI 45 ma jiksirx b’mod serju dik id-dispożizzjoni peress li ma jimponix fuq il-kumitati ta’ promozzjoni l-obbligu li jispjegaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-għoti tal-PPKS. L-istess osservazzjoni għandha ssir fir-rigward tal-proposti li l-kumitati ta’ promozzjoni jifformulaw fir-rigward ta’ l-għoti tal-PPTKP fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45, u għall-Artikolu 13(2) tad-DĠI 45, li skond dan il-kumitati ta’ promozzjoni joħorġu biss opinjoni motivata fil-każ li huma jipproponu l-għoti tal-PPA.

145    Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tad-direttorati ġenerali dwar l-għoti tal-PPDĠ, tal-PPTDĠ u tal-PPSS, bħad-deċiżjonijiet ta’ l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-PPKS, tal-PPTKP u tal-PPA mhumiex previsti mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, peress li dan jirrigwarda atti preparatorji (ara l-punti 90 et seq imsemmija iktar ’il fuq).

146    Hekk kif diġà ġie espost (ara l-punti 90 et seq imsemmija iktar ’il fuq), id-deċiżjoni finali li permezz tagħha titwettaq il-proċedura ta’ promozzjoni hija ta’ natura kumplessa, fis-sens li tinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi l-lista tal-promossi u dik ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali ta’ punti, li fuqha tibbaża l-ewwel deċiżjoni imsemmija iktar ’il fuq. L-uffiċjali kkonċernati jistgħu, skond is-sitwazzjoni tagħhom, iressqu ilment kontra deċiżjoni waħda jew oħra jew kontra t-tnejn.

147    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-obbligu ta' motivazzjoni huwa sodisfatt f’dak li jirrigwarda l-promozzjoni, meta l-Awtorità tal-Ħatra tispjega d-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment ippreżentat skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punti 11 sa 13, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

148    Minn dan isegwi li din il-parti ta’ l-argument għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u tad-drittijiet tad-difiża mid-DĠI 45

–       L-argumenti tal-partijiet

149    Ir-rikorrent jallega li d-deċiżjonijiet li dwar l-għoti tal-PP iwasslu għall-konklużjoni ta’ proċedura li tista’ tkun ibbażata fuq elementi li ma jidhrux fil-fajl ta’ l-uffiċjali u li ma jagħtix lill-partijiet ikkonċernati d-dritt li jinstemgħu qabel ma l-amministrazzjoni tadotta deċiżjoni li allegatament tikkawża dannu. B’mod partikolari, l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi dwar l-appelli interni skond proċedura li m'għandhiex karattru kontradittorju. L-għoti tal-PP jikser ukoll id-drittijiet tad-difiża u tas-subparagrafu (a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta li d-DĠI 45 jiksru d-drittijiet tad-difiża u l-projbizzjoni li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi li ma tidhirx fil-fajl individwali ta’ l-uffiċjal. Id-DĠI 45 ma jippermettux li jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi bħal dawn. Barra minn hekk, l-uffiċjali jkollhom il-possibbiltà li jinstemgħu fil-proċedura ta’ promozzjoni. L-Artikolu 13 tad-DĠI 45 jipprovdi għal appell kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-PP, qabel il-konklużjoni tal-proċedura ta' promozzjoni. Min naħa l-oħra, proċedura ta’ promozzjoni ma tistax tkun imqabbla mal-proċeduri "miftuħa kontra persuna". Konsegwentement, il-ġurisprudenza dwar id-dritt tal-persuna li tinstema' qabel ma jiġi adottat l-att li allegatament jikkawża dannu hija rrilevanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

151    L-Artikolu 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jgħid li l-fajl individwali ta’ l-uffiċjal irid ikun fih "(a) id-dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv tiegħu u r-rapporti kollha relatati ma’ l-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu" u "(b) kull kumment mill-uffiċjal dwar it-tali dokumenti". Dan l-istess artikolu jindika li "ma jistgħux jintużaw jew ikunu kkwotati mill-istituzzjoni kontra uffiċjal [dokumenti msemmija fis-subparagrafu (a)] sakemm ma kinux kkomunikati lilu qabel ma kienu ffajljati".

152    L-għan ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff huwa li jassigura d-dritt tad-difiża ta’ uffiċjal, billi jiġi evitat li l-Awtorità tal-Ħatra tieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u l-karriera tiegħu fuq il-bażi ta’ fatti li jikkonċernaw l-imġieba tiegħu, mhux imsemmi fil-fajl personali tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Perakis vs Il-Parlament, punt 130 supra, punt 27; tat-8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il-Kummissjoni, T‑496/93, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑405, punt 75; tat-30 ta’ Settembru 2003, Kenny vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑302/02, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1137, punt 32, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il-Kummissjoni, T‑144/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 133). Dan japplika għall-promozzjonijiet, peress li l-espressjoni "sitwazzjoni amministrattiva" imsemmija iktar ’il fuq tinkludi, b’mod partikolari, l-avvenimenti prinċipali tal-karriera (sentenza Schmit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 134).

153    F’dan il-każ partikolari, jeħtieġ li jingħad li l-ilment imqajjem jibbaża ruħu biss fuq sempliċi allegazzjonijiet tar-rikorrent, li jonqos milli juri li d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ PP, li uħud minnhom ma jirriżultawx mill-Awtorità tal-Ħatra, huma bbażati fuq elementi oħra barra mir-rapporti ta’ evalwazzjoni u ma jirriżultawx mill-fajls ta’ l-uffiċjali.

154    Id-DĠI 45 ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li tevita l-Artikolu 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, kif interpretata mill-ġurisprudenza. Kuntrarjament jidher li ċerti dispożizzjonijiet tad-DĠI 45 jistabbilixxu rabta diretta bejn l-għoti tal-PP u r-RŻK.

155    B’hekk mill-Artikolu 6 tad-DĠI 45 jirriżulta li l-PPDĠ huma mogħtija mid-diretturi ġenerali jew mid-diretturi, wara eżami tar-riżultati tar-RŻK u fir-rigward tal-merti ta’ l-uffiċjali kkonċernati, ikkonfermati mir-RŻK. Barra minn hekk, ir-RŻK jinkludu titolu dwar il-kompiti supplimentari mwettqa fl-interess tal-Kummissjoni fil-perijodu ta’ evalwazzjoni, li fuq il-bażi tagħha mbagħad jingħataw il-PPKS.

156    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-istabbiliment tar-RŻK jaqa' taħt proċess kumpless li l-uffiċjali huma strettament assoċjati miegħu skond l-Artikolu 43 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff li jistabbilixxi li dan ir-rapport perijodiku huwa kkomunikat lill-persuna kkonċernata li "[g]ħandu jkun intitolat li jagħmel kull kumment fuqu li jikkunsidra rilevanti".

157    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma jkunx effettivament invoka ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-PP, inklużi fihom dawk ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li jiddeċiedu dwar l-appelli interni previsti fl-Artikolu 13 tad-DĠI 45, l-imsemmija deċiżjonijiet jikkostitwixxu biss atti preparatorji tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu t-total tal-punti ta’ promozzjoni u li jiddeċiedu l-lista tal-promossi. Madankollu, id-drittijiet tad-difiża ma japplikawx għal deċiżjonijiet bħal dawn, iżda għal dawk li allegatament jikkawża dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, F vs Il-Kummissjoni, T‑211/98, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑471, punti 28 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda dik il-parti ta' l-argument bħala infondata.

 Fuq l-effett tar-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 13 tad-DĠI 45

–       L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrent jallega li r-rikorsi mressqa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45 ma jkunux realment eżaminati mill-Awtorità tal-Ħatra. Din tkun limitata li taċċetta l-proposti tal-kumitati ta’ promozzjoni.

160    Il-Kummissjoni tikkontesta dan u ssostni li l-ġurisdizzjoni mogħtiha lilha mill-Artikolu 13 tad-DĠI 45 ma twaqqafhiex milli ssegwi l-proposti tal-kumitati ta’ promozzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

161    Jekk jiġi presuppost li dan l-ilment għandu jiġi interpretat bħala li jpoġġi fid-dubju l-legalità ta’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li huwa bbażat fuq sempliċi affermazzjoni tar-rikorrent u mhuwiex is-suġġett ta’ ebda argument ġuridiku. Barra minn hekk, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat bħala li jeżenta lill-Awtorità tal-Ħatra milli effettivament teżamina r-rikors in kwistjoni, peress li dan għall-kuntrarju jagħtih il-poter li jiddeċiedi. Id-domanda dwar jekk l-Awtorità tal-Ħatra effettivament eżaminatx l-appell intern tar-rikorrent hija s-suġġett ta’ motiv ieħor (punt 304 iktar ’il quddiem).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba u d-dritt għal proċedura imparzjali u ekwa

162    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal proċedura imparzjali u ekwa.

163    Huwa madankollu ma jiżviluppax l-argument distint minn dawk eżaminati iktar ’il fuq. L-ilment huwa konsegwentement infondat. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-iżviluppi preċedenti.

164    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa kontra l-Artikolu 2 tad-DĠI 43 u kontra l-Artikoli 3, 6, 7, 9, 10, 12 u 13 tad-DĠI 45 għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikoli 6 u 7 tad-DĠI 45 moqrija fid-dawl ta’ l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002, li timponi medja mmirata li tirrestrinġi d-diskrezzjoni tad-direttorati ġenerali

 L-argumenti tal-partijiet

165    Ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikoli 6 u 7 tad-DĠI 45, flimkien ma’ l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002. Huwa jibbaża ruħu fuq ksur ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, tal-prinċipju tat-trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera.

166    Ir-rikorrent iqis li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jistabbilixxu kwoti ta’ PM u ta’ PPDĠ għad-direttorati ġenerali. Fl-ewwel lok, dan ikun mistieden li ma jaqbiżx "medja mmirata" ta’ 14 PM f’kull grad u kull qabża ta’ dik il-medja b'aktar minn punt iwassal għal tnaqqis korrispondenti tan-numru ta’ PPDĠ li huwa mogħti lilhom. Fit-tieni lok, m’hemm l-ebda possibbiltà li d-direttorati ġenerali jingħatalhom aktar minn 2.5 PPDĠ għal kull uffiċjal. Ir-rikorrent iqis li dawn il-kwoti jikkawżaw limitazzjoni. Huma jirrestrinġu l-libertà ta’ evalwazzjoni tad-direttorati ġenerali u jipprevjenu l-paragun effettiv tal-merti ta’ l-uffiċjali suġġetti li jkunu promossi. Il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45, li tiġi mitluba deroga mill-medja mmirata ma tirrimedjax b’mod adegwat għal dan il-limitu amministrattiv għaliex din tkun tiddependi mill-inizjattiva ta’ kull direttorat ġenerali, li hija tkun diskrezzjonali u li għandha tkun awtorizzata mill-kumitati ta’ promozzjoni, filwaqt li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha biss il-poter tad-deċiżjoni fil-qasam tal-promozzjoni. Il-kwoti msemmija iktar ’il fuq ikollhom bħala effett li l-lista tal-promossi tiddependi aktar minn "strateġiji" implementati minn kull direttorat ġenerali milli minn paragun reali tal-merti ta’ l-aġenti.

167    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 kienet tipprovdi biss għal medja mmirata ta' 14-il punt. L-għan ta’ din il-medja huwa leġittimu. Dan l-għan mhuwiex li tiġi llimitata l-libertà ta’ evalwazzjoni tal-gradi f’każijiet individwali, iżda pjuttost li tiġi evitata inflazzjoni ġenerali tan-noti li jwasslu għad-deprezzament tagħhom. Minbarra dan, din il-medja mhijiex ta' limitazzjoni. Jekk tinqabeż b'inqas minn 15-il punt ma jkunx hemm konsegwenzi. Aktar minn hekk, in-numru ta’ PPDĠ ikun imnaqqas, ħlief f’każ ta’ deroga. Din il-possibbiltà ta’ kisba ta’ deroga, skond l-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45, fl-aħħar nett tammonta għal soluzzjoni għall-problemi mqajma minħabba l-eżistenza ta’ kwota ta’ 2.5 PPDĠ għal kull aġent u għal konċentrazzjoni eventwali ta’ uffiċjali brillanti f’ċerti direttorati ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

168    Huwa importanti li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tad-diskrezzjoni wiesgħa tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi favur l-eżami komparattiv tal-merti skond il-proċedura jew il-metodu li hija tqis l-aktar xierqa (ara l-punt 131 imsemmi iktar ’il fuq).

169    Hekk kif ippreċiżat fil-komunikazzjoni SEC (2001) 1697, "il-proċedura l-ġdida ta' promozzjoni timmarka bidla mill-passat". Fir-rigward tal-konstazzjonijiet li seħħu fil-parti l-kbira ta’ l-evalwazzjonijiet ta’ l-uffiċjali tad-direttorati ġenerali differenti u tad-diffikultà sussegwenti għall-Awtorità tal-Ħatra li tipproċedi bl-eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali kollha kkonċernati, fl-osservanza tal-prinċipju tat-trattament ugwali, il-Kummissjoni ppruvat tkun aktar oġġettiva fl-evalwazzjoni professjonali tal-persunal sabiex tagħmel is-sistema ta’ promozzjoni l-aktar ġusta possibbli. Dan l-għan huwa mħaddan permezz ta’ kwantifikazzjoni tal-mertu permezz ta’ sistema ta’ punti u permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-DĠI 45 li għandhom l-għan li jassiguraw koerenza fl-għoti ta’ dawn il-punti fuq il-livell tal-Kummissjoni kollha.

170    B’hekk, l-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 jipprovdi li d-direttorati ġenerali jiddisponu minn kwota ta’ PPDĠ ekwivalenti għal 2.5 darba tan-numru ta’ uffiċjali li jkunu eliġibbli għal promozzjoni tenut kont tal-grad tagħhom u li jokkupaw kariga f’Direttorat Ġenerali. Dik l-istess dispożizzjoni tgħid li "d-direttorati ġenerali li l-punteġġ medju tagħhom, f’termini ta’ [PM], għal grad stabbilit, jaqbeż b’aktar minn punt il-medja prevista mill-Kummissjoni jkollhom il-kwota tagħhom ta’ [PP] imnaqqsa b’ammont korrispondenti eżattament għall-parti żejda". L-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 tippreċiża li "d-direttorati ġenerali huma mistiedna jevalwaw il-persunal tagħhom billi josservaw il-medja ta’ 14 [PM] fuq 20 (imsejjħa ‘medja mmirata’). Dik il-medja ta’ 14 trid tkun osservata f’kull grad, fil-livell ta’ kull direttorat ġenerali". Minbarra dan, huma jippreċiżaw li "d-direttorati ġenerali li, għal grad speċifiku, [laħqu] medja superjuri għal 15 huma ppenalizzati. L-ippenaliżżar jikkonsisti fit-tnaqqis tal-kwota ta’ [PP] tagħha li [d-direttorat ġenerali] jipprovdi, għal dan il-grad, għall-proċedura ta’ promozzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

171    Jeħtieġ ukoll li jingħad li l-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 jipprovdi li, meta d-direttorati ġenerali jiġġustifikaw il-parti żejda, huma għandhom il-fakoltà li jirreferu għall-Kumitat ta' Promozzjoni, li jista’ jiddeċiedi, eċċezzjonalment, għall-annullament ta’ tnaqqis kollu li jsir jew ta’ parti minnu.

172    Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrent, kemm għall-eżistenza tal-kwota tal-PPDĠ kif ukoll għall-medja mmirata mhumiex ta’ natura li jillimitaw il-libertà ta’ evalwazzjoni tad-direttorati ġenerali b’mod kuntrarju għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, għall-prinċipju tat-trattament ugwali u għall-prinċipju ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera. Għall-kuntrarju, jidher li dawn iż-żewġ mekkaniżmi huma ta’ tip li jiffavorixxu l-espressjoni effettiva ta’ evalwazzjoni rappreżentattiva tal-merti ta’ l-uffiċjali li jassiguraw l-għola livell ta’ komparabbiltà ta’ l-evalwazzjonijiet fid-direttorati ġenerali f’daqqa tal-Kummissjoni u, konsegwentement, it-trattament ugwali ta’ l-imsemmija uffiċjali, sostnut espressament mir-rikorrent. F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi mfakkar li fil-prattika, l-eżami komparattiv tal-merti jrid isir fuq bażi ugwali u li jibda mis-sorsi ta’ informazzjoni u ta’ informazzjoni komparabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Tsirimokos vs Il-Parlament, punt 130 supra, punt 21, u tal-21 ta’ Settembru 1999, Oliveira vs Il-Parlament, T‑157/98, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑851, punt 35).

