Language of document : ECLI:EU:C:2009:525

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawża C‑118/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja

“Ftehim bilaterali dwar l-investiment – Artikolu 307 KE”





1.        Qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, il-Finlandja kkonkludiet ftehim bilaterali dwar l-investiment mal-Federazzjoni Russa (2), mal-Belarus (3), maċ-Ċina (4), mal-Malasja (5), mas-Sri Lanka (6), u mal-Użbekistan (7). Dawn il-ftehim jiggarantixxu, lill-investituri ta’ kull parti, il-libertà fuq it-trasferiment ta’ pagamenti relatati mal-investiment f’munita liberament konvertibbli (8).

2.        Il-Kummissjoni hija tal-fehma li tali moviment liberu ta’ kapital mingħajr restrizzjoni huwa inkompatibbli mal-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE, li jipprovdu l-possibbiltà li l-Kunsill, f’ċerti ċirkustanzi, jirrestrinġi l-movimenti ta’ kapital u ta’ pagamenti lejn jew minn pajjiżi terzi. Hija tqis li l-Finlandja kellha tinnegozja mill-ġdid dawk il-ftehim skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE biex tagħmilhom konformi mad-dritt Komunitarju u biex tistabbilixxi mekkaniżmi li jippermettu lill-Kunsill jiddeċiedi dwar restrizzjonijiet potenzjali oħra fil-futur.

3.        Għaldaqstant, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi ma ħaditx il-miżuri opportuni biex tneħħi dawn l-inkompatibbiltajiet, il-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

4.        Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu simili kontra l-Awstrija u l-Isvezja. Is-sentenza f’dawk il-kawżi ngħatat fit-3 ta’ Marzu 2009 (9). Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda sostanzjalment l-istess kwistjonijiet li kienu inkwistjoni f’dawk il-kawżi.

5.        Għaldaqstant l-analiżi tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet ser tkun ibbażata essenzjalment fuq dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dawk iż-żewġ sentenzi. Madankollu ser nittratta b’mod speċifiku l-kwistjoni l-ġdida li qamet f’din il-kawża, jiġifieri l-impatt ta’ klawżola li tiggarantixxi l-protezzjoni għall-investiment fil-limiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-parti kontraenti (iktar ’il quddiem il-“klawżola kkontestata”) li ddaħħlet mill-Finlandja fil-ftehim inkwistjoni: (10)

“Kull parti kontraenti tiggarantixxi fi kwalunkwe każ, trattament raġonevoli u xieraq għall-investimenti magħmula minn ċittadini jew kumpanniji tal-parti kontraenti l-oħra, u dan fil-limiti tal-liġijiet u d-digrieti tagħha stess u b’konformita mad-dritt internazzjonali” (11).

6.        B’mod partikolari, ser neżamina jekk, kif isostni l-Gvern tal-Finlandja, il-frażi “fil-limiti permessi mil-liġijiet u d-digrieti tagħha stess” tippermittix li l-Finlandja tapplika restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital u għall-pagamenti kif ipprovdut fl-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE.

7.        Jekk dan huwa minnu, il-Finlandja ma tkunx qed tikser l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE (12). Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha opportuni sabiex ineħħu kull inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju li tkun ġiet stabbilita fi ftehim li jkunu ġew konklużi qabel l-adeżjoni tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni (13).

 Id-dispożizzjonijiet legali rilevanti

 Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-dritt tat-trattati

8.        L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-dritt tat-trattati (14) fih regola ġenerali dwar l-interpretazzjoni tat-trattat:

“1.      Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

2.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, apparti t-test, il-preamboli u l-annessi tiegħu:

(a)      kull ftehim relatat mat-trattat li jkun intlaħaq bejn il-partijiet kontraenti kollha fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat;

(b)      kull strument li jkun sar minn parti kontraenti jew iktar li jkun relatat mal-konklużjoni tat-trattat u li jkun ġie aċċettat mill-partijiet kontraenti l-oħra bħala strument relatat mat-trattat.

