Language of document : ECLI:EU:C:2020:484

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2020 (1)

Kawża C540/19

WV

vs

Landkreis Harburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment — Post ta’ residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment — Surroga legali ta’ entità pubblika fil-kreditu tal-kreditur ta’ manteniment”







1.        Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 (2), il-qrati Ġermaniżi għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ir-rikors ippreżentat minn entità pubblika ta’ dan il-pajjiż, issurrogata legalment fil-pożizzjoni tal-kreditur ta’ manteniment, kontra d-debitur ta’ dan il-manteniment, residenti fl-Awstrija.

2.        Mal-ewwel ħarsa, jidher li dan id-dubju kien diġà ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija rrispondiet, fl‑2014, għal domanda preliminari oħra simili. Fis-sentenza Blijdenstein (3), ġie miċħud li l-entità pubblika ssurrogata tista’ titlob l-għoti ta’ manteniment quddiem il-qrati tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment. Il-leġiżlazzjoni applikabbli dak iż-żmien kienet l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 (4).

3.        Minkejja l-identiċità formali tal-kriterju ta’ ġurisdizzjoni analizzat fis-sentenza Blijdenstein u dak tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, illum hemm raġunijiet favur interpretazzjoni differenti.

4.        Fil-fatt, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 [(u s-suċċessur tagħha, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001)] (5) wasslet għar-Regolament Nru 4/2009, li ma huwiex sempliċi riproduzzjoni tat-testi preċedenti. Sabiex jiżgura l-iktar possibbli l-istess għanijiet, ir-regolament il-ġdid jadatta r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, b’mod li dan għandu jiġi interpretat b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-kuntest il-ġdid

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mogħtija l-opportunità tirrevedi l-ġurisprudenza preċedenti tagħha, sa fejn din ma hijiex konformi mal-kuntest leġiżlattiv eżistenti.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 4/2009

6.        Skont il-premessa 15 tiegħu:

“Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 44/2001. Il-fatt li konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Terz m’għandux jibqa’ fattur għall-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetenza, u m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom qorti ta’ Stat Membru tista’ teżerċita kompetenza sussidjarja”.

7.        Il-premessa 44 tipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment […]”.

8.        L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

10.      ‘kreditur’: għandha tfisser kwalunkwe individwu li huwa dovut manteniment jew li jallega li huwa dovut;

[…]”.

9.        Skont l-Artikolu 3:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)      il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)      il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ)      il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

(d)      il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet”.

10.      L-Artikolu 64 jindika:

“1.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tal-eżekutorjetà ta’ deċiżjonijiet jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, ‘kreditur’ għandha tinkludi korp pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew korp li lilu huwa dovut rimborż għal benefiċċji pprovduti minflok manteniment.

[…]

3.      Korp pubbliku jista’ jitlob ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà jew jitlob l-eżekuzzjoni ta’:

(a)      deċiżjoni mogħtija kontra debitur wara l-applikazzjoni ta’ korp pubbliku li jitlob il-ħlas ta’ benefiċċji pprovduti minflok manteniment;

[…]”.

B.      Id-dritt Ġermaniż

11.      Skont l-Artikolu 1601 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (6):

“Il-membri tal-familja f’linja diretta għandhom l-obbligu jipprovdu manteniment lil xulxin”.

12.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(1) tat-Tnax-il Ktieb tas-Sozialgesetzbuch (7) tipprovdi:

“Jekk, matul il-perijodu li fih jiġu pprovduti l-benefiċċji, il-persuna li tibbenefika minnhom ikollha kreditu ta’ manteniment skont id-dritt ċivili, l-amministratur tal-għajnuna soċjali jiġi ssurrogat f’dan il-kreditu sal-ammont tal-ispejjeż imħallsa, u wkoll fid-dritt li jirċievi l-informazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni dwar il-manteniment”.

13.      It-tielet sentenza tal-Artikolu 94(5) tas-SGB XII tipprovdi:

“Id-drittijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu eżerċitati skont id-dritt ċivili.”

II.    Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari

14.      Omm WV, imwielda fl‑1948, ilha sa mill‑2009 tgħix f’residenza għal persuni anzjani f’Köln (il-Ġermanja). Peress li d-dħul u l-patrimonju tagħha ma humiex biżżejjed sabiex ikopru kompletament l-ispejjeż ta’ residenza, hija tirċievi b’mod kontinwu għajnuna soċjali mil-Landkreis Harburg (id-Distrett Amministrattiv ta’ Harburg, il-Ġermanja), skont il-Ktieb XII tas-SGB.

15.      WV, it-tifel li għandu l-obbligu jipprovdi manteniment, jirrisjedi fi Vjenna (l-Awstrija).

16.      Il-Landkreis Harburg qiegħed jitlob mingħand WV il-ħlas tal-arrettrati relatati mal-manteniment, li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ bejn April 2017 u April 2018, kif ukoll il-ħlas ta’ manteniment kontinwu sa minn Mejju 2018.