173    Fir-rigward tal-kwota ta’ PPDĠ, din tirrispondi għall-għan ġenerali tal-PP li għandhom l-għan li jiddistingwu, permezz ta’ l-uffiċjali, dawk li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi, sabiex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ promozzjoni (punt 4 imsemmi iktar ’il fuq). Fil-fatt, limitazzjoni tan-numru ta’ punti disponibbli hija ta’ natura li ġġiegħel lid-direttorati ġenerali jwettqu għażla bħal din. Dan l-għan huwa hu stess kompatibbli ma’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, it-trattament ugwali u l-eliġibbiltà għall-karriera.

174    Għal dak li jirrigwarda l-medja mmirata, hemm lok li jiġi nnutat li d-dispożittiv imsemmi iktar ’il fuq ma jimponix fuq id-direttorati ġenerali obbligu assolut li tiġi osservata l-imsemmija medja iżda jinċitahom biex jagħmlu dan.

175    Madankollu, il-fatt li d-direttorati ġenerali jieħdu in kunsiderazzjoni l-medja mmirata indikata bl-ebda mod ma jfisser li l-libertà tagħhom ta’ ġudizzju hija limitata b’mod kuntrarju għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, għall-prinċipju ta’ trattament ugwali u għall-prinċipju ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera.

176    Fil-fatt, fl-ewwel lok, din il-medja tesprimi b’mod matematiku l-evalwazzjoni tas-servizzi ta’ uffiċjal medju. Huwa ma jillimitax il-possibbiltà għall-evalwaturi li jiddifferenzjaw l-evalwazzjonijiet magħmula individwalment fuq is-servizzi ta’ kull uffiċjal skond jekk dawk is-servizzi jkunux inqas jew aktar minn dawk medji. Il-medda ta' punti mogħtija mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 ma jimmodifikawx dan ir-rapport. Dik l-informazzjoni tirrakkomanda biss lill-dawk li jiktbu dan ir-rapport sabiex jirriżervaw, l-ewwel, il-marki minn 17 sa 20 għall-uffiċjali li jistħoqqilhom promozzjoni malajr; it-tieni, il-marki minn 12 sa 16 lil dawk li jistħoqqilhom promozzjoni normali; it-tielet, il-marki minn 10 sa 11 lil dawk li jibbenefikaw biss minn promozzjoni bil-mod; ir-raba’, il-marki taħt 10 lill-uffiċjali li għandhom itejbu l-effiċjenza tagħhom u li ma jiksbux il-promozzjoni fil-proċedura in kwistjoni. L-istess Informazzjoni Amministrattiva tindika li "marka ta' 17 sa 20 punt tingħata lil approssimativament 15 % ta’ l-uffiċjali, marka ta' 12 sa 16-il punt lil approssimativament 75 % ta’ l-uffiċjali u marka ta' 10 sa 11-il punt lil approssimativament 10 %". Madankollu, dawn il-medded jirriżultaw biss mill-osservazzjoni tal-mod li bih il-promozzjonijiet ġew mogħtija globalment fil-passat. Huma għandhom biss valur indikattiv u mhumiex vinkolanti. Minbarra dan, bid-differenza tal-medja mmirata, il-medda ta' punti msemmija iktar ’il fuq huma stess mhumiex l-oġġett ta’ inċitament. L-ebda konsegwenza ma hija marbuta ma l-inosservanza tagħhom. Minn dan isegwi li l-medja mmirata, flimkien mal-medda ta' punti, ma jwaqqfux lil evalwaturi milli jużaw diskrezzjoni wiesgħa fl-għoti tal-punti. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

177    Barra minn hekk, id-DĠI 43 u d-DĠI 45 ma jipprojbixxux l-użu ta’ punti li jikludu d-deċimi. L-Artikolu 4(4) tad-DĠI 43 jipprovdi speċifikament għall-użu ta’ nofs punt u l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 tissuġerixxu nota ta' "10 sa 11"-il punt għall-uffiċjali li jistħoqqilhom promozzjoni bil-mod. Konsegwentement, l-evalwaturi huma f’pożizzjoni li jippreċiżaw l-evalwazzjoni tagħhom ta’ l-uffiċjali.

178    Il-fatt li l-punti kollha jibqgħu għad-dispożizzjoni ta’ l-evalwaturi tiddifferenzja s-sistema implementata mill-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 u mill-Informazzjoni Amministrattiva msemmija iktar ’il fuq, mis-sistema invalidata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Tatti vs Il-Kummissjoni (T‑296/01, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑1093). L-ewwel nett, din is-sistema kienet vinkolanti. Barra minn hekk, huwa assoċja medja mal-limitu ta’ 30 punt, inqas mill-massimu ta’ 50 punt li jista' jintlaħaq teoretikament.

179    Fit-tieni lok, l-indikazzjoni ta’ medja mmirata ta’ 14 fuq 20 jippermetti li jkun evitat ir-riskju ta’ inflazzjoni tar-rapport ta’ l-istaff. Dik l-inflazzjoni jkollha bħala effett li tnaqqas il-medda tal-punti effettivament użati mill-evalwaturi u, b’hekk, jikkawża dannu għall-funzjoni tar-rapport ta’ l-istaff li għandu jirrifletti, kemm jista’ jkun fedelment, il-merti ta’ l-uffiċjali mogħtija l-punti u li jippermetti paragun effettiv. Is-sistema kkontestata għall-kuntrarju tobbliga lil dawk li jagħtu l-punti li jwettqu paragun aktar rigoruż tal-merti individwali ta’ kull wieħed.

180    Fit-tielet lok, l-indikazzjoni ta’ medja mmirata tippermetti ukoll li jitnaqqas ir-riskju ta’ differenza fil-metodi tar-rapporti ta’ l-istaff imwettqa mid-direttorati ġenerali differenti, li ma jkunx motivat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi marbuta mal-merti ta’ l-uffiċjali mogħtija l-punti. Hija b’hekk tipproteġi lill-uffiċjali minn trattament diskriminatorju skond jekk jappartjenix għal direttorat ġenerali wieħed jew ieħor.

181    Fir-raba’ lok, is-sistema tal-medja mmirata tieħu in kunsiderazzjoni r-realtà l-aktar komunement osservata, jiġifieri l-għoti omoġenea ta’ l-uffiċjali mogħtija l-punti fil-livell medju ta’ mertu. Konsegwentement, il-Kummissjoni minn dik l-osservazzjoni setgħet tiddeduċi statistika li, skond kull probabbiltà, l-iffissar ta’ medja mmirata rappreżentattiva ta’ dik il-medja ma jostakolawx il-libertà ta’ evalwazzjoni ta’ l-evalwaturi.

182    Ir-rikorrent madankollu jsostni li l-medja mmirata tqajjem diffikultajiet fis-servizzi fejn jikkonċentraw fuq elementi tajbin ħafna.

183    Madankollu, l-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 jippermetti lid-direttorati ġenerali jevitaw il-medja mmirata, meta s-sitwazzjoni partikolari tagħhom ma tikkoinċedix mar-realtà komuni. Fil-fatt, l-ebda konsegwenza ma hija marbuta mal-qabża ta’ punt tal-medja mmirata. Barra minn hekk, jekk il-qabża tkun aktar minn punt, id-direttorat ġenerali kkonċernat għandu l-fakoltà li jirreferi lill-Kumitat tal-Promozzjoni, li għandu s-setgħa li jiddeċiedi, eċċezzjonalment, li jannulla t-tnaqqis kollu jew parti minnu ta’ PP mogħti fil-każ ta’ qbiż bħal dan, meta dak id-direttorat ġenerali jiġġustifika l-qabża b’mod validu. Madankollu, konċentrazzjoni ta’ uffiċjali tajbin ħafna tikkostitwixxi manifestament ġustifikazzjoni bħal din.

184    Ir-rikorrent jallega wkoll li d-deroga msemmija iktar ’il fuq ma tammontax għal "rimedju suffiċjenti", safejn hija tiddependi mill-inizjattiva tad-direttorati ġenerali u li l-għoti tagħhom jaqa' taħt id-diskrezzjoni ta’ kompetenza tal-Kumitat ta' Promozzjoni u mhux ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li, huwa biss, jiddisponi minn setgħa li jagħti deċiżjoni fil-qasam ta’ promozzjoni.

185    Minbarra l-konstatazzjoni ta’ nuqqas totali ta’ argumentazzjoni sabiex issostni l-kritika dwar l-inizjattiva tad-direttorati ġenerali, jeħtieġ li jingħad li dik tidher totalment iġġustifikata u loġika fil-kuntest ta’ sistema li tkun tista’ twassal għal tnaqqis tan-numru ta’ PPDĠ mogħtija lid-direttorati ġenerali stess u mhux lil uffiċjal partikolari.

186    Fir-rigward tal-kompetenza "ta’ diskrezzjoni" tal-kumitati ta’ promozzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, il-promozzjoni hija mogħtija b’deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, u dan skond eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni magħmul skond il-proċedura jew il-metodu li hija tqis l-aktar xierqa. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Promozzjoni li tannula jew le t-tnaqqis kollu jew parti tal-PPDĠ wara l-qabża tal-medja mmirata ma jistax ikun imqabbel mad-deċiżjoni tal-promozzjoni msemmija iktar ’il fuq. Id-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Promozzjoni taqa’ fil-kuntest tal-proċedura ġdida ta’ promozzjoni definita mill-Awtorità tal-Ħatra u għalhekk ma jistax ikun validament konkluż li kien hemm interpretazzjoni żbaljata tas-setgħat li r-Regolamenti ta’ l-Istaff jagħtu lil din l-awtorità.

187    Fl-aħħar nett, hemm lok li jingħad li, sabiex jikkumplimenta l-mekkaniżmi aritmetiċi globali li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45, l-Artikolu 13 tad-DĠI 45 jipprovdi li kull uffiċjal jista’ jressaq appell intern suġġett li jwassal lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tagħtih wieħed jew aktar PPA "barra mill-kwota tad-direttorat ġenerali". Skond l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003, l-Awtorità tal-Ħatra b’hekk tat 156 PPA lill-uffiċjali tal-kategorija A li ressqu appell bħal dan.

188    It-tqegħid flimkien ta’ l-Artikolu 6(1) u ta’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45 jikkaratterizza l-bilanċ tas-sistema l-ġdida ta' promozzjoni intiża sabiex tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra bażi aħjar sabiex tipproċedi bl-eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali kollha li jkunu eliġibbli għall-promozzjoni għall-grad ikkonċernat, billi jassigura l-għola livell possibbli ta’ koerenza ta’ l-evalwazzjonijiet bejn id- direttorati ġenerali differenti tal-Kummissjoni.

189    B’hekk jidher li skond l-affermazzjonijiet tar-rikorrent, il-kwoti previsti fl-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 u fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002 bl-ebda mod ma jeskludu eżami komparattiv effettiv tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni u minnhom infushom, ma jimponux l-għażla ta’ l-"istrateġiji" inkompatibbli ma’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ eliġibbiltà għall-karriera. Għażla bħal din tiżvela biss irregolarità fl-implementazzjoni tad-DĠI 45.

190    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda, peress li ġie osservat li l-fatt li l-Kummissjoni kienet immodifikat ir-regoli applikabbli sa mill-proċedura ta’ promozzjoni 2004 ma jista' jkollu ebda influwenza fuq il-legalità tas-sistema implementata għall-proċedura preċedenti.

 Fuq it-tielet eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 12 tad-DĠI 45, li jagħti importanza eċċessiva lis-senjorità, huwa impreċiż u jinjora l-kompetenza ta’ l-Awtorità tal-Ħatra

191    Ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 12 tad-DĠI 45. Il-miżuri tranżitorji li dan jinkludi huma kuntrarji għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff. Huwa l-ewwel nett jikkritika l-karattru tranżitorju tagħhom. Huwa jallega wkoll li dawn jattribwixxu karattru determinanti lis-senjorità tal-grad. Fl-aħħar nett, huwa jikkontesta l-kompetenza tal-Kumitati ta' Promozzjoni sabiex jingħataw PPTKP.

 Fuq il-karattru tranżitorju ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45

–       L-argumenti tal-partijiet

192    Ir-rikorrent jikkontesta l-karattru tranżitorju ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45 għar-raġuni li l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, adottati fl-24 ta’ Marzu 2004, kienu essenzjalment żammew il-kategorija tal-PPTDĠ u kienu rrinovaw integralment il-kategorija tal-PPTKP.

193    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Artikolu 12 tad-DĠI 45 stabbiliet sistema tranżitorja, li ser tkun imneħħija progressivament kif juru t-tibdiliet li saru permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni imsemmija iktar ’il fuq fl-24 ta’ Marzu 2004.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

194    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45 tipprovdi li "ir-regoli dettaljati ta' tranżizzjoni [huma] implementati sabiex il-mertu jkun jista' jiġi debitament meħud in kunsiderazzjoni f'dan iż-żmien". Dawn ir-regoli dettaljati huma definiti fl-Artikolu 12(3)(a) u (b) tad-DĠI 45. Skond in-nota fil-qiegħ tal-paġna Nru 5 tad-DĠI 45, l-Artikolu 12 jikkonċerna "l-ewwel proċedura ta’ promozzjoni li ser issir fl-2003 ". Il-karattru tranżitorju tagħhom b’hekk spiċċa. Il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 kienu ġew prorogati sussegwentement ma jistax jaffettwa l-legalità tagħhom li trid tiġi evalwata fir-rigward tat-test kif applikat.

195    L-ilment li jikkontesta l-karattru tranżitorju ta’ l-Artikolu 12 għandu konsegwentement, ikun miċħud.

 Fuq l-allegat karattru determinanti mogħti lis-senjorità tal-grad mill-PPT

–       L-argumenti tal-partijiet

196    Ir-rikorrent josserva li, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45, il-PPTDĠ huma attribwiti skond is-senjorità fil-grad u jkun xi jkun il-mertu ta’ l-uffiċjali. Huma għandhom karattru determinanti. Ir-rikorrent fil-fatt isostni li l-PPTDĠ jistgħu jirrappreżentaw sa 7 punti, peress li fil-prattika l-PM għandhom biss estensjoni ta’ 3 punti fejn huma jkunu ġeneralment bejn 13 u 16. Madankollu, mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jirriżulta li s-senjorità tal-grad tista' tapplika biss sussidjarjament.

197    Huwa jżid jgħid li n-neċessità li tiġi organizzata t-tranżizzjoni minn sistema ta’ promozzjoni għal oħra ma tiġġustifikax din id-dispożizzjoni. Ir-rikorrent josserva f’dan ir-rigward li l-Parlament u l-Qorti tal-Ġustizzja kienu organizzaw sistemi preċedenti ta’ konverżjoni tar-rapporti ta’ l-istaff f’punti mogħtija fir-rapport ta’ l-istaff li huma ta' inqas preġudizzju għar-regola ta' promozzjoni skond il-mertu. Huwa fl-aħħar nett isostni li l-Kummissjoni setgħet tieħu in kunsiderazzjoni l-mertu fit-terminu ta' żmien billi jagħmel użu mill-metodu, diġà użat, tal-medja ta’ evalwazzjonijiet analitiċi li jidhru fir-rapporti ta’ l-istaff. Il-mekkaniżmu tal-PPTDĠ li jivvaloriżża s-senjorità tal-grad konsegwentement imur lil hinn minn dak li huwa indispensabbli sabiex tiġi assigurata tranżizzjoni regolari mis-sistema antika lejn dik ġdida.