3.      Flimkien mal-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

(a)      kull ftehim sussegwenti bejn il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

(b)      kull prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi qbil bejn il-partijiet kontraenti dwar l-interpretazzjoni tiegħu;

(ċ)      kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti li tapplika għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti.

4.      Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu speċifiku jekk jiġi stabbilit li din kienet ir-rieda tal-partijiet kontraenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        L-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jelenka l-possibbiltajiet disponibbli meta jkun hemm bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi (clausula rebus sic stantibus):

“1.   Bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi li tkun seħħet fir-rigward taċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu meta ġie konkluż it-trattat u li ma kinitx prevista mill-partijiet kontraenti ma tistax tiġi invokata bħala raġuni biex jintemm trattat jew biex wieħed jirtira minnu, sakemm:

(a)   l-eżistenza ta’ dawk iċ-ċirkustanzi kienet tikkostitwixxi bażi essenzjali għall-kunsens tal-partijiet kontraenti sabiex jintrabtu bit-trattat; u

(b)   din il-bidla kellha l-effett li tittrasforma b’mod radikali l-portata tal-obbligi li għad iridu jitwettqu taħt it-trattat.

2.     Bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi ma tistax tiġi invokata bħala raġuni biex jintemm trattat jew biex wieħed jirtira minnu:

(a)   jekk it-trattat jistabbilixxi limitu; jew

(b)   jekk il-bidla fundamentali tirriżulta minn ksur, min-naħa tal-parti kontraenti li tkun qiegħda tinvokaha, jew ta’ obbligu taħt it-trattat jew ta’ kull obbligu internazzjonali ieħor fir-rigward ta’ parti kontraenti oħra tat-trattat.

3.     Jekk parti kontraenti tkun tista’, taħt il-paragrafi preċedenti, tinvoka bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi bħala raġuni sabiex ittemm trattat jew sabiex tirtira minnu, hija tkun tista’ tinvokaha wkoll sabiex tissospendi l-applikazzjoni tat-trattat”.

 It-Trattat KE

10.      L-Artikolu 57(2) KE jipprovdi:

“Filwaqt li jaħdem biex jikseb il-mira ta’ moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, sa fejn huwa l-aktar possibbli u mingħajr ħsara għall-Kapitoli l-oħra ta’ dan it-Trattat, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett – li jinkludi investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali. L-unanimità għandha tkun meħtieġa għal miżuri taħt dan il-paragrafu li jikkostitwixxu pass lura fil-liġi komunitarja fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi”.

11.      L-Artikolu 59 KE jipprovdi:

“Fejn, f’każijiet eċċezzjonali, il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-BĊE, jista’ jieħu miżuri ta’ salvagwardja rigward il-pajjiżi terzi għal żmien ta’ mhux aktar minn sitt xhur, jekk dawk il-miżuri jkunu strettament meħtieġa”.

12.      L-Artikolu 60(1) KE jipprovdi:

“Jekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni”.

13.      L-Artikolu 307 KE jipprovdi:

“Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.

Sa fejn dawn il-ftehim ma jkunux kompatibbli ma’ dan it-Trattat, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex titneħħa l-inkompatibilità li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.

Fl-implimentazzjoni tal-ftehim imsemmija fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-vantaġġi mogħtija b’dan it-Trattat minn kull Stat Membru jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment tal-Komunità u huma għalhekk marbuta inseparabbilment mal-kreazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet komuni, ma’ l-għotja lilhom tas-setgħat tagħhom u l-konċessjoni ta’ l-istess vantaġġi mill-Istati Membri l-oħra kollha”.

 Il-proċedura

14.      Bi tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni tas-7 ta’ Mejju 2004, għall-opinjoni motivata tas-16 ta’ Marzu 2005 u għall-opinjoni motivata addizzjonali tal-4 ta’ Lulju 2006, il-Gvern tal-Finlandja sostna li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-ftehim bilaterali dwar l-investiment kienu jirrispettaw l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE. Għaldaqstant huwa ma rax il-bżonn li jadotta miżura skont l-Artikolu 307 KE biex ineħħi l-allegati inkompatibbiltajiet (15).

