Language of document : ECLI:EU:T:2008:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar pubbliku TV2 sabiex tiġi ffinanzjata l-funzjoni ta’ servizz pubbliku tiegħu – Miżuri kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Drittijiet tad-difiża – Servizz pubbliku tax-xandir – Definizzjoni u finanzjament – Riżorsi tal-Istat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligu ta’ eżami”

Fil-kawżi magħquda T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04,

TV 2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard u M. Thorninger, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑309/04,

sostnuta minn

Union européenne de radio-télévision (UER), stabbilita fi Grand-Saconnex (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn A. Carnelutti, avukat,

intervenjenti fil-kawża T‑309/04,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn P. Biering u K. Lundgaard Hansen, avukati,

rikorrent fil-kawża T‑317/04,

Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’West Drayton, Middlesex (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Hjelmborg u M. Honoré, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑329/04,

sostnuta minn

SBS TV A/S, li qabel kienet TV Danmark A/S, stabbilita fi Skovlunde (id-Danimarka),

u

SBS Danish Television Ltd, li qabel kienet Kanal 5 Denmark Ltd, stabbilita f’Hounslow, Middlesex (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn D. Vandermeersch, K.-U. Karl u H. Peytz, avukati,

intervenjenti fil-kawża T‑329/04,

SBS TV A/S,

SBS Danish Television Ltd,

rikorrenti fil-kawża T‑336/04,

sostnuti minn

Viasat Broadcasting UK Ltd,

intervenjenti fil-kawża T‑336/04,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata, fil-kawżi T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04, minn H. Støvlbæk u M. Niejahr, fil-kawża T‑329/04, ukoll minn N. Kahn u, fil-kawża T‑336/04, minn N. Kahn u M. Niejahr, bħala aġenti,

konvenuta fil-kawżi T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04,

sostnuta minn

SBS TV A/S,

minn

SBS Danish Television Ltd,      

u

Viasat Broadcasting UK Ltd,

intervenjenti fil-kawża T‑309/04,

u minn

Ir-Renju tad-Danimarka,

u

TV 2/Danmark A/S,

u

UER,


intervenjenti fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04,

li għandhom bħala suġġett, fil-kawżi T‑309/04 u T‑317/04, talbiet għall-annullament, prinċipalment, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/217/KE, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur TV2/Danmark (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika ĠU 2006, L 368, p. 112), u, sussidjarjament, tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jew tal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu u, fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04, talbiet għall-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni inkwantu hija tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat parzjalment kompatibbli mas-suq komuni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, (Relatur), President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-7 u t-8 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 16 KE jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73 [KE], 86 [KE] u 87 [KE], u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali [importanza ekonomika ġenerali] fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll tar-rwol tagħom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, il-Komunità u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet [funzjonijiet] tagħhom.”

2        L-Artikolu 86(2) KE jipprovdi:

“Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.” 

3        L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tafforixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.”

4        L-Artikolu 311 KE jipprovdi:

“Il-protokolli annessi ma’ dan it-Trattat bi ftehim bejn l-Istati Membri għandhom jifformaw parti integrali mill-istess Trattat.”

5        Il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (ĠU 1997, C 340, p. 109, iktar’il quddiem “Il-Protokoll ta’ Amsterdam”), introdott bit-Trattat ta’ Amsterdam u anness mat-Trattat KE, jipprovdi:

“[L-Istati Membri] waqt li jikkunsidraw li s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media; ftiehmu dwar id-dispożizzjonijiet ta’ interpretazzjoni li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat [KE],

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KE] għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-missjoni [funzjoni] ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni [funzjoni] ta’ dak is-servizz pubbliku.”

6        Fil-15 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna ta’ l-Istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku (ĠU C 320, p. 5, iktar’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ix-xandir”), li fiha l-Kummissjoni ħabbret il-prinċipji li hija kienet ser issegwi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE u tal-Artikolu 86(2) KE għall-finanzjament tal-entitajiet pubbliċi ta’ xandir mill-Istat.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

7        Fid-Danimarka hemm żewġ xandara pubbliċi, minn naħa, Danmarks Radio (iktar’il quddiem “DR”), u min-naħa l-oħra, TV 2/Danmark (iktar’il quddiem “TV2”); TV2 ġiet sostitwita, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali mill-1 ta’ Jannar 2003, minn TV 2/Danmark A/S (iktar’il quddiem “TV2 A/S”). DR hija ffinanzjata kważi totalment mir-riżorsi ġejjin mid-dħul mil-liċenzji. TV2 hija ffinanzjata parzjalment minn riżorsi ġejjin mid-dħul mil-liċenzji, iżda wkoll minn dħul mir-reklamar.

8        TV2 ġiet stabbilita fl-1986, permezz tal-lov om ændring af lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (Liġi li temenda l-Liġi dwar is-servizz ta’ xandir) Nru 335, tal-4 ta’ Ġunju 1986 (iktar’il quddiem il-“Liġi tal-1986 li tistabblixxi t-TV2”), bħala istituzzjoni awtonoma indipendenti. TV2 bdiet ixxandar fl-1 ta’ Ottubru 1988. TV2 ixxandar l-istazzjon terrestri TV2 u fl-2000 bdiet ixxandar ukoll stazzjon bis-satellita, TV2 Zulu. Fl-aħħar tas-sena 2002, TV2 Zulu, li sa dak iż-żmien kienet għadha stazzjon ta’ servizz pubbliku, saret stazzjon kummerċjali bi ħlas.

9        Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw żewġ xandara kummerċjali: minn naħa, il-grupp li jikkonsisti fil-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar’il quddiem “SBS A/S” u “SBS Ltd”, rispettivament, u, flimkien, “SBS”), u min-naħa l-oħra, il-kumpannija Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar’il quddiem “Viasat”).

10      SBS A/S u SBS Ltd jappartjenu għal SBS Broadcasting SA., kumpannija Lussemburgiża li tmexxi stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju f’diversi Stati Membri.

11      Sa minn April 1997, SBS A/S, li qabel kienet TV Danmark A/S, ixxandar l-istazzjon tat-televiżjoni kummerċjali TV Danmark 2 permezz ta’ stazzjon terrestri. Barra minn hekk, it-trażmissjonijiet tal-istazzjon ta’ TV Danmark 2 li tinsab f’Copenhagen huma mxandra bis-satellita lil ċerti operaturi tal-kejbil u djar Daniżi li għandhom DTH [DirectToHome (xandir bis-satellita dirett fid-dar)] fil-kumplament tal-pajjiż.

12      SBS Ltd, li qabel kienet Kanal 5 Denmark Ltd u li ġiet stabbilita fl-1999 bl-isem TV Danmark 1 Ltd u baqgħet jisimha hekk sa l-2004, ixxandar, sa mill-1 ta’ Jannar 2000, bis-satellita mir-Renju Unit u b’liċenzja tar-Renju Unit, l-istazzjon tat-televiżjoni kummerċjali Kanal 5 (inizjalment imsemmi TV Danmark 1).

13      Viasat tappartjeni għal Modern Times Group (MTG), grupp multinazzjonali li jopera fis-settur tal-medja. Sa mill-1992, Viasat ixxandar fid-Danimarka, bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni tar-Renju Unit, l-istazzjonijiet bis-satellita TV3 u TV3+.

14      SBS u Viasat jikkompetu ma’ TV2 fis-suq nazzjonali tar-reklamar televiżiv.

15      Ir-regoli Daniżi applikabbli għad-definizzjoni tas-servizz pubbliku ta’ TV2 ġew stabbiliti, għall-perijodu 1995‑2002, permezz tal-lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (Liġi dwar is-servizz tax-xandir) Nru 1065, tat-23 ta’ Diċembru 1992, fil-verżjonijiet suċċessivi tagħha ta’ pubblikazzjoni kkonsolidata, fosthom il-verżjoni Nru 578 tal-24 ta’ Ġunju 1994 (iktar’il quddiem il-“Liġi dwar ix-xandir”). Dawn ir-regoli ġew spjegati fid-dettall u speċifikati fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ TV2.

16      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2000, il-Kummissjoni rċeviet ilment ta’ SBS, dwar il-finanzjament ta’ TV2 mir-Renju tad-Danimarka. Fit-3 ta’ Mejju 2000 saret laqgħa ma’ dawk li ressqu l-ilment.

17      Permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Frar, tat-3 ta’ Mejju u tal-11 ta’ Diċembru 2001, SBS ipprovdiet informazzjoni addizzjonali.

18      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni talbet informazzjoni lill-awtoritajiet Daniżi, li rrispondewha permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2002. Fil-25 ta’ Ottubru u fid-19 ta’ Novembru 2002 saru żewġ laqgħat ma’ dawn l-awtoritajiet. Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Novembru u tat-3 ta’ Diċembru 2002 dawn tal-aħħar ipprovdew informazzjoni addizzjonali.

19      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju tad-Danimarka bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-finanzjament ta’ TV2 minn dan l-Istat Membru (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).

20      Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropej tal-14 ta’ Marzu 2003 (ĠU C 59, p. 2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

21      Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mill-awtoritajiet Daniżi permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Marzu 2003, kif ukoll informazzjoni oħra permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Diċembru 2003 u tal-15 ta’ Marzu 2004. Hija rċeviet ukoll osservazzjonijiet mingħand diversi partijiet ikkonċernati. SBS ippreżentat osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2003. L-Assoċjazzjoni tat-Televiżjonijiet Kummerċjali Ewropej (ACT) ippreżentat osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2003. Ix-xandara kummerċjali Antena 3 TV u Gestevisión Telecinco ppreżentaw osservazzjonijiet fis-16 ta’ April 2003. Min-naħa tagħha, Viasat ippreżentathom permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2003. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lir-Renju tad-Danimarka, li bagħat il-kummenti tiegħu dwarhom permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2003.

22      Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand SBS permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Diċembru 2003 u tas-6 ta’ Jannar 2004. Hija ltaqgħet ma’ SBS fis-17 ta’ Diċembru 2003 u, fid-9 ta’ Frar 2004, mal-awtoritajiet Daniżi, li ppreżentaw il-kummenti tagħhom fuq l-informazzjoni addizzjonali pprovduta minn SBS permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2004.

23      Fl-17 ta’ Diċembru 2003 saret il-laqgħa ġenerali li biha ġiet stabbilita TV2 A/S, skont il-Liġi Daniża Nru 438, tal-10 ta’ Ġunju 2003, dwar TV2 A/S, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali, fl-1 ta’ Jannar 2003.

24      Permezz tad-Deċiżjoni 2006/217/KE tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur TV 2/Danmark (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika ĠU 2006, L 368, p. 112, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li “[l]-għajnuna mogħtija bejn l-1995 u l- 2002 [mir-Renju tad-Danimarka] lil [TV2] fil-forma ta’ dħul mil-liċenzji u ta’ miżuri oħrajn deskritti f’din id-deċiżjoni huma kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE, ħlief għall-ammont ta’ 628,2 miljun [krone Daniż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-Kummissjoni ordnat lir-Renju tad-Danimarka tirkupra dan l-ammont, bl-interessi, mingħand TV2 A/S (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2004, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni bi pjan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ TV2 A/S. Fir-rigward tal-miżuri ffinanzjati mill-Istat, dan il-pjan kien jipprovdi għal kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ 440 miljun krone Daniż (DKK) u l-konverżjoni f’kapital ta’ self mill-Istat ta’ DKK 394 miljun.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2004, [C (2004) 3632 finali], fil-każ dwar għajnuna mill-Istat N 313/2004, relattiv għar-rikapitalizzazzjoni ta’ TV 2/Danmark A/S (ĠU 2005, C 172, p. 3, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni”), il-Kummissjoni kkonkludiet li “il-kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ DKK 440 miljun li hija prevista u l-konverżjoni tad-dejn f’fondi proprji huma neċessarji sabiex jiġi rrikostitwit il-kapital li TV2, wara t-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, għandha bżonn sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku” (premessa 53 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni). Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet “li tikkonstata li kull element ta’ għajnuna mill-Istat li jista’ jkun marbut mar-rikapitalizzazzjoni prevista ta’ TV2 [A/S] huwa komptabbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE” (premessa 55 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni).

28      Id-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni hija s-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament, ippreżentati minn SBS u Viasat, rispettivament, bin-numri tal-kawża T‑12/05 u T‑16/05, li attwalment huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Il-proċedura

 Il-kawżi T‑309/04 u T‑317/04

29      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Lulju u fit-3 ta’ Awwissu 2004, rispettivament, TV2 A/S u r-Renju tad-Danimarka ppreżentaw ir-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, rispettivament.

30      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 u fis-17 ta’ Awwissu 2004 u rreġistrati bin-numri tal-kawża T‑317/04 R u T‑309/04 R, rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S ippreżentaw rikorsi għal miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, wara li dawn il-partijiet irtiraw it-talbiet tagħhom għal miżuri provviżorji, dawn ir-rikorsi ġew imħassra, permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2004.

31      Fir-rikors tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka talab li l-kawżi T‑309/04 u T‑317/04 jingħaqdu. TV2 A/S u l-Kummissjoni ma oġġezzjonawx għal din it-talba.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Diċembru 2004, Viasat talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fir-rikors T‑317/04.

33      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Jannar 2005, ir-Renju tad-Danimarka talab għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tar-rikors u tar-risposta fil-kawża T‑317/04, fil-konfront ta’ Viasat. Madankollu, billi t-talba ta’ Viasat sabiex tintervjeni ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April 2005, permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Marzu 2007 ġie deċiż li m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali msemmija iktar’il fuq.

34      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2, fl-10 u fit-13 ta’ Diċembru 2004, rispettivament, Viasat u SBS talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kawża T-309/04, u l-Union européenne de radio-télévision (UER) talbet sabiex tintervjeni, f’din l-istess kawża, insostenn tat-talbiet ta’ TV2 A/S.

35      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2005, it-talbiet ta’ Viasat, ta’ SBS u tal-UER sabiex jintervjenu ġew milqugħa.

36      Permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Frar 2005, TV2 A/S talbet għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tar-rikors u tar-risposta fil-kawża T‑309/04 fil-konfront tal-intervenjenti. Dawn tal-aħħar ma ppreżentawx oġġezzjonijiet għal dawn it-talbiet.

