Language of document : ECLI:EU:C:2009:715

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Novembru 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri xierqa sabiex jiġu eliminati l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ Stati terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE – Ftehim bilaterali konklużi mir-Repubblika tal-Finlandja mal-Federazzjoni Russa, mar-Repubblika tal-Bjelorussja, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka u mar-Repubblika tal-Użbekistan fil-qasam tal-investimenti”

Fil-Kawża C‑118/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-20 ta’ Frar 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Huttunen, H. Støvlbæk u B. Martenczuk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tar-Raba’ Awla, Aġent President tat-Tieni Awla, C. Toader, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex telimina inkompatibbiltajiet bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tat-trasferiment ta’ kapital u d-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali dwar l-investiment għall-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproka tal-investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Finlandja, rispettivament, ma dik li qabel kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi u li s-suċċesur legali tagħha hija l-Federazzjoni Russa (ftehim iffirmat fit-8 ta’ Frar 1989, SopS 58/1991), mar-Repubblika tal-Bjelorussja, (ftehim iffirmat fit-28 ta’ Ottubru 1992, SopS 89/1994), mar-Repubbblika Popolari taċ-Ċina (ftehim iffirmat fl-4 ta’ Settembru 1984, SopS 4/1986), mal-Malasja (ftehim iffirmat fil-15 ta’ April 1985, SopS 79/1987), mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka (ftehim iffirmat fis-27 ta’ April 1985, SopS 54/1987) u mar-Repubblika tal-Użbekistan (ftehim iffirmat fl-1 ta’ Ottubru 1992, SopS 74/1993, iktar ’il quddiem, flimkien, il-“ftehim bilaterali kontenzjużi”), ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Repubblika tal-Finlandja kkonkludiet il-ftehim bilaterali kontenzjużi qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

3        Dawn il-ftehim daħlu fis-seħħ, rispettivament, fir-rigward tal-Federazzjoni Russa fil-15 ta’ Awwissu 1991, tar-Repubblika tal-Bjelorussja fil-11 ta’ Diċembru 1994, tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fis-16 ta’ Jannar 1986, tal-Malasja fit-3 ta’ Jannar 1988, tar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka fil-25 ta’ Ottubru 1987 u, fl-aħħar nett, fir-rigward tar-Repubblika tal-Użbekistan fit-22 ta’ Ottubru 1993.

4        Dawn il-ftehim jiggarantixxu lill-investituri ta’ kull parti kontraenti l-libertà ta’ trasferiment, f’munita liberament konvertibbli, ta’ pagamenti konnessi ma’ investiment.

5        Dawn il-ftehim kollha, ħlief għal dak konkluż mal-Federazzjoni Russa, jinkludu klawżola li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-investimenti fil-limiti awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-parti kontraenti. Bħala eżempju, il-ftehim konkluż mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka jinkludi l-klawżola li ġejja: “Kull parti kontraenti tiggarantixxi fi kwalunkwe każ, trattament raġonevoli u xieraq għall-investimenti magħmula minn ċittadini jew kumpanniji tal-parti kontraenti l-oħra, u dan fil-limiti tal-liġijiet u d-digrieti tagħha stess u b’konformita mad-dritt internazzjonali”.

 Il-proċedura prekontenzjuża

6        Billi qieset li l-ftehim bilaterali kontenzjużi setgħu jostakolaw l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, il-Kummissjoni bagħtet, fis-7 ta’ Mejju 2004, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Finlandja.

7        Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2004, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni. Huwa sostna li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi ta’ dawn il-ftehim ma jostakolawx l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE.

8        Billi qieset li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Finlandja kienu insuffiċjenti, il-Kummissjoni bagħtitilha opinjoni motivata fis-16 ta’ Marzu 2005.

9        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika tal-Finlandja bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata. Hija baqgħet issostni l-argumenti preċedenti tagħha.

10      Peress li kkunsidrat li dawn l-argumenti ma kinux jippermettu li jiġu kkonfutati l-ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

11      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Finlandja.

 Fuq ir-rikors

12      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li huwa paċifiku li wieħed mill-ftehim bilaterali ma jinkludix klawżola partikolari bħal dik imsemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, li, skont ir-Repubblika tal-Finlandja, jippermettilha f’kull każ li tissodisfa l-obbligi Komunitarji tagħha. Il-ħames ftehim l-oħra jinkludu t-tali klawżola.