198    Minbarra dan, ir-rikorrent iqis li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 essenzjalment tagħmel l-istess kritika. Huwa jikkonstata wkoll li dik id-dispożizzjoni ma tiffissax kriterji preċiżi għall-għoti tal-PPTKP. Id-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni jistgħu b’hekk ikunu "iddeterminati permezz ta’ deċiżjonijiet arbitrarji u mhux motivati, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, għall-prinċipju ta’ eliġibbiltà għall-karriera u għall-prinċipju tat-trattament ugwali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

199    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Artikolu 12(3)(b) tad-DĠI 45 jikser l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff. Fil-fatt, skond sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni (C‑446/00 P, Ġabra p. I‑10315, punt 36), l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jipprojbixxi l-promozzjoni awtomatika ta’ l-uffiċjali mhux promossi fl-eżerċizzju preċedenti, filwaqt li kienu jidhru diġà fil-lista ta’ dawk li l-aktar għandhom mertu. Ir-rikorrent iżid li l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 18‑2003 toffri żieda ta’ 4 PPSS lil kull direttorat ġenerali li jagħti ta' l-inqas 6 PPDĠ lil uffiċjal bħal dan. Madankollu, il-PPDĠ mhumiex indikatur xieraq tal-mertu. Is-senjorità tal-grad ikun irrikumpensat mill-ġdid.

200    Il-Kummissjoni tfakkar li l-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni għandha l-għan li tirrikompensa l-mertu fit-terminu ta' żmien. Hija ssostni li uffiċjal ma jistax jirċievi aktar minn 7 PPTDĠ, li jikkorrispondi għal massimu ta' seba’ snin fil-grad. Dik il-limitazzjoni għandha l-għan li ma tiffavorixxix lil dawk li l-karriera tagħhom tevolvi partikolarment bil-mod.

201    Il-Kummissjoni tindika wkoll li mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003 jirriżulta li l-PPTKP li għandhom it-tendenza li jikkompensaw żvantaġġi eventwali marbuta mat-tranżizzjoni bejn is-sistema antika u l-ġdida u li ma tkunx altrimenti meħuda suffiċjentement in kunsiderazzjoni.

202    Il-Kummissjoni ssostni wkoll, fir-rigward tal-PPSS, li l-prinċipju msemmi fis-sentenza Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, tkun irrilevanti f’dan il-kaz partikolari. Fil-fatt, il-prattika pprojbita permezz ta’ dik is-sentenza tikkonsisti fil-promozzjoni awtomatikament ta' l-uffiċjali li, skond il-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti, jidhru fil-lista ta’ dawk li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi. Min-naħa l-oħra, il-PPSS huma biss kategorija ta’ PP prevista mid-DĠI 45. Minbarra dan, huma ma jkunux fost l-aktar importanti, peress li ma jistgħux jaqbżu l-4 punti. Madankollu, is-sentenza Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni tindika b’mod ċar li, fil-proċedura ta’ promozzjoni, l-istituzzjoni tista’ tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li uffiċjal jidher fil-lista ta’ l-uffiċjali mhux promossi.

203    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tgħid li qatt ma kkunsidrat sistema ta’ konverżjoni ta’ rapporti ta’ l-istaff f’punti minħabba diffikultajiet li jirriżultaw mill-armonizzazzjoni insuffiċjenti rapport ta’ l-istaff antiki.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

204    Preliminarjament jeħtieġ li jingħad li huwa xieraq għall-modifika ta’ leġiżlazzjoni li jiġu inklużi sitwazzjonijiet ġodda f’data speċifika billi jiġi żviluppat it-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet li seħħew preċedentement. Fil-każ preżenti, hija l-Awtorità tal-Ħatra li tirranġa, fuq bażi tranżitorja, il-bidla tar-regoli dwar il-promozzjoni ta’ l-uffiċjali fit-teħid in kunsiderazzjoni tal-limiti inerenti għat-tranżizzjoni minn metodu ta' tmexxija għal ieħor.

205    Is-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni daħlet fis-seħħ fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003 u għalhekk ġew stabbiliti regoli dettaljati ta’ tranżizzjoni fl-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45 sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-mertu akkumulat fil-grad tagħhom mill-uffiċjali tal-Kummissjoni li kienu qed jokkupaw kariga fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-sistema msemmija. Dawn ir-regoli dettaljati jkopru l-għoti ta’ punti differenti ta’ tranżizzjoni lil dawn l-uffiċjali.

206    L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 tipprovdi għall-għoti ta’ uffiċċju lill-uffiċjali ta’ PPTDĠ għal kull sena fil-grad, sa limitu massimu ta’ 7 PPTDĠ. Hekk kif indikat il-Kummissjoni, in-numru ta’ snin li wieħed jgħaddi fi grad jista’ jkun ikkunsidrat bħala indikatur oġġettiv, iżda biss parzjali tal-mertu akkumulat minn uffiċjal. Madankollu, huwa paċifiku li d-direttorati ġenerali ma jiddisponux, f’dan ir-rigward, minn ebda setgħa ta’ diskrezzjoni u li n-numru ta’ PPTDĠ mogħtija lil uffiċjal jikkorrispondi neċessarjament għan-numru ta’ snin ta’ senjorità fil-grad tiegħu, f’limitu massimu ta’ 7 snin.

207    It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 tippermetti l-għoti ta’ massimu ta’ 2 PPTKP għal kull uffiċjal. Skond l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003 u r-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn il-PPTKP ġew istitwiti sabiex isolvu, b’mod ġust, il-problemi speċifiċi marbuta mat-tranżizzjoni bejn is-sistema antika u dik ġdida. Jibqa' l-fatt li dan l-għan partikolari tal-PPTKP neċessarjament jaqa' fil-kuntest ta’ l-oġġettiv tal-punti kollha ta’ tranżizzjoni li huma jifformaw parti minnu, jiġifieri t-teħid in kunsiderazzjoni tal-mertu akkumulat minn uffiċjal wara l-aħħar promozzjoni tiegħu. Konsegwentement, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 ma tiksirx fiha nnifisha, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff. Il-fatt li l-għoti tal-PPTKP tista’ twassal, kif jallega r-rikorrent, għal promozzjonijiet arbitrarji jirriżultaw mill-applikazzjoni individwali ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45 u mhux mill-illegalità intrinsika tiegħu.

208    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12(3)(b) tad-DĠI 45 jikkonferixxi lid-direttorati ġenerali l-possibbiltà li jingħataw, skond l-Informazzjoni Amministrattiva Nri 18‑2003 u 34‑2003, sa 4 PPSS lill-uffiċjali proposti fil-proċedura preċedenti, iżda mhux promossi.

209    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar li l-Awtorità tal-Ħatra, bħala prinċipju, għandha d-dritt li tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni komparattiva tal-merti, il-fatt li uffiċjal ikun diġà ġie propost għall-promozzjoni fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti bil-kundizzjoni li jkun għadu jistħoqqlu li jiġi promoss u li l-merti tiegħu jkunu evalwati bi tqabbil mal-kandidati l-oħra għall-promozzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Hamptaux, C‑207/99 P, Ġabra p. I‑9485, punt 19, u s-sentenza Casini vs Il-Kummissjoni, punt 130 supra, punti 69 u 70). Minn naħa l-oħra, prattika li tikkosisti fil-promozzjoni awtomatika tal-kumplament tal-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti tmur kontra l-prinċipju ta’ l-eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali li jkunu eliġibbli għall-promozzjoni pprovdut fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff (sentenza Tenreiro vs Il-Kummissjoni, punt 130 supra, punt 82).

210    F’dan il-każ partikolari, huwa paċifiku li l-PPSS jammontaw biss għal ħames kategoriji ta’ PP u li l-għoti tagħhom ma jwassalx awtomatikament għal promozzjoni. Barra minn hekk, mis-subparagrafu (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45, moqri fid-dawl ta’ l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 18‑2003, jirriżulta li l-għoti tal-PPSS huwa suġġett għal kundizzjoni doppja. B’hekk, l-Informazzjoni Amministrattiva tippreċiża li l-uffiċjali proposti u mhux promossi fil-proċedura ta’ promozzjoni ta’ l-2002 "jistgħu jirċievu sa 4 [PPSS], bil-kundizzjoni li jiksbu għall-inqas [6 PP] u sakemm ir-riżultat tal-paragun tal-merti jkun ikkonfermat". Minn dan isegwi li l-PPSS huma attribwiti lill-uffiċjali proposti iżda mhux promossi fil-proċedura 2002 li jkomplu jagħtu prova ta’ l-istess merti jew l-istess merti superjuri, u dan wara eżami komparattiv tal-merti tagħhom bi tqabbil ma' dawk ta’ tal-kandidati l-oħra għall-promozzjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

211    Fil-fatt, l-obbligu msemmi iktar ’il fuq li jinkisbu minimu ta’ 6 PPDĠ, kundizzjoni li jaqblu fuqha r-rikorrent u l-Kummissjoni, timplika li l-uffiċjali li huma partikolarment effiċjenti biss jistgħu jibbenefikaw mill-PPSS. Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-PPDĠ jikkumpensaw merti partikolari, attestati fir-RŻK ta’ l-uffiċjali kkonċernati, u li r-referenza fir-RŻK ta’ l-evalwazzjonijiet "dgħajfa" jew "insuffiċjenti" jeskludu kull possibbiltà għall-uffiċjal ikkonċernat li jibbenefika mill-PP. Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li s-subparagrafu (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45, moqri fid-dawl ta’ l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 18‑2003, ma jmurx kontra l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u li għalhekk il-kritika tar-rikorrent mhix fondata.

212    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-PPTDĠ biss jiżvelaw teħid in kunsiderazzjoni tas-senjorità tal-grad kuntrarju għar-regoli li normalment jirregolaw il-proċeduri ta’ promozzjoni.

213    Madankollu, il-kritiki tar-rikorrent għandhom ikunu previsti fid-dawl tal-fatt li d-dispożittiv ikkontestat permezz ta’ eċċezzjoni jippreżenta l-karattru ta’ miżura tranżitorja. Madankollu, il-limiti inerenti għat-tranżizzjoni minn metodu ta’ tmexxija għal ieħor, fir-rigward tal-karriera ta’ l-uffiċjali, jistgħu jġiegħlu lill-amministrazzjoni teskludi temporanjament, u f’ċerti limiti, l-applikazzjoni stretta tar-regoli u prinċipji ta’ valur permanenti li japplikaw ordinarjament għas-sitwazzjonijiet in kwistjoni. Madankollu varjazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu ġġustifikati permezz ta’ bżonn imperattiv marbut mat-tranżizzjoni u m'għandhomx imorru lil hinn, fit-terminu tagħhom jew fil-portata tagħhom, minn dak li huwa indispensabbli sabiex tiġi assigurata tranżazzjoni regolari minn sistema għall-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 2003, Leonhardt vs Il-Parlament, T‑30/02, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑265, punt 51).

214    F’dan il-każ partikolari, l-adozzjoni ta’ sistema kkaratterizzata minn kwantifikazzjoni tal-mertu u minn neċessità li, mill-proċedura 2003, tintlaħaq ċerta kwota, li tikkorrispondi għal numru akkumulat ta’ PM u ta’ PP, sabiex uffiċjal ikun jista’ jiġi promoss, timplika t-teħid in kunsiderazzjoni tal-merti akkumulati mill-uffiċjali wara l-aħħar promozzjoni tagħhom, taħt il-forma ta’ għoti ta’ ċertu numru ta’ punti u skond metodu li jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

215    Il-miżura li tikkonsisti fl-għoti awtomatiku tal-PPTDĠ skond is-senjorità fil-grad tirrispondi għal dan il-bżonn imperattiv marbut mat-tranżizzjoni u d-dispożizzjonijiet tad-DĠI 45, billi jillimitaw il-portata tagħha, jippermettu li jiġi konkluż li l-Awtorità tal-Ħatra ma marritx lil hinn minn dak li kien indispensabbli sabiex tiġi assigurata tranżizzjoni regolari minn sistema għal oħra.

216    L-ewwel nett, id-DĠI 45 jillimitaw it-terminu tal-validità ta’ l-Artikolu 12 biss għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003.

217    It-tieni nett, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 tikkonferixxi lill-PPTDĠ piż limitat ħafna, peress li dawn ma jistgħux jaqbżu 7 punti fuq total massimu ta’ 45 punti, PM u PP akkumulati. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li kull uffiċjal jista’ jingħata bejn żero u għoxrin punt, imbagħad ittrasformati f’PM. Il-fatt li l-uffiċjali tas-servizz ġuridiku irċevew, skond ir-rikorrent, bejn 12 u 16-il PM mhux rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità intrinsika ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45.

218    It-tielet nett, l-Artikolu 10(2) tad-DĠI 45 jipprovdi li l-promozzjoni ta’ uffiċjal hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun ġabar ta' l-inqas 10 PM fl-aħħar RŻK tiegħu. Din id-dispożizzjoni terġa' tnaqqas l-effetti tat-teħid in kunsiderazzjoni tas-senjorità tal-grad billi tistabbilixxi, inkluż għall-perijodu tranżitorju tal-proċedura 2003, bażi inkompressibbli tal-promozzjoni marbuta mal-mertu ta’ l-uffiċjal eliġibbli għal promozzjoni.

219    Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(3) tad-DĠI 45 fih innifsu ma jikkonferixxix, minnu nnifsu, rwol determinanti lis-senjorità tal-grad u li miżura ta’ l-għoti tal-PPTDĠ ma tistax tkun meqjusa bħala li tmur lil hinn mis-setgħat li l-Awtorità tal-Ħatra tiddisponi minnhom sabiex, b'mod tranżitorju, tirranġa t-tibdil tar-regoli dwar il-promozzjoni ta’ l-uffiċjali.

220    Jeħtieġ li jingħad ukoll li ma jeżisti l-ebda obbligu għall-Kummissjoni li tadotta, bħala sistema ta’ konverżjoni tar-rapporti ta’ l-istaff preċedenti, dik magħrufa bħala l-medja ta’ l-evalwazzjonijiet analitiċi jew dik implementati mill-Parlament u mill-Qorti tal-Ġustizzja allegatament inqas ta’ preġudizzju għar-regola tal-promozzjoni skond il-mertu. Fil-fatt, it-tibdil tal-metodi fis-seħħ għall-promozzjoni ta’ l-uffiċjali għandu, b’ipoteżi, l-għan li jirrimedja ċerti inkonvenjenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli antiki. Għalhekk huwa inerenti għal tali proċess ta' riforma, li l-amministrazzjoni tiegħu tista’ tikkunsidra b’marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni, in-neċessità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Lulju 1976, de Wind vs Il-Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑557/93, Ġabra p. I‑A‑195 u II‑603, punt 20), li tinbeda, f’data speċifika, l-evalwazzjoni tal-merti ta’ l-uffiċjali fuq bażijiet ġodda. Kunsiderazzjoni kompluta, u b'mod identiku, tar-rapporti ta’ l-istaff mogħtija lill-uffiċjali taħt il-qafas tas-sistema l-antika ma tkunx meħtieġa mill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-ġdida, peress li hija jkollha l-konsegwenza kważi inevitabbli li ċċaħħad ir-riforma tal-metodu tal-promozzjoni ta’ kull portata prattika, u dan meta ma jeżistix dritt għall-aġenti li jżommu l-leġiżlazzjoni fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leonhardt vs Il-Parlament, punt 213 supra, punt 55).

221    Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ sistemi oħra ta’ tranżizzjoni ma jurux weħidhom li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-limiti ammissibbli meta adottat l-Artikolu 12 tad-DĠI 45.

222    Konsegwentement, din il-parti ta’ l-argument għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-inkompetenza tal-Kumitati ta' Promozzjoni li jagħtu l-PPTKP

–       L-argumenti tal-partijiet

223    Ir-rikorrent isostni li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 kienet tat lill-kumitati ta’ promozzjoni s-setgħa li jiġu mogħtija l-PPTKP, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff li jirriżerva għall-Awtorità tal-Ħatra l-kompetenza li tippromwovi lill-uffiċjali.

