Language of document : ECLI:EU:T:2022:836

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

21 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina – Dazji antidumping definittivi – Eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ użu finali – Rikors għal annullament – Natura diviżibbli – Att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inċidenza diretta – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Dazju impost b’mod nondiskriminatorju – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil‑Kawża T‑746/20,

Grünig KG, stabbilita f’Bad Kissingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn Y. Melin u I. Fressynet, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck, G. Luengo u M. Gustafsson, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Grünig KG, titlob l-annullament tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal‑25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2020, L 315, p. 1).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil‑25 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336.

3        Permezz tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, il-Kummissjoni imponiet id-dazji antidumping imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq.

4        Permezz tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, il-Kummissjoni introduċiet eżenzjoni mill-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni inkwistjoni”). Din id-dispożizzjoni tipprovdi dan li ġej:

“Il-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżentati mid-dazju antidumping definittiv jekk huma jiġu importati għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta, prodotti u mibjugħa f’forma ta’ trab għall-industrija tal-kartun. Dawn il-prodotti għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura tal-użu aħħari msemmija fl-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 sabiex juru li huma importati esklussivament għall-użu msemmi hawn fuq.”

5        Fil-punt 6.3.4, intitolat “Produtturi tal-adeżivi”, tal-parti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 iddedikata għall-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni esponiet il-motivi li għalihom hija kienet iddeċidiet li teżenta mid-dazji antidumping definittivi imposti mill-imsemmi regolament, l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil (iktar ’il quddiem il-“PVA”). Din l-eżenzjoni, li tapplika għall-manifatturi tal-adeżivi f’taħlita xotta, hija intiża sabiex tippreżerva l-interessi tagħhom kontra l-effetti negattivi li l-impożizzjoni tal-imsemmija dazji tista’ tipproduċi fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

6        Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li timporta l-PVA u timmanifattura l-adeżiv likwidu minn PVA.

II.    Ittalbiet talpartijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

9        Peress li l-Kummissjoni qajmet diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors.

A.      Fuq lammissibbiltà

10      Sabiex titlob l-inammissibbiltà tar-rikors, qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ma huwiex diviżibbli mill-kumplament tal-imsemmi regolament, it-tieni, li dan ir-regolament jinvolvi miżuri ta’ eżekuzzjoni, u t-tielet, li dan ma jaffettwax lir-rikorrenti la direttament u lanqas individwalment.

11      Imbagħad, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dritt għal rimedju effettiv sabiex tistabbilixxi l-locus standi tagħha.

12      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni targumenta, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-rikorrenti hija direttament affettwata mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, li din id-dispożizzjoni ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

13      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

1.      Fuq innatura diviżibbli talArtikolu 1(4) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336

14      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss dment li l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu diviżibbli mill-kumplament tal-att. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li ma jkunx issodisfatt dan ir-rekwiżit meta l-annullament parzjali ta’ att kellu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Barra minn hekk, il-verifika tan-natura diviżibbli tal-elementi ta’ att tal-Unjoni tippreżupponi l-eżami tal-portata tagħhom sabiex jiġi evalwat jekk annullament ta’ dawn l-elementi jibdilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob biss l-annullament tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), li jistabbilixxi l-eżenzjoni inkwistjoni.

17      Tali eżenzjoni, sa fejn hija tipprovdi eċċezzjoni għal regola li timponi dazji antidumping, hija, bħala prinċipju, diviżibbli mir-Regolament li jistabbilixxi din ir-regola.

18      Fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 44 sa 53), invokata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet indizji li jippermettu li jiġi ddeterminat f’liema każijiet eżenzjoni minn dazji antidumping tista’ ma tkunx diviżibbli mir-Regolament li jimponi l-imsemmija dazji.

19      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838), kien inkwistjoni r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1238/2013 li kien jipprovdi li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ffatturati minn kumpanniji li mingħandhom il-Kummissjoni aċċettat l-impenji kienu eżentati mid-dazji antidumping stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, ma kienx diviżibbli mill-kumplament tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari, minn dawk li jipprovdu l-impożizzjoni tal-imsemmija dazji (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 55).