17.      Din it-talba tressqet quddiem l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) u fiha l-entità pubblika affermat li, skont l-Artikolu 94(1) tas-SGB XII, hija kienet issurrogat fil-kreditu ta’ manteniment li omm WV għandha kontra dan tal-aħħar. Hija allegat li, matul dan il-perijodu, hija pprovdiet lill-omm benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, li l-ammont tagħhom jeċċedi b’mod ċar dak tal-manteniment mitlub.

18.      WV oġġezzjona li l-qrati Ġermanizi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali.

19.      Il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Köln ikkonstatat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali u ddikjarat ir-rikors inammissibbli. Fl-opinjoni tagħha, skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, biss il-persuna li lilha huwa dovut il-manteniment tista’ tkun “kreditur” u mhux entità pubblika ssurrogata f’dan il-kreditu.

20.      L-entità pubblika rikorrenti appellat quddiem l-Oberlandesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri, il-Ġermanja), qorti li annullat is-sentenza appellata u bagħtet lura l-kawża lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex din tiddeċidiha mill-ġdid.

21.      Skont il-qorti tal-appell, il-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali għaliex il-kreditur ta’ manteniment jista’ jagħżel, skont l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, jew li jitlob dan il-manteniment quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-post ta’ residenza tiegħu (il-Ġermanja) jew quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-post ta’ residenza tal-konvenut (l-Awstrija, f’dan il-każ). Din l-għażla tappartjeni wkoll lill-entità pubblika ssurrogata fil-kreditu ta’ manteniment.

22.      WV ippreżenta rikors quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

“Organu pubbliku li pprovda lil kreditur ta’ manteniment b’benefiċċji ta’ għajnuna soċjali skont dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku jista’ jipprevalixxi ruħu mill-qorti tal-post fejn il-kreditur ta’ manteniment għandu r-residenza abitwali tiegħu skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009 fil-każ li jeżiġi, fuq bażi surrogatorja, kontra d-debitur ta’ manteniment, il-kreditu ta’ manteniment ta’ natura ċivili tal-kreditur ta’ manteniment li, minħabba l-għoti tal-għajnuna soċjali, ġie ttrasferit lilu permezz ta’ surroga legali?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Lulju 2019.

24.      Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dak tar-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

25.      Ma tqisx neċessarju li tinżamm seduta.

IV.    Analiżi

A.      Kumment preliminari

26.      Il-garanzija ta’ rkupru effettiv u malajr tal-obbligu ta’ manteniment hija fundamentali għall-benesseri ta’ numru ta’ persuni fl-Ewropa (8). Sabiex din tissaħħaħ f’sitwazzjonijiet transkonfinali, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 kienet diġà tinkludi dispożizzjoni speċjali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali (9). Abbażi tagħha (Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni), il-kreditur ta’ manteniment seta’ jindirizza t-talba tiegħu jew lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tad-domiċilju tad-debitur jew lil dik tal-Istat Membru fejn huwa stess kellu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu. Din ir-regola ġiet inkorporata fir-Regolament Nru 44/2001.

27.      Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999 stieden lill-Kunsill ifassal, abbażi ta’ proposti tal-Kummissjoni, regoli proċedurali komuni sabiex tiġi ssimplifikata u mħaffa r-riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali relatat mal-obbligu ta’ manteniment. L-ispinta finali ngħatat mill-Programm ta’ Den Haag u mill-pjan ta’ azzjoni sussegwenti(10), li wasslu f’dan il-qasam għar-Regolament attwali Nru 4/2009.

28.      Sabiex jipproteġi l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u jippromwovi amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 4/2009 jadatta r-regoli preċedentement eżistenti relatati mal-ġurisdizzjoni. B’mod partikolari, dan jinkludi regolamentazzjoni speċifika tat-talbiet għal manteniment li, anki jekk hija marbuta mal-kumplament tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, għandha l-għanijiet tagħha stess u sistema wkoll tagħha stess.

29.      Kif ser nindika iktar ’il quddiem, dawn l-elementi għandhom jipprevalu fl-interpretazzjoni tat-test (il-ġdid), li jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita l-uniformità tal-applikazzjoni tiegħu, li għandha tkun awtonoma.

B.      Is-sitwazzjoni attwali. Il-ġurisprudenza preċedenti

30.      Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4/2009 (11) il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet adita b’diversi domandi preliminari, kemm dwar l-Artikolu 3 tiegħu (12) kif ukoll b’mod partikolari dwar l-Artikolu 3(b) tiegħu (13), minkejja li minn perspettiva differenti minn dik ta’ din il-kawża.

31.      Ir-Regolament Nru 4/2009 ma jipprovdix risposta diretta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fatt li kien qajjem xi kummenti dwar in-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu fir-rigward ta’ dan il-punt (14).

