Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-479/23)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Ilkova u P. Messina)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni 1 , jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 32(1) tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla waħda minn dawn iż-żewġ ammonti: (i) is-somma ta’ EUR 1 800 għal kull jum, immultiplikata bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew bejn il-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u l-jum li fih jitwaqqaf il-ksur jew, fil-każ li l-ksur ma jitwaqqafx, il-jum li fih tingħata s-sentenza; jew (ii) is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 504 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi msemmi fl-ewwel inċiż jippersisti sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 9 720 għal kull jum, mid-data tal-għoti ta’ sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża sat-twettiq minn dan l-Istat tal-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni tistabbilixxi qafas ta’ regoli bil-għan li tintlaħaq interoperabbiltà fejn jidħlu t-tariffi tat-triq u bil-għan li tiġi stabbilita bażi legali li tippermetti l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar il-vetturi bil-mutur u dwar il-proprjetarji jew id-detenturi tagħhom li ma jkunux ħallsu t-tariffi tat-triq fl-Unjoni.

Konformement mal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom sad-19 ta’ Ottubru 2021 sabiex jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha. L-Istati Membri kienu marbuta wkoll jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri adottati.

Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija fid-19 ta’ Ottubru 2021. Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Bulgarija. Minkejja dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija la għadha adottat il-miżuri ta’ traspożizzjoni u lanqas għadha ma kkomunikat tali miżuri lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU 2019, L 91, p. 45.