Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fil-25 ta’ Lulju 2023 – “STAR POST” ЕООD vs Komisia za regulirane na saobshteniyata

(Kawża C-476/23, Star Post)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “STAR POST” ЕООD

Konvenut: Komisia za regulirane na saobshteniyata

Domandi preliminari

Kif għandhom jiġu interpretati l-espressjoni “fornitur ta’ servizz postali li jkun affettwat minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali” u, b’mod iktar partikolari, it-terminu “affettwat”, fis-sens tal-Artikolu 22(3) [tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji 1 ]? It-terminu “affettwat” għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja tingħata speċifikament f’isem il-fornitur ta’ servizzi postali? Tkun “affettwata”, fis-sens tal-Artikolu 22(3) [tad-Direttiva 97/67 kif emendata bid-Direttiva 2008/6], kumpannija li tipprovdi servizzi postali u li tikkompeti mal-fornitur tas-servizz postali universali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, f’sitwazzjoni fejn fil-kuntest ta’ rikors kontra l-eżitu ta’ din il-proċedura din il-kumpannija tqajjem argumenti marbuta mas-sussidju trażversali mwettaq mill-fornitur tas-servizz postali universali, argumenti miċħuda mill-qorti minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali li japprovaw l-ammonti tal-ispejjeż netti marbuta mal-provvista tas-servizz postali universali mill-fornitur tas-servizz postali universali u li jikkonferma li dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust ta’ ammont determinat li jirriżulta mill-provvista tas-servizz postali universali?

L-Artikolu 22(3) [tad-Direttiva 97/67 kif emendata bid-Direttiva 2008/6] u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu sitwazzjoni, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, fejn fornitur ta’ servizz postali, li jikkompeti mal-fornitur tas-servizz postali universali, ma jistax jikkontesta quddiem korp indipendenti d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tapprova l-ammonti tal-ispejjeż netti marbuta mal-provvista tas-servizz postali universali mill-fornitur tas-servizz postali universali u li tikkonferma li dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust ta’ ammont determinat li jirriżulta mill-provvista tas-servizz postali universali?

____________

1     ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49.