32.      Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-regolament jistgħu jinstabu elementi suffiċjenti sabiex tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preliminari. Ser nipprova nindika għaliex organu pubbliku li pprovda benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil kreditur ta’ manteniment jista’ jitlob, quddiem il-qrati tal-post ta’ residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar, kontra d-debitur ta’ dan il-manteniment, il-kreditu ta’ manteniment (15) li ġie ttrasferit lilu permezz ta’ surroga legali.

33.      Din ir-risposta timplika li wieħed imur lil hinn mis-sentenza Blijdenstein, li fiha, kif diġà semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, il-forum tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment jibbenefika biss lil min ikun “personalment rikorrent” (16).

34.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja:

–        wara li rreferiet għall-prinċipju, komuni fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, li r-regoli li jidderogaw mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, u għall-ostilità tal-Konvenzjoni tal‑1968 kontra l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent (17), ikklassifikat lill-kreditur ta’ manteniment bħala “l-parti l-iktar dgħajfa”, fil-proċeduri intiżi għall-irkupru ta’ dan il-manteniment;

–        iddeċidiet, abbażi ta’ din il-premessa, li “organu pubbliku li jeżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra debitur ta’ manteniment ma jinsabx f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward ta’ dan tal-aħħar” (18);

–        spjegat li, mill-perspettiva tad-debitur, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal‑1968 (li bħala regola ġenerali jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut) iservi sabiex “jipproteġi lill-konvenut, sa fejn ġeneralment dan huwa l-parti l-iktar dgħajfa, minħabba li l-azzjoni tar-rikorrent tkun diretta kontrih” (19);

–        fl-aħħar nett, żgurat li l-qorti tad-domiċilju tal-konvenut “tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa r-riżorsi ta’ dan tal-aħħar” (20).

35.      F’sentenzi sussegwenti, li diġà jirrigwardaw l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet, mill-ġurisprudenza preċedenti tagħha:

–        ir-rilevanza tagħha sabiex tanalizza d-dispożizzjonijiet tar-regolament il-ġdid, inkwantu dawn issostitwixxew dawk tar-Regolament Nru 44/2001 (21);

–        il-konvinzjoni li l-possibbiltà ta’ għażla mogħtija lill-kreditur ta’ manteniment (Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009) hija ispirata mill-kwalità tiegħu ta’ “parti dgħajfa” meta huwa jaġixxi bħala rikorrent (22).

C.      Argumenti favur bidla fil-ġurisprudenza

36.      Sussegwentement ser nindika l-motivi li, flimkien (23), jistgħu jiġġustifikaw l-abbandun tal-kriterju tas-sentenza Blijdenstein, fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv il-ġdid (ir-Regolament Nru 4/2009). F’dan ir-rigward, naqbel mal-Gvern Ġermaniż u ma’ dak Spanjol, kif ukoll mal-Kummissjoni, li jissuġġerixxu din l-istess soluzzjoni.

1.      Sistema ġdida ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali

a)      Sistema kompleta

37.      L-ewwel nett, l-argument tal-kontinwità bejn strumenti konsekuttivi la hija assoluta u lanqas awtomatika (24). It-tkomplija tal-ġurisprudenza preċedenti tkun raġonevoli jekk ma jkunx hemm bidliet leġiżlattivi. Fir-Regolament Nru 4/2009 hemm tali bidliet, anki jekk ma dawn ma humiex evidenti minn sempliċi qari tad-dispożizzjoni applikabbli, jiġifieri, tal-Artikolu 3(b).

38.      B’differenza mill-Konvenzjoni ta’ Brussell u mir-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 4/2009 ma jissuġġettax l-applikabbiltà tar-regoli tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali għar-rekwiżit tad-domiċilju tal-konvenut fi Stat Membru (25).

39.      Minn dan l-element normattiv jista’ jiġi dedott l-ewwel argument favur l-aċċess tal-entitajiet pubbliċi legalment issurrogati fil-kreditu ta’ manteniment għall-qrati tal-Istat ta’ residenza tal-kreditur: il-protezzjoni tad-dritt tiegħu (26).

40.      Fil-fatt, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni (27), jekk id-debitur ta’ manteniment ikun iddomiċiljat fi Stat terz, in-nuqqas ta’ ammissibbiltà tat-talba tal-entità pubblika ssurrogata quddiem il-qrati tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-kreditur ikun jimplika, b’livell għoli ta’ probabbiltà, li hija jkollha tressaq talba barra mill-Unjoni Ewropea.

41.      Sabiex dan ma jkunx il-każ, ikunu meħtieġa jew ftehim dwar l-għażla tal-forum favur Stat Membru (Artikolu 4), jew is-sottomissjoni taċita għall-qrati ta’ Stat Membru mill-konvenut (Artikolu 5), jew li dan tal-aħħar u l-entità pubblika jkollhom in-nazzjonalità komuni ta’ Stat Membru (Artikolu 6). Il-forum necessitatis tal-Artikolu 7 japplika biss f’każijiet eċċezzjonali, hekk kif jindika dan l-artikolu stess.

