Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fil-25 ta’ Lulju 2023 – Obshtina Belovo vs Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Okolna sreda” 2014-2020

(Kawża C-477/23, Obshtina Belovo)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Obshtina Belovo

Konvenut: Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Okolna sreda” 2014-2020

Domandi preliminari

Il-punti 10, 36 u 37 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 1 jistgħu jiġu interpretati b’mod li jippermettu dispożizzjoni jew prassi nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li bis-saħħa tagħhom, f’sitwazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn fost il-muniċipalitajiet imsieħba (partijiet f’kuntratt amministrattiv ta’ għajnuna finanzjarja fil-forma ta’ għotja) tkun biss dik li ffirmat dan il-kuntratt amministrattiv s-sieħeb prinċipali li titqies li hija l-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija b’riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“FSIE”)? F’sitwazzjoni bħal dik ineżami, liema huma l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex organizzazzjoni tiġi kklassifikata bħala l-benefiċjarja fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013?

Il-punti 10, 36 u 37 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 jistgħu jiġu interpretati b’mod li jippermettu dispożizzjoni jew prassi nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li bis-saħħa tagħhom, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, korrezzjoni finanzjarja minħabba ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku mwettaq minn operatur ekonomiku tiġi ddeterminata permezz ta’ att li d-destinatarju tiegħu jkun operatur ekonomiku ieħor, li ma jkunx wettaq l-allegat ksur iżda li jkun iffirma l-kuntratt amministrattiv ta’ għajnuna finanzjarja fil-forma ta’ għotja bħala s-sieħeb prinċipali?

Ir-Regolament Nru 1303/2013 jippermetti dispożizzjoni jew prassi nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li bis-saħħa tagħhom ir-responsabbiltà għall-korrezzjoni finanzjarja tista’ titqassam kuntrattwalment bejn l-imsieħba fil-proċedura, jew kull operatur ekonomiku għandu jġorr ir-responsabbiltà għall-korrezzjonijiet finanzjarji dovuti għall-ksur imwettaq minnu fl-użu tar-riżorsi tal-FSIE fil-kuntest tal-kuntratti li fihom ikun parti?

L-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu prassi tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-muniċipalità li fir-rigward tagħha jkun allegat li kisret iż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku inkonnessjoni mal-użu ta’ fondi tal-FSIE, ma tingħatax id-dritt li tipparteċipa fil-proċedura għad-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja applikabbli għall-kuntratt konkluż minnha u lanqas ma tingħata d-dritt li tipparteċipa fil-proċedura ġudizzjarja mressqa kontra dan l-att amministrattiv, u dan sa fejn, bħala sieħeb, din il-muniċipalità tibbenefika minn rimedju ċivili taħt il-kuntratt ta’ sħubija bħala s-sieħeb prinċipali?

____________

1     ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155.