224    Il-Kummissjoni tirrispondi li r-rwol tal-kumitati ta' promozzjoni huwa biss li jipproponu lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tagħti l-PPTKP u mhux li tagħtihom hi stess.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

225    Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkostatat (ara l-punt 84 imsemmi iktar ’il fuq) li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45 trid tinqara fid-dawl ta’ l-Artikolu 2 tad-DĠI 43, ta’ l-Artikolu 10 u ta’ l-Artikolu 14(4) tad-DĠI 45, li jistabbilixxu li l-kumitati ta’ promozzjoni kull ma jagħmlu huwa li jagħmlu proposti għall-attenzjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, li hi biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi. Għalhekk, il-kumitati ta' promozzjoni jipproponu biss lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tagħti l-PPTKP, Minn dan isegwi li l-ilment mhuwiex fondat.

226    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Artikolu 12 tad-DĠI 45 ma japplikax l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff b'mod żbaljat.

227    L-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45 imqajma mir-rikorrent għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala li mhix fondata.

 Fuq ir-raba’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 9 u l-Anness I, punti 1, 2, 3, 5 u 6 tad-DĠI 45 li twassal għal sopravalutazzjoni ta’ ċerti servizzi

 L-argumenti tal-partijiet

228    Ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 9 u l-punti 1, 2, 3, 5 u 6 ta' l-anness I tad-DĠI 45 billi jibbaża ruħu fuq ksur ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ l- eliġibbiltà għall-karriera.

229    Ir-rikorrent jallega li l-kompiti li jingħataw PPKS permezz ta’ l-punti 1, 2, 3, 5 u 6 ta' l-anness I tad-DĠI 45 għandhom użu doppju bl-attivitajiet li jiġġustifikaw l-għoti tal-PM u tal-PPDĠ, b’mod li huma jkunu sopravalutati.

230    Ir-rikorrent, fl-ewwl lok, iddeduċa użu doppju ta’ l-Artikolu 7(3) tad-DĠI 45, ta’ l-Artikolu 5(5)(a) u (b) tad-DĠI 43 u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli dettaljati speċifiċi għall-evalwazzjoni ta’ l-uffiċjali u l-aġenti temporanji sekondati bħala rapprażentanti tal-persunal. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu regoli speċifiċi tar-rapport ta’ l-istaff ta’ l-uffiċjali sekondati bħala rappreżentanti tal-persunal u ta’ l-għoti, lil dawk, tal-PPDĠ. Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 5(5)(c) tad-DĠI 43 jissuġġetta r-rapport ta’ l-istaff tar-rappreżentanti l-oħra tal-persunal eletti, nominati jew delegati għall-konsultazzjoni ta’ grupp ta’ evalwazzjoni ad hoc. Fit-tielet lok, huwa jsostni li l-funzjonijiet tar-rappreżentant ta’ l-amministrazzjoni fl-organi previsti fl-anness I tad-DĠI 45 jifformaw parti integrali mill-kompiti ordinarji ta’ l-uffiċjali kkonċernati.

231    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-kliem ta’ l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 jeskludi espliċitament kull "kalkolu doppju" ta’ l-attivitajiet li jiffavorixxu ċerti uffiċjali.

232    Barra minn hekk, hija ssostni li l-ebda membru tas-servizz ġuridiku promoss fl-2003 ma rċieva PPKS għall-kompiti ta’ rappreżentazzjoni jew għaliex kien membru ta’ organizzazzjoni prevista mill-anness I tad-DĠI 45. Hija tiddeduċi li r-rikorrent m’għandux interess jikkontesta l-legalità ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għal dawk is-sitwazzjonijiet partikolari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

233    Mill-bidu jeħtieġ li jiġi mfakkar li sabiex eċċezzjoni ta’ illegalità tkun ammissibbli, jeħtieġ li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu tkun ikkontestata jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għal dak il-każ li jkun is-suġġett ta’ rikors u li tkun teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2000, Townsend vs Il-Kummissjoni, T‑60/99, ĠabraSP p. I‑A‑11 u II‑45, punt 53, u tat-22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il-Kummissjoni, T‑343/02, ĠabraSP p. I‑A‑133 u II‑605, punt 25).

234    F’dan il-każ partikolari, huwa paċifiku li r-rikorrent ma rċieva l-ebda PPKS minkejja talba speċifika f’dan is-sens (ara l-punt 28 imsemmi iktar ’il fuq), kif inhu kkontestat fil-kuntest tar-rikors preżenti (ara l-punt 308 iktar ’il quddiem).

235    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu t-total ta’ punti ta’ promozzjoni tar-rikorrent għal 20 u li jirrifjutaw il-promozzjoni huma bbażati fuq l-Artikolu 9 u l-Anness I tad-DĠI 45 u li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma hija, konsegwentement totalment ammissibbli, indipendentement mill-fatt, irrilevanti li, l-ebda uffiċjal tal-grad A 5 tas-servizz ġuridiku ma rċieva PPKS skond l-proċedura 2003.

236    Skond l-Artikolu 9(1) tad-DĠI 45, il-PPKS jirrikumpensaw biss kompiti "supplimentari", elenkati fl-anness I ta’ l-imsemmija DĠI, imwettqa minn uffiċjal fl-interess ta’ l-istituzzjoni. Minbarra dan, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45, li jippreċiża t-tliet "kriterji ta’ eliġibbiltà" tal-PPKS, jistabbilixxi li jistgħu jiġu vvalorizzati biss l-"attivitajiet [li] mhumiex parti [mil-]profil tal-kompetenzi" tal-partijiet ikkonċernati. Konsegwentement, il-PPKS jistgħu jirrikumpensaw biss il-kompiti distinti ta’ l-attivitajiet abitwali ta’ l-uffiċjal, li ma jiġux suġġetti għal evalwazzjoni annwali u, għalhekk, mhumiex ta’ bażi għall-għoti tal-PM.

237    Jeħtieġ li jingħad ukoll li RŻK jiddistingwi, minn naħa, l-attivitajiet irrikumpensati mill-PM u mill-PPDĠ u, min-naħa l-oħra, il-kompiti suġġetti li jagħtu lok għall-PPKS. Ix-"xogħol prinċipali mwettaq" mill-uffiċjali għandu jidher fil-punt 5.1 tar-RŻK u ta’ l-attivitajiet l-oħra mwettqa "fil-livell tat-taqsima, tad-[direttorat ġenerali] jew tal-Kummissjoni, lil hinn mill-program ta’ xogħol [tagħhom]" għandhom ikunu inklużi fil-punt 5.2. Dawn iż-żewġ titoli jwasslu għas-sinteżi kkwantifikata ta’ l-evalwazzjoni, li hija ttrasformata f’PM. Min-naħa l-oħra, il-kompiti supplimentari, li hemm mistoqsija dwarhom fl-anness I tad-DĠI 45, huma biss notati fil-punt 6.6, li jsegwi s-sinteżi imsemmi iktar ’il fuq.

238    Barra minn hekk, il-kompiti mwettqa mill-uffiċjali sekondati full time jew part time bħala rappreżentanti tal-persunal fit-trade unions u f’organi statutorji huma evalwati skond metodi speċifiċi skond l-Artikolu 5(5)(a) u (b) tad-DĠI 43. Dawn ir-regoli dettaljati għandhom l-għan li jinkludu l-kompiti in kwistjoni fl-evalwazzjoni perijodika ta’ l-uffiċjal. Dawn il-kompiti konsegwentement iwasslu għall-għoti ta’ PM, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-DĠI msemmi iktar ’il fuq. Minbarra dan huma jistgħu jikkawżaw l-għoti ta’ PPDĠ skond l-Artikolu 7(3) tad-DĠI 45. Madankollu, huma ma jistgħux jagħtu lok għall-għoti ta’ PPKS, peress li jifformaw parti mill-"profil tal-kompetenzi" tal-partijiet ikkonċernati.

239    Kuntrarjament, il-kompiti okkażjonali assunti, fi ħdan l-organi previsti fl-anness I tad-DĠI 45, mill-uffiċjali eletti, nominati jew delegati mill-persunal jew minn uffiċjali li jirrappreżentaw l-amministrazzjoni ma jifformawx parti, skond id-definizzjoni tagħhom, mill-attivitajiet abitwali u għalhekk mill-profil tal-kompetenzi tal-partijiet ikkonċernati. L-eżistenza ta’ obbligu għall-evalwatur u l-validatur tas-servizz fejn huma affettwati uffiċjali eletti, nominati jew delegati mill-persunal li jikkonsultaw u jieħdu in kunsiderazzjoni, meta jsir ir-RŻK ta’ l-imsemmija uffiċjali, ta’ l-opinjoni tal-grupp ad hoc ta’ evalwazzjoni u tal-proposti ta' promozzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal mhux ta’ natura li, waħdu, jannulla l-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq.

240    Minbarra dan, hemm lok li jiġi mfakkar li t-tabelli stabbiliti fl-anness I tad-DĠI 45 għall-attivitajiet li jagħtu lok għal PPKS kull darba jinkludu ċ-ċifra 0. Minn dan isegwi li, jekk wieħed jippresupponi li attività prevista fl-anness I tad-DĠI 45 tista’ tkun irrikumpensata wkoll mill-PPDĠ, il-kuntest legali jippermetti, fi kwalunkwe każ, lill-Awtorità tal-Ħatra li tevita kalkolu doppju tal-merti meta tagħti 0 PPKS għall-attività in kwistjoni.

241    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 għandha tkun miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-ħames eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 li huwa diskriminatorju

 L-argumenti tal-partijiet

242    Ir-rikorrent tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera.

243    Ir-rikorrent isostni li dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi "mekkaniżmu speċifiku" li huwa ta’ vantaġġ għall-uffiċjali tad-direttorati ġenerali u tas-servizzi li għandhom inqas minn erba’ uffiċjali fi grad partikolari. Fil-fatt, dawn id-direttorati ġenerali u servizzi dejjem jiddisponu minn 10 PPDĠ, b’mod li huma ma jkollhomx obbligu li josservaw medja ta’ 14 PM u li l-uffiċjali tagħhom jistgħu jirċievu aktar minn PPDĠ mill-aġenti l-oħra.

244    Mill-bidu, il-Kummissjoni tiżvela li l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 ma tikkonċernax il-PM. Huma madankollu jsostnu li dik id-dispożizzjoni hija indispensabbli għall-osservanza tal-prinċipji invokati mir-rikorrent, safejn mingħajrhom, l-uffiċjali tad-direttorati ġenerali jew tas-servizzi b’ammont modest ta’ impjegati jkunu sistematikament żvantaġġati, għaliex ma jkollhomx aċċess għal 6 sa 10 PP li jifformaw parti mill-kwota mqegħda għad-dispożizzjoni tad-direttorat ġenerali u diviżi bejn l-uffiċjali l-aktar effiċjenti, li jġibu prova tal-mertu eċċezzjonali tagħhom billi jissodisfaw il-kriterji previsti fil-paragrafu 3(i) u (ii) (iktar ’il quddiem il-"PPDĠ kbar"). Fi kwalunkwe każ, huma qatt ma jistgħu jistennew 10 PPDĠ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

245    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond il-prinċipju ta’ ugwaljanza, sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux ikunu trattati bl-istess mod, ħlief jekk trattament bħal dan huwa oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Breton vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 89 supra, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

246    Skond l-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45, "kull Direttorat Ġenerali jkollu, għall-finijiet tad-distribuzzjoni tagħhom, kwota ta’ [PP] ekwivalenti għal 2.5 darba tan-numru ta’ uffiċjali li jkunu eliġibbli għal promozzjoni tenut kont tal-grad tagħhom". Minbarra dan, l-għoti tal-PPDĠ, hekk attribwiti, huwa ssuġġettat għal skala ta’ diviżjoni, definit fl-Artikolu 6(4) tad-DĠI 45, li tistabbilixxi li 50 % huma diviżi bejn l-uffiċjali l-aktar effiċjenti li jistgħu jingħataw minn 6 sa 10 PPDĠ (il-PPDĠ kbar) u l-50 % li jibqgħu diviżi bejn l-uffiċjali l-oħra li jistgħu jibbenefikaw minn sa 4 PPDĠ għal kull individwu. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

247    Huwa paċifiku li l-applikazzjoni stretta ta’ regola bħal din għad-direttorati ġenerali fejn l-impjegati ta’ kull grad huma pjuttost modesti twassal, mekkanikament, sabiex jitnaqqas kunsiderevolment in-numru ta’ PPDĠ qabel ma jkunu ddistribwiti bejn l-uffiċjali li jaħdmu fi ħdan dawn l-entitajiet, b’dannu evidentement ċar għal dawn ta' l-aħħar.

248    B’hekk jidher li l-imsemmija uffiċjali jinsabu fl-istess sitwazzjoni oġġettivament distinta minn dik tal-kollegi tagħhom li jaħdmu f’direttorati ġenerali jew f'servizzi ta’ daqs kbir, li jispjega u jiġġustifika trattament differenti minn dak applikat għal dawn ta' l-aħħar.

249    Barra minn hekk, sabiex preċiżament jiġu rrispettati l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera invokati mir-rikorrent, l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 jipprovdi li meta direttorat ġenerali jew servizz għandu inqas minn erba’ uffiċjali fi grad partikolari, in-numru totali ta’ PP disponibbli huwa daqs 10 u l-attribuzzjoni tagħhom mhix suġġetta għall-iskala ta’ diviżjoni definita fl-Artikolu 6(4) tad-DĠI 45. Huwa evidenti li, mingħajr il-miżura kkontestata, uffiċjal ta’ direttorat ġenerali jew ta’ servizz imsemmi iktar ’il fuq prattikament ma jkunx eliġibbli li jikseb PPDĠ kbar u qatt ma jkun jista’ jikseb 10.

250    Fl-aħħar nett, hemm lok li jingħad li l-għoti tal-PPDĠ lill-uffiċjali tad-direttorati ġenerali u tas-servizzi li m'għandhomx ta' l-inqas erba’ uffiċjali f'kull grad huwa bbażat fuq l-għarfien tal-merti partikolari, definiti fl-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45, u li mhux stabbilit li l-miżuri in kwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi stabbilit trattament ugwali reali.

251    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 għandha tkun miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq il-motiv dedott mill-ineżistenza tad-deċiżjonijiet fuq l-appell intern u fuq l-għoti tal-PPKS, tal-PPTKP u tal-PPSS

252    Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrent iqajjem argument ibbażat fuq il-fatt li "l-konvenuta[ma kintix] adottat tajjeb u skond il-forma meħtieħa" id-deċiżjonijiet fuq l-appell intern u fuq l-għoti tal-PPKS, tal-PPTKP u tal-PPSS. Skond hu, il-Kummissjoni kkomunikat biss l-Informazzjoni Amministrattiva li tagħmel referenza għal allegata adozzjoni tagħhom. Ir-rikorrent jiddeduċi li dawn id-deċiżjonijiet huma ineżistenti, u li d-deċiżjoni li tattribwilu total ta’ 20 punt ta’ promozzjoni, il-lista ta' mertu u l-lista ta’ l-uffiċjali promossi huma, konsegwentement, ivvizzjati b’irregolaritajiet safejn huma bbażati fuq atti preparatorji ineżistenti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni li ma jkunux jidhru fil-listi msemmija iktar ’il fuq huma wkoll irregolari. Sussidjarjament, huwa jinvoka ksur tal-forom sostanzjali.

253    Ir-rikorrent jallega li dan l-argument huwa ammissibli, peress li huwa bbażat fuq fatti li jidhru fil-proċedura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li mhux neċessarju li din id-domanda tiġi eżaminata. Fil-fatt, dan l-argument jista’ ikun interpretat bħala li huwa dedott mill-ksur tal-forom sostanzjali jew mill-ineżistenza tad-deċiżjonijiet li għandhom ikunu meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni. Argumenti bħal dawn jistgħu jiġu mqajma fl-istadji kollha tal-proċedura (ara, għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-forom sostanzjali, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il-Kummissjoni, C‑291/89, Ġabra p. I‑2257, punt 14; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑3453, punt 46; ara, għal dak li jirrigwarda l-ineżistenza ta’ deċiżjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, T‑15/89, Ġabra p. II‑1275, punt 395).