42.      L-entità pubblika obbligata tressaq it-talba tagħha quddiem Stat barrani għall-Unjoni Ewropea mhux biss ikollha diffikultajiet addizzjonali fir-rigward tal-proċedura fuq il-mertu (28), iżda probabbilment ukoll wara, jekk hija jkollha titlob ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat ieħor. F’tali ipoteżi, is-sistema applikabbli ma tkunx iktar waħda minn dawk previsti mir-Regolament Nru 4/2009, iżda sistema konvenzjonali (multilaterali jew bilaterali) jew dik stess tal-qorti fejn għandhom jiġu mitluba r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni(29).

b)      Sistema li tinkludi kriterji ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali alternattivi (30)

43.      Ir-Regolament Nru 4/2009, minbarra li jneħħi r-rekwiżit ta’ domiċilju tal-konvenut fi Stat Membru għall-applikabbiltà tar-regoli tiegħu, jabbanduna s-sistema tar-regola/eċċezzjoni fis-seħħ fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 u fir-Regolament Nru 44/2001, li kienet tagħti preferenza lill-qorti tad-domiċilju tal-konvenut u kienet timponi interpretazzjoni stretta ta’ forum oħra, b’mod partikolari ta’ dawk li jattribwixxu ġurisdizzjoni minħabba s-suġġett tat-tilwima.

44.      Fir-Regolament Nru 4/2009, ir-residenza abitwali tal-konvenut hija, ċertament, l-ewwel għażla offruta mill-Artikolu 3, madankollu dawk li jsegwuha jikkostitwixxu alternattivi għaliha (31).

45.      It-tqegħid tal-kriterji kollha ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 3 fuq l-istess livell jippermetti li jitwarrbu, fil-kuntest leġiżlattiv il-ġdid, ir-raġunamenti preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażati fuq il-kontestazzjoni fir-rigward tal-forum tar-rikorrent u fuq il-klasslifikazzjoni tal-konvenut, bħala regola ġenerali, bħala l-parti l-iktar dgħajfa (32).

2.      “Kreditur” ma huwiex ekwivalenti għal “rikorrent”

46.      Fis-sentenza R, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kreditur ta’ manteniment, bħala rikorrent, għandu għad-dispożizzjoni tiegħu diversi forum ta’ ġurisdizzjoni; hija spjegat dan minħabba n-natura tiegħu ta’ “parti dgħajfa” u għaliex l-għan tar-Regolament Nru 4/2009 huwa li jipproteġi l-interessi tiegħu (33).

47.      Dawn l-affermazzjonijiet ma jimplikawx li rikorrenti oħra ma jkollhomx l-istess possibbiltà li jagħżlu minn fost il-qrati msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Fir-realtà, l-argumentazzjoni tas-sentenza R kienet tikkorrispondi għall-fatti tal-kawża li fir-rigward tagħhom din ingħatat, iżda ma hemmx lok li din is-sentenza tinqara (u, b’estensjoni, ir-Regolament Nru 4/2009 nnifsu) fis-sens li din tillimita l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 3 tiegħu biss għall-proċedura li tibda en persona “parti dgħajfa”.

48.      Fir-Regolament Nru 4/2009 ma hemmx ekwivalenza bejn “kreditur” u “rikorrent” (34) u lanqas bejn “debitur” u “konvenut”. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) jiddeskrivi sitwazzjoni li fiha d-debitur huwa r-rikorrent u jillimita l-possibbiltà ta’ azzjoni tiegħu għall-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-kreditur (taħt ċerti kundizzjonijiet).

49.      Id-definizzjoni ta’ kreditur – bħal dik ta’ debitur – fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4/2009 tkopri biss il-persuni fiżiċi, iżda, kif għadni kif għidt, ma hemmx identiċità neċessarja bejn il-figuri ta’ “kreditur” u ta’ “rikorrent”.

50.      Fi kliem ieħor, mill-Artikolu 2(1)(10) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jirriżultax li l-organi pubbliċi ssurrogati fil-pożizzjoni tal-kreditur ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom iktar forum minn dak tar-residenza abitwali tal-konvenut. L-esklużjoni tal-entità pubblika mid-definizzjoni tal-Artikolu 2(1)(10) tfisser biss li l-indikazzjoni tar-residenza abitwali tagħha (jew sede) f’ċertu Stat Membru ma tiġġustifikax il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat skont l-Artikolu 3(b) (35).

51.      Il-possibbiltà li l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni jiġu llimitati fir-rigward ta’ organi pubbliċi ġiet ikkunsidata f’mument tal-proċedura leġiżlattiva, iżda ma għaddietx għad-dokument finali. Il-Parlament, fir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat‑13 ta’ Diċembru 2007 (36), ippropona żewġ testi rilevanti għal dak li huwa rilevanti hawnhekk: (a) fl-Artikolu 2(9) kienu inklużi l-entitajiet pubbliċi fil-kunċett ta’ “debitur”; u (b) f’artikolu ġdid, l-Artikolu 2a, kien previst li dawn l-entitajiet ma kellhomx ikollhom aċċess għal forum differenti mir-residenza abitwali tal-konvenut. Sussegwentement, dawn iż-żewġ proposti tneħħew (37).