37      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Marzu 2007, il-President tal-Ħames Awla laqa’ dawn it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

38      Permezz ta’ att tat-8 ta’ Novembru 2005, SBS talbet sabiex il-kawża T-336/04 (SBS A/S u SBS Ltd vs Il-Kummissjoni) tingħaqad ma’ dawn il-kawżi u mal-kawża T‑329/04 (Viasat vs Il-Kummissjoni). Il-partijiet l-oħrajn, ħlief l-UER, ippreżentaw osservazzjonijiet fuq din it-talba sabiex jingħaqdu dawn il-kawżi.

39      B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 2006, ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S ippreżentaw, fl-10 ta’ Novembru 2006, osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni jekk kienx għad kellhom interess ġuridiku wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fuq ir-rikapitalizzazzjoni.

 Il-kawża T‑329/04

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Awwissu 2004, Viasat ippreżentat ir-rikors T‑329/04.

41      Permezz ta’ atti tat-18 ta’ Novembru, tal-14 ta’ Diċembru 2004, rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka, TV2 A/S, l-UER u l-British Broadcasting Corp. (BBC) talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

42      Permezz ta’ att tad-9 ta’ Diċembru 2004, SBS talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Viasat.

43      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2005, ir-Renju tad-Danimarka, TV2 A/S u l-UER ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni, SBS ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn ta’ Viasat u t-talba tal-BBC sabiex tintervjeni ġiet miċħuda.

44      Permezz ta’ ittri tas-6 u tas-17 ta’ Diċembru 2004, tat-18 ta’ Jannar, tal-1 ta’ Marzu u tat-30 ta’ Mejju 2005, Viasat talbet għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tar-rikors u tal-korriġendum tar-replika ppreżentat fit-12 ta’ Mejju 2005 fil-konfront tal-intervenjenti. Uħud minn dawn il-partijiet ppreżentaw oġġezzjonijiet għal dawn it-talbiet.

45      Permezz ta’ att tat-8 ta’ Novembru 2005, SBS talbet sabiex il-kawża T‑336/04 tingħaqad mal-kawżi T‑309/04, T‑317/04 u T‑329/04. Il-partijiet l-oħrajn, ħlief l-UER, ippreżentaw osservazzjonijiet fuq din it-talba sabiex jingħaqdu dawn il-kawżi.

46      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Marzu 2007, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ parzjalment it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

 Il-kawża T‑336/04

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Awwissu 2004, SBS ressqet ir-rikors T‑336/04.

48      Permezz ta’ atti tat-18 ta’ Novembru, tal-1, tat-13 u tal-14 ta’ Diċembru 2004, rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka, TV2 A/S, l-UER u l-BBC talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

49      Permezz ta’ att tal-1 ta’ Diċembru 2004, Viasat talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ SBS.

50      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ April u tal-10 ta’ Mejju 2005, ir-Renju tad-Danimarka, TV2 A/S u l-UER ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni, Viasat ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn ta’ SBS u t-talba tal-BBC sabiex tintervjeni ġiet miċħuda.

51      Permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Diċembru 2004, tat-18 ta’ Marzu, tal-20 ta’ April, tas-27 ta’ Mejju u tat-8 ta’ Lulju 2005, SBS talbet għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tar-rikors, tar-risposta u tar-replika fil-konfront tal-intervenjenti. Uħud minn dawn il-partijiet ippreżentaw oġġezzjonijiet għal dawn it-talbiet.

52      Permezz ta’ att tat-8 ta’ Novembru 2005, SBS talbiet sabiex il-kawża T‑336/04 tingħaqad mal-kawżi T‑309/04, T‑317/04 u T‑329/04. Il-partijiet l-oħrjan, ħlief l-UER, ippreżentaw osservazzjonijiet fuq din it-talba sabiex jingħaqdu dawn il-kawżi.

53      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Marzu 2007, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ parzjalment it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

54      Wara li nstemgħu l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar it-tgħaqqid tal-kawżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li hemm lok li jingħaqdu l-kawżi T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04 għall-finijiet tas-sentenza finali.

 It-talbiet tal-partijiet

55      Fil-kawża T‑309/04, TV2 A/S, sostnuta – ħlief fir-rigward tal-ispejjeż – mill-UER, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont imsemmi fl-Artikolu 1, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, b’ammont mhux inqas minn DKK 167 miljun, b’effett mill-1997, u tannulla t-talba għall-interessi msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Fil-kawża T‑317/04, ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        iktar sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Fil-kawżi T‑309/04 u T‑317/04, il-Kummissjoni, sostnuta, fl-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, minn Viasat u SBS, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

58      Fil-kawża T‑329/04, Viasat, sostnuta minn SBS, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-parti ta’ din id-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

59      Fil-kawża T‑336/04, SBS, sostnuta minn Viasat, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn il-Kummissjoni kkonstatat fiha li l-għajnuna mogħtija lil TV2 bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ dħul mil-liċenzji u ta’ miżuri oħrajn elenkati fid-deċiżjoni hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

60      Fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04, il-Kummissjoni, sostnuta, mir-Renju tad-Danimarka, minn TV2 A/S u mill-UER, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04

61      Fil-kontrorepliki tagħha, il-Kummissjoni tistaqsi jekk ir-Renju tad-Danimarka u TV2A/S għadx għandhom interess ġuridiku sabiex jaġixxu kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tqis li l-effett nett ta’ din id-deċiżjoni u tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni huwa, meta jiġi kkunsidrat kollox, pożittiv għal dawn ir-rikorrenti.

62      Billi l-kundizzjonijiet għall-ammissibiltà ta’ rikors, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ interess ġuridiku, huma eċċezzjonijiet ta’ ordni pubbliku (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, D.M. vs Il-Kunsill u KES, 108/86, Ġabra p. 3933, punt 10, u tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Marzu 2003, Linea GIG vs Il-Kummissjoni, T‑398/02 R, Ġabra p. II‑1139, punt 45), hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika ex officio jekk ir-rikorrenti għandhomx interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787, punt 22, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 22).

63      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 230 KE jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt tal-istituzzjonijiet Komunitarji u tal-Istati Membri li jressqu rikorsi għal annullament, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, min-naħa l-oħra, u t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jkun ikkundizzjonat bil-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għaldaqstant, Stat Membru ma għandux għalfejn jipprova li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fil-konfront tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu ikun ammissibbli. Madankollu, sabiex att tal-Kummissjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, huwa neċessarju li jkun intiż li jipproduċi effetti legali (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 sa 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fir-rigward tar-rikors ippreżentat mir-Renju tad-Danimarka, huwa manifest, fid-dawl tal-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, li huwa ammissibbli għal dan ir-rikorrent, sempliċement fil-kwalità tiegħu ta’ Stat Membru, li jippreżenta rikors għal annullament f’din il-kawża.

65      Fil-fatt, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata hija att deċiżorju, billi tipproduċi effetti legali vinkolanti.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-effett nett tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni huwa, meta jiġi kkunsidrat kollox, pożittiv għar-Renju tad-Danimarka, li għaldaqstant ma għandux interess ġuridiku, tidher li hija irrilevanti għalkollox. F’kull każ, din l-allegazzjoni tal-Kummissjoni tistrieħ fuq il-premessa, mhux sostanzjata, li d-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni mhux ser tiġi annullata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament, attwalment pendenti, li ġew ippreżentati kontra din id-deċiżjoni minn SBS (Kawża T‑12/05) u minn Viasat (Kawża T-16/05).

67      Fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn TV2 A/S, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors hija suġġetta għall-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika li ppreżentat ir-rikors għandha interess li tara li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. Dan l-interess għandu jkun eżistenti u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors (sentenzi tal-Qorti tal-Prim Istanza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar’il fuq, punt 25, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II-4063, punt 34).

68      Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali jew, fi kliem ieħor, li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel qieset li l-miżuri finanzjarji mogħtija lil TV2 kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, u wara eżaminat jekk din tal-aħħar setgħetx titqies li kienet kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 86(2) KE, f’dan il-każ billi jiġi evalwat jekk il-finanzjament pubbliku kienx proporzjonat mal-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna mogħtija bejn l-1995 u 2002 lil TV2 fil-forma ta’ dħul mil-liċenzji u ta’ miżuri oħrajn deskritti f’din id-deċiżjoni kienu kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 86(2) KE, ħlief għal ammont ta’ DKK 628,2 miljun (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      TV2 A/S hija l-impriża indikata fid-deċiżjoni kkontestata bħala l-benefiċjarja effettiva tal-miżuri kklassifikati bħala għajnuna parzjalment inkompatibbli u huwa, għaldaqstant, kontra din l-impriża li l-obbligu ta’ rkupru ġie impost fuq ir-Renju tad-Danimarka (premessa 163 u Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, huwa paċifiku li TV2 A/S effettivament ittrasferit lir-Renju tad-Danimarka l-ammonti kollha dovuti b’eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ rkupru.

71      Għandu jiġi kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, TV2 A/S għandha interess ġuridiku sabiex taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata, kemm sabiex tikseb l-annullament totali kif ukoll sabiex tikseb l-annullament parzjali tagħha.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li din il-kawża, li tirrigwarda deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli, hija differenti mill-kawżi li taw lok għal ġurisprudenza li tiddikjara, taħt ċerti kundizzjonijiet, li rikors ippreżentat mill-benefiċjarju ta’ għajnuna kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tikklassifika miżura ta’ għajnuna kompletament kompatibbli mas-suq komuni, huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T‑212/00, Ġabra p. II‑347, u Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar’il fuq ).

73      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni evalwat, f’dan il-każ, il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni ma jippermettux li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ TV2 A/S billi d-deċiżjoni kkontestata tinqasam f’żewġ partijiet, waħda li tikklassifika l-miżuri kkontestati bħala għajnuna mill-Istat parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u l-oħra li tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat parzjalment kompatibbli.

74      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-miżuri kollha ta’ finanzjament mill-Istat ikkonċernati kinux jirrappreżentaw, tul il-perijodu ta’ investigazzjoni, somma li kienet teċċedi l-ispejjeż netti tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Għaldaqstant, l-istituzzjoni eżaminat l-imsemmija miżuri b’mod globali u għamlet kalkolu li wera, in fine, li kien hemm kumpens żejjed ta’ DKK 628.2 miljun meqjus bħala inkompatibbli, eżerċizzju li stabbilixxa, sussegwentement u korrelattivament, ammont ta’ għajnuna kompatibbli. L-analiżi tal-Kummissjoni turi l-interdipendenza u n-natura inseparabbli tal-klassifikazzjoni tal-miżuri kkontestati bħala kompatibbli u inkompatibbli.

75      Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni hija differenti wkoll minn dik li wasslet lill-qorti Komunitarja sabiex tiddikjara inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-benefiċjarju ta’ għajnuna kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, safejn din id-deċiżjoni ddikjarat, f’dispożizzjoni speċifika tad-dispożittiv tagħha, waħda mit-tliet miżuri ta’ finanzjament ikkontestati, ikkunsidrata individwalment, kompatibbli mas-suq komuni (sentenza Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar’il fuq, punt 48).

76      Barra minn hekk u għall-istess raġunijiet bħala dawk esposti fil-punt 66 iktar’il fuq, in fine, l-interess ġuridiku ta’ TV2 A/S ma jistax jitqiegħed fid-dubju minħabba l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq effett nett globali allegatment pożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni.

77      F’kull każ, anke kieku kellu jitqies li l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ TV2 A/S kontra d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi eżaminata, minn naħa, safejn hija tikklassifika l-miżuri kkontestati ta’ għajnuna mill-Istat bħala parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, safejn hija tikkwalifika l-imsemmija miżuri bħala parzjalment kompatibbli, ir-rikors jibqa’ ammissibbli, inkluż fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

78      Għandu jiġi mfakkar li rikorrent jista’ jibbaża ruħu fuq interess li jirrigwarda sitwazzjoni ġuridika futura, bil-kundizzjoni li jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33).

79      Mill-ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-benefiċjarju ta’ għajnuna kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompletament kompatibbli mas-suq komuni jew li tiddikjara kompatibbli waħda mit-tliet miżuri ta’ finanzjament inkwistjoni, jirriżulta li l-interess ġuridiku jista’ jiġi dedott mill-eżistenza ta’ “riskju” reali li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti tintlaqat minn azzjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar’il fuq, punt 43), jew mill-fatt li r-“riskju” ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huwa eżistenti u attwali (sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar’il fuq, punt 28) fid-data meta jitressaq ir-rikors quddiem il-qorti Komunitarja.

80      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Novembru 2006 u sussegwentement waqt is-seduta, TV2 A/S iddikjarat, mingħajr ma ġiet kontradetta, li kienet is-suġġett, flimkien mar-Renju tad-Danimarka, ta’ azzjoni ġudizzjarja mressqa minn Viasat, fi Frar 2006, quddiem l-Østre Landsret (Qorti Reġjonali tal-Lvant), azzjoni intiża sabiex huma jiġu kkundannati, solidalment jew separatament, sabiex iħallsu lill-Viasat l-ammont ta’ DKK 200 miljun, għar-raġuni li l-għajnuna mill-Istat ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u li din l-għajnuna illegali ppermettiet lil TV2 tuża, għall-bejgħ tal-ispazji għar-reklamar tagħha, strateġija ta’ prezzijiet baxxi li kkawżat dannu lil Viasat. TV2 A/S speċifikat, dejjem mingħajr ma ġiet kontradetta, li din il-kawża quddiem l-Østre Landsret ġiet sospiża sakemm jingħataw is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawżi li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

81      Għalkemm huwa paċifiku li TV2 A/S ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel ma Viasat ressqet azzjoni fuq livell nazzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li n-natura eżistenti u attwali tar-riskju ta’ azzjoni ġudizzjarja fuq livell nazzjonali fil-ġurnata li fiha tressaq ir-rikors ta’ TV2 A/S tirriżulta, f’dan il-każ, aktar milli ampjament ipprovata mill-fatt li dan ir-riskju, mhux biss baqax sempliċi riskju, iżda mmaterjalizza konkretament permezz tal-azzjoni ġudizzjarja ta’ Viasat li attwalment tinsab pendenti quddiem il-qorti nazzjonali u li, barra minn hekk, ġiet sospiża sakemm tingħata, speċifikament, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

82      Għaldaqstant TV2 A/S għandha interess ġuridiku li tressaq proċeduri sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fit-totalità tagħha, jiġifieri anke safejn hija tikkwalifika l-miżuri kkontestati bħala għajnuna mill-Istat parzjalment kompatibbli mas-suq komuni.