13      F’dan il-kuntest, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi eżaminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, il-ftehim li ma jinkludix it-tali klawżola, imbagħad, fit-tieni lok, dawk li jinkluduha.

14      Fit-tielet lok, ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti ġenerali tal-partijiet li jirreferu għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u għall-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Fir-rigward tal-ftehim konkluż mal-Federazzjoni Russa

 L-argumenti tal-partijiet

15      Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas, b’mod partikolari, fil-ftehim inkwistjoni, ta’ kull dispożizzjoni li tippermetti lir-Repubblika tal-Finlandja tapplika restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital u fuq il-pagamenti li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu deċiżi mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jista’ jwassal sabiex dan l-Istat Membru ma josservax l-obbligi Komunitarji tiegħu. Il-Kummissjoni tqis ukoll li, billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex telimina kull sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà mat-Trattat, dan l-Istat naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

16      Ir-Repubblika tal-Finlandja, bħall-Istati Membri intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħha, issostni li, fin-nuqqas ta’ kull miżura restrittiva meħuda mill-Kunsill fir-rigward tal-Istati terzi li magħhom hija kkonkludiet ftehim dwar l-investiment, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-ftehim inkwistjoni ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li ma kienet suġġetta għal ebda applikazzjoni ma tirriżultax ladarba ma jeżistux “inkompatibilità li tista’ tinstab” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307. B’hekk, in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni huwa ta’ natura purament ipotetika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu li l-Istati Membri għandhom li jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jeliminaw l-“inkompatibilità li tista’ tinstab” jeżisti biss minn meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonstatat minn qabel ir-realtà ta’ dawn l-inkompatibbiltajiet.

17      Barra minn hekk, l-Istati Membri intervenjenti jsostnu li l-miżuri ta’ salvagwardja msemmija fl-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, jistgħu jiġu implementati biss f’każijiet eċċezzjonali li ma setgħux jiġu previsti waqt il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Finlandja tista’ tuża l-prinċipju rebus sic stantibus u tissospendi provviżorjament id-dispożizzjonijiet kontenzjużi relatati mal-libertà ta’ trasferiment fil-każ fejn il-Komunità tadotta miżuri ta’ salvagwardja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Il-ftehim bilaterali dwar l-investiment inkwistjoni, konkluż mir-Repubblika tal-Finlandja, jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, ta’ pagamenti konnessi ma’ investiment f’munita liberament konvertibbli.

19      B’hekk huma ggarantiti, b’mod partikolari, it-trasferiment liberu tal-fondi sabiex jinħoloq, jiġi ġestit jew estiż investiment, il-libertà li jintbagħat lura d-dħul magħmul minn dan l-investiment, kif ukoll il-libertà li jiġu ttrasferiti l-fondi neċessarji għar-rimbors ta’ self u l-fondi li jirriżultaw mil-likwidazzjoni jew mit-trasferiment tal-imsemmi investiment.

20      F’dan il-kuntest, dan il-ftehim huwa konformi mal-Artikolu 56(1) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi [għandha] tkun projbita”, u mal-Artikolu 56(2) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita”.

21      Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija minn dan ir-rikors tal-Kummissjoni jagħtu lill-Kunsill is-setgħa li jillimita, f’ċerti ċirkustanzi, il-moviment tal-kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, li fosthom jinsabu l-movimenti koperti mill-klawżoli ta’ trasferiment inkwistjoni.

22      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jinsabu fl-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jintroduċu, bil-għan li jiġi protett l-interess ġenerali tal-Komunità u sabiex jippermettu lil din tal-aħħar tissodisfa, jekk ikun il-każ, l-obbligi internazzjonali tagħha u dawk tal-Istati Membri, eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.

23      L-Artikolu 57(2) KE jippermetti lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-moviment ta’ kapital b’mod partikolari fir-rigward tal-investimenti diretti lejn jew mill-Istati terzi. Meta dawn il-miżuri jikkostitwixxu “pass lura” fil-liġi Komunitarja fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn Stati terzi, l-unanimità hija meħtieġa.

24      L-Artikolu 59 KE jawtorizza lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jiġi kkonsultat il-Bank Ċentrali Ewropew, jadotta miżuri ta’ salvagwardja meta l-moviment ta’ kapital lejn jew minn Stati terzi “joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja”, jekk dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u jkunu fuq perijodu ta’ “mhux aktar minn sitt xhur”.