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minkejja li formalment, l-impożizzjoni tad-dazji kienet tidher bħala r-regola u l-eżenzjoni mid-dazji wara impenn bħala l-eċċezzjoni, fir-realtà, iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu miżuri alternattivi u kumplementari intiżi sabiex jilħqu l-istess għan (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 44 sa 53).

22      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq numru ta’ indizji. Fl-ewwel lok, hija kkonstatat identità tal-għanijiet imfittxija kemm mill-miżura li timponi d-dazji kif ukoll minn dik li tipprovdi eżenzjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, kemm l-impożizzjoni ta’ dazji kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ impenji kienu intiżi sabiex jeliminaw l-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni tad-dumping relattiv għall-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 44 sa 48). Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu kumplementari. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq il-konsegwenzi ekonomiċi li kienu jwasslu għalihom (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 49 sa 51). Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-eżenzjoni ma kellhiex natura eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, hija indikat li l-eżenzjoni kienet tapplika għal 70 % tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 52 u 53).

23      Għalhekk, is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838), hija bbażata fuq numru ta’ indizji ta’ natura li jikkaratterizzaw sitwazzjoni partikolari li fiha dak li mal-ewwel analiżi jista’ jidher bħala sempliċi eżenzjoni, u għalhekk, bħala eċċezzjoni għal regola, jikkostitwixxi fir-realtà parti indissoċjabbli mill-miżura kkontestata u għalhekk mhux diviżibbli.

24      Għalhekk, sabiex tingħata deċiżjoni dwar in-natura diviżibbli tal-eżenzjoni inkwistjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk f’dan il-każ jeżistux indizji ta’ tali natura.

25      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li impożizzjoni ta’ dazji antidumping, bħal dik li f’dan il-każ hija prevista fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, hija intiża sabiex telimina l-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni tad-dumping allegat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 46).

26      Madankollu, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament bażiku”) jippermetti lill-Kummissjoni, sabiex tippreżerva, b’mod partikolari, l-interess tal-utenti tal-prodott ikkonċernat, li ma tadottax miżuri antidumping minkejja li jiġu stabbiliti dumping u dannu.

27      F’dan il-każ, l-eżenzjoni inkwistjoni, li ġiet adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 625 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, sabiex tippreżerva l-interessi ta’ ċerti utenti ta’ PVA, jiġifieri l-produtturi ta’ adeżivi f’taħlita xotta, minn effetti negattivi li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping tista’ tipproduċi fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

28      Għalhekk, l-għan tal-eżenzjoni inkwistjoni huwa distint mill-għan imfittex mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838), l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping u l-eżenzjoni minn dawn id-dazji kienu jfittxu l-istess għan (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

29      Fit-tieni lok, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, awtur tar-regolament li kien ikkontestat, kien stabbilixxa miżuri ta’ difiża kummerċjali li jikkostitwixxu assjem jew “pakkett” kompost minn żewġ miżuri distinti u kumplementari, li waħda kienet l-impożizzjoni tad-dazji antidumping u l-oħra l-eżenzjoni minn dawn id-dazji antidumping għall-kumpanniji li mingħandhom il-Kummissjoni kienet aċċettat l-impenji (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 44).

30      Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, l-eżenzjoni inkwistjoni ma għandhiex natura kumplementari tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping, iżda natura aċċessorja fir-rigward ta’ din l-impożizzjoni.

31      In-natura aċċessorja tal-eżenzjoni inkwistjoni fir-rigward tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping tirriżulta mill-post li jokkupaw il-premessi ddedikati għall-eżenzjoni inkwistjoni fil-motivi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336. L-imsemmija premessi jinsabu fl-unika parti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ddedikata għall-interess tal-produtturi ta’ adeżivi u għall-effetti negattivi li dawn jistgħu jġarrbu minħabba l-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Għalhekk, il-ġustifikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni kienet limitata mill-Kummissjoni għall-unika parti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 li hija ddedikata għaliha, li jikkostitwixxi indizju tan-natura aċċessorja mogħtija lilha mill-Kummissjoni.

32      Fit-tielet lok, fil-premessa 628 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, l-eżenzjoni inkwistjoni hija deskritta bħala mogħtija “b’mod eċċezzjonali”, peress li l-proċedura tagħha hija “strettament limitata għal adeżivi f’taħlita xotta u taħt l-ebda ċirkostanza [ma] tkopri kwalunkwe prodott ieħor (pereżempju, adeżivi likwidi) prodotti minn produtturi tal-adeżivi”.