83      Jirriżulta mill-konsiderazzjonijiet kollha preċedenti li dawn ir-rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

84      Ir-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04 jinkludu disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, safejn id-dħul mil-liċenzji, kif ukoll id-dħul mir-reklamar trasferiti lil TV2 permezz tal-Fond TV2, mhumiex riżorsi tal-Istat. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball fil-kalkolu tal-kumpens żejjed. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-allegat kumpens żejjed jikkostitwixxi profitt raġonevoli. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, fin-nuqqas ta’ sussidju trażversali, il-kumpens żejjed ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, peress li l-finanzjament mill-Istat issodisfa l-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-kumpens żejjed huwa riżerva neċessarja għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku. It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-irkupru tal-għajnuna mingħand TV2 A/S u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-interessi.

85      Ir-rikors fil-kawża T‑329/04 jinkludi tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar’il quddiem “SIEĠ”). It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-inadegwatezza tal-kriterju tal-operatur kummerċjali effiċjenti, fis-sens tal-punt 58 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, għall-evalwazzjoni tas-sussidju trażversali tal-bejgħ tal-ispazji għar-reklamar permezz tal-finanzjament tas-servizz pubbliku, u fuq il-fatt li din l-evalwazzjoni għandha ssir fil-kuntest tal-Artikolu 87(1) KE, fid-dawl tal-livell ta’ effiċjenza ta’ TV2. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-inadegwatezza tal-kriterju tal-massimizzazzjoni tad-dħul għall-evalwazzjoni ta’ dan is-sussidju trażversali.

86      Ir-rikors fil-kawża T‑336/04 jinkludi tmien motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 86(2) KE, 87 KE u 88 KE, minħabba l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna li madankollu hija illegali billi ma kinitx ġiet innotifikata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 bħala SIEĠ. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 86(2) KE, 87 KE u 88 KE u tal-Protokoll ta’ Amsterdam, minħabba l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fuq il-bażi tal-kriterju tal-massimizzazzjoni tad-dħul u minħabba li l-oneru tal-prova ġie trasferit fuq SBS. Huwa bbażat ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-massimizzazzjoni tad-dħul. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni illegali, fid-dawl tad-dubji tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 86(2) KE. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni manifestament żbaljata tal-Artikolu 86(2) KE għall-għajnuna mogħtija lil TV2 Zulu. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-eżami tal-proporzjonalità tal-ispejjeż netti ta’ TV2 mal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 86(2) KE u fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kontroll pubbliku Daniż fuq it-twettiq minn TV2 tal-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku.

87      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa neċessarju li, l-ewwel nett, teżamina flimkien l-ewwel motiv tar-rikors T‑329/04 u t-tieni motiv tar-rikors T‑336/04, ibbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 bħala SIEĠ.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑329/04 u t-tieni motiv tar-rikors T‑336/04, ibbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 bħala SIEĠ

–       L-argumenti tal-partijiet

88      Permezz ta’ dawn il-motivi, SBS u Viasat jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata safejn il-Kummissjoni qieset id-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 bħala aċċettabbli fir-rigward tal-kunċett ta’ SIEĠ. Din id-definizzjoni hija wisq wiesgħa u impreċiża.

89      SBS issostni li l-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2, definiti fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, iħallu f’idejn dan ix-xandar l-għażla diskrezzjonali tal-mezzi u għaldaqstant jagħtuh il-possibbiltà li jdaħħal kwalunkwe attività fl-ambitu tas-servizz pubbliku ffinanzjat mill-Istat.

90      Is-servizz pubbliku jista’ jkopri biss il-programmi tat-televiżjoni li ma jħallux profitt, għall-inqas fil-każ ta’ xandara ta’ servizz pubbliku ffinanzjati b’mod doppju, jiġifieri kemm mill-Istat kif ukoll permezz tal-bejgħ ta’ spazji għar-reklamar. Fil-fatt, xandar ta’ servizz pubbliku li jibbenifika minn finanzjar-doppju jkollu inevitabbilment ibaxxi l-prezzijiet tar-reklamar, sabiex inaqqas id-dħul tal-operaturi kummerċjali.

91      Id-definizzjoni tas-servizz pubbliku ta’ TV2 mhijiex aċċettabbli għaliex mhijiex differenti mill-obbligi imposti mil-liġi Daniża fuq ix-xandara kummerċjali.

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżaminatx korrettament il-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2, peress li hija naqset milli teżamina din il-funzjoni għall-perijodu 1995-2000.

93      Barra minn hekk, il-fatt li l-programmi kollha ta’ TV2 jiġu kkunsidrati bħala servizz pubbliku huwa inkompatibbli mal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, għaliex mhux dawn il-programmi kollha jinvolvu spejjeż “supplimentari”, fis-sens tal-punt 44 ta’ din il-komunikazzjoni. Anke kieku definizzjoni wiesgħa tas-servizz pubbliku kienet aċċettabbli, il-fatt li l-ispejjeż kollha tax-xandar jiġu meqjusa li huma marbuta mas-servizz pubbliku jmur kontra l-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tikser il-kundizzjoni li huma biss l-ispejjeż li x-xandar “normalment ma jkunx nefaq” li jistgħu jiġu kkumpensati.

94      Viasat tisħaq li parti sinjifikanti mill-iskeda ta’ programmi ta’ TV2 xejn mhija differenti mill-iskedi tal-programmi tagħha stess u ta’ dawk ta’ Viasat u ta’ SBS A/S. Il-Kummissjoni kien imissha wettqet analiżi fil-fond tal-kategoriji ta’ programmi ta’ TV2, tqabbilhom ma’ dawk tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni kummerċjali u għaldaqstant tidentifika kategoriji li għandhom kontenut ta’ servizz pubbliku.

95      Il-Kummissjoni, sostnuta minn TV2/AS, mir-Renju tad-Danimarka u mill-UER, tisħaq li l-pożizzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni ristretta wisq tal-kunċett ta’ SIEĠ. Hija tfakkar fil-libertà mogħtija lill-Istati Membri għad-definizzjoni tas-SIEĠ, libertà enfasizzata – fir-rigward tal-qasam tax-xandir – mill-Protokoll ta’ Amsterdam. Hija tfakkar li l-funzjoni tagħha ta’ kontroll, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SIEĠ, hija limitata sabiex tivverifika li din id-definizzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest.

96      Hija ssostni li d-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 la hija vaga u lanqas impreċiża u ma għandha xejn mhux tas-soltu meta mqabbla mad-definizzjonijiet adottati fi Stati Membri oħrajn. Fir-realtà, l-ilment tar-rikorrenti ma jikkonċernax il-preċiżjoni ta’ din id-definizzjoni, iżda l-portata tal-funzjoni mogħtija lil TV2. L-allegazzjoni li s-SIEĠ tax-xandir għandu jiġi limitat għat-trażmissjonijiet li ma jħallux profitt hija żbaljata. L-argument li skontu r-rikorrenti joffru l-istess programmi bħal TV2 huwa infondat, u, f’kull każ, huwa sempliċistiku li jingħad li l-produzzjoni ta’ TV2 ma tistax tikkostitwixxi SIEĠ peress li x-xandara kummerċjali joffru l-istess varjetà ta’ programmi.

97      Fir-rigward tal-kritika bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kien imissha qabblet il-programmi rispettivi ta’ TV2 u tax-xandara kummerċjali, hija tispjega li dan mhuwiex ir-rwol tagħha. Huma l-Istati Membri li jistabbilixxu l-portata tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u huma għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward.

98      Fir-rigward tal-allegata identiċità tal-obbligi ta’ TV2 għall-obbligi imposti fuq l-istazzjonijiet kummerċjali, il-Kummissjoni tinnota li jirriżulta mill-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata li TV2 biss hija espressament obbligata, skont il-liġi, twettaq funzjoni ta’ servizz pubbliku. L-obbligi tagħha f’dan ir-rigward imorru lil hinn mill-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-kisba ta’ awtorizzazzjoni għax-xandir.

99      Barra minn hekk, il-fatt li TV2 ibbenefikat minn finanzjar-doppju huwa irrilevanti għall-kwistjoni tad-definizzjoni tal-SIEĠ, billi dan il-fatt huwa rilevanti biss fl-istadju tal-eżami tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni ssostni li ż-żieda fl-ishma fis-suq f’termini ta’ udjenza ma tikkostitwixxix l-iskop ta’ xandar ta’ servizz pubbliku.

100    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku li teħtieġ minn xandar li joffri programmi li jissodisfaw ċerti kriterji u fid-dawl tal-fatt li huwa aċċettat li din il-funzjoni tista’ tinkludi l-provvista ekwilibrata u varjata ta’ programmi, il-programmi kollha mtella’ fil-kuntest ta’ tali funzjoni għandhom jiġu meqjusa bħala “supplimentari” fis-sens tal-imsemmi punt 44.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

101    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra p. II‑229, punt 99) u kif tispjega l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Settembru 2000 fuq is-Servizz ta’ Interess [importanza] Ġenerali fl-Ewropa, [COM(2000)580 finali, punt 22], l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ x’jikkunsidraw li huwa SIEĠ. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, I‑1583, punt 162; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra p. II‑2031, punt 216).

102    L-importanza tas-SIEĠ għall-Unjoni Ewropea u n-neċessità li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ dawn is-servizzi ġew, barra minn hekk, enfasizzati bl-inserzjoni tal-Artikolu 16 KE fit-Trattat KE mit-Trattat ta’ Amsterdam (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra p. I‑4109, I‑4112, punt 94; tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, I‑8094, punt 175, u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra p. I‑13769, I‑13772, punt 124, u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra p. I‑6295, I‑6297, punt 26, nota ta’ qiegħ il-paġna 35; ara, ukoll, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 2001, Poste Italiane vs Il-Kummissjoni, T‑53/01 R, Ġabra p. II‑1479, punt 132).

103    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-SIEĠ tax-xandir, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ April 1974, Sacchi (155/73, Ġabra p. 409) dwar, fost oħrajn, il-kwistjoni jekk id-dritt esklużiv, mogħti minn Stat Membru lil impriża, sabiex ixxandar kull tip ta’ programmi televiżivi, anki għal finijiet ta’ reklamar, jikkostitwixxix ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, essenzjalment irrikonoxxiet li l-Istati Membri setgħu leġittimament jiddefinixxu SIEĠ tax-xandir li jkopri x-xandir ta’ programmi ta’ natura ġenerali. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “xejn fit-Trattat ma jipprekludi lill-Istati Membri milli, minħabba ċirkustanzi ta’ interess pubbliku li jkunu ta’ natura mhux ekonomika, ineħħu x-xandir bit-televiżjoni […] mill-ambitu tal-kompetizzjoni billi jagħtu lil stabbiliment jew numru ta’ stabbilimenti d-dritt esklużiv li jwettqu dan ix-xandir” (sentenza Sacchi, iċċitata iktar’il fuq, punt 14; ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Reischl fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, Ġabra p. 433, speċjalment p. 445, mit-tieni sal-ħames paragrafu, u tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza Wouters et, punt 101 iktar’il fuq, punt 163).

104    Barra minn hekk, meta, fil-Protokoll ta’ Amsterdam, l-Istati Membri ddikjaraw li “s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media”, huma rreferew direttament għas-sistemi ta’ xandir ta’ servizz pubbliku mwaqqfa minnhom u responsabbli mix-xandir, għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kollha ta’ dawn l-Istati, ta’ programmi televiżivi ta’ natura ġenerali.

105    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu mfakkra l-kliem li bih il-Kunsill u l-Istati Membri, fir-Riżoluzzjoni tagħhom tal-25 ta’ Jannar 1999 dwar is-servizz pubbliku tax-xandir (ĠU C 30, p.1), ikkonfermaw mill-ġdid l-importanza tas-SIEĠ tax-xandir.

106    F’din ir-riżoluzzjoni, l-Istati Membri, “filwaqt li jikkunsidraw li s-servizz pubbliku tax-xandir, fid-dawl tal-funzjonijiet kulturali, soċjali u demokratiċi li dan jassumi għall-ġid komuni, huwa ta’ importanza vitali sabiex jiġu assigurati d-demokrazija, il-pluraliżmu, il-koeżjoni soċjali u d-diversità kulturali u lingwistika, jenfasizzaw li d-diversifikazzjoni dejjem tiżdied tal-programmi proposti fl-ambjent tal-medja ġdid issaħħaħ l-importanza tal-funzjoni globali tal-korpi pubbliċi tax-xandir u jfakkru d-dikjarazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-mandat u tal-finanzjament tas-servizz imsemmi fil-[Protokoll ta’ Amsterdam]”, innotaw u rriaffermaw li l-imsemmi protokoll jikkonferma “r-rieda [tagħhom] [...] li jiffokaw fuq ir-rwol tas-servizz pubbliku tax-xandir”, li “is-servizz pubbliku tax-xandir għandu jkun f’pożizzjoni li jkompli jipproponi varjetà kbira ta’ programmi, skont il-funzjoni tiegħu kif iddefinita mill-Istati Membri, sabiex jindirizza ruħu lis-soċjetà kollha kemm hi” u li, “f’dan il-kuntest, huwa leġittimu li s-servizz pubbliku tax-xandir jipprova kemm jista’ jkun jilħaq pubbliku wiesa’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

107    Il-possibbiltà, għal Stat Membru, li jiddefinixxi s-SIEĠ tax-xandir b’mod wiesa’, liema definizzjoni tkun tinkludi x-xandir ta’ programmi ta’ natura ġenerali, ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li x-xandar ta’ servizz pubbliku jeżerċita, barra minn hekk, attivitajiet kummerċjali, b’mod partikolari l-bejgħ ta’ spazji għar-reklamar.

108    Fil-fatt, tali kontestazzjoni jwassal sabiex id-definizzjoni nfisha tas-SIEĠ tax-xandir tiġi tiddependi fuq il-metodu ta’ finanzjament ta’ dan is-servizz. Issa SIEĠ huwa ddefinit, ex hypothesi, b’riferiment għall-interess ġenerali li huwa intiż li jissoddisfa u mhux b’riferiment għall-mezzi li jiżguraw il-provvista tiegħu. Kif tosserva l-Kummissjoni, fil-punt 36 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, “il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-mandat [funzjoni] tas-servizz pubbliku ma jridx ikun konfus [m’għandhiex tiġi konfuża] mal-kwistjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju magħżul biex jipprovdi [jiġu pprovduti] dawn is-servizzi”.

