Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2024 minn UNO, Organización Empresarial de Logística y Transporte, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fid-29 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-514/20, UNO vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-126/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: UNO, Organización Empresarial de Logística y Transporte (rappreżentant: J. M. Piqueras Ruiz, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea; Ir-Renju ta’ Spanja; Sociedad Estatal Correos y Telégrafos SA

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2023, UNO, Organización Empresarial de Logística y Transporte (iktar ’il quddiem “UNO”) vs Il-Kummissjoni Ewropea (T-514/20, ECLI:EU:T:2023:767);

teżamina l-kawża u tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn UNO fil-15 ta’ Awwissu 2020 kontra d-Deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2020 fil-kawża Għajnuna mill-Istat SA.50872 (2020/NN) – Spanja – Kumpens lill-Correos għal obbligu ta’ servizz universali, 2011-2020, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors imsemmi;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti f’dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha:

Ksur tal-Artikolu 263(4) TFUE mill-Qorti Ġenerali, meta din tal-aħħar qieset b’mod partikolari li UNO ma kinitx uriet li d-deċiżjoni kontenzjuża tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-membri tagħha fis-suq inkwistjoni. B’mod konkret, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuq l-appellanti oneru ta’ prova eċċessiv sabiex turi d-dritt tagħha għal azzjoni legali, u b’dan il-mod kisret l-Artikolu 263(4) TFUE;

Ksur tal-Artikolu 263(4) TFUE min-naħa tal-Qorti Ġenerali, meta qieset li UNO ma wrietx li d-deċiżjoni kontenzjuża taffettwaha individwalment għaliex l-interessi rispettivi tagħha bħala assoċjazzjoni ser jiġu affettwati. Fl-analiżi tagħha tad-dritt għal azzjoni legali ta’ UNO, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li ġew ippreżentati quddiemha mill-appellanti;

Ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex il-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 263(4) TFUE b’mod arbitrarju, minn naħa, u wettqet il-proċedura fl-ewwel istanza b’mod kuntrarju għal amministrazzjoni effikaċi u sana tal-ġustizzja;

Ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba ksur tad-dritt għal rimedju effettiv minħabba n-nuqqas ta’ ammissjoni tar-rikors għal annullament ippreżentat minn UNO.

____________