52.      L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdi sostenn addizzjonali għall-argument li qiegħed nipproponi, meta jirreferi għall-organi pubbliċi li jitolbu l-ħlas ta’ benefiċċji mogħtija fir-rigward ta’ manteniment:

–        L-Artikolu 64(1), fuq il-linja tal-premessa 14 (38), jestendi l-kunċett ta’ “kreditur” għal entitajiet pubbliċi, li jistgħu jressqu talbiet għal rikonoxximent jew għal eżekuzzjoni, jew għal exequatur, jekk ikun il-każ (39).

–        L-Artikolu 64(3), li jitlaq minn din il-premessa, jikkorrispondi l-locus standi mogħti ma’ żewġ tipi ta’ sentenzi, li fosthom dik ta’ interess hawnhekk hija dik “mogħtija kontra debitur wara l-applikazzjoni ta’ korp pubbliku li jitlob il-ħlas ta’ benefiċċji pprovduti minflok manteniment”. Peress li każ normali jkun li t-talba għal rikonoxximent, għal eżekuzzjoni jew għal exequatur titressaq fl-Istat ta’ residenza abitwali tal-konvenut, is-sentenza inkwistjoni tkun ingħatat, attwalment, fi Stat ieħor.

53.      B’hekk, ir-Regolament Nru 4/2009 jippermetti, anki jekk b’mod impliċitu, li l-entitajiet pubbliċi jużaw forum ta’ ġurisdizzjoni differenti mir-residenza abitwali tad-debitur.

3.      L-għanijiet tar-Regolament Nru 4/2009

54.      Hekk kif diġà enfasizzajt, ir-Regolament Nru 4/2009 huwa intiż, b’mod ġenerali, li jipproteġi lill-kreditur ta’ manteniment. Dan huwa stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li torbot dan l-għan ma’ dak li jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-krediti ta’ manteniment f’każijiet transkonfinali (40).

55.      Għal dan il-għan, ikun aħjar li l-azzjoni ta’ rkupru jew ta’ rimbors tal-entitajiet pubbliċi ssurrogati legalment fil-pożizzjoni tal-kreditur ta’ manteniment tkun tista’ titressaq fil-post ta’ residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar. L-irkupru tal-krediti ta’ manteniment jiġi għalhekk iffaċilitat peress li, ta’ spiss, dan il-post ikun ukoll dak tas-sede tal-entità pubblika (41).

56.      Jista’ jiġi argumentat li l-fatt li tkun permessa f’dawn it-termini l-azzjoni proċedurali tal-organi pubbliċi ma jiffavorixxix lill-kreditur innifsu; lanqas ma huwa probabbli li b’dan il-mod jiġi inċentivat il-ħlas ta’ ħlasijiet bil-quddiem fir-rigward tad-dritt ta’ manteniment tal-kreditur. Infakkar li dan kien ġie allegat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża Blijdenstein u li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument, filwaqt li enfasizzat li l-organi pubbliċi jagħtu ħlasijiet bil-quddiem bi twettiq tal-obbligi legali tagħhom (42).

57.      Ir-Regolament Nru 4/2009 jiffoka, l-ewwel nett, fuq il-kreditur persuna fiżika, iżda dan ma jfissirx li, bilfors, dan jillimita l-għan li jiġi żgurat l-irkupru tal-krediti (f’każijiet transkonfinali) għal dawk li huma dovuti lil dan il-kreditur, meta tkun seħħet surroga legali favur entità pubblika.

58.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li qiegħed nissuġġerixxi ssaħħaħ il-protezzjoni tal-kreditur, billi tagħti lir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 ċertu effett dissważiv fir-rigward tad-debitur, li jkun konxju mill-fatt li huwa jista’ jiġi mħarrek barra mir-residenza abitwali tiegħu, inkluż minn entità pubblika.

59.      B’dan il-mod ikun hemm bidla kwalitattiva fir-rigward tax-xenarju preċedenti, previst fis-sentenza Blijdenstein. F’dik is-sitwazzjoni, filwaqt li l-entità pubblika kienet tipprovdi l-benefiċċji ta’ għajnuna lill-kreditur ta’ manteniment, id-debitur (imħarrek għaliex ma kienx iħallashom) ibbenefika mill-vantaġġ tal-forum. Dan l-iżbilanċ jista’, u għandu, jiġi kkoreġut.

60.      Hekk kif diġà ġie indikat (43) fil-kummenti relatati mas-sentenza Blijdenstein u hekk kif ifakkru l-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-fatt li l-entità pubblika tiġi pprojbita milli tressaq it-talba tagħha fil-post ta’ residenza tal-kreditur tal-manteniment ma jinċentivax lid-debitur iwettaq, b’mod volontarju, l-obbligi tiegħu (44).