254    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li r-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjonijiet fuq l-appelli interni u fuq l-għoti tal-PPKS, tal-PPTKP u tal-PPSS huma ineżistenti billi jibbażaw ruħhom fuq in-nuqqas ta’ testi ffirmati u ta’ dokumenti miktuba. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward li huwa staqsa żewġ mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni fuq id-dati li fihom l-Awtorità tal-Ħatra kienet ċaħdet l-appell intern tar-rikorrent u rrifjutatlu l-PPKS. Fir-risposti tagħha, il-Kummissjoni indikat li dawn id-deċiżjonijiet kienu ttieħdu fl-20 ta’ Novembru 2003 mingħajr madankollu ma annettiet kopja ta’ dan, iżda rreferiet għall-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003 u għan-notifiki li saru mis-sistema Sysper 2 fis-16 ta’ Diċembru 2003.

255    Fis-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li kkompjuterizzat il-proċeduri ta' promozzjoni u b’mod partikolari t-trattament tal-proposti u ta’ l-opinjonijiet tal-kumitati ta’ promozzjoni. Dik l-affermazzjoni tinsab fl-estensjoni tal-komunikat SEC (2001) 1697 li torbot l-implementazzjoni tar-regoli ġodda fil-qasam ta’ evalwazzjoni u ta' promozzjoni ma' l-ikkompletar "ta’ applikazzjoni integrata ta’ ġestjoni kkompjuterizzata". L-Artikolu 10(1) tad-DĠI 45 jikkonferma l-importanza ta’ din l-applikazzjoni billi jimponi l-obbligu ta' pubblikazzjoni, fuq l-intranet tal-Kummissjoni, tal-listi ta' merti u ta' proposti tal-kumitati tal-promozzjoni fir-rigward tal-mod ta’ diviżjoni ta’ l-uffiċjali ex æquo. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li d-deċiżjonijiet in kwistjoni jirriżultaw mill-iffissar, permezz ta’ l-awtorità responsabbli, ta’ firma elettronika fuq dokument diġitali ppreparat għal dan il-għan. Madankollu, ir-rikorrent ma kkontestax li dan huwa effettivament il-mod kif għandu jipproċedi. Barra minn hekk, ir-Regolamenti ta’ l-Istaff u d-DĠI 45 ma jimponu l-ebda forma għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet in kwistjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, jipprovdi li l-fatt li l-uffiċjali jistgħu jirreferu lill-Awtorità tal-Ħatra "ilment kontra att", ma jeskludix li att bħal dan jista’ jkun iddikjarat b’mod ieħor milli fuq il-karta (ara, għal dak li jirrigwarda l-att verbali: is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Frar 1984, Kohler vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 316/82 u 40/83, Ġabra p. 641, punti 9 u 10; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 2002, Fronia vs Il-Kummissjoni, T‑51/01, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑187, punt 31).

256    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, anki jekk huma ma ġewx ifformalizzati permezz ta’ diversi atti miktuba individwalment, id-deċiżjonijiet dwar l-appelli interni, għal PPKS, għal PPTKP u għal PPSS ġew adottati tajjeb mill-Awtorità tal-Ħatra u mid-direttorati ġenerali, għal dak li jirrigwarda l-PPSS.

257    Konsegwentement, il-konsegwenzi ġuridiċi li r-rikorrent jiffaċċa minħabba n-nuqqas ta’ testi ffirmati u ta’ dokumenti bil-miktub mhumiex fondati la fuq il-pjan ta’ l-ineżistenza u lanqas fuq dak tal-ksur tal-forom sostanzjali.

258    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq l-ineżistenza tad-deċiżjonijiet fuq l-appelli interni u fuq l-għoti ta’ PPKS, ta’ PPTKP u ta’ PPSS għandu jkun miċħud kollu kemm hu.

3.     Fuq il-motivi bbażati fuq l-illegalità ta’ l-implementazzjoni tad-DĠI 45

259    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni li jiġi allokat biss PPDĠ. Huwa jikkritika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2004 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tiegħu kontra n-numru ta’ PPDĠ li ġew attribwiti lilu. Huwa jsostni wkoll li l-Kummissjoni kienet injorat ir-rabta li teżisti bejn in-numru ta’ PM u n-numru ta’ PPDĠ. Ir-rikorrent jallega wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet paragun effettiv tal-merti. Huwa jsostni wkoll li d-distribuzzjoni tal-PPDĠ kienet ipprivileġġat is-senjorità. Huwa jafferma wkoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tibbaża ruħha fuq ebda element ibbażat fuq is-sitwazzjoni tiegħu personali. Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkunsidra ruħu li huwa vittma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel ma’ l-uffiċjali impjegati fis-servizzi li taw aktar importanza lill-merti. Minbarra dan, huwa jallega li l-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli li hija stess stabbiliet.

260    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkritika l-mod li bih żvolġiet il-proċedura ta’ l-appell intern organizzat b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45, li permezz tiegħu huwa ma kiseb l-ebda PPA. L-ewwel nett, huwa jinvoka n-nuqqas ta’ proposti tad-diretturi. Sussegwentement, huwa jikkontesta l-fatt li l-Kumitat ta' Promozzjoni ta’ l-uffiċjali tal-kategorija A ma mmotivawx ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tar-rikors tiegħu. Huwa jsostni wkoll li din ta' l-aħħar ma eżerċitatx realment il-prerogattivi tagħha.

261    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni li ma jiġix mogħti ebda PPKS. Dwar dan is-suġġett, huwa jikkritika n-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Promozzjoni. Huwa jsostni wkoll li l-Awtorità tal-Ħatra illimitat ruħha li tirratifika dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Fl-aħħar nett, huwa jqis li hija kkwalifikat b’mod żbaljat l-attivitajiet tiegħu fir-rigward ta’ l-Artikolu 9 tad-DĠI 45.

262    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jikkontesta r-rifjut li jingħata PPTKP billi jallega nuqqas ta’ motivazzjoni.

263    Fil-ħames lok, ir-rikorrent jikkritika l-lista tal-promossi billi jikkunsidra li l-Awtorità tal-Ħatra kienet naqset milli tqabbel hi stess il-merti rispettivi tal-kandidati għall-promozzjoni.

 Fuq il-motivi li jikkontestaw id-deċiżjoni li r-rikorrent jingħata PPDĠ wieħed biss

 Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

264    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li jingħata PPDĠ wieħed ma kinitx motivata b’mod adegwat fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tiegħu. Dwar dan, huwa jgħid li, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda ta’ l-ilment tal-15 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tafferma li tista’ tibbaża l-għoti tal-PPDĠ fuq informazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mir-RŻK. Madankollu, hija naqset milli tippreċiża dawn l-elementi.

265    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha timmotiva d-deċiżjoni li tiċħad ilment kontra promozzjoni, iżda li hi madankollu mhix obbligata tiżvela lill-kandidat eskluż l-evalwazzjoni komparattiva li tkun wettqet. Din tista’ tillimitata lilha nnifisha li tistabbilixxi l-eżistenza tal-kundizzjonijiet legali li għaliha r-Regolamenti ta’ l-Istaff jissuġġettaw ir-regolarità tal-promozzjonijiet. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra kienet issodisfat dan l-obbligu billi fakkret li hija setgħet ibbażat ruħha fuq informazzjoni oħra dwar is-sitwazzjoni amministrattiva u personali ta’ l-uffiċjali, b’mod li tqiegħed f'perspettiva l-evalwazzjoni magħmula biss fid-dawl tar-rapporti ta’ l-istaff (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1998, Manzo-Tafaro vs Il-Kummissjoni, T‑221/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑307, punt 18, u tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

266    Hemm lok li mill-bidu jingħad li l-argument tar-rikorrent huwa ambigwu. Dan jista’ jiġi interpretat bħala li jikkontesta biss il-karattru adegwat tal-motivi esposti fid-deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2004. F’dak il-każ, ir-rikorrent ikun qed jirreferi mhux biss għan-nuqqas jew għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni, iżda għall-iżball dwar il-liġi jew fl-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni meta bbażat id-deċiżjoni li tagħti PPDĠ biss lir-rikorrent fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet żbaljati.

267    Fi kwalunkwe każ, peress li l-argument ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att Komunitarju jammonta għal motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jkun imressaq ex officio mill-Imħallef Komunitarju, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni li tagħti PPDĠ wieħed lir-rikorrent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 125).

268    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta' motivazzjoni impost mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista' tevalwa s-sostanza ta’ l-att li jikkawżawla dannu u jagħtiha l-opportunità li tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din ta' l-aħħar li tivverifika l-legalità ta’ l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Marzu 1997, Picciolo u Caló vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑178/95 u T‑179/95, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑155, punt 33, u Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, punt 147 supra, punt 57). Barra minn hekk, il-karattru suffiċjenti tal-motivazzjoni jiġi evalwat fid-dawl tan-natura ta’ l-att in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 71; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T‑141/99, T‑142/99, T‑150/99 u T‑151/99, Ġabra p. II‑4547, punt 168) u tal-kuntest ta' fatt u ġuridiku li fih jiġi adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 16; sentenza Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, punt 147 supra, punt 60).

269    Għalhekk hemm lok li f’dan il-każ jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni li tagħti lir-rikorrent PPDĠ wieħed tissodisfax il-ħtiġijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff.

270    Għal dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet fuq il-PPDĠ jammontaw għal atti preparatorji (ara l-punt 97 imsemmi iktar ’il fuq) u li huma m'għandhomx ikunu motivati bħala tali. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-total ta’ punti ta’ promozzjoni (ara l-punt 147 imsemmi iktar ’il fuq).

271    Jeħtieġ ukoll li jiġi ppreċiżat li l-karattru suffiċjenti tal-motivazzjoni jrid ikun evalwat fir-rigward ta’ l-elementi essenzjali tad-dokument li fih l-argumenti li għalih tirrispondi l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay International vs Il-Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 122, u ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Smit vs Europol, T‑143/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

272    Peress li fl-ilment, ir-rikorrent kien ikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li jiġi mogħti PPDĠ wieħed biss, il-motivazzjoni taċ-ċaħda ta’ l-ilment kellha, konsegwentement, tirreferi għall-kriterji li jirregolaw l-għoti tal-PPDĠ u l-applikazzjoni tagħhom għas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent.

273    Wara li affermat b’mod ġenerali li hija għandha dritt li tibbaża ruħha mhux biss fuq il-PM tal-kandidati, iżda wkoll fuq aspetti oħra tal-merti tagħhom, l-Awtorità tal-Ħatra spjegat, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda ta’ l-ilment li l-għoti ta’ PPDĠ wieħed biss lir-rikorrent "jifforma parti mill-istrateġija globali adottata mis-[servizz ġuridiku] għall-proċedura ta’ promozzjoni tranżitorja fl-2003 [...] sabiex jottimizza n-numru ta’ promozzjonijiet ta’ l-uffiċjali tiegħu [...] Fis-sistema tranżitorja fis-seħħ fl-2003, l-uffiċjali li kellhom l-aktar senjorità għolja (għalhekk numru ta’ PPT li jaslu sa massimu ta’ 7, f’każ ukoll 4 PPSS), u bl-istess numru ta’ PM, jiksbu awtomatikament numru ta’ totali punti ta’ promozzjoni għolja. Billi dawn ta' l-aħħar ngħataw il-PPDĠ il-kbar li l-akkumulazzjoni tagħhom kienet għolja, is-[servizz ġuridiku] b’hekk eliminahom mil-lista ta’ dawk eliġibbli għal promozzjoni 2004, għall-benefiċċju ta’ l-uffiċjali mhux promossi bħar-[rikorrent]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

274    Fid-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal-linji ta' gwida tas-servizz ġuridiku għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003. Dawn il-linji ta' gwida jippreċiżaw, fl-anness 1B tagħhom, li l-PPDĠ il-kbar kif ukoll il-PPSS ġew diġà attribwiti sabiex jiġu "stabbiliti l-promozzjonijiet fl-2003" (anness 1B għal-linji ta' gwida). Minbarra dan, mill-imsemmi anness jirriżulta li għas-sena tal-promozzjoni 2003, is-servizz ġuridiku uża bħala kriterju prinċipali għall-għoti tal-PPDĠ "it-total tal-PM u PPT[DĠ]" ta’ l-uffiċjali fi grad speċifiku. Dan it-total jirrappreżenta skond is-servizz ġuridiku "teħid in kunsiderazzjoni bilanċjat tal-mertu u tas-senjorità tal-grad". Meta, għal uffiċjali differenti fi grad speċifiku, it-"total [b’hekk miksub kien] ekwivalenti, il-mertu [kellu] jipprevali fuq is-senjorità tal-grad". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

275    Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni taċ-ċaħda ta’ l-ilment, il-Kummissjoni tirreferi għat- "tranżizzjoni [neċessarja] lejn sistema bbażata fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-mertu fit-terminu ta' żmien". F’dan ir-rigward, hija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Leonhardt vs Il-Parlament, punt 213 supra, punt 51. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

276    Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi esposti fid-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ l-ilment jissodisfaw l-obbligi li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra. Din id-deċiżjoni fil-fatt tispjega suffiċjentement il-kriterji li kienu ġew iffissati mis-servizz ġuridiku għall-għoti tal-PPDĠ u l-applikazzjoni tagħhom għas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent. B’mod partikolari, id-deċiżjoni taċ-ċaħda ta’ l-ilment turi l-elementi l-oħra apparti l-PM − bħas-senjorità ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni − li influwenzaw id-deċiżjoni li jingħataw l-PPDĠ. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment b’hekk tippermetti lir-rikorrent li jkun jaf ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni li tagħtih PPDĠ wieħed u jippermetti minbarra dan lill-Qorti tal-Prim’Istanza li twettaq il-verifika tagħha ta’ legalità.

277    Minn dan isegwi li l-argument ta’ ksur tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, ta’ l-Artikoli 6 u 13 tad-DĠI 45, tal-prinċipju ta’ eliġibbiltà għall-karriera, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u l-abbuż ta’ poter

–       L-argumenti tal-partijiet

278    Ir-rikorrent josserva li, skond is-subparagrafu (a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6(4) tad-DĠI 45, l-uffiċjali l-"aktar effiċjenti" jiġu mogħtija 50 % tal-PPDĠ, minħabba 6 sa 10 punti għal kull uffiċjal. Madankollu, ir-rikorrent jgħid li rċieva PPDĠ wieħed, filwaqt li kien ġie kkreditat 16-il PM wara r-RŻK tiegħu u wara li kien bbenefika b’hekk mill-marka l-aktar għolja tas-servizz ġuridiku. Konsegwentement huwa kellu jirċievi 9 jew 10 punti mis-37 mqassma fis-servizz ġuridiku skond il-PPDĠ il-kbar. Barra minn hekk, peress li l-erba’ uffiċjali tas-servizz ġuridiku tal-grad A 5 li bbenefikaw mill-PPDĠ il-kbar kienu kisbu marki inqas minn 16-il PM, huwa jikkunsidra li l-Awtorità tal-Ħatra ma qablitx il-merti korrettement.

279    Skond ir-rikorrent, mil-linji ta' gwida tas-servizz ġuridiku jirriżulta wkoll li dan ta l-PPDĠ billi bbaża ruħu fuq it-"total ta’ PM u PPT". Barra minn hekk, mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 48‑2003, jirriżulta li l-uffiċjali tas-servizz ġuridiku li kienu rċevew il-PPDĠ il-kbar kienu kisbu 6 jew 7 PPTDĠ. Ir-rikorrent iddeduċa li s-senjorità ġiet ipprivileġġjata, filwaqt li din tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni sussidjarjament biss. Barra minn hekk, il-linji ta' gwida msemmija iktar ’il fuq u d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-15 ta’ Ġunju 2004 jiżvelaw li l-għan ma kienx dak li jiġi rrikumpensat il-mertu individwali, iżda li jiġu promossi l-uffiċjali li għandhom l-akbar numru ta’ punti ta’ tranżizzjoni sabiex jiġu "ottimizzati l-perspettivi tal-promozzjoni tal-persunal tas-servizz ġuridiku fil-perijodu 2003-2005". Ir-rikorrent, meta kkonkluda li l-promozzjoni skond il-mertu kienet saret promozzjoni għas-senjorità u li l-proċedura kienet ġiet ivvizzjata minn abbuż ta’ poter.