15.      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti fl-20 ta’ Frar 2007.

16.      Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri opportuni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE biex tneħħi l-inkompatibbiltajiet li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti fil-ftehim bilaterali dwar l-investiment konklużi mal-Federazzjoni Russa (dik li kienet l-Unjoni Sovjetika), mal-Belarus, maċ-Ċina, mal-Malasja, mas-Sri Lanka u mal-Użbekistan, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 307 KE;

–        tordna lill-Finlandja tbati l-ispejjeż.

17.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Ungerija, tal-Litwanja u tal-Isvezja, u mill-Kummissjoni.

18.      Il-Gvern tal-Finlandja ppreżenta talba sabiex tinżamm seduta, li sussegwentement irtirat. Għalhekk ma nżammet ebda seduta.

 L-inkompatibbiltà tal-ftehim mat-Trattat KE

19.      Il-Finlandja u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu li fin-nuqqas ta’ miżura meħuda mill-Kunsill kontra l-pajjiżi terzi kkonċernati, l-allegat ksur huwa wieħed purament ipotetiku għaliex ma hemmx “inkompatibbiltà li tista’ tinstab” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Huwa biss meta u jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali inkompatibbiltà li jirriżulta l-obbligu li l-Istati Membri jneħħu l-“inkompatibbiltà li tista’ tinstab”. L-istess argument tressaq mill-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Isvezja u mill-Istati Membri intervenjenti, inkluża l-Finlandja, fil-proċeduri li wasslu għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (16).

20.      Filwaqt li ma weġbitx b’mod espliċitu għal dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex tiżgura l-effett utli tal-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE, il-miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital għandhom ikunu jistgħu, fil-każ fejn jiġu adottati mill-Kunsill, jiġu applikati immedjatament fir-rigward tal-Istati li huma jikkonċernaw, li jistgħu jinkludu xi wħud mill-Istati li ffirmaw wieħed mill-ftehim inkwistjoni mal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk jidher li l-argument li “[għadha] ma nstabet ebda inkompatibbiltà” ma ġiex meqjus bħala rilevanti.

21.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “dawn il-kompetenzi tal-Kunsill, li jikkonsistu f’li jiġu adottati unilateralment miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Stati terzi f’qasam li huwa identiku jew konness ma’ dak irregolat minn ftehim preċedenti konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, juru inkompatibbiltà mal-imsemmi ftehim meta, minn naħa, dan ma jipprevedix dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li jissodisfa l-obbligu tiegħu bħala membru tal-Komunità u li, min-naħa l-oħra, ukoll meta m’hemm l-ebda mekkaniżmu ma jippermetti dan” (17).

22.      Ser neżamina kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ inkompatibbiltà waħda wara l-oħra.

Il-ftehim inkwistjoni fihom dispożizzjoni li tippermetti lill-Finlandja terżerċita d-drittijiet u tissodisfa l-obbligi tagħha bħala membru tal-Komunità?

23.      Huwa paċifiku li l-ftehim inkwistjoni ma fihom ebda dispożizzjoni li tirriżerva b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-Kummissjoni tapplika restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital u għall-pagamenti kif stipulat fl-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE.

24.      Madankollu, il-Gvernijiet tal-Finlandja u tal-Litwanja jsostnu li l-klawżola kkontestata tippermetti lill-Finlandja tirrispetta l-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

25.      Il-Gvern tal-Finlandja jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati immedjatament, għaliex kull miżura restrittiva adottata mill-Kunsill tkun tifforma parti mil-leġiżlazzjoni tal-Finlandja, li għaliha tirreferi l-klawżola, permezz tat-twettiq tal-prinċipju tal-effett dirett tad-dritt Komunitarju. Huwa irrilevanti jekk il-Komunità stess hijiex parti mill-ftehim inkwistjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Litwanja jfakkar li d-dritt Komunitarju jifforma parti mid-dritt nazzjonali.