33      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stess, billi teżamina, fil-premessa 627 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, l-effetti li tipproduċi l-eżenzjoni inkwistjoni kieku ġiet applikata, irrilevat li s-segment tas-suq tal-adeżivi kien jirrappreżenta 17 % tal-konsum tal-Unjoni u li l-uniku produttur tal-adeżivi f’taħlita xotta li kien ippreżenta ruħu kien biss 4 % ta’ dan is-segment.

34      Għall-kuntrarju, l-eżenzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838), sa fejn din kienet tapplika għal 70 % tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), ma kinitx ta’ natura eċċezzjonali.

35      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 25 sa 34 iktar ’il fuq jirriżulta li ebda wieħed mill-indizji sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill (C‑204/16 P, EU:C:2017:838), u msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma huwa preżenti f’dan il-każ.

36      Barra minn hekk, ebda indizju ieħor li jirriżulta mill-annessi tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-eżenzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, iżda miżura alternattiva u kumplementari fir-rigward ta’ din ir-regola, intiża sabiex tilħaq l-istess għan (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

37      Konsegwentement, l-eżenzjoni inkwistjoni hija diviżibbli mir-regola li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping.

38      Għandu jiżdied li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ma jistabbilixxix biss, permezz tal-ewwel sentenza tiegħu, l-eżenzjoni inkwistjoni. It-tieni sentenza ta’ dan it-test (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) tipprovdi li, f’każ ta’ eżenzjoni, il-PVA jitqiegħed taħt il-proċedura tal-użu finali prevista fl-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), sabiex juri li huwa importat esklużivament għall-użu msemmi fil-punt 4 iktar ’il fuq.

39      Din l-aħħar dispożizzjoni għandha bħala għan li tindika biss il-proċedura doganali li taħtha jitqiegħdu l-importazzjonijiet ta’ PVA li jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni.

40      Peress li l-eżenzjoni inkwistjoni, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 tistabbilixxi l-prinċipju tagħha, hija diviżibbli mill-kumplament tal-imsemmi regolament, ir-regola li tindika biss il-proċedura doganali applikabbli għall-prodotti li jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, stabbilita mit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, tissellef mill-imsemmija eżenzjoni n-natura diviżibbli tagħha.

41      Konsegwentement, fid-dawl tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 37 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, fl-intier tiegħu, huwa diviżibbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni, jiġifieri, l-ewwel, il-koeżistenza tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping u tal-eżenzjoni inkwistjoni fl-istess artikolu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, it-tieni, in-natura rari tal-użu ta’ eżenzjoni bħall-eżenzjoni inkwistjoni, it-tielet, il-motivazzjoni dettaljata dwar l-eżenzjoni inkwistjoni, ir-raba’, in-numru ta’ osservazzjonijiet mibgħuta mill-operaturi ekonomiċi waqt l-eżami tal-imsemmija eżenzjoni, il-ħames, il-konsegwenzi ekonomiċi importanti li l-annullament ta’ din l-eżenzjoni jipproduċi fuq Cordial, il-manifattur ta’ adeżivi f’taħlita xotta li s-sitwazzjoni tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, kif ukoll għall-klijenti tiegħu, u s-sitt, l-insistenza manifesta mill-Kummissjoni li tadotta dan l-att minkejja n-nuqqas ta’ rieda ta’ ċerti Stati Membri, ma humiex rilevanti sabiex jikkontestaw in-natura diviżibbli tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336.

43      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi eskluża.

2.      Fuq ilkundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti firraba’ paragrafu talArtikolu 263 TFUE

44      Għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi żewġ każijiet li fihom il-locus standi hija rrikonoxxuta lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tappella kontra att li ma hijiex id-destinatarja tiegħu. Minn naħa, tali appell jista’ jitressaq bil-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta appell kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 19, u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 32).

45      Il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr madankollu ma jiġu injorati l-kundizzjonijiet, li huma espressament previsti mit-Trattat FUE (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336. Għalhekk, il-locus standi tagħha jista’ jiġi rrikonoxxut biss jekk hija taqa’ taħt wieħed minn dawn il-każijiet imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq.