280    Il-Kummissjoni tirrispondi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 għandhom l-għan li jieħdu in kunsiderazzjoni l-effiċjenza ta’ l-uffiċjali tul is-snin. Is-sistema tal-PP tispjega dik il-preokkupazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-RŻK ma jagħtix stampa sħiħa tal-merti ta’ l-uffiċjali. Huwa jirrefletti biss sena tal-karriera tagħhom. Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6(4) tad-DĠI 45 ma jipprovdix għall-għoti tal-PPDĠ il-kbar lill-uffiċjali li rċevew l-aktar PM wara l-aħħar RŻK tagħhom. L-għoti tagħhom ikun irriżervat għal dawk li ġabu l-prova tal-merti eċċezzjonali deskritti fl-Artikolu 6(3)(i) u (ii) tad-DĠI 45. Madankollu, l-Artikolu 6(3)(ii) jirreferi għall-isforzi partikolari u għar-riżultati eċċezzjonali ta’ l-uffiċjali li huma attestati "mir-rapporti tagħhom ta’ l-istaff". L-użu ta’ dan il-plural jirrefletti l-preokkupazzjoni li l-PPDĠ jiġu bbażati fuq il-"mertu fit-terminu ta' żmien". Isegwi li l-Kummissjoni tista’ tattribwihom fuq il-bażi tal-PM, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-aspetti l-oħra tal-mertu. Dan kien il-każ f’dan il-każ partikolari.

281    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ma m'għandhiex l-obbligu li tressaq il-prova ta’ eżami komparattiv tal-merti ħlief jekk ir-rikorrent jipproduċi medda ta’ indizzji li jaqblu suffiċjentement u li juru li dan l-eżami ma kienx sar. Madankollu, in-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-PM u l-PPDĠ ma jammontawx għal medda ta’ indizzji bħal din, peress li l-PPDĠ ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-numru ta’ PM biss. Barra minn hekk, il-merti ta’ uffiċjal ma jtellfux milli l-merti ugwali jew superjuri ta’ uffiċjali oħra jittieħdu in kunsiderazzjoni.

282    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-PPT għandhom jippermettu t-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni t-terminu tas-servizzi ta’ l-uffiċjali fi grad partikolari, skond l-għan li tiġi rrikumpensata l-perseveranza tagħhom. Hija tesponi wkoll li, minħabba raġuni ta’ diffikultajiet marbuta man-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-rapporti ta’ l-istaff taħt is-sistema preċedenti, huwa indispensabbli li jiġu attribwiti PP li jikkumpensaw il-mertu fit-terminu ta' żmien skond "punt oġġettiv". Dan il-punt ikun mogħti fuq il-bażi ta’ numru ta’ snin mgħoddija fi grad, kif huwa użat b’mod limitat għall-għoti tal-PPTDĠ.

283    Skond il-Kummissjoni, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-total tal-PM u tal-PPT, li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-PPDĠ, jirrefletti l-mertu fit-terminu ta' żmien mhux is-sempliċi senjorità tal-grad.

284    Meta tibbaża fuq is-sentenza Leonhardt vs Il-Parlament (punt 213 supra, punt 55), il-Kummissjoni terġa' ssostni li, bir-riskju li ċċaħħad ir-riforma tas-sistema tal-promozzjoni minn kull portata prattika, hija ma tistax tkun marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni l-marki kollha attribwiti lill-uffiċjali fil-kuntest tas-sistema l-antika.

285    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter billi tibbaża ruħha fuq in-neċessità li torganizza tranżizzjoni u fuq il-possibbiltà li tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjali mhux promossi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

286    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, sa mill-proċedura ta’ promozzjoni 2003, u sabiex ikun possibbli paragun tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni aktar oġġettivi u aktar faċli minn qabel, id-DĠI 43 u d-DĠI 45 stabbilixxew sistema ta’ promozzjoni bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, kkaratterizzata mill-għoti annwali lill-uffiċjali tal-PM u tal-PP. Fost il-PP jidhru l-PPDĠ, previsti fl-Artikolu 6 tad-DĠI 45.

287    Permezz ta’ l-argument preżenti, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha huwa ġie mogħti PPDĠ waħda biss fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003. Skond ir-rikorrent, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6 tad-DĠI 45 filwaqt li ffavorit il-kriterju tas-senjorità fl-għoti tal-PPDĠ lill-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni.

288    Huwa importanti li jiġi mfakkar mill-bidu li l-PPDĠ għandu l-għan, kif jindika l-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45 li jirrikumpensa lill-"uffiċjali meqjusa li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi". Skond din l-istess dispożizzjoni huma l-uffiċjali li "kkontribwew għall-kisba tar-riżultati […] li jmorru lil hinn mill-għanijiet individwali tagħhom" [subparagrafu (i)] jew li "wettqu sforzi partikolari u kisbu riżultati notevoli fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, kif muri mir-[RŻK] tagħhom" [subparagrafu (ii)]. Il-PPDĠ il-kbar, jiġifieri ta’ 6 sa 10 PPDĠ, huma, skond l-Artikolu 6(4) tad-DĠI 45, irriżervati għall-"uffiċjali li huma l-aktar effiċjenti, li taw prova tal-mertu eċċezzjonali tagħhom" filwaqt li l-PPDĠ "iż-żgħar", jiġifieri minn 0 sa 4 PPDĠ, huma, skond l-istess dispożizzjoni, "diviżi bejn l-uffiċjali l-oħra meqjusa li jistħoqqilhom fid-dawl tal-kriterji previsti [fl-Artikolu 6(3)] ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

289    Minbarra dan, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 tad-DĠI 45 ma jagħmel l-ebda referenza għas-senjorità fil-grad bħala kriterju ta’ attribuzzjoni tal-PPDĠ.

290    Minn dan isegwi li l-għoti tal-PPDĠ irid ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-merti partikolari ta’ l-uffiċjali in kwistjoni, il-PPDĠ il-kbar ikunu rriżervati għall-uffiċjali li urew merti eċċezzjonali. Mingħajr m'hemm lok li jiġi deċiż jekk, u b’liema mod, is-senjorità fil-grad tistax tkun kriterju ta’ attribuzzjoni sussidjarja tal-PPDĠ, dak il-kriterju ma jistax, fi kwalunkwe każ, jammonta għal fattur deċiżiv għall-għoti tal-PPDĠ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1983, Colussi vs Il-Parlament, 298/81, Ġabra p. 1131, punt 22, u Vainker vs Il-Parlament, punt 101 supra, punti 16 u 17; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑280/94, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑239, punt 138, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Perez Escanilla vs Il-Kummissjoni, T‑163/01, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑717, punt 29).

291    Sabiex jiġi eżaminat l-mertu ta’ dan l-argument, irid jiġi mfakkar li, sabiex jiġu evalwati l-merti li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta' promozzjoni skond l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u, konsegwentement, ukoll fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ PP, l-amministrazzjoni tiddisponi minn diskrezzjoni wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ l-Imħallef Komunitarju għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-modi u mezzi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din żammitx fil-limiti mhux kritikabbli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni, 282/81, Ġabra p. 1245, punt 9; ta’ l-4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il-Kummissjoni, 324/85, Ġabra p. 529, punt 6; is-sentenza Breton vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 89 supra, punt 98).

292    F’dan il-każ partikolari, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment il-Kummissjoni spjegat li "l-għoti ta’ PPDĠ wieħed [lir-rikorrent] jifforma parti mill-istrateġija globali adottata mis-[servizz ġuridiku] għall-proċedura ta’ promozzjoni tranżitorja fl-2003 [...] sabiex jottimizza n-numru ta’ promozzjonijiet ta’ l-uffiċjali tiegħu". Hija żżid tgħid li "l-uffiċjali l-aktar senjorità għolja (għalhekk numru ta’ PPT[DĠ] li jaslu sa massimu ta’ 7, f’każ ukoll 4 PPSS), u bl-istess numru ta’ PM, jiksbu awtomatikament numru totali ta’ punti ta’ promozzjoni għolja" u b’hekk ibbenefikaw mill-PPDĠ il-kbar. Hija tispjega wkoll li "l-istrateġija li jsir sforz sabiex l-uffiċjali bl-akbar numru ta’ PPT[DĠ]/PPSS jiġu promossi – billi evidentement jittieħed in kunsiderazzjoni l-mertu tagħhom – kienet leġġittima". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

293    Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment tirreferi wkoll għal-linji gwida tas-servizz ġuridiku għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003. Dawn il-linji gwida jippreċiżaw, fl-anness 1B tiegħu, li l-PPDĠ kbar kif ukoll il-PPSS ġew attribwiti sabiex "jiġu stabbiliti l-promozzjonijiet fl-2003" (anness 1B tal-linji ta' gwida). Minbarra dan jirriżulta mill-imsemmi anness li għas-sena tal-promozzjoni 2003, is-servizz ġuridiku uża bħala kriterju prinċipali għall-għoti tal-PPDĠ "it-total tal-PM u PPT[DĠ]" ta’ l-uffiċjali fi grad speċifiku. Dan it-total jirrappreżenta skond is-servizz ġuridiku "teħid in kunsiderazzjoni bbilanċjat tal-mertu u tas-senjorità tal-grad". Meta, għal uffiċjali differenti fi grad speċifiku, it-"total [b’hekk miksub ikun] l-istess, il-mertu [għandu] jipprevali fuq is-senjorità tal-grad". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

294    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat li "l-PPDĠ [ġew] attribwiti fi ħdan is-servizz ġuridiku skond it-total tal-PM + PPT[DĠ] ta’ kull uffiċjal", u dan kollu b’insistenza fuq il-fatt li "it-total tal-PM u tal-PPT[DĠ], li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-PPDĠ, għandu l-għan […] li jirrefletti l-mertu fit-terminu ta' żmien". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

295    Fir-rigward tal-punt dwar jekk id-deċiżjoni li jingħata PPDĠ wieħed lir-rikorrent tirrispettax il-kriterji ta’ l-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45, għandu jiġi kkostatat li l-metodu applikat mis-servizz ġuridiku għal għoti tal-PPDĠ kellu bħal konsegwenza li l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni fil-grad A 4 li kellhom inqas PM mir-rikorrent, iżda li kellhom aktar snin ta’ senjorità fil-grad, ibbenefikaw minn aktar PPDĠ mir-rikorrent.

296    B’hekk, ir-rikorrent li kiseb total ta’ 16-il PM irċieva biss PPDĠ wieħed filwaqt li erba’ uffiċjali tal-grad A 5 tas-servizz ġuridiku li kisbu 14 jew 15-il PM ingħataw il-PPDĠ il-kbar, minkejja l-fatt li l-merti tagħhom, kif ġew evalwati fir-RŻK, kienu inferjuri għal dawk tar-rikorrent. Għal dawn l-erba’ uffiċjali, ikklassifikati t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames fl-ordni ta’ senjorità fil-grad A 5 għas-servizz ġuridiku, is-somma totali tal-PM u PPTDĠ tagħhom kienet ta' l-inqas 21 (ta' l-inqas 14-il PM u 7 PPTDĠ), filwaqt li peress li r-rikorrent kellu senjorità inqas fil-grad, dak l-ammont kien ta’ 19 (16 PM u 3 PPTDĠ).

297    Minn dan isegwi li l-għoti ta’ PPDĠ lir-rikorrent ma jirriżultax mill-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45. Fil-fatt, l-amministrazzjoni stabbiliet li l-għoti tal-PPDĠ tiddependi mhux mill-eżami tal-merti partikolari, anki eċċezzjonali, ta’ l-uffiċjali kkonċernati, iżda minn kalkolu matematiku, jiġifieri mit-total ta’ PM u ta’ PPTDĠ, peress li n-numru ta’ dan ta' l-aħħar neċessarjament jikkorrispondi għan-numru ta’ snin ta’ senjorità (ara l-punt 206 imsemmi iktar ’il fuq). Il-kriterji ta’ għoti ta’ PPDĠ applikati mis-servizz ġuridiku għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003, 'il bogħod milli jirrikumpensaw "lill-uffiċjali […] li jistħoqqilhom l-aktar li jiġu promossi", kif meħtieġ mill-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45, u b’hekk kellhom bħala konsegwenza oġġettiva, f’dan il-każ partikolari, li jipprivileġġaw lill-uffiċjali li għandhom numru ta’ PM inqas mir-rikorrent safejn, minħabba raġuni ta’ senjorità għola fil-grad, id-differenza bejn il-PPTDĠ tagħhom u t-3 PPTDĠ tar-rikorrent kienet għola mid-differenza bejn il-PM tagħhom u s-16-il PM tar-rikorrent.

298    Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li dan l-għoti tal-PPDĠ huwa bbażat fuq il-mertu fit-terminu ta' żmien u mhux fuq is-senjorità, irid ikun osservat mill-bidu li l-Artikolu 12 tad-DĠI 45 jipprovdi għall-għoti ta’ PPT "sabiex il-mertu jkun jista’ jiġi debitament meħud in kunsiderazzjoni f'dan iż-żmien". Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-PPDĠ, l-Artikolu 6 tad-DĠI 45 ma fih l-ebda referenza espliċita għal kriterju bħal dan. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

299    Għandu jkun ippreċiżat li, kif issostni l-Kummissjoni, il-merti partikolari pprovduti fl-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45, li jiġġustifikaw l-għoti ta’ PPDĠ, mhux neċessarjament jirriżultaw b’mod esklussiv minn l-aħħar RŻK ta’ l-uffiċjali kkonċernati. L-Artikolu 6(3)(ii) tad-DĠI 45 fil-fatt jinkludi referenza għar-RŻK – imsemmija fil-plural – sabiex tkun tista’ tiddistingwi l-uffiċjali li jistħoqqilhom l-aktar għall-finijiet ta’ l-għoti tal-PPDĠ.

300    Madankollu, il-metodu użat mis-servizz ġuridiku li jiffissa l-PPDĠ skond it-total ta’ PM u PPTDĠ ma jkunx adattat għal dan il-għan. Fil-fatt, il-PM li ġew meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ PPDĠ wieħed biss lir-rikorrent huma s-16-il PM li jirriżultaw minn l-aħħar RŻK qabel il-proċedura ta’ promozzjoni. Il-merti eventwali li jirreferu għalihom ir-rapporti ta’ l-istaff preċedenti ma ġewx meħuda aktar in kunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-PPTDĠ. Fil-fatt, l-għoti ta’ dawn il-PPTDĠ sar, skond l-Artikolu 12(3)(a) tad-DĠI 45, awtomatikament "minħabba punt għal kull sena li jkun ħadem b'dak il-grad, sa limitu massimu ta’ 7 punti". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

301    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreferi għat-"tranżizzjoni [neċessarja] lejn sistema bbażata fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-mertu fit-terminu ta' żmien". F’dan ir-rigward hija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Leonhardt vs Il-Parlament, punt 213 supra, punt 51. Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar li jekk f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ammettiet li l-amministrazzjoni setgħet tevita temporanjament, u f’ċerti limiti, l-applikazzjoni stretta tar-regoli u tal-prinċipji tal-valur permanenti li japplika normalment għall-proċeduri ta’ promozzjoni, dan kien biss sabiex jiġi sodisfatt bżonn imperattiv marbut mat-tranżizzjoni bejn is-sistema tal-promozzjoni antika u l-ġdida u sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet inevitabbli għat-tranżizzjoni minn metodu ta’ tmexxija għal ieħor. Madankollu, huwa paċifiku li l-PPDĠ jikkostitwixxu metodu permanenti u mhux proviżorju tas-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni u r-referenza għas-sentenza Leonhardt vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, hija konsegwentement irrilevanti. Inċidentalment, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li t-teħid in kunsiderazzjoni tal-mertu akkumulat fil-grad tagħhom mill-uffiċjali tal-Kummissjoni li kienu qed jokkupaw kariga fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmija sistema, barra minn hekk iġġustifikat l-għoti ta’ tliet kategoriji ta’ punti tranżitorji.