26.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi ddeterminat jekk (kif fil-fatt jagħmel) id-dritt Komunitarju jifformax parti mid-dritt nazzjonali. Imma, l-kwistjoni ċentrali hija jekk il-kapaċità potenzjali tal-Finlandja, li tibbaża ruħha fuq il-frażi “fil-limiti permessi mil-liġijiet u d-digrieti tagħha stess”, kontra pajjiżi terzi li magħhom tkun ikkonkludiet dawk il-ftehim, tikkostitwixxix garanzija suffiċjenti li jkunu jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għall-pagamenti li jkunu jinvolvu pajjiżi terzi, kif ipprovdut fl-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE.

27.      Ma nemminx li din hija garanzija suffiċjenti. Bħall-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, insostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE ma hijiex salvagwardjata suffiċjentement bl-interpretazzjoni inċerta ta’ klawżoli fi ftehim internazzjonali (18). Bil-kontra ta’ dan, l-Artikolu 307 KE huwa “ta’ portata ġenerali u japplika għal kull ftehim internazzjonali, irrispettivament mis-suġġett tiegħu, li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni tat-Trattat” (19). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

28.      Hawnhekk nixtieq nagħmel analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-implementazzjoni inadegwata tad-direttivi min-naħa ta’ Stat Membru.

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita, filwaqt li huwa minnu li t-traspożizzjoni ta’ direttiva mhux neċessarjament teħtieġ azzjoni leġiżlattiva min-naħa ta’ Stat Membru, huwa madankollu indispensabbli li d-dritt nazzjonali inkwistjoni effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan id-dritt tkun preċiża u ċara biżżejjed li tippermetti li l-benefiċjarji jkunu mgħarrfa bid-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (20).

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-sempliċi eżistenza ta’ prattika amministrattiva konformi mad-direttiva (21) jew il-possibbiltà li l-qrati jinterpretaw il-liġi nazzjonali b’mod konformi mad-direttiva (22) ma jeżentax lill-Istat Membru milli jadotta miżuri ta’ implementazzjoni xierqa u vinkolanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ma għandu jkun hemm ebda possibbiltà, kemm fil-prattika kif ukoll fit-teorija, li l-mod li bih ġiet implementata d-direttiva jista’ jikkomprometti implementazzjoni korretta tar-regoli li hija tistabbilixxi (23).

31.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li Stat Membru ma jistax jinvoka l-effett dirett tad-direttivi biex jiddefendi ruħu kontra l-allegazzjoni li huwa naqas milli jittrasponi direttiva b’mod sħiħ (24).

32.      Fil-fehma tiegħi, dawn il-prinċipji jistgħu u għandhom jiġu applikati għal dan il-każ, mutatis mutandis. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja tidher li adottat standard simili ħafna għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza; u effettivament irrikjediet garanzija li, jekk meħtieġ, jiġu applikati restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital u għall-pagamenti, kif ipprovdut fl-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE (25).

33.      Ma nemminx li l-Finlandja tista’ tipprovdi tali garanzija.

34.      B’mod ċar, fl-aħħar mill-aħħar, il-kapaċità tagħha tkun tiddependi fuq kif qorti internazzjonali jew tribunal ta’ arbitraġġ jinterpretaw il-frażi “fil-limiti permessi mil-liġijiet u d-digrieti tagħha stess”. Skont ġurisprudenza stabbilita, ftehim internazzjonali għandu jiġi interpretat skont it-termini li fihom huwa ġie miktub kif ukoll fid-dawl tal-obbjettivi tiegħu. L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (26), li jesprimi f’dan ir-rigward id-dritt internazzjonali konswetudinarju ġenerali (27), jipprovdi li trattat għandu jiġi interpretat bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-iskop u l-għan tiegħu(28). Huwa possibbli li abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jitressaq argument intiż li jikkonvinċi lill-qorti internazzjonali jew lit-tribunal ta’ arbitraġġ biex jinterpretaw l-klawżola kkontestata bħala li tirreferi għad-dritt Komunitarju.