25      Bil-għan li tiġi implementata pożizzjoni jew azzjoni komuni fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, l-Artikolu 60(1) KE jippermetti lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jieħu “miżuri urġenti u neċessarji” fir-rigward tal-movimenti tal-kapital u tal-pagamenti. Din l-azzjoni tista’ tirriżulta neċessarja, pereżempju, sabiex tiġi eżegwita riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

26      Huwa paċifiku li l-ftehim bilaterali msemmi ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tirriżerva dawn il-possibbiltajiet ta’ limitazzjoni, mill-Komunità, ta’ movimenti ta’ fondi konnessi mal-investimenti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Finlandja kinitx, għal din ir-raġuni, obbligata li tieħu l-miżuri xierqa li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

27      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma għandhomx inċidenza fuq id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjoni konkluża qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru bejn dan tal-aħħar u Stat terz. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 8; tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/98, Ġabra p. I-5215, punt 53, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2003, Budĕjovický Budvar, C-216/01, Ġabra p. I-13617, punti 144 u 145).

28      Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiġu eliminati l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati bejn il-konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjoni tagħhom u d-dritt Komunitarju. Skont din id-dispożizzjoni, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan, u jekk ikun il-każ, għandhom jadottaw linja komuni.

29      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jagħtu lill-Kunsill kompetenza sabiex jillimita, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-movimenti ta’ kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.

30      Sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa neċessarju li l-miżuri li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital, fil-każ fejn jiġu adottati mill-Kunsill, ikunu jistgħu jiġu applikati immedjatament fir-rigward tal-Istati li huma jikkonċernaw.

31      Għaldaqstant u hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-3 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑205/06, Ġabra p. I‑1301, punt 37) u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑249/06, Ġabra p. I‑1335, punt 38), dawn il-kompetenzi tal-Kunsill, li jikkonsistu fl-adozzjoni unilaterali ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tal-Istati terzi f’qasam li huwa identiku jew konness ma’ dak irregolat minn ftehim preċedenti konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, juru inkompatibbiltà mal-imsemmi ftehim meta, minn naħa, dan ma jipprovdix dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jeżerċita d-drittijiet tiegħu u jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala membru tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, meta dan lanqas ma jkun permess minn xi mekkaniżmu ta’ dritt internazzjonali.

32      Issa, fir-rigward tal-ftehim imsemmi iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Finlandja ma tinvoka ebda mekkaniżmu tali li jippermettilha tissodisfa l-obbligi Komunitarji tagħha. Barra minn hekk, f’kull każ, il-possibbiltà, invokata mill-Istati intervenjenti, li jittieħdu miżuri oħra offerti mid-dritt internazzjonali bħas-sospensjoni, jew saħansitra t-terminazzjoni, tal-ftehim inkwistjoni jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha hija wisq inċerta fl-effetti tagħha sabiex tiggarantixxi li l-miżuri meħuda mill-Kunsill ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod utli u fit-termini meħtieġa.

33      Huwa paċifiku li, fil-każ imsemmi, ir-Repubblika tal-Finlandja ma ħadet ebda pass, fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, fir-rigward tal-Istat terz ikkonċernat sabiex telimina r-riskju ta’ kunflitt li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni mal-miżuri li l-Kunsill jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE.

34      Għandu jingħad ukoll li, hekk kif ġie kkonstatat fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, l-inkompatibbiltajiet mat-Trattat li jirriżultaw mill-ftehim dwar l-investiment ma’ Stati terzi u li jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital u l-pagamenti li jista’ jadotta l-Kunsill taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE ma humiex limitati għall-Istat Membru konvenut f’din il-kawża.

35      Għandu, konsegwentement, jiġi indikat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin bil-għan li jiġu eliminati l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati bejn il-konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri qabel l-adeżjoni tagħhom u d-dritt Komunitarju, u, jekk ikun il-każ, għandhom jadottaw linja komuni. Fil-kuntest tar-responsabbiltà li l-Kummissjoni għandha taħt l-Artikolu 211 KE, li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, hija għandha tieħu kull inizjattiva li tista’ tiffaċilita l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri kkonċernati kif ukoll l-adozzjoni mill-imsemmija Stati Membri ta’ linja komuni.