302    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni li twassal għall-għoti ta’ PPDĠ lir-rikorrent ġiet stabbilita mit-total ta’ PM u PPTDĠ tar-rikorrent u b’hekk tikser il-kriterji ta’ l-Artikolu 6(3) tad-DĠI 45. Konsegwentement, id-deċiżjoni li tistabbilixxi t-total ta’ punti ta’ promozzjoni tar-rikorrent hija illegali safejn tagħti lir-rikorrent PPDĠ wieħed.

303    M’hemmx lok li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra li r-rikorrent żviluppa kontra dik id-deċiżjoni. Fil-fatt, huma ma setgħux iwasslu għal annullament aktar wiesa' safejn huma jittrattaw l-istess kategorija ta’ punti.

 Fuq il-motiv li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li ma jingħata l-ebda PPA lir-rikorrent

304    Ir-rikorrent essenzjalment jikkontesta l-perijodu ta’ l-eżami ta’ l-appell intern li huwa ressaq fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 tad-DĠI 45. Huwa jikkritika wkoll in-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rakkkomandazzjoni tal-Kumitat ta' Promozzjoni. Huwa fl-aħħar nett jallega li l-Awtorità tal-Ħatra ma eżaminatx l-appell tiegħu b'mod effettiv.

305    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-appell intern għandu jkun magħmul skond l-Artikolu 13(1) tad-DĠI 45 fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-"lista ta' mertu prevista fl-Artikolu 8". Madankollu, dan huwa stabbilit "meta l-[PP] ikunu ġew mogħtija skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6". Għalhekk, l-appell intern għandu bħala suġġett id-deċiżjonijiet dwar il-PPDĠ. Din il-konklużjoni mhix ikkontestata mill-fatt li r-rikorrent ikkompleta r-rikors tiegħu billi wera għaliex għandu jikseb il-PPKS.

306    Ir-rifjut li r-rikorrent jingħata PPA huwa għalhekk konferma tad-deċiżjoni li jingħata PPDĠ wieħed biss. Konsegwentement, il-motivi invokati kontra dik l-aħħar deċiżjoni għandhom ikunu interpretati bħala li huma wkoll invokati kontra ċ-ċaħda ta’ appell intern. Madankollu, l-eżami tal-motiv preċedenti jistabbilixxi li d-deċiżjoni li r-rikorrent jingħata PPDĠ wieħed hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u li tikser l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, l-Artikolu 6 tad-DĠI 45 u l-prinċipju ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera. B’hekk, l-istess irregolaritajiet jaffettwaw ir-rifjut li jingħataw PPA lir-rikorrent.

307    Konsegwentement, f’dan il-każ partikolari m'hemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi li jikkritikaw speċifikament l-eżami ta’ l-appell intern tar-rikorrent.

 Fuq il-motiv kontra r-rifjut li jingħataw PPKS lir-rikorrent

308    Ir-rikorrent jikkontesta r-rifjut li jingħata PPKS billi jibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Promozzjoni, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, l-Artikolu 9 tad-DĠI 45, il-prinċipju tat-trattament ugwali, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u l-abbuż ta’ poter.

 Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Promozzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

309    Ir-rikorrent li ma rċeva l-ebda PPKS, jikkritika lill-Kumitat ta' Promozzjoni ta’ l-uffiċjali tal-kategorija A li ma mmotivax il-proposti tiegħu f’dan il-qasam.

310    Il-Kummissjoni tirrispondi li att preparatorju ma jridx ikun motivat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

311    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis l-argument bħala infondat għar-raġunijiet esposti fil-punti 144 u 145 imsemmija iktar ’il fuq.

 Fuq in-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-Awtorità tal-Ħatra tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tad-DĠI 45

–       L-argumenti tal-partijiet

312    Ir-rikorrent jallega li l-Awtorità tal-Ħatra kienet illimtat ruhħa li taċċetta l-proposti tal-kumitat konġunt u li hija ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni l-kompiti ta’ għalliem/lecturer u ta' rappreżentanza li huwa wettaq.

313    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Awtorità tal-Ħatra effettivament ipproċediet għal eżami komparattiv tal-fajls ta’ l-uffiċjali li jistgħu jiksbu l-PPKS, iżda li hija ddeċidiet fuq il-bażi ta’ dan l-eżami, li ma tagħtix lir-rikorrent. Hija żżid li xejn ma jwaqqaf lill-Awtorità tal-Ħatra milli ssegwi l-proposti tal-Kumitati ta’ Promozzjoni, kif għamlet f’dan il-każ partikolari.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

314    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 9(3) tad-DĠI 45, l-għoti tal-PPKS huwa s-suġġett ta' proposti fi ħdan grupp konġunt ta’ ħidma/xogħol ta’ kull Kumitat ta' Promozzjoni kompetenti. Wara li jkunu ġew "aċċettati" minn dawk il-kumitati, dawk il-proposti huma mbagħad suġġetti għal deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra.

315    L-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet fl-20 ta’ Novembru 2003. Il-fatt li f’dak il-kuntest, hija inkludiet f’dan ir-rigward rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati ta’ Promozzjoni, mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija realment ma eżerċitatx l-kompetenzi tagħha. Fil-fatt l-Awtorità tal-Ħatra tista’ taqsam l-evalwazzjonijet tal-Kumitati ta’ Promozzjoni.

316    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent indirizza l-ilment tiegħu b’mod partikolari kontra r-rifjut li jiġi mogħti PPKS. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat l-ilment tar-rikorrent skond argumentazzjoni li turi l-eżami effettiv ta’ din il-kategorija ta’ punti. Hija fil-fatt issostni li l-konferenzi u l-attivitajiet l-oħra, li jirreferi għalihom r-rikorrent, kienu strettament marbuta kemm mat-tip tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll mal-qasam li kien jikkonċerna lis-servizz ġuridiku. L-Awtorità tal-Ħatra osservat ukoll li l-"grupp ta’ trasparenza" tas-servizz ġuridiku, li pparteċipa fih ir-rikorrent, huwa grupp informali. Hija konsegwentement qieset li dak il-kumitat ma setax ikun assimilat ma’ kumitat konġunt, peress li l-lista tal-kompiti supplimentari inkluża fl-anness I tad-DĠI 45 hija eżawrjenti. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tal-Ħatra kkonstatat li r-RŻK 2001‑2002 tar-rikorrent ma jsemmi l-ebda kompitu supplimentari fit-titolu ad hoc.

317    Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx effettivament eżerċitat il-kompetenzi tagħha mhuwiex fondat.

 Fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 mill-Awtorità tal-Ħatra

–       L-argumenti tal-partijiet

318    Ir-rikorrent jallega li huwa jirrappreżenta lil uffiċjali tal-grad A 5 fi ħdan grupp ta’ trasparenza fis-servizz ġuridiku. Huwa kien ukoll ta korsijiet u lectures kemm esternament mill-istituzzjoni kif ukoll lill-kollegi tiegħu, u dan bħala parti mill-funzjonijiet normali tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkunsidra li l-fatt li kiseb il-konoxxenzi neċessarji għal dawn il-korsijiet u lectures grazzi għall-funzjonijiet imwettqa fi ħdan is-servizz ġuridiku huwa rrilevanti. Huwa mbagħad jikkritika lis-servizz ġuridiku li ma informax lill-Kumitat ta' Promozzjoni bil-kompiti in kwistjoni u li ma semmihomx fir-RŻK 2001‑2002 tiegħu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li xi uffiċjali kienu rċevew PPKS għal attivitajiet simili għal tiegħu jew anki inqas importanti. Huwa jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lista anonima ta’ l-uffiċjali tal-grad A 5 li kisbu PPKS għal attivitajiet ta’ "għalliem/lecturer" u ta’ rappreżentanza, bl-indikazzjoni ta’ l-attivitajiet imwettqa konkretament. Huwa jitlob wkoll li l-Kummissjoni tkun mistiedna tispjega kif dawn l-attivitajiet ġew imneħħija, b’ipoteżi, mill-qasam ta’ l-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati fi ħdan l-istituzzjoni.

319    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tiddisponi minn diskrezzjoni wiesgħa. Hija ssostni wkoll li l-"grupp ta’ transparenza" tas-servizz ġuridiku huwa biss grupp informali, mhux komparabbli mal-kumitati enumerati fl-anness I tad-DĠI 45. Minn dan isegwi li l-Kumitat ta' Promozzjoni ta’ l-uffiċjali tal-kategorija A ma kellux il-poter li jagħti PP lir-rikorrent bħala rikonoxxenza ta’ din il-parteċipazzjoni. Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrent wettaq attivitajiet ta’ għalliem/lecturer ma jagħtihx dritt li jikseb PPKS. In-numru limitat ta’ punti għal għoti jimplika li huma setgħu jingħataw biss lill-uffiċjali li jistħoqqilhom l-aktar skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 9 tad-DĠI 45. Madankollu, il-fatt li uffiċjal ikollu xi merti ma jeskludix li oħrajn ikollhom merti ugwali jew għola.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

320    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45 jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra diskrezzjoni wiesgħa. Dan l-ewwel nett jissuġġetta l-għoti tal-PPKS għal tliet kriterji. Dawn jikkonċernaw il-punt dwar jekk il-kompiti in kwistjoni jkunux twettqu fl-interess ta’ l-istituzzjoni, jekk jifformawx parti jew le mill-profil tal-kompetenzi tal-parti kkonċernata u jekk dan ikunx ikkompletahom b’suċċess. Il-verifika ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji tagħti diskrezzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra. L-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45 imbagħad jistabbilixxi kwota ta’ punti sabiex jiġu mqassma skond in-numru ta’ uffiċjali li jistgħu jkunu promossi. It-tqassim tagħhom skond it-tabelli ffissati fl-anness I tad-DĠI 45 għall-attivitajiet differenti li huma msemmija fih jimplika wkoll għażla, bbażata fuq evalwazzjoni tal-merti suġġetti li jittieħdu in kunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, f’dan il-kuntest, il-verifika tagħha għandha tillimita ruħha għall-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni hijiex marbuta, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ma' limiti mhux kritikabbli u li m'għamlitx użu minnha b’mod manifestament żbaljat (ara l-punt 291 imsemmi iktar ’il fuq).

321    L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-attivitajiet imwettqa mir-rikorrent fi ħdan il-"grupp ta’ trasparenza", huwa importanti li jiġi mfakkar li l-anness I tad-DĠI 45 jikkwota b’mod eżawrjenti l-kompiti supplimentari fl-interess ta’ l-istituzzjoni li jistgħu jiġġustifikaw l-għoti ta’ PPKS skond l-Artikolu 9 tad-DĠI 45. Peress li l-attivitajiet fi ħdan il-grupp ta’ trasparenza ma kinux imsemmija fl-anness I tad-DĠI 45, l-Awtorità tal-Ħatra la wettqet żball dwar il-liġi u lanqas żball ċar ta’ evalwazzjoni meta ma tat l-ebda PPKS lir-rikorrent għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmi grupp.

322    Minbarra dan, fir-rigward ta’ l-allegati attivitajiet ta’ għalliem/lecturer imwettqa mir-rikorrent, għandu jingħad li attivitajiet bħal dawn jistgħu skond l-anness I tad-DĠI 45 jagħtu lok għal għoti ta’ PPKS. Madankollu, id-deskrizzjoni tax-xogħol tar-rikorrent issemmi l-"komunikazzjoni fuq [ċerti] aspetti ġuridiċi – internal communication". Barra minn hekk, ir-RŻK 2001‑2002 tiegħu jippreċiża li huwa responsabbli li "jinforma lill-Kummissjoni u s-servizzi tagħha bl-iżvolġiment tal-kawża u tad-dritt Komunitarju [kif ukoll li] jaqsam il-konoxxenza u l-esperjenza tad-dritt Komunitarju". Minn dan isegwi li l-Awtorità tal-Ħatra la wettqet żball ta’ dritt u lanqas żball ċar ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-taħriġ u l-lectures tar-rikorrent lill-kollegi kienu jaqgħu fil-kuntest tal-funzjonijiet normali tiegħu. Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra ġustament qieset li t-tieni inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45 ma jippermettix li r-rikorrent jiġi rrikumpensat permezz ta’ l-għoti ta’ PPKS wieħed.

323    Ir-rikorrent għadu jipparteċipa f'attivitajiet esterni. Dawn huma żewġ lectures fuq id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u fuq id-dritt amministrattiv Ewropew mogħtija f’universitajiet Spanjoli, parteċipazzjoni fil-proġett ta’ riċerka ġuridika fil-qasam tat-telekomunikazzjoni fuq talba ta’ l-awtoritajiet Taljani u l-pubblikazzjoni dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ir-rikorrent qatt ma pprovda ebda element li jippermetti li jkun ikkunsidrat li dawn is-servizzi kienu ġew imwettqa "fl-interess ta’ l-istituzzjoni", skond l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45. Barra minn dan, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tiżvela, fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2004, li s-servizz ġuridiku ma kienx semma l-isem tar-rikorrent fuq il-lista ta’ uffiċjali li skond hu setgħu jibbenefikaw mill-PPKS. L-Awtorità tal-Ħatra setgħet ukoll tosserva li s-servizz ġuridiku ma kienx wera l-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq taħt it-titolu tar-RŻK iddedikat għal "Kompiti supplimentari". Ir-rikorrent jikkritika dik l-omissjoni, iżda dik il-kritika mhix ammissibbli safejn hija tikkontesta r-RŻK 2001‑2002 li hu ma kkontestax fi żmien xieraq. Ir-rikorrent isostni wkoll li huwa semma l-kompiti in kwistjoni fil-parti tar-RŻK li kellu jagħmel personalment. Madankollu dik ir-referenza mhix determinanti, peress li l-istampa li hija tagħti fuq l-attivitajiet tiegħu hija naturalment stampa suġġettiva.

324    Fl-aħħar nett, it-talba tar-rikorrent intiża sabiex il-Kummissjoni tikkomunika lill-Qorti tal-Prim’Istanza lista anonima tal-benefiċjarji tal-PPKS li barra minn hekk għandha ssemmi l-attivitajiet li taw lok għall-għoti tal-PPKS u l-ispjegazzjonijiet li għalihom dawk l-attivitajiet kienu kkunsidrati bħala li ma jikkonċernawx il-funzjonijiet normali tal-parti kkonċernata u għalhekk ma tistax tintlaqa'. Fil-fatt, ir-rikorrent ma wriex li l-attivitajiet li, skond hu, kellhom jagħtu lok għal għoti ta’ PPKS, jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà ta’ l-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45. Sabiex jiġi assigurat li jkun ingħad kollox, jekk jiġi presuppost li uffiċjal wieħed jew ieħor kien bbenefika mill-għoti ta’ PPKS wieħed għaliex eżerċita attivitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikolu 9(2) tad-DĠI 45, bl-ebda mod ma jirriżulta li tkun illegali d-deċiżjoni li ma jingħatax PPKS lir-rikorrent.

325    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 mhuwiex fondat.

 Fuq l-abbuż ta’ poter

–       L-argumenti tal-partijiet

326    Ir-rikorrent jikkunsidra li kien hemm abbuż ta’ poter li vvizzja l-għoti tal-PPKS. Huwa jsostni li l-kompiti ta’ "għalliem/lecturer" ma ttieħdux in kunsiderazzjoni ħlief f’każijiet iżolati u b’mod arbitrarju, filwaqt li l-anness I tad-DĠI 45 ikklassifikahom fir-raba’ pożizzjoni minn sitta b’ordni dixxendenti ta’ importanza. Huwa josserva wkoll li l-verżjoni ta’ l-2004 ta’ dawn id-DĠI ma inkludithomx peress li "[ikun] diffiċli li jiġu identifikati l-limiti bejn l-attivitajiet ta’ lecturer jew ta’ għalliem u l-attività normali ta’ uffiċjal".