35.      Madankollu, jidhirli li dan huwa wisq inċert. Mingħajr mhuwa meħtieġ li l-kwistjoni tiġi eżaminata fid-dettal, ma nemminx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jew ta’ xi regola rilevanti oħra dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati tista’ tipprovdi garanzija suffiċjenti li l-Finlandja tkun tista’ tapplika restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital u għall-pagamenti skont l-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE. Is-sempliċi possibbiltà li qorti internazzjonali jew tribunal ta’ arbitraġġ jistgħu jinterpretaw il-klawżola kkontesta b’dan il-mod, mhijiex biżżejjed sabiex teżonera lill-Finlandja mill-obbligi tagħha.

36.      Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-ħsieb li tintroduċi, fil-ftehim ta’ investiment li kien qiegħed jiġi nnegozjat jew waqt it-tiġdid tal-ftehim eżistenti, klawżola li tirriżerva ċerti kompetenzi għall-organizzazzjonijiet reġjonali u li tippermetti, għaldaqstant, li jiġu applikati miżuri li jirrestrinġu l-moviment ta’ kapital u l-pagamenti li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tali klawżola għandha, bħala prinċipju, titqies bħala li tista’ tneħħi l-inkompatibbiltà kkonstatata (29). Madankollu, klawżola b’dawn il-karatteristiċi hija pjuttost differenti mill-klawżola kkontestata.

37.      Dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klawżola li l-Awstrija kellha intenzjoni tinkludi fi ftehim futuri, għalhekk, ma jistax japplika b’analoġija.

38.      Nikkonkludi, għalhekk, li l-ftehim inkwistjoni ma fihomx dispożizzjoni li tippermetti lill-Finlandja teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq l-obbligi tagħha bħala membru tal-Komunità.

 Hemm mekkaniżmu ta’ dritt internazzjonali li jippermetti li l-Finlandja teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq l-obbligi tagħha bħala membru tal-Komunità?

39.      Il-Gvernijiet tal-Litwanja u tal-Ungerija jikkunsidraw li Stat Membru jista’ jieħu miżuri restrittivi billi juża l-possibbiltajiet ipprovduti mid-dritt internazzjonali, bħalma huma s-sospensjoni jew it-terminazzjoni tat-trattat bl-applikazzjoni tal-clausula rebus sic stantibus (30).

40.      Fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, l-Istati Membri konvenuti semmew diversi mekkaniżmi taħt id-dritt internazzjonali, inkluża l-clausula rebus sic stantibus, li, fl-opinjoni tagħhom, jistgħu jippermettulhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom bħala membri tal-Komunità (31).

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet kategorika fiċ-ċaħda tagħha ta’ dawn l-argumenti (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-mekkaniżmi identifikati mill-Awstrija u mill-Isvezja ma kinux jidhru li jiggarantixxu li huma jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi Komunitarji tagħhom, u dan għal żewġ raġunijiet: “Fl-ewwel lok, il-perijodi taż-żmien neċessarji għal kull negozjati internazzjonali li jkunu neċessarji sabiex jiġu diskussi mill-ġdid il-ftehim inkwistjoni huma min-natura tagħhom stess inkompatibbli mal-effett utli ta’ dawn il-miżuri. Fit-tieni lok, il-possibbiltà li jsir użu minn mezzi oħra offruti mid-dritt internazzjonali, bħas-sospensjoni tal-ftehim, jew saħansitra d-denunzja tal-ftehim inkwistjoni jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħhom, hija wisq inċerta fl-effetti tagħha sabiex jiġi ggarantit li l-miżuri meħuda mill-Kunsill ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod utli” (33).

42.      Nikkonkludi li ma hemm ebda mekkaniżmu tad-dritt internazzjonali li jiggarantixxi li l-Finlandja tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq l-obbligi tagħha bħala membru tal-Komunità.

 Konklużjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-ftehim mad-dritt Komunitarju

43.      Il-ftehim inkwistjoni ma fihom ebda dispożizzjoni espressa li tippermetti li l-Finlandja teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq l-obbligi tagħha bħala membru tal-Komunità. Barra minn hekk, ma hemm ebda mekkaniżmu tad-dritt internazzjonali li jiggarantixxi li l-Finlandja tkun tista’ tagħmel dan. Għalhekk nikkonkludi li l-ftehim inkwistjoni huma inkompatibbli mal-kompetenzi tal-Kunsill li jirrestrinġi l-movimenti tal-kapital u l-pagamenti kif ipprovdut fl-Artikoli 57(2), 59 u 60(1) KE; u li l-Finlandja hija obbligata li tieħu l-miżuri msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 Il-Finlandja ħadet il-miżuri opportuni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE?