109    Għall-istess raġunijiet, SBS u Viasat jiżbaljaw meta jsostnu li s-SIEĠ tax-xandir għandu, għall-inqas meta x-xandar ta’ servizz pubbliku jibbenefika minn finanzjar-doppju, ikun limitat għax-xandir ta’ trażmissjonijiet li ma jħallux profitt. Fir-rigward tal-allegazzjoni li xandar responsabbli minn SIEĠ definit f’termini wiesgħa u kwalitattivi u li jibbenifika minn finanzjar-doppju inevitabbilment ikollu, peress li jbigħ l-ispazji għar-reklamar tiegħu bi prezzijiet artifiċjalment baxxi, jissussidja l-attività kummerċjali tiegħu permezz tal-finanzjament mill-Istat tas-servizz pubbliku, din għandha tiġi miċħuda billi hija bbażata fuq ipoteżi. Fil-fatt, l-iktar l-iktar tali mġiba tikkostitwixxi biss riskju, li l-Istati Membri għandhom jimpedixxu u l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, għandha tissanzjona.

110    Fir-rigward tar-referenza, mir-rikorrenti, għat-tieni sentenza tal-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, li skontha “[il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku] ikunu jistgħu jiġġustifikaw il-kumpens, sakemm jinvolvu spejjeż supplimentari li x-xandar normalment ma jkunx nefaq”, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li din is-sentenza bl-ebda mod ma għandha l-iskop, billi allegatament tissuġġerixxi − mir-referenza għall-ispejjeż “supplimentari” − li, għall-kuntrarju, jeżistu neċessarjament spejjeż “mhux supplimentari”, li teskludi l-possibbiltà ta’ definizzjoni wiesgħa tas-SIEĠ tax-xandir u, għaldaqstant, il-possibbiltà ta’ finanzjament tal-ispejjeż kollha tax-xandar ta’ servizz pubbliku.

111    Il-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir ifittex biss li jesprimi, bi kliem li jiġbru s-sitwazzjonijiet kollha possibbli, mis-SIEĠ tax-xandir definit b’mod ristrett u purament kwantittativ għas-SIEĠ tax-xandir definit b’mod wiesa’ u kwalitattiv, il-bżonn ta’ proporzjonalità applikabbli għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni, kif espressa mill-Kummissjoni, li l-programmi kollha mtella’ fil-kuntest ta’ SIEĠ tax-xandir definit b’mod wiesa’ u kwalittativ huma “supplimentari”, fis-sens tal-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir u, għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni li l-ispejjeż kollha tax-xandar responsabbli minn dan is-SIEĠ huma “supplimentari” u jistgħu għaldaqstant jiġu ffinanzjati mill-Istat, b’ebda mod mhija żbaljata, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti.

112    Il-Qorti tal-Prim’Istanza żżid tgħid li l-adozzjoni tal-pożizzjoni tar-rikorrenti tkun tfisser il-kundanna de facto tas-sistemi ta’ televiżjoni ta’ servizz pubbliku li fihom ix-xandar ta’ servizz pubbliku ma għandux aċċess għall-finanzjament mir-reklamar u għaldaqstant jiddependi, għat-totalità tal-ispejjeż tiegħu, fuq l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, skont il-pożizzjoni tar-rikorrenti, anke f’dawn il-każijiet, ċerti spejjeż – jiġifieri l-allegati “spejjeż mhux supplimentari”, li r-rikorrenti jixtiequ jiddeduċu l-eżistenza neċessarja tagħhom mill-kliem tal-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir – ma jistgħux jiġu kkumpensati mill-Istat. Huwa dan, essenzjalment, li tgħid il-Kummissjoni meta ssostni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti tippresupponi li, fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, TV2 madankollu tkompli topera bħala xandar iffinanzjat minn fondi privati, ħaġa li r-realtà tal-fatti madankollu turi li mhuwiex il-każ.

113    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu s-SIEĠ tax-xandir f’termini wiesgħa u kwalitattivi, b’mod li jkopri x-xandir ta’ varjetà wiesgħa ta’ programmi, ma tistax tiġi kkontestata, kif lanqas ma tista tiġi kkontestata l-possibbiltà għal dawn l-Istati Membri li jagħmlu użu, għall-finanzjament ta’ dan is-SIEĠ, mill-finanzjament tar-reklamar.

114    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqitx żball meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-definizzjoni mir-Renju tad-Danimarka tas-SIEĠ li TV2 kienet responsabbli għalih setgħet tiġi aċċettata.

115    Fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, “skont il-liġi [Daniża], TV2 għandha d-dover, bħala entità pubblika tax-xandir, ‘li tipprovdi lill-popolazzjoni Daniża, permezz tat-televiżjoni, tar-radju, tal-internet, eċċ., għażla wiesgħa ta’ programmi u ta’ servizzi li tinkludi l-aħbarijiet, l-informazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni, l-arti u d-divertiment’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’din il-premessa, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha il-liġi Daniżi hija ċċitata fis-sens li tipprovdi li “l-għażla [televiża ta’ TV2] għandha tiżgura l-kwalità, l-universalità u d-diversità” li “[fl]-ippjanar tal-programmi għandha tingħata importanza determinanti lill-prinċipju tal-libertà ta’ informazzjoni u ta’ espressjoni“u li “barra minn hekk, għandha ssir enfażi partikolari fuq il-lingwa u l-kultura Daniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

116    Fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li “[g]ħalkemm id-definizzjoni tal-obbligu ta’ xandir ta’ TV2 hija ta’ natura kwalitattiva u pjuttost wiesgħa, [...] tali definifizzjoni ‘wiesgħa’ tal-funzjoni tagħha hija konformi mal-Komunikazzjoni dwar ix-xandir” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

117    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex żbaljata. Ċertament, id-definizzjoni magħżula mill-awtoritajiet Daniżi hija wiesgħa, peress li, billi hija ta’ natura essenzjalment kwalitattiva, hija tħalli lix-xandar liberu li jistabbilixxi l-iskeda ta’ programmi tiegħu. Madankollu, hija mhijiex impreċiża kif jallegaw ir-rikorrenti. Għall-kuntrarju, il-mandat ta’ TV2 huwa perfettament ċar u preċiż: hija għandha toffri lill-popolazzjoni Daniża kollha programmi televiżivi varji li jfittxu li jipprovdu l-kwalità, l-universalità u d-diversità.

118    Barra minn hekk, safejn ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni, permezz ta’ dan l-ilment ta’ impreċiżjoni, li jikkontestaw il-libertà mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi lil TV2 fid-definizzjoni konkreta tal-ippjanar tal-programmi tagħha, għandu jiġi kkonstatat li xejn mhuwa anomalu, anzi bil-kuntrarju, li xandar ta’ servizz pubbliku jgawdi, naturalment bil-kundizzjoni li josserva r-rekwiżiti kwalitattivi li huwa suġġett għalihom fil-kwalità tiegħu ta’ operatur responsabbli mis-SIEĠ tat-televiżjoni, indipendenza editorjali mis-setgħa politika fl-għażla konkreta tal-programmi. F’dan ir-rigward, l-UER, intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, ġustament tenfasizza l-importanza, għas-salvagwardja tal-libertà tal-espressjoni, tal-indipendenza editorjali tas-servizz pubbliku tax-xandir mis-setgħat pubbliċi, libertà tal-espressjoni li l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea pproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1) u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jiddefinixxu bħala jinkludu “l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri”.

119    Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet żammet, żbaljatament, mad-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 kif tinsab fil-Liġi dwar ix-xandir fil-verżjoni tagħha applikabbli fl-2000, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li xejn ma jindika li din id-definizzjoni, użata mill-Kummissjoni fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata u bbażata, fir-realtà, fuq il-Liġi dwar ix-xandir fil-verżjoni tagħha ta’ pubblikazzjoni kkonsolidata Nru 203 tat-22 ta’ Ottubru 2001, ma tiħux korrettament inkunsiderazzjoni l-obbligi ta’ servizz pubbliku li TV2 kienet suġġetta għalihom anke matul il-parti tal-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ qabel is-sena 2000. Għaldaqstant, din id-definizzjoni u dik applikabbli preċendentement (li tinsab fil-Liġi dwar ix-xandir fil-verżjoni tagħha ta’ pubblikazzjoni kkonsolidata Nru 578 tal-24 ta’ Ġunju 1994) it-tnejn jinkludu l-istess rekwiżiti ta’ “kwalità, universalità u diversità”, li huwa r-rekwiżiti kwalitattivi essenzjali tas-servizz pubbliku ta’ xandir fdat lil TV2. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ definizzjonijiet it-tnejn jiddikjaraw li huma l-attivitajiet kollha ta’ xandir ta’ TV2 li għandhom jiġu suġġetti għal dawn ir-rekwiżiti.

120    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorenti bbażat fuq l-allegazzjoni li d-definizzjoni tas-servizz pubbliku ta’ TV2 mhijiex aċċettabbli għaliex hija mhijiex differenti mill-obbligi imposti mil-liġi fuq ix-xandara kummerċjali, il-Kummissjoni, fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, tisħaq li għandha ssir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni li kumpannija kummerċjali tat-televiżjoni għandha tissodisfa f’isem l-interess ġenerali u l-għoti mill-Istat ta’ funzjoni ta’ interess ġenerali lil impriża pubblika jew privata. Huwa evidenti li TV2 kienet fdata b’tali funzjoni u li din tmur lil hinn mill-obbligi imposti mil-liġi Daniża fuq ix-xandara kummerċjali kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi li, fost ir-rikorrenti, SBS A/S biss hija suġġetta għal-liġi Daniża u għaldaqstant tista’ tibbaża ruħha fuq dan l-argument, billi SBS Ltd u Viasat jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont awtorizzazzjonijiet tar-Renju Unit u, għaldaqstant, mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni Daniża.

121    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni huma eżatti. Jekk SBS A/S, bħal kull xandar li jaqa’ taħt il-liġi Daniża, setgħet tiġi suġġetta, inkambju għall-awtorizzazzjoni li xxandar, għal ċerti obbligi stabbiliti fl-interess ġenerali u msemmija fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, bħall-obbligu li xxandar programmi lokali tal-inqas siegħa kull jum u li xxandar parti sinjifikanti mill-programmi tagħha bid-Daniż jew għall-pubbliku Daniż, dawn l-obbligi madankollu mhumiex komparabbli mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq TV2. Dawn tal-aħħar huma intiżi sabiex jipprovdu lill-popolazzjoni Daniża kollha programmi varji u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità, universalità u diversità. Huma jiddeterminaw l-attività televiżiva kollha ta’ TV2, u dan b’mod aktar riġidu milli jagħmlu l-obbligi minimi previsti fil-liġi Daniża għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ xandir. Għaldaqstant, fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

122    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li TV2 ma għandhiex tingħata l-istatus ta’ stazzjon ta’ servizz pubbliku, għaliex il-programmi tagħha mhumiex differenti minn dawk tal-istazzjonijiet kummerċjali, u fuq il-fatt li l-Kummissjoni kien imissha għamlet studju komparattiv tal-programmi rispettivi ta’ TV2 u ta’ dawn l-istazzjonijiet kummerċjali, dan għandu jiġi miċħud.

123    Il-fatt li jintlaqa’ dan l-argument u għaldaqstant il-fatt li d-definizzjoni tas-SIEĠ tax-xandir titħalla tiddependi, permezz ta’ analiżi komparattiva tal-programmi, fuq il-firxa tal-programmi tax-xandara kummerċjali, ikollu l-effett li jċaħħad lill-Istati Membri mill-kompetenza tagħhom li jiddefinixxu s-servizz pubbliku. Fil-fatt, id-definizzjoni tas-SIEĠ tkun tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, mill-operaturi kummerċjali u mid-deċiżjonijiet tagħhom li jxandru ċerti programmi jew le. Kif tosserva ġustament TV2 A/S, l-Istati Membri, meta jiddefinixxu l-funzjoni tas-servizz pubbliku tax-xandir, ma jistgħux jiġu limitati mill-attivitajiet tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni kummerċjali.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li d-definizzjoni wiesgħa u kwalittattiva tas-SIEĠ tax-xandir ipprovdut minn TV2 ma kinitx manifestament żbaljata u għaldaqstant setgħet tiġi aċċettata.

125    Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors T‑329/04 u t-tieni motiv tar-rikors T‑336/04 għandhom jiġi miċħuda.

126    It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-ewwel u u t-tieni motivi tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, li huma bbażati, fir-rigward tal-ewwel motiv, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u, fir-rigward tat-tieni motiv, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, inkwantu d-dħul mil-liċenzji u d-dħul mir-reklamar trasferiti lil TV2 permezz tal-Fond TV2, mhumiex riżorsi tal-Istat.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S isostnu, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq kwistjonijiet li ma jidhrux fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li fin-nuqqas ta’ dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża d-deċiżjoni kienet tkun differenti u li diversi ċirkustanzi partikolari kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tkun aktar ċara fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

128    Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ippreżentat l-għan tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni bħala l-verifika jekk l-allegat kumpens żejjed kienx effettivament serva, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, bħala sussidju trażversali tal-attivitajiet kummerċjali ta’ TV2. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ qatt ma semmiet il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq (iktar’il quddiem il-“PIPES”) bħala element ġuridikament importanti. Mhux hekk biss, iżda din id-deċiżjoni għandha tinqara fis-sens li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li teżamina speċifikament jekk il-PIPES kienx ġie osservat. Għaldaqstant, il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ma kienx jiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ argument ibbażat fuq jekk il-PIPES kienx ġie osservat f’dak li jirrigwarda l-allegat kumpens żejjed. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-kwistjoni jekk ir-Renju tad-Danimarka kienx aġixxa bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

129    Fit-tieni lok, qed jiġi sostnut li l-Kummissjoni kienet tevalwa l-fajl b’mod differenti kieku r-Renju tad-Danimarka seta’ jippreżenta l-argumenti tiegħu u d-dokumentazzjoni rilevanti. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija, b’mod partikolari, immotivata mill-fatt li r-Renju tad-Danimarka ma ppreżentax informazzjoni suffiċjenti sabiex jipprova li l-PIPES ġie osservat.

130    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qatt ma sostniet li kumpens żejjed għal spejjeż ta’ servizz pubbliku sostnuti minn entità pubblika mingħajr ma fil-fatt ikun hemm sussidju trażversali seta’ jikkostitwixxi, fih innifsu, għajnuna mill-Istat li tmur kontra t-Trattat. Dan lanqas ma jirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar ix-xandir, li skontha kumpens żejjed joħloq problema biss meta jkun hemm sussidju trażversali ta’ attivitajiet kummerċjali (punt 59 ta’ din il-komunikazzjoni) jew meta jkun hemm tip ieħor ta’ effett fuq l-iżvilupp tal-kummerċ sal-punt li jkun kontra l-interess tal-Komunità [punt 29(iii)]. L-iżviluppi preċedenti għad-deċiżjoni ta’ ftuħ wasslu lir-Renju tad-Danimarka sabiex jaħseb li l-kumpens żejjed ma kienx meqjus bħala problema fiha nfisha.

