Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fis-7 ta’ Marzu 2024 – WebGroup Czech Republic, a.s., NKL Associates s. r. o. vs Ministre de la Culture, Premier ministre

(Kawża C-188/24, WebGroup Czech Republic u NKL Associates)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: WebGroup Czech Republic, a.s., NKL Associates s. r. o.

Konvenuti: Ministre de la Culture, Premier ministre

Partijiet fil-kawża: Osez le féminisme !, Le mouvement du Nid, Les effronté-E-S

Domandi preliminari

Fl-ewwel lok, dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt kriminali, b’mod partikolari dispożizzjonijiet ġenerali u astratti li jiddeskrivu ċertu aġir bħala li jikkostitwixxi reat kriminali suġġett għal azzjoni legali, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-“qasam ikkoordinat” mid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) 1 meta dawn ikunu jistgħu japplikaw kemm għall-aġir ta’ fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll għal dak ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, jew għandu jitqies, ladarba d-direttiva għandha l-għan biss li tarmonizza ċerti aspetti ġuridiċi ta’ dawn is-servizzi mingħajr ma tarmonizza l-qasam tad-dritt kriminali bħala tali u ladarba din tistabbilixxi biss rekwiżiti applikabbli għas-servizzi, li tali dispożizzjonijiet kriminali ma jistgħux jitqiesu bħala rekwiżiti applikabbli għall-aċċess għal u għall-eżerċizzju tal-attività ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqgħu taħt il-“qasam ikkoordinat” minn din id-direttiva? B’mod partikolari, dispożizzjonijiet kriminali maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-minuri jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-“qasam ikkoordinat”?

Il-fatt li tiġi imposta fuq edituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni online l-implimentazzjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jipprevjenu l-possibbiltà li minuri jaċċedu għal kontenut pornografiku li huma jxandru għandu jitqies li jaqa’ taħt il-“qasam ikkoordinat” mid-Direttiva 2000/31, li tarmonizza biss ċerti aspetti ġuridiċi tas-servizzi kkonċernati, filwaqt li, għalkemm dan l-obbligu jikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, sa fejn dan jirrigwarda l-aġir tal-fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz, dan madankollu la jikkonċerna l-istabbiliment tal-fornituri, la l-komunikazzjonijiet kummerċjali, la l-kuntratti b’mezzi elettroniċi, la r-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-intermedjarji, la l-kodiċijiet ta’ kondotta, la r-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, la l-azzjonijiet ġudizzjarji u lanqas il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u għalhekk ma jirrigwarda ebda waħda mill-oqsma rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Kapitolu II tagħha?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domandi preċedenti, kif għandha titwettaq ir-rikonċiljazzjoni bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/31 u dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, b’mod iktar partikolari mill-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-aħjar interessi tal-wild, iggarantiti mill-Artikoli 1 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, meta s-sempliċi adozzjoni ta’ miżuri individwali meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari ma tidhirx li tista’ tiżgura l-protezzjoni effettiva ta' dawn id-drittijiet? Jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jawtorizza lill-Istati Membri jieħdu, b’partikolari f’każijiet ta’ emerġenza, il-miżuri - inkluż meta dawn ikunu ġenerali u astratti fir-rigward ta’ kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi - li jimponu l-protezzjoni tal-minuri minn ksur tad-dinjità u tal-integrità tagħhom, b’deroga, fejn meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri rregolati mid-Direttiva 2000/31/KE, mill-prinċipju ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn il-fornituri mill-Istat ta’ oriġini tagħhom stabbilit minn din id-direttiva?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.