44.      Il-Finlandja dejjem sostniet li l-ftehim bilaterali dwar l-investiment inkwistjoni ma humiex inkompatibbli mat-Trattat u li għalhekk ebda azzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE ma hija meħtieġa. Huwa paċifiku li l-Finlandja ma ħadet ebda miżuri taħt din id-dispożizzjoni.

45.      Il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Ungerija u tal-Ġermanja jsostnu li minħabba l-importanza ekonomika u politika tal-ftehim bilaterali dwar l-investiment inkwistjoni, it-terminazzjoni tagħhom bil-għan li jiġi osservat id-dritt Komunitarju tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala l-aħħar riżorsa. Fil-fatt, minħabba li l-miżuri restrittivi huma ġeneralment temporanji min-natura tagħhom, il-fatt li l-ftehim eżistenti jiġu tterminati b’mod definittiv ikun sproporzjonat.

46.      Fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, il-Qorti tal-Ġustizzja mkien ma indikat li l-Istati Membri konvenuti kienu obbligati li jtemmu l-ftehim bilaterali dwar l-investiment inkwistjoni.

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat biss li l-inkompatibbiltajiet mat-Trattat li jirriżultaw mill-ftehim bilaterali dwar l-investiment ma kinux limitati għall-Istat Membru konvenut f’kull każ individwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex ineħħu l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li hija l-Kummissjoni li, fil-kuntest tar-responsabbiltà li hija għandha taħt l-Artikolu 211 KE, għandha tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u li hija l-Kummissjoni li għandha tieħu kull pass li jista’ jiffaċilita l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri kkonċernati kif ukoll l-adozzjoni mill-imsemmija Stati Membri ta’ linja komuni (34).

48.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal din il-kawża.

49.      Barra minn hekk, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (35) il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat kif il-ksur tal-Artikolu 307 KE jista’ jiġi rimedjat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm fil-kuntest tal-Artikolu 307 KE “l-Istati Membri għandhom għażla dwar x’miżuri opportuni għandhom jittieħdu, madankollu, huma għandhom l-obbligu li jneħħu kull inkompatibbiltà eżistenti bejn konvenzjoni ta’ qabel il-Komunità u t-Trattat KE. Jekk Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jagħmlu l-aġġustament ta’ ftehim impossibbli, l-obbligu li jiġi ddenunzjat dak il-ftehim ma jistax [...] jiġi eskluż” (36). Bi tweġiba għall-argument tal-Portugall li tali denunzja tkun tinvolvi esklużjoni sproporzjonata tal-interessi tal-politika barranija tiegħu meta pparagunati mal-interessi tal-Komunità, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-bilanċ bejn l-interessi tal-politika barranija ta’ Stat Membru u l-interessi tal-Komunità huwa diġà inkluż fl-Artikolu 307 KE, inkwantu din id-dispożizzjoni “tippermetti lil Stat Membru li ma japplikax dispożizzjoni Komunitarja sabiex jirrispetta d-drittijiet ta’ pajjiżi terzi derivanti minn ftehim preċedenti u li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-istess ftehim. Dan l-artikolu jippermettilhom ukoll li jagħżlu l-miżuri opportuni biex jagħmlu l-ftehim ikkonċernat kompatibbli mad-dritt Komunitarju” (37).

50.      Għaldaqstant nikkonkludi li, billi naqset milli tieħu l-miżuri opportuni skont it-tieni paragarfu tal-Artikolu 307 KE biex tneħħi l-inkompatibbiltajiet li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti fil-ftehim bilaterali dwar l-investiment konklużi mal-Federazzjoni Russa (dik li kienet l-Unjoni Sovjetika), mal-Belarus, maċ-Ċina, mal-Malasja, mas-Sri Lanka u mal-Użbekistan, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 307 KE.