47      L-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għandha tiġi eżaminata fir-rigward tat-tieni każ imsemmi fil-punt 44 iktar ’il fuq.

48      L-ewwel, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 huwiex att regolatorju, it-tieni, jekk jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni, u t-tielet, jekk jaffettwax direttament is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

a)      Fuq leżistenza ta’ att regolatorju

49      Skont il-ġurisprudenza, l-atti regolatorji huma l-atti ta’ portata ġenerali, bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 61, u d-digriet tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Sarantos et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑84/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:871, punt 29).

50      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 għandux portata ġenerali, u fit-tieni lok, jekk l-imsemmi regolament huwiex att leġiżlattiv.

51      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 għandu portata ġenerali, sa fejn huwa japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jinvolvi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni prevista b’mod ġenerali u astratta (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

52      Il-portata ġenerali tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 hija kkonfermata mill-motivi tal-imsemmi regolament fosthom il-premessa 630 li tistabbilixxi dan li ġej:

“F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċċarat li l-eżenzjoni [inkwistjoni] mhijiex speċifika għal [Cordial], iżda tapplika għall-produtturi kollha ta’ adeżivi f’taħlita xotta b’mod mhux diskriminatorju […]”

53      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessi 672 u 673 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, l-imsemmi regolament ġie adottat mill-Kummissjoni wara li din tal-aħħar issottomettiet l-abbozz tar-regolament inkwistjoni lill-Kumitat tal-Appell fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).

54      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv, peress li la ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) u (2) TFUE (ara f’dan is-sens, id-digrieti tal‑5 ta’ Frar 2013, BSI vs Il‑Kunsill, T‑551/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:60, punt 43, u tal‑14 ta’ Settembru 2021, Far Polymers et vs Il‑Kummissjoni, T‑722/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:598, punt 55).

55      Peress li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq huma ssodisfatti, għandu jiġi konkluż li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, li l-Artikolu 1(4) tiegħu jipprovdi l-eżenzjoni inkwistjoni, għandu natura ta’ att regolatorju. Din il-klassifikazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-Kummissjoni. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk din l-eżenzjoni tinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni.

b)      Fuq lassenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni

56      L-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tal-imsemmija dispożizzjoni, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ eżekuzzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma jkollhiex rimedju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Montessori”, EU:C:2018:873, punt 58).

57      Għall-kuntrarju, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ eżekuzzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ eżekuzzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 59).

58      Fil-qasam tad-dazji antidumping, is-sistema doganali stabbilita mir-Regolament Nru 952/2013 tipprovdi li l-ġbir tad-dazji stabbiliti minn regolament bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 jsir abbażi ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jiġu kklassifikati bħala “miżuri ta’ eżekuzzjoni” (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punti 59 u 60; tad‑19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport, C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 31; u d-digriet tal‑5 ta’ Frar 2013, BSI vs Il‑Kunsill, T‑551/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:60, punti 45 sa 53).

59      Madankollu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni, għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tar-rikors (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 31, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 61). Barra minn hekk, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ eżekuzzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi li għandhom, skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 53).

60      Issa, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 biss huwa kkontestat mir-rikorrenti.

61      Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, sabiex jiġi ddeterminat jeżistux, f’dan il-każ, miżuri ta’ eżekuzzjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jinvolvi neċessarjament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, li jipproevedi l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

62      Barra minn hekk, għall-istess finijiet li jiġi evalwat jekk att regolatorju jinkludix miżuri ta’ eżekuzzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt ta’ rimedju taħt it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra hija irrilevanti (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 61).

63      Issa, huwa stabbilit li r-rikorrenti, li timporta l-PVA sabiex timmanifattura biss l-adeżiv likwidu, ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni.

64      Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-proċedura tal-użu finali prevista fl-Artikolu 254 tar-Regolament Nru 952/2013, li għaliha jirreferi l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 fit-tieni sentenza tiegħu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), tinvolvi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn il-miżuri ma jistgħux japplikaw għar-rikorrenti.

65      Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni li, l-ewwel, Cordial u l-benefiċjarji l-oħra tal-eżenzjoni inkwistjoni għandhom jingħataw, skont ir-Regolament Nru 952/2013, awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, u t-tieni, li tali eżenzjoni hija miżura ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 huwa irrelevanti.