 Fir-rigward tal-ftehim konklużi mar-Repubblika tal-Bjelorussja, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mar-Repubblika Deomokratika Soċjalista tas-Sri Lanka u mar-Repubblika tal-Użbekistan

 L-argumenti tal-partijiet

36      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet partikolari, bħal dawk li jinsabu fil-klawżola msemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza u li għaliha tirreferi r-Repubblika tal-Finlandja fir-rigward tal-ftehim imsemmija iktar ’il fuq, jirreferu għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati li huma partijiet f’dawn il-ftehim hekk kif kienu fis-seħħ meta ġew konklużi, jiġifieri, f’dan il-każ, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja mal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis, għaldaqstant, li dawn id-dispożizzjonijiet, fihom innifishom, ma jagħtux lil dan l-Istat Membru l-possibbiltà li jimplementa mingħajr dewmien il-miżuri restrittivi li l-Komunità tista’ tasal tadotta.

37      Bil-kontra, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Repubblika tal-Litwanja jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati peress li l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill, bis-saħħa tal-effett dirett tad-dritt Komunitarju, jkunu jagħmlu parti mil-leġiżlazzjoni Finlandiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’hekk, ma hemmx inkompatibbiltà mat-Trattat fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Għandu jiġi osservat li, hekk kif issostni ġustament ir-Repubblika tal-Finlandja, il-miżuri restrittivi li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE, u 60 KE, jkunu jagħmlu parti mis-sistema legali Finlandiża. Madankollu ma jidhirx b’mod ċar li, fir-rigward tal-ftehim bilaterali dwar l-investiment inkwistjoni, tali miżuri jkunu jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali Finlandiża.

39      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ftehim internazzjonali għandu jiġi interpretat skont it-termini li fihom inkiteb kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikoli 31 tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna, tat-23 ta’ Mejju 1969, fuq id-dritt tat-trattati, u, tal-21 ta’ Marzu 1986, fuq id-dritt tat-trattati bejn l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jesprimu f’dan is-sens id-dritt internazzjonali konswetudinarju ġenerali, jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tiegħu (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 35, kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 40).

40      Minn din il-perspettiva, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijet tal-ftehim bilaterali inkwistjoni, ikkontestati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandhom l-għan li jiżguraw il-libertà tal-pagamenti relatati mal-investimenti, u dan fl-iqsar żmien possibbli.

41      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżola li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-investimenti fil-limiti awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-parti kontraenti li tinsab fil-ftehim bilaterali inkwistjoni, tippermettix li parti jew oħra tillimita l-faċilitajiet ta’ pagament biex timplementa deċiżjonijiet – nazzjonali jew oħrajn – meħuda wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim jagħti minn tal-inqas lok għal diskussjoni, fuq kollox meta fir-rigward ta’ ċerti ftehim huwa ppreċiżat ukoll li kull parti kontraenti għandha timxi “skont id-dritt internazzjonali”.

42      B’hekk, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali inkwistjoni li fuqhom tibbaża ruħha r-Repubblika tal-Finlandja biex issostni li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, hija tinsab f’pożizzjoni li tissodisfa b’mod sħiħ, jekk ikun il-każ, l-obbligi Komunitarji tagħha li jistgħu jirriżultaw mill-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill ta’ miżuri ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma jidhrux li jiggarantixxu li għandu jkun hekk, ġaladarba l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija wisq inċerta u li, barra minn hekk, l-istess jgħodd fir-rigward tal-portata u tal-effetti tagħhom.

43      Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali inkwistjoni invokati mir-Repubblika tal-Finlandja ma humiex biżżejjed sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà tal-ftehim ikkontestati mill-Kummissjoni mal-Artikolu 307 KE.

 Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE

 L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Ungerija jsostnu li l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-ftehim bilaterali kontenzjużi mat-Trattat, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, tmur kontra “l-prinċipju ta’ kompetizzjoni fis-suq intern u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, peress li r-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll iċ-ċittadini u l-impriżi tal-Unjoni li huma koperti mil-ftehim konklużi minn dan l-Istat Membru jkunu żvantaġġati meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra kif ukoll maċ-ċittadini u mal-impriżi koperti minn konvenzjonijiet dwar l-investiment li ma ġewx ikkritikati mill-Kummissjoni.