327    Skond il-konvenuta, ir-risposti tagħha għall-partijiet preċedenti ta’ l-argument jiżvelaw li l-attivitajiet ta’ għalliem/lecturer tar-rikorrent ittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod adegwat u li l-PPKS kienu ġew attribwiti skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 9 tad-DĠI 45. Barra minn hekk, il-fatt li l-attivitajiet in kwistjoni tneħħew mill-anness I tad-DĠI 45 sa mill-Eżerċizzju 2004, minħabba diffikultajiet ta’ applikazzjoni ta’ dak il-kriterju, ma jurix l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

328    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu portata preċiża ħafna li jirreferi għall-użu tal-poteri tiegħu minn awtorità amministrattiva, b’għan differenti minn dak li ngħataw għalih. Deċiżjoni hija vvizzjata biss b’abbuż ta’ poter jekk fuq il-bażi ta’ indizzji oġġettivi, rilevanti u korroborati, tkun ittieħdet għal finijiet differenti minn dawk li għandha tilħaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il-Parlament, C‑121/01 P, Ġabra p. I‑5539, punt 46; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Ġunju 1996, Anacoreta Correia vs Il-Kummissjoni, T‑118/95, ĠabraSP p. I‑A‑283 u II‑835, punt 25, u ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 123).

329    L-abbuż ta’ poter huwa b’hekk kawża ta’ annullament totali, li ma jistax ikun dedott minn żball fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 u l-anness I tad-DĠI 45. Minbarra dan, l-eżami ta’ l-argumenti preċedenti wera li l-Artikolu 9 tad-DĠI 45 ġie applikat korrettament. Barra minn hekk, il-fatt li l-attivitajiet ta’ għalliem/lecturer tneħħew mill-anness I tad-DĠI 45 sa mill-proċedura ta’ promozzjoni 2004 ma jurix li r-rifjut ta’ għoti tal-PPKS lir-rikorrent, fil-proċedura ta’ promozzjoni 2003, kellu għan moħbi u lanqas, aktar ġeneralment, li d-dispożizzjonijiet taħt dan it-titolu kienu ġew applikati b’mod inkorrett.

330    Għalhekk, l-argument mhuwiex fondat. Konsegwentement, l-istess għandu jingħad għall-motiv kollu mressaq kontra d-deċiżjoni li r-rikorrent ma jingħata l-ebda PPKS.

 Fuq l-motiv kontra r-rifjut li r-rikorrent jingħata PPTKP

 L-argumenti tal-partijiet

331    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Promozzjoni ta’ l-uffiċjali tal-kategorija A fuq l-għoti ta’ PPTKP mhijiex motivata. Id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra dwar l-ilment tiegħu lanqas mhija motivata.

332    Il-Kummissjoni tirrispondi li att preparatorju m’għandux ikun motivat u li l-ispjegazzjonijiet li jidhru fir-rifjut ta’ l-ilment tar-rikorrent huma suffiċjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

333    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kumitati ta’ Promozzjoni għandhom biss il-kompetenza li jipproponu l-għoti ta’ PPTKP (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Huma m'għandhomx l-obbligu li jimmotivaw il-proposti tagħhom għal raġunijiet diġà spjegati fil-punti 143 et seq iktar ’il fuq. Minbarra dan, ir-rikorrent ma jistax jikkritika lill-Awtorità tal-Ħatra li ma ġġustifikatx ir-rifjut tagħha li tagħtih PPTKP fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2004. Fil-fatt, fl-ilment tiegħu huwa ma ppretendiex li punti bħal dawn kellhom jiġu mogħtija lilu u ma pprovda l-ebda argument korroboranti dwar dan. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tinkludi motivazzjoni fuq l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji. Fl-aħħar nett, l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 34‑2003 kienet diġà indikat li "l-kumitati ta' promozzjoni [...] jistgħu jipproponu li jagħtu massimu ta’ 2 punti lill-uffiċjali li s-sitwazzjoni tagħhom tiġġustifika dan" u l-Informazzjoni Amministrattiva Nru 82‑2003 kienet ippreċiżat il-każijiet prinċipali li kienu immotivaw l-għoti tagħhom.

334    Konsegwentement, l-argument mhuwiex fondat.

 Fuq il-motiv kontra l-lista tal-promossi

 L-argumenti tal-partijiet

335    Indipendentement mill-argumenti li jikkontestaw ir-regolarità ta’ l-atti preparatorji u li jistgħu jaffettwaw il-legalità tal-lista tal-promossi, ir-rikorrent jikkritika wkoll direttament il-validità tagħha. Huwa jsostni li l-Awtorità tal-Ħatra kienet naqset milli tqabbel il-merti rispettivi tal-kandidati, meta hija ddeċidiet dwar il-promozzjonijiet u li hija aċċettat biss il-lista ta' mertu stabbilita mill-Kumitat ta' Promozzjoni.

336    Skond il-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Ħatra mhix ipprojbita milli ssegwi l-proposti magħmula mill-kumitati ta’ promozzjoni u r-rikorrent ma jġibx prova li hija naqset milli effettivament teżerċità d-diskrezzjoni tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

337    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fit-13 ta’ Novembru 2003, dak il-kumitat stabbilixxa l-lista ta' mertu prevista fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45 fid-dawl tal-lista ppubblikata fis-7 ta’ Lulju 2003 u tal-proposti tiegħu ta’ għoti ta’ PPKS, ta’ PPA u ta’ PPTKP. L-Awtorità tal-Ħatra stabbiliet il-lista tal-promossi fl-20 ta’ Novembru ta' wara, skond dawk il-proposti. Madankollu, kemm il-kriterji ta’ għoti ta’ PM u ta’ PP kif ukoll il-proċeduri stabbilti mid-DĠI 43 u d-DĠI 45 għandhom bħala għan l-evalwazzjoni tal-merti u jnaqqsu l-fatturi li jwasslu lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex teskludi l-proposti tal-kumitati ta’ promozzjoni.

338    Fi kwalunkwe każ, il-qbil fl-opinjoni tal-Kumitat ta' Promozzjoni ta’ l-uffiċjali tal-kategorija A u ta' l-Awtorità tal-Ħatra mhijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li din ta' l-aħħar ma eżerċitatx realment il-kompetenzi tagħha.

339    Konsegwentement, l-argument mhuwiex fondat.

4.     Fuq il-portata ta’ l-annullament

340    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-ilmenti kontra d-deċiżjoni li r-rikorrent jingħata PPDĠ wieħed biss huma bbażati fuq mertu tajjeb (punti 286 et seq imsemmija iktar ’il fuq). L-irregolaritajiet b’hekk ikkonstatati jaffettwaw id-deċiżjoni li hu jingħata biss total ta’ 20 punt ta’ promozzjoni.

341    Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn l-irregolaritajiet jaffettwawx ukoll il-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 jew, fi kwalunkwe każ, ir-rifjut li l-isem tar-rikorrent jiġi inkluż fiha.

342    Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk il-miżuri li l-Kummissjoni jkollha tieħu sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet imsemmija iktar ‘il fuq jistgħux iwasslu lir-rikorrent għall-kwota ta' promozzjoni, stabbilita għal 31 punt għall-proċedura 2003 mill-Informazzjoni Amministrattiva Nru 69‑2003.

343    F’dan il-każ partikolari, ir-rikorrent ibbenefika mis-16-il PM u minn 3 PPTDĠ. Huwa jista’ jirċievi wkoll sa 10 PPDĠ skond l-Artikolu 6(4)(a) tad-DĠI 45. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 13(2) tad-DĠI 45 jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tagħti, fuq rikors għal dan, PPA "supplimentari (barra mill-kwota tad-direttorat ġenerali)". Fir-risposti tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li "rikors bħal dan huwa ammissibbli [...] meta d-direttorat ġenerali kkonċernat ikun attribwixxa 10 [PPDĠ] lill-uffiċjal ikkonċernat, jiġifieri l-massimu ta’ punti possibbli". Minbarra dan, hija indikat li l-PPA jistgħu jingħataw "mingħajr limitazzjoni". Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rwol prinċipali li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tevalwa l-merti ta’ l-uffiċjali fid-dawl ta’ promozzjoni eventwali. Hija tispjega li, barra minn hekk, l-impatt limitat tal-medja mmirata u tas-sanzjoni tiegħu, previst fl-Artikolu 6(1) tad-DĠI 45 u fl-Informazzjoni Amministrattiva Nru 99‑2002, fuq id-diskrezzjoni ta’ l-awtorità (punti 168 et seq imsemmija iktar ’il fuq). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

344    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx eskluż li r-rikorrent jista’ jasal għall-kwota ta’ promozzjoni msemmija iktar ’il fuq.

345    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ta’ l-20 ta’ Novembru 2003 li permezz tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra, minn naħa, stabbiliet in-numru totali ta’ punti ta’ promozzjoni mogħtija lir-rikorrent għal 20 punt skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 u, minn naħa l-oħra, irrifjutat li tinkludih fil-lista tal-promossi għall-grad A 4.

346    Ir-rikorrent madankollu jitlob l-annullament tal-lista ta' mertu ta’ l-uffiċjali tal-grad A 5 u tal-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 kollha kemm huma. Huwa jgħid li kuntrarjament għas-sistema preċedenti, id-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2003 ikomplu jipproduċu effetti fl-iskadenza tagħha, minħabba s-sistema ta’ kapitalizzazzjoni tal-punti ta’ promozzjoni. Huwa jallega wkoll li l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità li huwa qajjem kontra d-DĠI 43 u d-DĠI 45, l-ineżistenza ta’ atti preparatorji u n-nuqqas ta’ paragun tal-merti jaffettwaw il-proċedura kollha u lill-uffiċjali kkonċernati minnha.

347    Madankollu mill-punti 87 et seq iktar ’il fuq jirriżulta li l-lista ta' mertu prevista fl-Artikolu 10 tad-DĠI 45 hija att preparatorju, mhux suġġetta li tiġi annullata bħala tali.

348    Barra minn hekk, mill-eżami li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 125 sa 256 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-pretensjoni tar-rikorrent li jikseb l-annullament tal-lista kollha ta’ l-uffiċjali promossi minħabba l-illegalità tad-DĠI 43 u tad-DĠI 45 jew ta’ l-ineżistenza ta’ l-atti preparatorji tibbaża ruħha, fi kwalunkwe ipoteżi, fuq premessa żbaljata, peress li l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità u l-argument in kwistjoni mhumiex fondati.

349    Fl-aħħar nett, l-annullament tal-lista tal-promossi kollha, li tinkludi 141 uffiċjal, jammonta għal sanzjoni eċċessiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punt 13; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1992, Barbi vs Il-Kummissjoni, T‑68/91, Ġabra p. II‑2127, punt 36; Rasmussen vs Il-Kummissjoni, punt 220 supra, punt 52, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 141). Min-naħa l-oħra, f'din il-kawża, din l-evalwazzjoni mhijiex kuntrarjata mill-fatt li d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni in kwistjoni ma jeżawrixxux l-effetti tagħhom fl-aħħar tagħha, peress li fil-futur ir-rikorrent jista’ jikkompeti ma’ uffiċjali li l-promozzjoni tagħhom ma ġietx annullata.

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

350    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna bosta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

351    Fl-ewwel lok, huwa jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza "tistieden lill-konvenuta tagħti informazzjoni anonima li tindika l-PPT, il-PM u l-PPDĠ mogħtija lil kull uffiċjal tal-grad A 5 tas-servizz ġuridiku". Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din il-miżura hija inutli kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li twettqu fil-punt 296 iktar ’il fuq.

352    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza "tistieden lill-konvenuta tagħti l-proposta dwar l-għoti tal-PPDĠ lir-rikorrent li kellhom jiġu fformulati mis-Sur Santaolalla Gadea, direttur li jaqa' taħtu r-rikorrent, jew kull dokument li jsemmi proposta bħal din". Din il-miżura ġiet ordnata fil-proċess tal-proċedura mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

353    Fit-tielet lok, ir-rikorrent talab lill-Qorti tal-Prim’Istanza "tistieden lill-konvenuta tagħti lista anonima ta’ l-uffiċjali tal-grad A 5 li kisbu punti għal attivitajiet ta’ għalliem/lecturer, li tinkludi l-indikazzjoni ta’ l-attivitajiet imwettqa u li tispjega kif dawn l-attivitajiet huma esklużi mill-qasam ta’ attività ta’ dawn l-uffiċjali fi ħdan l-istituzzjoni". M'hemmx lok li din it-talba tintlaqa' għal motivi spjegati fil-punt 324 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

354    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-konvenuta tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha, skond it-talbiet tar-rikorrent f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu t-total ta’ 20 punt ta’ promozzjoni għar-rikorrent u li jirrifjutaw li jinkluduh fil-lista ta’ l-uffiċjali promossi għall-grad A 4 skond il-proċedura ta’ promozzjoni 2003 huma annullati.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-kumplament.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

       Jürimäe

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ottubru 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti u l-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

1. Sistema ta’ promozzjoni

2. L-iżvolġiment tal-Proċedura ta’ promozzjoni

3. Deċiżjoni li taffettwa ħażin

4. Perijodu ta’ l-Appell

Fuq il-meritu

1. Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ DĠI 43 u ta’ DĠI 45

Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 2 tad-DĠI 43 u l-Artikoli 3, 6, 7, 9, 10, 12 u 13 tad-DĠI 45

Fuq il-karattru allegatament mhux determinanti tal-PM

– L-Argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-injorar ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff u tad-drittijiet tad-difiża mid-DĠI 45

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-effett tar-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 13 tad-DĠI 45

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba u d-dritt għal proċedura imparzjali u ekwa

Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikoli 6 u 7 tad-DĠI 45 moqrija fid-dawl ta’ l-Informazzjoni amministrattiva Nru 99‑2002, li timponi l-motiv immirat li jirrestrinġi d-diskrezzjoni tad-direttorati ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 12 tad-DĠI 45, li tagħti importanza eċċessiva lis-senjorità, tkun impreċiża u tinjora l-kompetenza ta’ l-ATĦ

Fuq il-karattru tranżitorju ta’ l-Artikolu 12 tad-DĠI 45

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-allegat karattru determinanti mogħti lis-senjorità tal-grad mill-PPT

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-inkompetenza tal-kumitati tal-promozzjoni sabiex jiġu mogħtija l-PPTKP

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 9 u l-Anness I, punti 1, 2, 3, 5 u 6 tad-DĠI 45 li twassal għal sopravalutazzjoni ta’ ċerti servizzi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames eċċezzjoni ta’ illegalità, kontra l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 45 li huwa diskriminatorju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2. Fuq l-argument dedott mill-ineżistenza tad-deċiżjonijiet fuq l-appell intern u fuq l-għoti tal-PPKS, tal-PPTKP u tal-PPSS

3. Fuq l-argumenti bbażati fuq l-illegalitŕ ta’ l-implementazzjoni tad-DĠI 45

Fuq l-argumenti li jikkontestaw id-deċiżjoni li jagħtu biss lir-rikorrent PPDĠ wieħed

Fuq il-ksur ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-injorar ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti ta’ l-Istaff, ta’ l-Artikoli 6 u 13 tad-DĠI 45, tal-prinċipju ta’ l-eliġibbiltà għall-karriera, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u l-abbuż ta’ poter

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-argument li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li ma jagħti l-ebda PPA lir-rikorrent

Fuq l-arhument kontra r-rifjut li jingħataw PPKS lir-rikorrent

Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-promozzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq in-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-ATĦ tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tad-DĠI 45

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-injorar mill-ATĦ ta’ l-Artikolu 9 tad-DĠI 45

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-abbuż ta’ poter

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-argument miġjub kontra r-rifjut li r-rikorrent jingħata PPTKP

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-arhument kontra l-lista tal-promossi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4. Fuq il-portata ta’ l-annulament

Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.