 Il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

51.      Il-Gvernijiet tal-Ungerija u tal-Ġermanja jsostnu li l-fatt li tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa fis-suq intern u kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Kemm il-Finlandja kif ukoll iċ-ċittadini u l-kumpanniji tal-UE li għalihom japplikaw il-ftehim, ikunu żvantaġġati meta pparagunati mal-Istati Membri l-oħra u l-persuni li għalihom japplikaw il-ftehim bilaterali dwar l-investiment li ma ġewx ikkritikati mill-Kummissjoni.

52.      Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (38).

53.      Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ Stati Membri li kienu s-suġġett ta’ rikors taħt l-Artikolu 226 KE hija oġġettivament differenti minn dik ta’ Stati Membri li ma kinux is-suġġett ta’ rikors bħal dan. Is-sitwazzjoni inversa tkun tippreġudika serjament il-libertà tal-Kummissjoni li tippreżenta rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif hija tqis meħtieġ biex taqdi l-funzjoni tagħha ta’ gwardjan tat-Trattat.

54.      F’dan ir-rwol ta’ gwardjan, il-Kummissjoni biss hija kompetenti li tiddeċiedi jekk huwiex xieraq li tippreżenta rikors sabiex jiġi ddikjarat li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu u abbażi ta’ liema aġir jew ommissjoni min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi ppreżentat dan ir-rikors. Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi li hemm interess ġuriduku speċifiku (39).

55.      Barra minn hekk, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq il-fatt li anki Stati Membri oħra naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat. Fis-sistema legali Komunitarja stabbilita mit-Trattat, l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni ta’ reċiproċità. L-Artikoli 226 KE u 227 KE jistabbilixxu r-rimedji xierqa f’dawn il-każijiet (40).

56.      L-argument ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandu għalhekk jinċaħad.

 Fuq l-ispejjeż

57.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il‑Finlandja għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni f’dan is-sens.

 Konklużjoni

58.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri opportuni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE biex tneħħi l-inkompatibbiltajiet li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti fil-ftehim bilaterali dwar l-investiment konklużi mal-Federazzjoni Russa (dik li kienet l-Unjoni Sovjetika), mal-Belarus, maċ-Ċina, mal-Malasja, mas-Sri Lanka u mal-Użbekistan, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 307 KE;

–        tordna lill-Finlandja tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Nru 57-58/1991, iffirmat fit-8 ta’ Frar 1989, li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 1991.


3 – Nru 89/1994, iffirmat fit-28 ta’ Ottubru 1992, li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 1994.


4 – Nru 4/1986, iffirmat fl-4 ta’ Settembru 1984, li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Jannar 1986.


5 – Nru 79/1987, iffirmat fil-15 ta’ April 1985, li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 1988.


6 – Nru 54/1987, iffirmat fis-27 ta’ April 1985, li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Ottubru 1987.


7 – Nru 74/1993, iffirmat fl-1 ta’ Ottubru 1992, li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Ottubru1993.


8 – Ara b’mod iktar ġenerali: T. Eilmansberger, “Bilateral Investment Treaties and EU Law”, Common Market Law Review 2009, p. 383 sa 429, u b’mod partikolari dwar uħud mill-kwistjonijiet preżenti f’din il-kawża, p. 409 sa 413.


9 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑205/06, Ġabra p. I‑1301); u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C-249/06, Ġabra p. I‑1335).


10 – Il-Kummissjoni tinnota li l-klawżola ma ġietx inkluża fil-ftehim mal-Belarus, mal-Federazzjoni Russa u mal-Użbekistan, filwaqt li l-Finlandja ssostni li din ġiet inkluża fil-ftehim kollha ħlief dak mal-Federazzjoni Russa. Fid-dawl tal-konklużjoni li lħaqt, ma investigajtx iktar fuq dan il-punt.


11 –      L-Artikolu 3 tal-ftehim mas-Sri Lanka. Huwa paċifiku li din hija verżjoni tipika tal-klawżola kkontestata.