4.      Argumenti addizzjonali oħra

61.      Favur l-argument li qiegħed nipproponi timmilita raġuni oħra, forsi ta’ inqas importanza teoretika, madankollu ta’ traxxendenza prattika: li jiġi żgurat li, sa fejn ikun possibbli, il-qorti tapplika l-liġi tagħha stess.

62.      Invokat ukoll fil-kuntest tas-sentenza Blijdenstein (45), dan l-argument ma kienx għaldaqstant ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dak iż-żmien ma kienx jeżisti strument dwar il-liġi applikabbli fil-qasam ta’ obbligu ta’ manteniment komuni għall-Istati Membri (46).

63.      Illum, fir-rigward ta’ dawn l-Istati (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) japplika l-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment, approvat mill-Unjoni, li l-Artikolu 3 tiegħu jipprevedi, bħala regola, l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment (47).

64.      Bl-istess mod, il-fatt li l-entità pubblika titħalla tressaq talba fil-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment iwassal għall-paralleliżmu forum/ius, għaliex, hekk kif diġà indikajt, normalment dan il-post ikun ukoll is-sede tal-entità. Infakkar li, skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 4/2009, “[i]d-dritt ta’ korp pubbliku li jaġixxi minflok individwu li lilu huwa dovut manteniment jew li jfittex ir-rimborż ta’ benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għaliha huwa soġġett il-korp”.

65.      Fl-aħħar nett, il-fatt li f’dawn il-każijiet jiġi aċċettat bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni dak tar-residenza abitwali tal-kreditur huwa ġġustifikat għal raġunijiet proċedurali ta’ prossimità u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, bl-istess mod bħall-forum tar-residenza abitwali tad-debitur: huma alternattivi għal xi raġuni. Dawn ir-raġunijiet ma jispiċċawx meta ma jkunx il-kreditur innifsu li jkun qiegħed iressaq it-talba, iżda persuna oħra (pubblika) li ssurrogat fid-drittijiet tiegħu.

66.      Il-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-kreditur tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina l-ħtiġijiet ta’ dan tal-aħħar; għalhekk, hija tinsab ukoll fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina dak li tista’, b’mod partikolari, titlob l-entità ssurrogata fil-kreditu tal-kreditur ta’ manteniment (48).

5.      Konsegwenzi fuq id-debitur?

67.      Fl-aħħar nett, inżid preċiżazzjoni dwar l-effetti, fir-rigward tad-debitur, tal-fatt li l-organu pubbliku ssurrogat fil-kreditu tal-kreditur jista’ jressaq talba fl-Istat tar-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar. Għaliha jirreferu wkoll il-partijiet li intervenew fil-proċedura preliminari.

68.      Il-fatt li tiġi aċċettata din il-possibbiltà ma jpoġġix lid-debitur konvenut f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ addizzjonali: il-qorti adita bit-talba imressqa kontrih tkun, fl-aħħar mill-aħħar, l-istess bħal dik li setgħet tiġi adita mill-kreditur ta’ manteniment, bħala persuna kkonċernata direttament.

D.      Kunsiderazzjonijiet sussidjarji

69.      Jekk, kontra l-argument li qiegħed insostni, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tikkonferma l-linja tas-sentenza Blijdenstein, naħseb, sussidjarjament, li hija jkollha tippreċiża l-portata tagħha f’żewġ aspetti:

–        il-forum tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment ma għandux ikun limitat għall-azzjoni li huwa jressaq personalment (49). Tali limitazzjoni, fil-qari l-iktar litterali tagħha, twassal għar-riżultat illoġiku li jiġi eskluż, pereżempju, fir-rigward tal-kustodju legali tal-persuna inabilitata (il-kustodju jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika) il-benefiċċju li jkun jista’ jitlob manteniment fil-post ta’ residenza abitwali tal-persuna taħt kustodja;

–        ma għandux jiġi kkonfermat li “il-kreditur ta’ manteniment, li l-ħtiġijiet tiegħu tkoprew permezz tal-benefiċċji ta’ dan l-organu pubbliku, ma jinsabx iktar f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja” (50). Din l-affermazzjoni tista’ twassal sabiex il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni jkun jiddependi fuq ir-riżorsi tar-rikorrent (jew il-kreditur ta’ manteniment, jew it-terz li jissuroga fil-kreditu tiegħu, kemm jekk dan ikun persuna fiżika kif ukoll jekk dan ikun persuna ġuridika), sakemm ikollha tiġi evalwata, każ b’każ, is-sitwazzjoni ta’ prekarjetà tiegħu.

V.      Konklużjoni

70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja lill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

“L-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandu jiġi interpretat fis-sens li organu pubbliku li pprovda benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil kreditur ta’ manteniment u li ssurroga legalment fil-kreditu ta’ manteniment, jista’ jitlob il-ħlas ta’ dan id-debitu mingħand min għandu l-obbligu jħallsu permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru, quddiem il-qrati tal-Istat fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, fil-ĠU 2013, L 281, p. 29).