131    Min-naħa tagħha, TV2 A/S tosserva li l-fatt jekk hija ppreżentatx osservazzjonijiet b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ jew le huwa irrilevanti mill-aspett tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Bħala parti interessata u, barra minn hekk, direttament milquta minn deċiżjoni negattiva, hija għandha interess leġittimu evidenti li tara li l-kuntest definit fid-deċiżjoni ta’ ftuħ jiġi rrispettat.

132    Il-Kummissjoni, sostnuta, essenzjalment, fil-kawża T‑309/04, minn SBS, fl-ewwel lok, tfakkar li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni ma jistax ikun fiha opinjoni eżawrjenti u dettaljata fuq il-każ. Inċidentalment, id-deċiżjoni ta’ ftuħ fiha deskrizzjoni eżawrjenti tal-kwistjonijiet marbutin kemm mal-kumpens żejjed tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku kif ukoll mal-applikazzjoni tal-PIPES. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka nnifsu ma interpretax din id-deċiżjoni fis-sens li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda biss is-sussidju trażversali.

133    Fir-rigward ta’ TV2 A/S, peress li din l-impriża ma kkomunikatx osservazzjonijiet fil-proċedura formali ta’ investigazzjoni, ma jistax jitqies li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew preġudikati.

134    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta li l-elementi li għalihom jirreferi r-Renju tad-Danimarka fir-rikors tiegħu u li jirrigwardaw il-PIPES kienu jwasslu għal riżultat differenti minn dak li hija kienet waslet għalih fid-deċiżjoni kkontestata.

135    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegati ċirkustanzi partikolari, il-Kummissjoni tosserva li r-rwol dupliċi tal-awtoritajiet Daniżi, bħala awtorità pubblika u bħala allegat investitur, jimplika li għandha ssir distinzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawn ir-regoli jkunu differenti skont jekk japplikawx għall-Istat bħala “awtorità pubblika” jew għall-Istat bħala investitur. Il-Komunikazzjoni dwar ix-xandir tinkludi linji gwida biss fir-rigward tal-kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda mhux fir-rigward ta’ investimenti mill-Istat f’impriża pubblika taħt il-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward tal-kumpens tas-servizzi pubbliċi, il-punt ta’ tluq huwa li hemm għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni tivverifika jekk id-deroga tal-Artikolu 86(2) KE tapplikax. Fir-rigward tal-investimenti fl-impriżi pubbliċi, il-kompitu prinċipali tal-Kummissjoni huwa li tevalwa jekk l-intervent tal-Istat jistax jiġi ekwiparat ma’ dak ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

136    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jista’ jaffettwa ħażin lil din tal-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 29; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 46, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 121). Dan il-prinċipju jeżiġi li persuna li kontriha l-Kummissjoni bdiet proċedura amministrattiva tkun ingħatat l-opportunità, matul din il-proċedura, li tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli fuq il-veraċità u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 27).

137    Fir-rigward tad-drittijiet tal-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tinfetaħ biss kontra l-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 81). L-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna huma kkunsidrati biss bħala persuni interessati f’din il-proċedura (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 136 iktar’il fuq, punt 122). Minn dan isegwi li l-persuni interessati, bħalma hija, f’dan il-każ, TV2 A/S, mhux talli ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mid-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinbeda proċedura, iżda talli għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva safejn ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ [sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 83; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 60, u tal-31 ta’ Mejju 2006 Kuwait Petroleum (L-Olanda) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 80].

138    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha li tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, li tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u li tesponi r-raġunijiet li joħolqu d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra p. II‑4217, punt 104).

139    Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura formali ta’ investigazzjoni li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkun jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 138, u Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar’il fuq, punt 105).

140    Anke indipendentement mill-kwistjoni jekk il-PIPES, invokat mir-Renju tad-Danimarka u minn TV2 A/S, huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-finanzjament tas-servizzi pubbliċi mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma tistax tiġi interpretata fis-sens li setgħet twassal lir-rikorrenti sabiex jikkonkludu li l-kumpens żejjed joħloq diffikultajiet fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat biss f’każ ta’ sussidju trażversali u, għaldaqstant, sabiex jirrinunzjaw milli jiżviluppaw ulterjorment l-argumenti tagħhom ibbażati fuq il-PIPES.

141    Għall-kuntrarju, fil-punt 54 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni, filwaqt li tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C‑53/00, Ġabra p. I‑9067, punt 27), tgħid li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat ta’ finanzjament intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku tiddependi fuq jekk il-korrispettiv jaqbiżx l-ispiża netta addizzjonali involuta fit-twettiq ta’ din il-funzjoni. Il-Kummissjoni żżid li jekk l-assistenza hija raġonevoli meta mqabbla mal-ispiża netta tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan ifisser li ma ngħata l-ebda vantaġġ reali lil TV2 meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu. Il-Kummissjoni tagħmel affermazzjonijiet simili f’partijiet oħrajn tad-deċiżjoni ta’ ftuħ (ara l-punti 62, 63, 79 u 83 ta’ din id-deċiżjoni).

142    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li hija kellha tivverifika jekk kienx hemm sussidju trażversali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (ara l-punt 68 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ), dan ma jistax jiġi interpretat li jfisser li hija qed tgħid li fin-nuqqas ta’ tali sussidju trażversali ma jkunx hemm għajnuna mill-Istat. Din il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi spjegata bil-fatt li kien normali min-naħa tagħha, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ex post tal-miżuri kkontestati, li teżamina l-kwistjoni jekk dawn il-miżuri kinux effettivament taw lok għal sussidju trażversali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

143    Barra minn hekk u bla ħsara, għal darb’oħra, għall-kwistjoni tar-rilevanza tal-PIPES għall-evalwazzjoni tal-finanzjament mill-Istat ta’ servizz pubbliku fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, mid-deċiżjoni ta’ ftuħ (l-aħħar sentenza tal-punt 71) ma jistax jiġi dedott, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, li l-Kummissjoni indikat li ma kellhiex l-intentenzjoni li teżamina jekk il-PIPES kienx ġie osservat. Fil-fatt, fl-aħħar sentenza tal-imsemmi punt 71, il-Kummissjoni llimitat ruħha biss li tirrepeti l-argument tal-awtoritajiet Daniżi li huma kienu aġixxew bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

144    Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka jiżbalja meta jsostni li d-deċiżjoni ta’ ftuħ wasslitu sabiex, fl-istadju tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, ma jiżviluppax aktar il-pożizzjoni tiegħu bbażata fuq il-PIPES u li skontha huwa aġixxa bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq fir-rigward ta’ TV2. Għall-istess raġunijiet, TV2 A/S tiżbalja meta ssostni li l-Kummissjoni tbegħdet, fil-proċedura formali, mill-kuntest ta’ eżami definit fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

145    Fl-aħħar nett, l-ebda ċirkustanza partikolari ma kienet timponi fuq il-Kummissjoni li tkun aktar ċara milli kienet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. F’dan ir-rigward u kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tad-Danimarka, ma jirriżultax mill-Komunikazzjoni dwar ix-xandir li kumpens żejjed jista’ joħloq diffikultajiet biss fil-każ li jkun seħħ sussidju trażverżali.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, li minnhom jirriżulta li la nkisru d-drittijiet tad-difiża tar-Renju tad-Danimarka u lanqas id-drittijiet, aktar limitati, li għandha TV2 A/S abbażi tal-kwalità tagħha ta’ parti interessata, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, safejn id-dħul mil-liċenzji u d-dħul mir-reklamar trasferiti lil TV2 permezz tal-Fond TV2, mhumiex riżorsi tal-Istat

–       L-argumenti tal-partijiet

147    Ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S, din tal-aħħar sostnuta mill-UER, isostnu li l-allegat kumpens żejjed ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat, safejn huwa ffinanzjat mid-dħul mil-liċenzji u mid-dħul mir-reklamar imħallsa, sal-1997, permezz tal-Fond TV2 (iktar’il quddiem id-“dħul mir-reklamar 1995-1996”).

148    Fir-rigward tal-liċenzji, dawn jitħallsu mill-utenti u għaldaqstant ma jkunx hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Dawn għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni parzjali mħallsa minn dawn l-utenti sabiex ikunu jistgħu jirċievu TV2, u huma komparabbli mal-liċenzji mħallsa sabiex jirċievu l-istazzjonijiet bil-kejbil. Il-fatt li l-obbligu li wieħed iħallas liċenzja sabiex ikun jista’ jirċievi l-programmi ta’ TV2 huwa previst b’liġi ma jbiddel xejn.

149    Il-fatt li l-liċenzji jinġabru minn DR – u li d-dħul minnhom ġie trasferit permezz tal-Fond TV2 sal-1997 – huwa irrilevanti. Ir-raġuni għal dan hija purament amministrattiva.

150    Il-fatt li t-trasferiment tad-dħul mil-liċenzji lil TV2 ma jikkostitwixxix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, jew għajnuna mill-Istat, għandha, a fortiori, l-istess effett f’dak li jirrigwarda t-trasferiment tad-dħul mir-reklamar 1995-1996.

151    Id-dħul mil-liċenzji u d-dħul mir-reklamar 1995-1996 trasferit lil TV2 permezz tal-Fond TV2 ma jistgħux jiġu kkunsidrati li kienu taħt kontroll pubbliku, peress li l-Ministru tal-Kultura Daniż ma għandux – mill-mument meta ġie stabblit l-ammont tal-liċenzja u meta ttieħdet deċiżjoni fir-rigward tat-tqassim tad-dħul mil-liċenzji bejn DR u TV2 – kontroll fuq ir-riżorsi sal-punt li jista’ jużahom għal għanijiet oħrajn. Fi kliem ieħor, id-dħul mil-liċenzji jkun, minn dan il-mument, intiż sabiex jiġi użat għall-attivitajiet ta’ DR jew ta’ TV2, skont il-każ.

152    Il-Kummissjoni, sostnuta, fir-rikors T‑309/04, minn SBS, tosserva, perliminarjament, li huwa paċifiku li l-Ministru tal-Kultura jistabbilixxi l-ammont tal-liċenzja dovuta mill-proprjetarji kollha ta’ apparat tar-radju u tat-televiżjoni fid-Danimarka. Dawn il-liċenzji jinġabru minn DR u, b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Kultura, id-dħul minnhom jinqasam bejn DR u TV2 skont ftehim fuq il-medja konkluż mal-Parlament Daniż (premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Ministru tal-Kultura jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli dettaljati fuq il-bidu u t-tmiem tal-obbligu li titħallas il-liċenzja u l-liċenzji mhux imħallsin jistgħu jinġabru billi jittieħdu mis-salarju (premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Sal-1997, TV2 kien irċieva riżorsi permezz tal-Fond TV2, entità stabbilita mill-Istat bl-għan li tipprovdi dħul għal TV2.

153    Skont il-Kummissjoni, ir-riżorsi għandhom jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat meta jkunu taħt kontroll pubbliku u għaldaqstant għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Fir-rigward ta’ TV2, is-sehem mil-liċenzji li tingħata lil dan ix-xandar hija stabbilita mill-Ministru tal-Kultura. F’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tar-riżorsi tal-Istat, id-denominatur komuni fil-ġurisprudenza huwa li l-qorti Komunitarja tivverifika jekk ir-riżorsi kinux suġġetti għal kontroll mill-Istat. Barra minn hekk, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Istat assigura l-ġbir tal-liċenzji, kif ukoll l-eżekuzzjoni furzata tal-krediti. Kull proprjetarju ta’ apparat tat-televiżjoni jew tar-radju kellu l-obbligu li jħallas il-liċenzja, kemm jekk huwa jirċievi l-programmi ta’ DR jew ta’ TV2 kemm jekk le. Għaldaqstant dan l-obbligu huwa differenti mill-obbligi l-oħra ta’ ħlas bħalma huma dawk ta’ abbonament għall-kejbil.

154    Il-Kummissjoni tirrileva li ma teżistix relazzjoni kuntrattwali bejn TV2 u kull persuna li tħallas il-liċenzja. Għaldaqstant, is-sistema tal-liċenzji ma tistax titqabbel mas-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

155    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jiġu sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 136 iktar’il fuq, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 20, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 68).

156    Il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE jinkludi l-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent min-naħa tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, din l-għajnuna għandha tagħti vantaġġ lil min jibbenefika minnha. It-tielet nett, hija għandha tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Ir-raba’ nett, hija għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

157    Dan il-motiv jirrigwarda fuq l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li skontha, sabiex miżuri jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, huma għandhom, minn naħa, jingħataw, direttament jew indirettament, permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Franza vs Il-Kummissjoni, punt 155 iktar’il fuq, punt 24; GEMO, punt 102 iktar’il fuq, punt 24, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, Ġabra p. I‑7139, punt 36).

158    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-liċenzja, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mhuwiex serjament ikkontestat li l-ammont tagħha huwa stabbilit mill-awtoritajiet Daniżi (premessa 22), li l-obbligu li titħallas ma jirriżultax minn rabta kuntrattwali bejn TV2 u d-debitur tagħha, iżda mis-sempliċi fatt li wieħed ikun proprjetarju ta’ apparat tat-televiżjoni jew tar-radju (premessi 22 u 59), li l-ġbir tagħha jsir, jekk ikun il-każ, skont ir-regoli li jirregolaw il-ġbir tat-taxxi (premessa 23) u li, fl-aħħar nett, huma l-awtoritajiet Daniżi li jistabbilixxu s-sehem mil-liċenzja li għandha titħallas lil TV 2 (premessa 59).

159    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riżorsi mil-liċenzji huma għad-dispożizzjoni u taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Daniżi u li, għaldaqstant, huma jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat.

160    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dħul mir-reklamar, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-kontestazzjoni tar-Renju tad-Danimarka u ta’ TV2 A/S tkopri biss id-dħul mir-reklamar 1995-1996, billi dawn is-snin huma dawk li matulhom, kuntrarjament għall-perijodu suċċessiv, l-ispazji għar-reklamar ta’ TV2 ma kinux ikkummerċjalizzati minn TV2 stess, iżda minn kumpannija terza (TV2 Reklame A/S), u li matulhom id-dħul minn din il-kummerċjalizzazzjoni kien trasferit lil TV2 permezz tal-Fond TV2 (ara l-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

161    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma tiddistingwix id-dħul mir-reklamar 1995-1996 mid-dħul mil-liċenzji.