12 – Ħlief, skont il-każ, fir-rigward tal-ftehim mal-Belarus, mal-Federazzjoni Russa u mal-Użbekistan: ara nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.


13 – Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 32 u 34, u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, punti 33 u 35, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


14 – Magħmul fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 1980, UN Doc.A/Conf.39/27, 1155 UNTS 331, 8 ILM 679 (1969) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”).


15 – B’ittra tas-27 ta’ Ottubru 2006, il-Finlandja informat lill-Kummissjoni li hija kienet ikkonkludiet ftehim bilaterali dwar l-investiment ġdid maċ-Ċina, li kellu jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Novembru 2006. Madankollu, hija la wriet lill-Kummissjoni kopja tat-test u lanqas ma indikat jekk id-data tad-dħul fis-seħħ kinitx waħda definittiva. Din kienet il-kwistjoni.


16 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 18 sa 23, u Il-Kummissjoni vs L‑Isvezja, punti 17 sa 21, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


17 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 37, u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, punt 38, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


18 – Il-konklużjonijiet relatati mas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 62.


19 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, Ġabra p. 2787, punt 6) (enfasi miżjuda); u tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑466/98, Ġabra p. I‑9427, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.)


20 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja, (C‑70/03, Ġabra p. I‑7999, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt kostituzzjonali jew amministrattiv” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja 29/84, Ġabra p. 1661, punt 23) jew “kuntest ġuridiku ġenerali” (sentenza tal-20 ta’ Mejju 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑190/90, Ġabra p. I‑3265, punt 17) jistgħu jkunu biżżejjed biex tiġi implementata d-direttiva, sakemm dawn jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti minimi.


21 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑339/87, Ġabra p. I‑851, punt 36).


22 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Steenhorst‑Neerings (C‑338/91, Ġabra p. I‑5475, punti 32 sa 34).


23 – Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ April 1987, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (363/85, Ġabra p. 1733, punti 10 u 12).


24 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (102/79, Ġabra p. 1473, punt 12); tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C‑208/90, Ġabra p. I‑4269, punt 20); u tal-20 ta’ Marzu 1997, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑96/95, Ġabra p. I‑1653, punt 37).


25 – Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 38 u 40, u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, punti 39 u 41, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


26 – Ara l-punt 8 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.


27 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Sovereignty over Pulau Ligitan and Pulau Sipadan (Indonesia/Malaysia), QIĠ Ġabra 2002, p. 625, punt 37.


28 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 35); u tal-10 ta’ Jannar 2006 IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I‑403, punt 40).


29 – Sentenza Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 9, punti 40 u 41. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li kien paċifiku li r-Repubblika tal-Awstrija ma kienet ħadet ebda pass, “fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, fir-rigward tal-Istati terzi kkonċernati, sabiex telimina r-riskju ta’ kunflitt mal-miżuri li l-Kunsill jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE li jista’ jinħoloq mill-applikazzjoni tal-ftehim ta’ investimenti li hija kkonkludiet ma’ dawn l-Istati terzi” (punt 42).


30 – Ara l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iċċitata fil-punt 9 iktar ’il fuq.


31 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 55 sa 62.


32 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 38 sa 40 u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, punti 39 sa 41, it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


33 – Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali, Gabčíkovo-Nagymaros Project (Hungary/Slovakia), QIĠ Ġabra 1997, p. 7, punt 104: “Il-kliem negattiv u kundizzjonali tal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati hija indikazzjoni ċara li, barra minn hekk, l-istabbiltà tar-relazzjonijiet li jirriżultaw mit-trattat tirrikjedi li l-motiv ta’ bidla fundamentali fiċ-ċirkustanzi jiġi applikat biss f’każijiet eċċezzjonali”, iċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 50).


34 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 43 u 44 u Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, punti 43 u 44 (it-tnejn iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


35 – Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑62/98, Ġabra p. I‑5171).


36 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 49.


37 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 50.


38 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et (C‑34/08, Ġabra p. I‑4023, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑476/98, Ġabra p. I‑9855, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑163/99, Ġabra p. I‑2613, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).