3      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2004 (C‑433/01, EU:C:2004:21; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Blijdenstein”).


4      Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968” jew il-“Konvenzjoni tal‑1968”).


5      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


6      Kodiċi Ċivili (iktar ’il quddiem il-“BGB”).


7      Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem, is-“SGB XII”).


8      L-affermazzjoni hija inkluża fl-Abbozz ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, C 12, p. 1), li wassal għall-ewwel xogħlijiet għal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment.


9      Hekk kif jispjega r-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni tal‑1968 (ĠU 1979, C 59, p. 1), ir-regola ġiet stabbilita bħala estensjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑15 ta’ April 1958 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam tal-obbligu ta’ manteniment.


10      Programm ta’ Den Haag: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 53, p. 1).


11      Ara l-Artikolu 76 tiegħu. Ir-Regolament daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Jannar 2009; id-data ta’ applikazzjoni sħiħa hija t‑18 ta’ Ġunju 2011, il-mument li fih bdiet l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.


12      Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, A (C‑184/14, EU:C:2015:479); tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V (C‑499/15, EU:C:2017:118); u tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligu ta’ manteniment) (C‑468/18, EU:C:2019:666; iktar ’il quddiem is-“sentenza R”). Ara wkoll id-digrieti tas‑16 ta’ Jannar 2018, PM (C‑604/17, EU:C:2018:10); u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, OF (Divorzju li jaffettwa lil minuri) (C‑759/18, EU:C:2019:816).


13      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Sanders u Huber”).


14      Lipp, V., “Vorbemerkung zu Artikel 3 Verordnung (EG) Nr. 4/2009 des Rates über die Zuständigkeit, das anwendbare Recht, die Anerkennung und Vollstreckung von Entscheidungen und die Zusammenarbeit in Unterhaltssachen (EG-UntVO)”, Münchener Kommentar FamFG, Vol. 2, it-tielet edizzjoni, 2019, punti 29 et seq.


15      L-entità pubblika ma tistax tirrikorri għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 għar-rimbors ta’ ammonti li hija kienet ħallset għal kunċetti differenti mill-manteniment.


16      Sentenza Blijdenstein, punt 28 u, fi kliem ieħor, id-dispożittiv.


17      Ibidem, punt 25.


18      Ibidem, punt 30. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “barra minn hekk, il-kreditur ta’ manteniment, li l-ħtiġijiet tiegħu tkoprew permezz tal-benefiċċji ta’ dan l-organu pubbliku, ma jinsabx iktar f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja”. Dwar il-konvenjenza li ma tiġix imtennija din l-affermazzjoni ara iktar ’il quddiem, il-punt 69.


19      Ibidem, punt 29.


20      Ibidem, punt 31.


21      Sentenza Sanders u Huber, punt 23.


22      Sentenza Sanders u Huber, punt 28; u sentenza R, punt 30. It-tnejn li huma jirreferu għall-punt 29 tas-sentenza Blijdenstein.


23      Huwa possibbli li xi wħud minnhom, separatament, ma humiex sodi biżżejjed sabiex joħolqu bidla fil-ġurisprudenza.


24      Hekk kien indika l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑4 ta’ Settembru 2014 fil-kawżi Sanders u Huber (C-400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2171, punti 37 u 41): l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-istrumenti preċedenti ma tistax issir b’mod mekkaniku.


25      Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 4/2009 tirreferi għal din il-bidla u tindirizza l-konsegwenzi tagħha fir-rigward tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni: eliminati s-sistemi nazzjonali li jifdal, huwa essenzjali li r-regolament stess jikkompleta l-korp ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni, billi jipprevedi fir-rigward tiegħu kriterji sussidjarji (Artikoli 6 u 7).


26      L-inkonvenjenzi sabiex tinkiseb din il-protezzjoni jistgħu, min-naħa tagħhom, ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq l-għanijiet tar-regolament stess: ara iktar ’il quddiem, il-punti 54 et seq.


27      Osservazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni, paragrafu 20. Ara, fid-duttrina, Lipp, V, loc. ult. cit., punt 32.


28      Lil hinn mill-konsegwenzi li jirriżultaw mit-tressiq ta’ kawża barra mill-pajjiż, komuni għal kull rikorrent, organu pubbliku jista’ jiltaqa’ ma’ ostakoli marbuta preċiżament man-natura pubblika tiegħu.


29      Fatt li jimplika li, bħala regola, l-eżekuzzjoni tas-sentenza teħtieġ dikjarazzjoni minn qabel tas-saħħa eżekuttiva (exequatur), normalment suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, ta’ kompatibbiltà ma’ deċiżjonijiet preċedenti, ta’ assenza ta’ proċedura oħra pendenti dwar l-istess suġġett jew marbuta miegħu fil-forum, ta’ nuqqas ta’ kuntrarjetà mal-ordni pubbliku tal-forum u, xi drabi, ta’ stħarriġ tal-liġi applikata fir-rigward tal-mertu tal-kawża.