162    Fil-fatt, għalkemm hija madankollu tindika espressament id-differenza bejn id-dħul mir-reklamar inġenerali u d-dħul mil-liċenzji tat-televiżjoni (ara l-premessi 10 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata) u ssemmi fil-qosor il-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji għar-reklamar ta’ TV2 matul is-snin 1995-1996 (ara l-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontstata), il-Kummissjoni, fil-prattika, tinkludi d-dħul mir-reklamar 1995-1996 fid-dħul mil-liċenzji. Għalhekk, fil-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, l-4 067,7 miljun DKK li l-Kummissjoni tikklassifika bħala “riżorsi mil-liċenzji” jinkludu, fir-realtà, id-dħul mir-reklamar 1995-1996. Dan huwa kkonfermat mit-Tabella 1 taħt il-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha d-dħul mir-reklamar 1995-1996 ma jidhrux fil-linja ta’ din it-tabella intitolata “Dħul mir-reklamar nett”, iżda huwa inkluż fil-linja intitolata “Liċenzji/Fond TV2”, fl-ammont totali ta’ DKK 4 067,7 miljun.

163    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li din l-inklużjoni de facto tal-ammonti ta’ dħul mir-reklamar 1995-1996 fl-ammonti tad-dħul mil-liċenzji, li assolutament mhijiex spjegabbli a priori fid-dawl tan-natura differenti ta’ dawn iż-żewġ modi ta’ finanzjament, hija akkumpanjata bin-nuqqas ta’ kull motivazzjoni speċifika dwar dan id-dħul mir-reklamar, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-klassifikazzjoni jew le bħala riżorsi tal-Istat tal-miżuri differenti meħuda mir-Renju tad-Danimarka favur TV2 (premessi 57 sa 68).

164    Fil-fatt, għalkemm, f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni jekk il-liċenzji (premessi 57 sa 60), jew it-trasferiment ad hoc magħmul matul il-likwidazzjoni tal-Fond TV2 fl-1997 (it-tieni sentenza tal-premessa 61), jinvolvux riżorsi tal-Istat, hija ma ssemmix il-kwistjoni tad-dħul mir-reklamar 1995-1996.

165    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-premessa 24 tad-deċiżjoni kkkontestata ma tistax tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-inklużjoni de facto tad-dħul mir-reklamar 1995-1996 fid-dħul mil-liċenzji. Fil-fatt, fid-dawl, essenzjalment, tan-natura differenti tad-dħul mir-reklamar u tad-dħul mil-liċenzji ta’ abbonament awdjoviżwali, iżda ukoll tal-fatt li dan il-każ kien jirrigwarda l-bejgħ mhux ta’ kwalunkwe spazju għar-reklamar, iżda tal-ispazji għar-reklamar ta’ TV2 u, fl-aħħar nett, tal-fatt li d-dħul mir-reklamar 1995-1996 kien dejjem nettament inqas mill-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku, ma jistax jiġi eskluż li dan id-dħul mir-reklamar kien, fir-realtà, mill-ewwel mogħti lil TV2 u li t-trasferiment tiegħu permezz tal-Fond TV2 ma kienx ħlief modalità amministrattiva li ma tfissirx li kien hemm kontroll reali tar-Renju tad-Danimarka fuq dawn l-ammonti.

166    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għalkemm il-Kummissjoni ssostni, b’mod dettaljat, li d-dħul mil-liċenzji jikkostitwixxi riżorsi tal-Istat u tinsisti, b’mod partikolari, li l-ħlas tal-liċenzja mill-proprjetarji ta’ apparat tat-televiżjoni mhuwiex ir-riżultat ta’ relazzjoni kuntrattwali, hija, min-naħa l-oħra, ma tirrispondix għall-kwistjoni speċifika tad-dħul mir-reklamar 1995-1996 u b’dan il-mod, ma tikkonfutax il-kritiki tar-rikorrenti, ibbażati fuq l-oriġini purament kuntrattwali ta’ dan id-dħul.

167    Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar 1995-1996 bħala riżorsi tal-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jintlaqa’ parzjalment, safejn jirrigwarda d-dħul mir-reklamar 1995-1996, u, għaldaqstant, u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn hija tinkludi dan id-dħul fost ir-riżorsi tal-Istat.

168    Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu jiġi eżaminat ilment imressaq mir-Renju tad-Danimarka u minn TV2 A/S, fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-ħames, tas-sitt u tas-seba’ motivi ta’ annullament fir-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, liema lment huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti, li tirriżulta minn eżami manifestament insuffiċjenti tal-kundizzjonijiet li taħthom TV2 ġiet iffinanzjata mir-Renju tad-Danimarka matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li kien hemm għajnuna mill-Istat.

 Fuq l-ilment, fir-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’riżultat ta’ ksur tal-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni.

–       L-argumenti tal-partijiet

169    Ir-Renju tad-Danimarka u TVA/S isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti, billi l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami serju tal-kwistjoni jekk, konkretament, TV2 kinitx ibbenefikat, bejn 1995 u 2002, minn finanzjament proporzjonat għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku. Huma ressqu l-elementi insostenn tal-pożizzjoni li skontha dan il-finanzjament kien ġie kostitwit u miżmum, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, b’mod oġġettiv, trasparenti u razzjonali, sabiex jibqa’ proporzjonat għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku.

170    Ir-Renju tad-Danimarka għaldaqstant jirreferi għax-xogħol preparatorju tal-Liġi tal-1986 li tistabbilixxi TV2 u għal stima tad-dħul u tal-infiq ta’ TV2 li tinsab fl-anness ta’ dan ix-xogħol preparatorju.

171    TV2 A/S issostni li l-importanza tal-kumpens li TV2 kellha bżonn ġie stabbilit mill-Ministru tal-Kultura, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni tal-Finanzi tal-Parlament Daniż, u għaldaqstant taħt kontroll parlamentari strett, fil-kuntest ta’ ftehim għal erba’ snin imsejħa ftehim dwar il-medja u fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomiċi fil-fond. Dawn l-analiżi ekonomiċi fil-fond saru, fl-1995 u 1999, rispettivament, mill-uffiċċju ta’ awdituri KPMG, assistit minn grupp ta’ monitoraġġ kompost minn esperti, li fih ipparteċipaw il-kompetituri ta’ TV2 (iktar’il quddiem l-“analiżi ekonomiċi 1995/1999”).

172    L-għan ta’ dawn l-analiżi ekonomiċi kien preċiżament li jkun jista’ jiġi stabbilit is-sehem mid-dħul mil-liċenzji li kien dovut lil TV2, fid-dawl tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, tal-ħtiġijiet għal finanzjament li jirriżultaw minnhom u ta’ evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ riżorsi ta’ dan ix-xandar li jirriżultaw mir-reklamar televiżiv kif ukoll minn dħul ieħor. Barra minn hekk, l-ammont tal-liċenzja u s-sehem li kellu jingħata lil TV2 ġie stabbilit abbażi tal-preżunzjoni li l-vantaġġi li ġejjin mill-Istat, fil-forma, b’mod partikolari, ta’ eżenzjoni mill-interessi u ta’ eżenzjoni fiskali, kif imsemmija fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ser jinżammu.

173    L-analiżi ekonomiċi 1995/1999, li ġew ippubblikati, bħalma ġew ippubblikati l-kontijiet annwali ta’ TV2, ta’ pubblikazzjoni, kienu inklużi f’anness mal-osservazzjonijiet tar-Renju tad-Danimarka, tal-24 ta’ Marzu 2003, b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

174    Iż-żewġ ftehim dwar il-medja rilevanti għall-perijodu ta’ investigazzjoni (1995 u 1999) kienu bbażati preċiżament fuq dawn l-analiżi ekonomiċi fil-fond. Billi ppreżenta dawn l-analiżi ekonomiċi fil-proċedura formali, ir-Renju tad-Danimarka għaldaqstant ipprovda lill-Kummissjoni bi prova dokumentali tal-kalkoli finanzjarji li fuqhom huma bbażati d-diversi ftehim dwar il-medja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

175    Ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S isemmu investigazzjoni u rakkomandazzjoni, fl-1994-1995, tar-Rigsrevisionen (Qorti tal-Awdituri, id-Danimarka) lill-Gvern Daniż dwar il-kostituzzjoni ta’ kapital proprju ta’ TV2 u l-emendi għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ TV2 li din kienet timplika. Huma jsemmu wkoll rapport tal-Ministru tal-Finanzi tat-2 ta’ Awwissu 1995, ippreparat fuq talba tal-awdituri tal-Istat, kif ukoll dak li għamel, b’konsegwenza ta’ dan ir-rapport, ir-Renju tad-Danimarka, jiġifieri, fl-1997, emenda tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ TV2 li tispeċifika l-obbligu li jiġi kkostitwit kapital proprju fl-ammont minimu ta’ DKK 200 miljun.

176    Fir-rigward ta’ din l-informazzjoni kollha, li minnha jirriżulta li l-finanzjament ta’ TV2 u l-kostituzzjoni tal-kapital proprju tagħha matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienu stabbiliti b’mod ekonomikament razzjonali u proporzjonat għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku, in-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ analiżi dettaljata f’dan ir-rigward jimplika li l-bażi u l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni huma insuffiċjenti.

177    B’risposta għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skontha hija kienet taf b’din l-informazzjoni iżda qieset li din ma stabbilixxietx li l-kumpens żejjed akkumulat f’TV2 kien ikkostitwixxa, fir-realtà, riżerva magħmula sabiex TV2 tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha ta’ servizz pubbliku u proporzjonata għal dawn il-ħtiġijiet, il-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S jirrispondu li l-fatt determinanti huwa madankollu li, minkejja li din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni matul il-proċedura formali, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwarha fid-deċiżjoni kkontestata, ħlief b’mod inkomplet u impreċiż. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet formali u ma fiha l-ebda analiżi ekonomika dwar jekk, u sa liema punt, il-kapital proprju kkostitwiti fi ħdan TV2 kien jeċċedi dak li kien neċessarju għat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku u, skont il-każ, jekk kienx imur kontra l-interess komuni. Il-motivazzjoni u l-bażi tad-deċiżjoni għaldaqstant hijaivvizzjata minn difetti sostantivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

178    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura tal-att in kwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni għall-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fil-każijiet fejn il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tkun f’pożizzjoni li twettaq il-funzjonijiet tagħha, ir-rispett tal-garanziji provduti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ quddiemha u li timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

180    Barra minn hekk, anki jekk, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li tadotta sabiex tassigura l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni bħal din, hija madanakollu obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, issemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk il-qorti Komunitarja u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II-3141, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali, deċiżjoni trid tkun mogħnija b’motivazzjoni inkluża fit-test tagħha u din il-motivazzjoni ma tistax tiġi espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti Komunitarja (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T‑61/89, Ġabra p. II‑1931, punt 131; tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 171, u European Night Services et vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar’il fuq, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, fil-prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti interessata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jissewwa bil-fatt li l-parti interessata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 463; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T-16/91, Ġabra p. II-1827, punt 45, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T-349/03, Ġabra p.II-2197, punt 287).

182    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-qorti Komunitarja hija obbligata, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq skont l-Artikolu 230 KE, tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat. Għaldaqstant, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ssib rimedju għall-eventwali nuqqas ta’ motivazzjoni, jew li tikkompleta l-imsemmija motivazzjoni tal-Kummissjoni billi żżid jew tissostitwixxi elementi li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punti 147 u 148; tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 81; tat-13 ta’ Lulju 2000, Griesel vs Il-Kummissjoni, T‑157/99, Ġabra FP. p. I‑A‑151 u II‑699, punt 41, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar’il fuq, punt 58).

183    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ eżami li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-Istat Membru għandu, skont id-dover ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 KE, jikkoopera mal-Kummissjoni billi jipprovdilha l-elementi li jippermettulha tiddeċiedi jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex in-natura ta’ għajnuna mill-Istat [ara, dwar l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑457/00, Ġabra p. I‑6931, punt 99, u tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑3657, punt 48; is-sentenza Kuwait Petroleum (L-Olanda) vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar’il fuq, punt 67] u għalkemm huwa dan l-Istat Membru li għandu jġib il-prova, jekk ikun il-każ, li l-kundizzjonijet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 86(2) KE, huma sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra p. I‑5815, punt 94, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T‑157/01, Ġabra p. II‑917, punt 96), xorta waħda jibqa’ l-fatt li, min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija suġġetta, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni Sytraval u Brink’s Franza, punt 178 iktar’il fuq, punti 60 sa 62; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, max.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑54/99, Ġabra p. II‑313, punt 49, l-ewwel żewġ sentenzi, li ma ġewx invalidati bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil, C‑141/02 P, Ġabra p. I‑1283, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 136 iktar’il fuq, punt 167) u li dan l-obbligu jimponi fuqha, b’mod partikolari, li teżamina b’attenzjoni l-informazzjoni pprovduta lilha mill-Istati Membri.

184    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat. B’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlet dawn il-kunsiderazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 136 iktar’il fuq, punt 16, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 86; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar’il fuq, punt 81; BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, punt 182 iktar’il fuq, punt 88, u tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 67).

185    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-ilmenti tar-Renju tad-Danimarka u ta’ TV2 A/S.

186    F’dan ir-rigward, għandha ssir analiżi ulterjuri tal-kliem tad-deċiżjoni kkontestata rilevanti għall-finijiet tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni rrispettatx l-obbligi tagħha ta’ motivazzjoni u ta’ eżami diliġenti f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ finanzjament ta’ TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-proporzjonalità ta’ dan il-finanzjament għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku.

187    Fil-parti deskrittiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li TV2 kienet ġiet stabbilita fl-1986 bħala istituzzjoni awtonoma indipendenti ffinanzjata permezz ta’ self pubbliku (premessa 11). Hija speċifikat li TV2 kienet iffinanzjat minn riżorsi ġejjin mid-dħul mil-liċenzji u mid-dħul mir-reklamar (premessi 10 u 17), u semmiet il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ammont tal-liċenzja u tal-qsim tagħha bejn DR u TV2 (premessa 22).

188    Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni, din l-istituzzjoni eżaminat il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, kinux ġew sodisfatti t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet fost l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar’il quddiem is-“sentenza Altmark”, u, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-“kundizzjonijiet Altmark”) (premessa 71).