45      Il-Kummissjoni ssostni li l-paragun magħmul fil-konfront ta’ ftehim dwar l-investiment konklużi minn Stati Membri oħra ma huwiex rilevanti, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat biċ-ċirkustanza li Stati Membri oħrajn naqsu wkoll milli jwettqu l-obbligi tagħhom.

46      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Finlandja, sostnuta mir-Repubblika tal-Ungerija, tinsisti fuq il-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn din tippermetti li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE f’kull każ fejn konvenzjoni – konkluża ma’ Stat terz qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat jew qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru, skont il-każ – tirregola qasam li fih il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx il-kompetenzi li hija għandha taħt it-Trattat. Din l-interpretazzjoni tagħti portata illimitata lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, u dan huwa kontestabbli kemm mill-aspett taċ-ċertezza legali kif ukoll mill-aspett tal-kondiviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri u tkisser l-ekwilibriju maħluq mill-ewwel u mit-tieni paragrafi tal-Artikolu 307 KE.

47      Il-Kummissjoni ssostni li hija qatt ma allegat li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri taħt l-Artikolu 307 KE fl-oqsma kollha li fihom il-Komunità tista’ tadotta miżuri leġiżlattivi iktar ’il quddiem. Hija tammetti li barra minn hekk ma huwiex possibbli li teżiġi dan peress li l-kontenut tal-atti leġiżlattivi li jistgħu jiġu adottati fl-oqsma differenti ma huwiex, bħala tali, prevedibbli. Hija ssostni madankollu li dan ma jgħoddx fir-rigward tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE li jagħtu lill-Kunsill kompetenza ddefinita b’mod preċiż ħafna fil-qasam tar-restrizzjoni tal-movimenti ta’ kapital u ta’ tranżazzjonijet ta’ pagament fil-konfront ta’ Stati terzi u, fil-każ fejn jiġu adottati tali miżuri, jobbligaw lill-Istati Membri japplikawhom b’effett immedjat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li Stat Membru ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat biċ-ċirkustanza li Stati Membri oħra naqsu wkoll mill-obbligi tagħhom. Fil-fatt, fis-sistema legali Komunitarja stabbilita mit-Trattat, l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ reċiproċità. L-Artikoli 226 KE u 227 KE jipprovdu r-rimedji xierqa kontra n-nuqqasijiet tal-Istati Membri li jwettqu obbligi li jirriżultaw mit-Trattat (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 1990, Blanguernon, C‑38/89, Ġabra p. I‑83, punt 7, u tad-29 ta’ Marzu 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑163/99, Ġabra p. I‑2613, punt 22).

49      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li jekk jintlaqa’ r-rikors tal-Kummissjoni dan ikun ifisser li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jingħata portata wisq wiesgħa, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li din is-sentenza mkien ma tippreġudika l-obbligi tal-Istati Membri f’ċirkustanzi oħra filwaqt li tieħu l-inkarigu li tikkonstata li, hekk kif ġie preċedentement espost, l-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lill-Kunsill fil-qasam tal-moviment tal-kapital jistgħu jkunu ostakolati mill-eżistenza nnifisha tal-ftehim bilaterali inkwistjoni u mill-kliem li bihom ġew redatti.

50      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex telimina l-inkompatibbiltajiet bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tat-trasferiment ta’ kapital u d-dispożizzjonijiet fl-istess qasam li jinsabu fil-ftehim bilaterali kontenzjużi, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Finlandja tilfet hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

52      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi naqset milli tieħu l-miżuri xierqa sabiex telimina inkompatibbiltajiet bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tat-trasferiment ta’ kapital u d-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali dwar l-investiment għall-promozzjoni u l-protezzjoni reċiproka tal-investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Finlandja, rispettivament, ma dik li qabel kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi u li s-suċċesur legali tagħha hija l-Federazzjoni Russa (ftehim iffirmat fit-8 ta’ Frar 1989), mar-Repubblika tal-Bjelorussja, (ftehim iffirmat fit-28 ta’ Ottubru 1992), mar-Repubbblika Popolari taċ-Ċina (ftehim iffirmat fl-4 ta’ Settembru 1984), mal-Malasja (ftehim iffirmat fil-15 ta’ April 1985), mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka (ftehim iffirmat fis-27 ta’ April 1985) u mar-Repubblika tal-Użbekistan (ftehim iffirmat fl-1 ta’ Ottubru 1992), ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE

2)      Ir-Repubblika tal-Finlandja hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.