30      Hawnhekk qiegħed nirreferi esklużivament għar-relazzjoni bejn il-forum tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009.


31      Din il-karatteristika partikolari tar-Regolament Nru 4/2009 diġà kienet ġiet enfasizzata mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2171), punt 62.


32      Iktar ’il fuq, punt 34.


33      Punti 28 sa 33, b’mod partikolari l-punt 30.


34      Lanqas fil-Konvenzjoni ta’ Brussell jew fir-Regolament Nru 44/2001. Ir-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni jirreferi għar-“rikorrent” u mhux għall-“kreditur” (p. 25).


35      Ara fid-duttrina, per eżempju, Lipp, V., loc. ult. cit., paragrafu 30.


36      Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment (COM(2005)0649 – C6-0079/2006 – 2005/0259(CNS)), P6_TA(2007)0620, emendi 19 u 21 għall-Proposta tal-Kummissjoni.


37      Ara d-Dokument 14066/08 (Add. 1) tal‑21 ta’ Ottubru 2008, bil-proposta tal-Kunsill, approvata permezz tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal‑4 ta’ Diċembru 2008, P6_TA(2008)0574.


38      “Dan ir-Regolament għandu jipprevedi li t-terminu ‘kreditur’ għandu jinkludi, għall-finijiet ta’ talba ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment, il-korpi pubbliċi li għandhom id-dritt li jaġixxu minflok persuna li lilha huwa dovut manteniment jew li jitolbu r-rimborż tal-benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok il-manteniment […]”.


39      L-Artikolu 64 huwa direttament immudellat fuq l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑23 ta’ Novembru 2007, dwar l-irkupru internazzjonali ta’ appoġġ tat-tfal u forom oħrajn ta’ manteniment familjari: ara d-Dokument 14066/08 (Add. 1) tal‑21 ta’ Ottubru 2008 - li rreferejt għalih fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 – li jinkludi l-proposta tal-Kunsill, Artikolu 47b, illum l-Artikolu 64. L-artikolu tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag imsemmi jirriproduċi min-naħa tiegħu (b’xi differenzi) l-Artikoli 18 u 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi relatati mal-obbligu ta’ manteniment. Il-klassifikazzjoni tal-entitajiet pubbliċi bħala “kredituri” f’dan il-kuntest hija intiża li tawtorizzahom jirrikorru għall-intermedjazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali.


40      Ara l-premessa 45; oħrajn preċedenti, bħall-premessa 22 jew il-premessa 31, jirrelataw l-istess għan ma’ soluzzjonijiet jew partijiet speċifiċi tar-Regolament.


41      L-argument, li jinsab ukoll fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġernamiż (paragrafu 20), għandu forsi jiġi ppreċiżat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, ta’ spiss, il-patrimonju tad-debitur ikun jinsab fi Stat ieħor. Fi kwalunkwe każ, l-entità pubblika – jew kwalunkwe rikorrent – li tiġi permessa tadixxi lill-qrati tas-sede tagħha stess, li tikkoinċidi mar-residenza abitwali tal-kreditur stess, tikseb ħafna iktar faċilment titolu eżekuttiv.


42      Sentenza Blijdenstein punt 33.


43      Ara Álvarez González, S., “Acción de regreso alimenticio y competencia judicial internacional: un nuevo paso en la progresiva delimitación del artículo 5.2 del Convenio de Bruselas”, La Ley-Unión Europea, Sena XXV, Nru 6116, paragrafu 5, b’referenzi oħra.


44      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, paragrafu 25, u tal-Gvern Spanjol, paragrafu 26.


45      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano, tal‑10 ta’ April 2003, fil-kawża Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2003:231), punti 28 u 29. Huwa stess ikklassifika dawn l-argument bħala “anċillari”.


46      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment kienet fis-seħħ fi 11-il Stat Membru.


47      Sabiex jiżgura il-paralleliżmu forum/ius, il-Protokoll dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment, konkluż f’Den Haag fit‑23 ta’ Novembru 2007, jipprevedi fl-Artikolu 4(3) tiegħu li, “[m]inkejja l-Artikolu 3, jekk il-kreditur diġà jkun irrikorra għall-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-liġi tal-forum għandha tapplika […]”. Madankollu dan ma jeskludix soluzzjonijiet oħra ispirati minn għanijiet oħra.


48      Hekk kif jindika l-punt 50 tas-setnenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ kreditu ta’ manteniment) (C‑41/19, EU:C:2020:425), li jirreferi għall-punt 80 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek tas‑27 ta’ Frar 2020 (C‑41/19, EU:C:2020:132), l-intervent ta’ organu pubblika jaffettwa l-mod ta’ kif id-debitu jiġi mħallas; ma għandux impatt fuq is-sustanza tad-deċiżjoni dwar il-manteniment, li tibqa’ intatta.


49      Supra, punt 33.


50      Sentenza Blijdenstein, punt 30.