189    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li skont l-ewwel kundizzjoni Altmark “l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar” (sentenza Altmark, punt 188 iktar’il fuq, punt 89). Skont it-tieni kundizzjoni Altmark “il-parametri li fuq il-bażi tagħhom huwa kkalkulat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi li jikkompetu magħha” (sentenza Altmark, punt 188 iktar’il fuq, punt 90). Skont it-tielet kundizzjoni Altmark, “il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż sostnuti minħabba t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi” (sentenza Altmark, punt 188 iktar’il fuq, punt 92). Fl-aħħar nett, skont ir-raba’ kundizzjoni Altmark, “meta l-għażla tal-impriża li għandha tiġi inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ konkret, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat li huwa kapaċi joffri dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku mitluba, kien ikollha ssostni sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark, punt 188 iktar’il fuq, punt 93).

190    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni Altmark, li skontha l-parametri li fuq il-bażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, il-Kummissjoni tqis li hija ma ġietx sodisfatta. F’dan ir-rigward, il-motivi mressqa mill-Kummissjoni huma li “l-kumpens huwa stabbilit fi ftehim dwar il-medja konkluż għal erba’ snin, u [li] m’hemmx baġit annwali pubbliku li jistabbilixxi rabta bejn il-kumpens u l-produzzjoni”. Il-Kummissjoni żiedet li, “barra minn hekk, TV2 tgawdi ċertu numru ta’ vantaġġi li mhumiex trasparenti (eżenzjoni fiskali, eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi, eċċ.)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni Altmark, il-Kummissjoni ddikjarat li “TV2 ma ġietx magħżula bħala xandar ta’ servizz pubbliku wara sejħa għal offerti u [li] ma saret l-ebda analiżi sabiex jiġi vverifikat jekk il-livell ta’ kumpens kienx stabbiliti fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat bil-mezzi ta’ produzzjoni sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku mitluba, kien ikollha ssostni sabiex twettaq l-obbligi tagħha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

192    Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 86(2) KE u, b’mod aktar partikolari, tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni, b’risposta għall-argument tar-Renju tad-Danimarka li l-kapital kostitwit kien neċessarju sabiex jiġu assorbiti l-eventwali varjazzjonijiet fid-dħul mir-reklamar (premessa 112; ara wkoll l-ewwel sentenza tal-premessa 111), “tirrikonoxxi li l-impriżi jistgħu jkollhom bżonn ta’ riżerva ta’ din in-natura sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 113).

193    Madankollu, il-Kummissjoni tgħid li tali riżerva “għandha tiġi stabbilita għal skop preċiż u tiġi rregolarizzata f’dati fissi, li fihom il-kumpens żejjed għandu jiġi rimborsat meta dan jiġi determinat”. Hija tosserva li dan ma kienx il-każ ta’ kostituzzjoni ta’ riżervi speċifiċi, iżda ta’ akkumulazzjoni ta’ fondi proprji. Għaldaqstant, hija żżid li “il-fondi proprji jistgħu jintużaw għal kwalunkwe skop u m’hemmx għalfejn jintużaw għat-twettiq ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 113).

194    Fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ eżempju mogħti mir-Renju tad-Danimarka, relattiv għas-sena 1999, sena li matulha d-dħul mir-reklamar ta’ TV2 kien naqas b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni ssostni li lanqas dan it-tnaqqis fid-dħul ma ġiegħel lil TV2 tuża l-kapital kostitwit.

195    Fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni “konsegwentement tqis li l-marġini ta’ profitt miksub ma kienx neċessarju sabiex jippermetti lil TV2 taħdem b’mod effiċjenti”. Barra minn hekk, hija żżid li “sabiex ikun jista’ jiġi assorbit it-tnaqqis fid-dħul mir-reklamar, kien ikun utli li tiġi stabbilita riżerva trasparenti mingħajr ma jitħalla li l-profitti jakkumulaw fl-impriża”. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li hija “ma tistax tilqa’ l-ewwel argument tal-awtoritajiet Daniżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dwar il-fatt li l-kumpens żejjed, fir-realtà, ikkostitwixxa riżerva neċessarja sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-servizz pubbliku.

196    Minn din ir-referenza għat-termini tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija essenzjalment ibbażata fuq żewġ affermazzjonijiet.

197    L-ewwel nett, il-kumpens żejjed ikkonstatat f’TV2 ma kienx ġej mill-fatt li ġew stabbiliti riżervi mmexxija b’mod trasparenti u prudenti u intiżi speċifikament sabiex tiġi ggarantita l-provvista tas-servizz pubbliku minkejja l-varjazzjoni fid-dħul mir-reklamar, iżda kien ġej minn sempliċi akkumulazzjoni mhux ikkontrollata ta’ kapital.

198    It-tieni nett, l-eżempju bbażat fuq is-sena 1999 juri li, fir-realtà, TV2 qatt ma kellha bżonn tuża r-riżervi tagħha.

199    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn l-affermazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda kunsiderazzjoni li tipprova l-veraċità tagħha.

200    Fil-fatt, apparti l-indikazzjoni purament deskrittiva ta’ ċerti elementi tal-mekkaniżmu użat mir-Renju tad-Danimarka sabiex jistabbilixxi l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 bejn l-1995 u 2002 (ara l-premessa 22), id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda motiv li jipprovdi analiżi ta’ dan il-mekkaniżmu u tal-kunsiderazzjonijiet, kemm ġuridiċi kif ukoll ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit dan l-ammont matul dan il-perijodu kollu.

201    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl kemm tal-importanza li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi għall-applikazzjoni, f’dan il-każ, tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien imissha inkludiet, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 178 sa 179 iktar’il fuq, evalwazzjoni preċiża u dettaljata tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

202    Bħar-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fuq din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, sussegwentement, timplika li din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 178 sa 182 iktar’il fuq.

203    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tista’ tiġi spjegata min-nuqqas ta’ kwalunkwe eżami serju, minn din l-istituzzjoni, matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, tal-kundizzjonijiet konkreti li wasslu, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ dħul mil-liċenzji dovut lil TV2.

204    Għalhekk, fl-istadju ta’ dawn ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni, sabiex tiċħad l-ilment li hija naqset mill-obbligu tagħha ta’ eżami, tgħid li “l-awtoritajiet Daniżi bagħtu, qabel u wara l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, dokumenti bla għadd u informazzjoni eżawrjenti dwar il-każ”, iżda li “l-informazzjoni mibgħuta kienet madankollu kkaratterizzata mill-fatt li l-awtoritajiet Daniżi ppruvaw jiġġustifikaw l-akkumulazzjoni tal-kumpens żejjed f’TV2 permezz ta’ informazzjoni u kalkoli stabbiliti a posteriori”. Skont il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka “ma kienx kapaċi jippreżenta informazzjoni ddatata fiż-żmien meta seħħet l-akkumulazzjoni ta’ kapital fl-impriża u li setgħet eventwalment tiġġustifika l-kostituzzjoni tal-kapital sal-punt ikkonstatat fil-każ ta’ TV2”.

205    Dawn l-affermazzjonijiet huma ripetuti f’diversi partijiet oħrajn tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa ddikjarat li “l-awtoritajiet Daniżi fl-ebda mument ma ppreżentaw informazzjoni jew dokumenti ex ante fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ kapital ta’ TV2 fiż-żmien meta hija twaqqfet jew matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni” u li “l-informazzjoni kollha f’dan ir-rigward kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet u kalkoli stabbiliti a posteriori”.

206    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-allegat nuqqas tar-Renju tad-Danimarka li jippreżenta informazzjoni li tippermetti li jiġi preżunt li TV2 kellha bżonn il-kontribuzzjoni tal-kapital inkwistjoni sabiex hija tiġġustifika n-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ kwalunkwe analiżi ekonomika tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

207    Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas il-partijiet li intervjenew insostenn tagħha ma jikkontestaw il-fatt li l-analiżi ekonomiċi 1995/1999, li saru fil-kuntest u għall-ħtiġijiet tal-proċeduri sabiex kull erba’ snin jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 (ara l-punti 171 sa 174 iktar’il fuq) kienu ntbagħtu lill-Kummissjoni. Dawn l-analiżi huma, barra minn hekk, imsemmija fl-osservazzjonijiet tar-Renju tad-Danimarka, tal-24 ta’ Marzu 2003, b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, u huma mehmuża bħala annessi mal-imsemmija osservazzjonijiet.

208    Il-fatt li Kummissjoni ma ħaditx dawn l-elementi ta’ informazzjoni inkunsiderazzjoni fl-istadju tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tagħmilx referenza għalihom, lanqas sabiex tikkonfutahom, jikkonferma n-nuqqas ta’ eżami serju minn din l-istituzzjoni, matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, tal-informazzjoni li kienet intbagħtitilha dak iż-żmien dwar il-finanzjament ta’ TV2 matul il-perijodu 1995-2002.

209    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva, inċidentalment, li fl-istadju tar-rikorsi quddiemha, l-uniċi analiżi ekonomiċi li ssemmi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha huma analiżi differenti mill-analiżi ekonomiċi 1995/1999, jiġifieri analiżi dwar il-kontribuzzjoni ta’ kapital lil TV2 A/S meta twaqqfet fl-2003 jew dwar il-kontribuzzjoni mill-ġdid ta’ kapital lil TV2 A/S fl-2004, analiżi li, effettivament, ma kinux saru ex ante.

210    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tirrispondix, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-ilment ibbażat fuq il-fatt li, fl-istadju tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-analiżi ekonomiċi 1995/1999. Għall-kuntrarju, hija pjuttost tammetti, bil-kritika – żbaljata – tagħha magħmula lir-Renju tad-Danimarka, fis-sens li huwa ma kienx bagħtilha informazzjoni għal evalwazzjoni ex ante (ara l-punt 204 hawn fuq), in-nuqqas tagħha li teżamina l-fajl serjament.

211    Fir-rigward tal-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, li, kif diġà ġie rrilevat, bl-ebda mod ma jikkontestaw il-fatt li dawn l-analiżi kienu jeżistu u li ntbagħtu lill-Kummissjoni, huma lanqas ma jirreaġixxu għal dan l-ilment.

212    L-iktar l-iktar SBS issostni li l-analiżi ekonomiċi 1995/1999 huma “studji qodma tas-suq”, osservazzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, ma tagħmel xejn ħlief tenfasizza kemm dawn l-analiżi, li effettivament huma kontemporanji għall-perijodu ta’ investigazzjoni, kienu rilevanti, ratione temporis iżda wkoll ratione materiae, għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, peress li l-eżistenza tal-analiżi ekonomiċi 1995/1999, kif ukoll l-għan tagħhom, huma elementi li dwarhom mhemmx kontestazzjoni f’din il-kawża, kull eventwali kritika ta’ dawn l-analiżi fir-rigward tal-mertu tagħhom għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 182 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni fl-evalwazzjonijiet li din tal-aħħar kellha tagħmel fl-istadju tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

213    Għalkemm il-Kummissjoni ma tirrispondix għall-ilment ibbażat fuq il-fatt li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-analiżi ekonomiċi 1995/1999, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu tirrileva li hija ssemmi l-fatt li TV2 A/S ma pparteċipatx fil-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu tikkonstata li b’daqshekk mhijiex qed issir xi kontestazzjoni tad-dritt ta’ TV2 A/S li tqajjem, fl-istadju tar-rikors, ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ eżami fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-analiżi ekonomiċi 1995/1999.

214    F’kull każ, anke kieku kellu jiġi kkunsidrat li, billi semmiet dan il-fatt, il-Kummissjoni riedet tippretendi li TV2 A/S ma setgħetx tibbaża ruħha, fir-rikors tagħha, fuq nuqqas ta’ eżami fir-rigward, b’mod partikolari, tal-analiżi ekonomiċi 1995/1999, din l-eventwali pretensjoni tkun, minn naħa, irrilevanti u, min-naħa l-oħra, infondata, għar-raġunijiet segwenti.

215    Fir-rigward tan-natura irrilevanti ta’ din l-eventwali pretensjoni, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jammonta għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, ĠabraSP p. I–A‑267 u II‑1221, punt 55, u tat-2 ta’ Ġunju 2005, CIS vs Il-Kummissjoni, T‑102/03, Ġabra p. II‑2357, punt 46). Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat – b’risposta, barra minn hekk, għal ilment espress tar-rikorrenti – insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom kien ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, tosserva li din l-insuffiċjenza tirriżulta minn ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha ta’ eżami (ara l-punti 202 u 203 iktar’il fuq).

216    Fir-rigward tan-natura infondata ta’ din l-eventwali pretensjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li TV2 A/S bl-ebda mod ma kienet qed tibbaża ruħha fuq elementi fattwali ġodda li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Għall-kuntrarju, TV2 A/S tillimita ruħha li tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx informazzjoni li kienet intbagħtitilha, matul il-proċedura formali, minn parti li kienet qed issostni li l-finanzjament ta’ TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien neċessarju u proporzjonat għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku (ara l-premessi 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, għalkemm TV2 A/S stess ma kinitx ħadet sehem fil-proċedura formali ta’ investigazzjoni, ma tistax tiġi pprojbita milli ssostni, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-argument legali bbażata fuq in-nuqqas ta’ eżami ta’ dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T‑110/97, Ġabra p. II‑2881, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra p. II‑3145, punt 102; Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar’il fuq, punt 68, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T‑217/02, Ġabra p. II‑4483, punti 84 sa 85 u 93).

217    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ma eżaminatx informazzjoni li madankollu kienet direttament rilevanti għall-kwistjoni jekk il-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jew le, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ eżami, nuqqas li jispjega l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni kkonstatata fil-punt 202 iktar’il fuq.

218    Fir-rigward tal-allegazzjoni, li tinsab ukoll fl-ewwel affermazzjoni tal-Kummissjoni, li l-livell tar-riżervi kkostitwiti ma kienx suġġett għal kontroll regolari min-naħa tal-awtoritajiet Daniżi, għandu jiġi kkonstatat, minbarra l-fatt li din, għal darb’oħra, hija allegazzjoni mhux sostanzjata u li ġiet espressament ikkontestata mir-Renju tad-Danimarka fil-proċedura formali (ara t-tieni sentenza tal-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata), li d-deċiżjoni kkontestata stess tinkludi elementi li jdgħajfuha.

219    Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li TV2 kellha, sal-2002, tippreżenta baġits u kontijiet annwali għas-servizz pubbliku (premessa 96). Barra minn hekk, matul il-perijodu kollu ta’ investigazzjoni, ir-Rigsrevisionen għamel verifika amministrattiva u finanzjarja tal-kontijiet ta’ TV2 (premessa 97). F’dan ir-rigward, il-fatt, irrilevat mill-Kummissjoni fl-istess premessa, li r-Rigsrevisionen stess ma kellux “il-poter li jimpedixxi kumpens żejjed” mhuwiex fih innifsu sinjifikattiv, peress li huwa entità ta’ verifika, u ma jippermettix li jiġi konkluż li ma kien hemm kontroll min-naħa tal-awtoritajiet Daniżi.

220    F’kull każ, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-allegata insuffiċjenza ta’ kontroll sabiex tordna l-irkupru tas-somom kollha li r-Renju tad-Danimarka jsostni li jikkostitwixxu riżerva neċessarja għas-servizz pubbliku, peress li eżami serju tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi kollha li taħthom ġiet ikkostitwita din ir-riżerva matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien perfettament possibbli, fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, u li fin-nuqqas ta’ tali eżami ma kienx possibbli li tiddeċiedi validament fuq jekk din ir-riżerva kinitx, kollha kemm hi jew imqar parzjalment, effettivament neċessarja għas-servizz pubbliku.

221    Għall-istess raġunijiet, ir-referenzi magħmula mill-Kummissjoni għall-eżiġenza ta’ riżerva “speċifika” (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata), jew “trasparenti” (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata) jidhru, fin-nuqqas, preċiżament, ta’ kwalunkwe eżami serju mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet konkreti li taħthom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, li huma referenzi għal eżiġenza purament formali, li ma tistax tiġġustifika l-irkupru ordnat fid-deċiżjoni kkontestata.

222    Fir-rigward tat-tieni affermazzjoni tal-Kummissjoni (punt 198 iktar’il fuq), li skontha l-eżempju bbażat fuq is-sena 1999 juri li fir-realtà TV2 qatt ma kellha bżonn tuża r-riżervi tagħha, din bl-ebda mod ma tista’ twassal, fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

223    Il-fatt li TV2 ma kellhiex bżonn tuża r-riżervi tagħha fl-1999 ma jwassalx għall-konklużjoni li dawn għandhom jiġu kkunsidrati sproporzjonati meta mqabbla mal-ħtiġijiet ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, huwa fin-natura stess ta’ riżerva kkostitwita sabiex tilqa’ għal riskju li din ma tiġix neċessarjament użata. Għaldaqstant, il-fatt li min-nuqqas li tintuża riżerva l-Kummissjoni tiddeduċi, a posteriori, l-konklużjoni li din ma kinitx iġġustifikata jidher li huwa kontradittorja mal-ammissjoni, minn din l-istess istituzzjoni, tal-possibbiltà li tiġi kkostitwita u miżmuma tali riżerva għall-finijiet li tiggarantixxi li s-servizz pubbliku jkun jista’ jiġi pprovdut. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li l-Kummissjoni kellha tagħmel, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’mod xieraq fuq in-natura proporzjonata jew le tar-riżervi kkostitwiti f’TV2, kien li teżamina l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet, b’mod partikolari dawk ekonomiċi, li r-Renju tad-Danimarka kien ibbaża ruħu fuqhom sabiex jistabbilixxi l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 bejn l-1995 u l-2002.

224    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li n-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ eżami serju u dettaljat tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament ta’ TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni huwa rifless, min-naħa tiegħu, fin-natura perentorja tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata.

225    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ din il-premessa 71 dwar it-tieni kundizzjoni Altmark, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li r-referenza għall-fatt li “[i]l-kumpens huwa stabbilit fi ftehim dwar il-medja konkluż għal erba’ snin”, li hija referenza purament deskrittiva iżda għaldaqstant intiża sabiex tiġġustifika l-affermazzjoni li l-parametri tal-kumpens ma ġewx stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, tidher li ma tagħmilx sens. Fil-fatt, u mingħajr ma trid tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li hija għandha fir-rigward tal-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tikkonstata biss li l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad’dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 permezz tal-ftehim dwar il-medja, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 171 u 174 iktar’il fuq li bl-ebda mod ma ġew ikkontestati, pjuttost jistgħu jitqiesu, almenu mal-ewwel daqqa t’għajn, bħala indizji ta’ oġġettività u ta’ trasparenza.

226    Fir-rigward tal-affermazzjonijiet, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma kienx hemm baġit annwali pubbliku li jistabbilixxi rabta bejn il-kumpens u l-produzzjoni”, jew li “TV2 tgawdi ċertu numru ta’ vantaġġi li mhumiex trasparenti (eżenzjoni fiskali, eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi, eċċ.)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu jiġi kkonstatat li dawn huma, għal darb’oħra u bla ħsara għall-evalwazzjonijiet iktar fil-fond li, jekk ikun il-każ, ikollha tagħmel il-Kummissjoni, affermazzjonijiet li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru inadegwati, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jekk mhux saħansitra ineżatti.

227    Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tan-nuqqas ta’ baġit annwali li jistabbilixxi rabta bejn il-kumpens u l-produzzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li t-tieni kundizzjoni Altmark ma timponix tali rekwiżit formali. Fil-fatt, din il-kundizzjoni tħalli lill-Istati Membri liberi li jagħżlu l-modalitajiet prattiċi sabiex jiżguraw li jiġi osservat. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, formalment, fuq in-nuqqas ta’ “baġit annwali li jistabbilixxi rabta bejn il-kumpens u l-produzzjoni”, minkejja li, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit id-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2, imsemmija fil-punti 171 sa 174 iktar’il fuq – u li huma dawk li kellhom preċiżament jiġu eżaminati fil-kuntest tal-verifika tat-tieni kundizzjoni Altmarket –, bl-ebda mod ma ġew analizzati serjament fid-deċiżjoni kkontestata, jidher li huwa motivazzjoni fir-realtà, artifiċjali.

228    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tirrileva biss, bla ħsara, għal darb’oħra, għall-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jistax jiġi eskluż li l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2, imsemmija hawn fuq, jistgħu jikkostitwixxu modalitajiet oġġettivi u trasparenti peress li huma jinvolvu, b’mod partikolari, l-intervent tal-Parlament Daniż, peress li huma bbażati fuq analiżi ekonomiċi stabbiliti mill-uffiċċju ta’ awdituri assistit minn grupp ta’ monitoraġġ kompost minn esperti u li fih ipparteċipaw il-kompetituri ta’ TV2, u peress li dawn l-analiżi kienu ppubblikati, bħalma kienu ppubblikati l-kontijiet annwali ta’ TV2. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li analiżi serja ta’ dawn il-modalitajiet twassal, jekk ikun il-każ, għall-konklużjoni li r-Renju tad-Danimarka kien żgura, essenzjalment, diġà qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet il-kundizzjonijiet Altmark, li t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi osservata.

229    Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni li “ċertu numru ta’ vantaġġi [...] mhumiex trasparenti (eżenzjoni fiskali, eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi, eċċ.)”, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tirrileva biss li l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 ġie kkalkolat, skont ir-rikorrenti u mingħajr ma dan ġie kkontestat, fuq il-bażi, preċiżament, tal-ipoteżi li dawn il-miżuri l-oħra tal-Istat favur dan ix-xandar kienu se jinżammu. M’hemm l-ebda raġuni li tagħti x’jifhem, almenu mal-ewwel daqqa t’għajn u fid-dawl tad-deskrizzjoni, mir-rikorrenti, tal-proċedura sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2, li l-eżistenza u l-quantum ta’ dawn il-miżuri l-oħra tal-Istat, li ttieħdu neċessarjament inkunsiderazzjoni f’din il-proċedura sabiex tiġi stabbilita l-liċenzja, kienu ġew moħbija.

230    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-affermazzjonijiet fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar it-tieni kundizzjoni Altmark, li huma affermazzjonijiet li mhumiex ibbażati fuq analiżi serja, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2, mhumiex konvinċenti.

231    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-aħħar sentenza tal-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar ir-raba’ kundizzjoni Altmark, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, lil hinn mill-kliem kemxejn ambigwu ta’ din il-motivazzjoni, li tgħid, fil-fatt, litteralment, li “ma saret l-ebda analiżi” f’dan il-każ “sabiex jiġi vverifikat jekk il-livell ta’ kumpens neċessarju ġiex stabbilit [mir-Renju tad-Danimarka] fuq il-bażi ta’ analiżi [minn dan l-Istat Membru] tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat [...] kienet issostni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tixtieq tgħid li r-Renju tad-Danimarka ma osservax ir-raba’ kundizzjoni Altmark.

232    Tali motivazzjoni, li, fl-aħħar mill-aħħar, hija limitata għal riproduzzjoni diretta tal-kliem tar-raba’ kundizzjoni Altmark, tista’ eventwalment tkun suffiċjenti li kieku kien paċifiku li r-Renju tad-Danimarka ma kien għamel xejn li seta’ kellu l-effett, fil-prattika, li jiġi żgurat li r-raba’ kundizzjoni Altmark tiġi osservata, jew li kieku l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-analiżi magħmula minn dan l-Istat Membru kienet manifestament insuffiċjenti jew inadegwata sabiex tiżgura li din il-kundizzjoni tiġi osservata. Issa, f’dan il-każ, dawn iċ-ċirkustanzi assolutament ma seħħewx. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-proċedura mwettqa mir-Renju tad-Danimarka sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 bejn l-1995 u 2002, proċedura li, skont id-deskrizzjoni msemmija fil-punti 171 sa 174 iktar’il fuq u li ma ġietx ikkontestata, kienet tinkludi, fost l-oħrajn, analiżi ekonomiċi li l-kompetituri ta’ TV2 kienu pparteċipaw fit-twettiq tagħhom, ma jistax jiġi esklużi li eżami serju tal-kundizzjonijiet kollha li taħthom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, eżami li kellha tagħmel il-Kummissjoni, seta’ jwassal għall-konklużjoni li r-Renju tad-Danimarka kien żgura, essenzjalment u diġà qabel id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark mill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-raba’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi osservata.

233    Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tal-aħħar sentenza tal-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, tidher, fir-realtà, li hija purament formali, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punti 203 et seq. iktar’il fuq u msemmija mill-ġdid fil-punt 230 iktar’il fuq, li skontha l-Kummissjoni, fil-proċedura formali ta’ investigazzjoni, ma wettqitx eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti li taħthom, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ġie stabbilit, mir-Renju tad-Danimarka, l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2.

234    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, li minnhom jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti, li min-naħa tagħha hija kkawżata minn ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha li teżamina kwistjonijiet li madankollu huma direttament rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn tar-rikorsi T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 et T‑336/04.

 Fuq l-ispejjeż

 Fuq l-ispejjeż fil-kawżi T‑309/04 u T‑317/04

235    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet fil-kawżi T‑309/04 u T‑317/04, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tar-rikorrenti f’dawn il-kawżi, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

236    Skont l-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Peress li r-rikorrenti rrinunzjaw għat-talbiet tagħhom għal miżuri provviżorji T‑309/04 R u T‑317/04 R u l-Kummissjoni ma talbitx li huma jbatu l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

237    Peress li l-UER, li intervjeniet insostenn tat-talbiet ta’ TV2A/2 fil-kawża T‑309/04, ma għamlet l-ebda talba għall-ispejjeż, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

238    SBS u Viasat, li intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kawża T‑309/04, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04

239    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

240    Viasat u SBS, li huma rikorrenti iżda wkoll intervenjenti insostenn ta’ xulxin fil-kawżi T‑329/04 et T‑336/04, tilfu fuq il-motivi ta’ annullament rispettivi tagħhom fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala SIEĠ tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-kawżi T‑309/04 u T‑317/04, li ma kienx hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn ta’ annullament ippreżentati minn dawn ir-rikorrenti.

241    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li Viasat u SBS għandhom, kull waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, kemm dawk sostnuti bħala rikorrenti kif ukoll dawk sostnuti bħala intervenjenti, fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04, kif ukoll, parti minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kawża T‑329/04 u parti minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kawża T‑336/04, rispettivament.

242    Għall-istess raġunijiet,Viasat għandha tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti minn TV2 A/S, mir-Renju tad-Danimarka u mill-UER, bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kawża T‑329/04, u SBS għandha tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti, minn dawn l-istess partijiet, bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoin fil-kawża T‑336/04.

243    Il-Kummissjoni, kif ukoll TV2 A/S, ir-Renju tad-Danimarka, u l-UER, li intervjenew insostenn ta’ din l-istituzzjoni fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04, għandhom ibatu, kull wieħed u waħda minnhom, disa’ partijiet minn għaxar tal-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kawżi T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04 huma maqgħuda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/217/KE, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur TV 2/Danmark, hija annullata.

3)      TV 2/Danmark A/S, ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed u waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kawżi T‑309/04 R u T‑317/04 R.

4)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha fil-kawżi T‑309/04 u T‑317/04, kif ukoll għal dawk ta’ TV 2/Danmark A/S u tar-Renju tad-Danimarka f’dawn il-kawżi.

5)      L-Union européenne de radio-télévision (UER), SBS TV A/S, SBS Danish Television Ltd u Viasat Broadcasting UK Ltd għandhom, kull waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kawża T‑309/04.

6)      SBS TV, SBS Danish Television u Viasat Broadcasting UK għandhom, kull waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, sostnuti kemm bħala partijiet prinċipali kif ukoll bħala intervenjenti, fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04.

7)      Viasat Broadcasting UK għandha tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, minn TV 2/Danmark A/S, mir-Renju tad-Danimarka u mill-UER fil-kawża T‑329/04.

8)      SBS TV u SBS Danish Television għandhom ibatu parti minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, minn TV 2/Danmark A/S, mir-Renju tad-Danimarka u mill-UER fil-kawża T‑336/04.

9)      Il-Kummissjoni, TV 2/Danmark A/S, ir-Renju tad-Danimarka u l-UER għandhom, kull wieħed u waħda minnhom, ibatu disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ottubru 2008.

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura

Il-kawżi T‑309/04 u T‑317/04

Il-kawża T‑329/04

Il-kawża T‑336/04

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv tar-rikors T‑329/04 u t-tieni motiv tar-rikors T‑336/04, ibbażati fuq il-klassifikazzjoni żbaljata, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 bħala SIEĠ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ewwel motiv tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni motiv tar-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, safejn id-dħul mil-liċenzji u d-dħul mir-reklamar trasferiti lil TV2 permezz tal-Fond TV2, mhumiex riżorsi tal-Istat

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ilment, fir-rikorsi T‑309/04 u T‑317/04, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’riżultat ta’ ksur tal-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni.

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż

Fuq l-ispejjeż fil-kawżi T‑309/04 u T‑317/04

Fuq l-ispejjeż fil-kawżi T‑329/04 u T‑336/04


* Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u d-Daniż.