66      Ċertament, ir-rikorrenti tista’ titlob li tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni sabiex l-awtoritajiet doganali kkonċernati jopponuha b’rifjut li hija tista’ tikkontesta.

67      Madankollu, ir-rifjut li tintlaqa’ talba introdotta minn rikorrent quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ma jistax jitqies bħala miżura ta’ implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni meta jista’ jiġi konkluż li huwa artifiċjali li l-imsemmi rikorrent jiġi obbligat jintroduċi tali talba (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 66 u 67).

68      Issa, peress li f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 sabiex tkun eliġibbli li tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni, ikun artifiċjali li tiġi obbligata titlob lill-awtoritajiet doganali kkonċernati li tibbenefika minn din l-eżenzjoni u tikkontesta l-att li jirrifjuta din it-talba quddiem qorti nazzjonali sabiex din tasal tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 65 u 66, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il‑Kummissjoni, C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, punt 41).

69      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56 sa 68 iktar ’il fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-eżenzjoni inkwistjoni ma tinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti.

70      Fl-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta.

c)      Fuq linċidenza diretta

71      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu, u min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, li tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43; tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42).

1)      Fuq ittieni kriterju, dwar lassenza ta’ setgħa diskrezzjonali taddestinatarji responsabbli millimplimentazzjoni talmiżura kkontestata

72      Għandu jiġi rrilevat li t-tieni kriterju ma huwiex rilevanti fir-rigward ta’ miżura, li bħal dik inkwistjoni, ma tinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il‑Kummissjoni, T‑312/14, EU:T:2015:472, punti 38 sa 40).

73      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jiddisponi dan li ġej:

“Għandhom jiġu imposti dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi permezz ta’ regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament li jimponi tali dazji […]”

74      Għalhekk, l-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni tar-regolamenti antidumping ma għandhom, bħala prinċipju, ebda marġni diskrezzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 59, u tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 24).

75      F’dan il-każ, billi jissuġġetta l-benefiċċju tal-eżenzjoni għall-unika kundizzjoni li l-prodotti kkonċernati kienu importati għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta, ipprodotti u mibjugħa f’forma ta’ trab għall-industrija tal-kartun, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet doganali nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu.

76      Fir-rigward tar-regola tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 relattiva għat-tqegħid tal-PVA taħt il-proċedura tal-użu finali prevista fl-Artikolu 254 tar-Regolament Nru 952/2013, din id-dispożizzjoni, li hija intiża biss sabiex tindika l-proċedura doganali li taħtha jitqiegħdu l-importazzjonijiet ta’ PVA li jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), ma tistax, għal din ir-raġuni, tikkontesta n-natura purament awtomatika ta’ din l-eżenzjoni. Barra minn hekk, permezz tal-formulazzjoni tagħha stess, li ma tistabbilixxix kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni tal-proċedura tal-użu finali ħlief dik li tirrigwarda l-eżenzjoni li minnha jibbenefika l-PVA, l-imsemmija dispożizzjoni lanqas tħalli ebda marġni diskrezzjonali lill-awtoritajiet doganali nazzjonali.

77      Konsegwentement, it-tieni kriterju msemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq, li lanqas kien ikkontestat minn ebda parti, huwa ssodisfatt.

2)      Fuq lewwel kriterju, dwar leffetti diretti fuq issitwazzjoni legali tarrikorrenti

78      Insostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka s-sitwazzjoni tagħha ta’ utent ta’ PVA li jinsab f’kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-eżenzjoni inkwistjoni. Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta, hija titlob li l-Qorti Ġenerali tapplika f’dan il-każ, is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873). Hija tindika li l-eżenzjoni inkwistjoni tqegħedha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża fir-rigward tal-manifatturi ta’ adeżivi f’taħlita xotta.

79      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ċ-ċirkustanza li tgħid li att tal-Unjoni jqiegħed operatur ekonomiku f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża ma tippermettix fiha nnifisha li jitqies li dan tal-aħħar huwa affettwat fis-sitwazzjoni legali tiegħu minn dan l-att, u lanqas li huwa, għalhekk, direttament ikkonċernat minnu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 34, 36 u 37; tas‑17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et, C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616, punti 47 sa 49; u tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 81).

80      Madankollu, fil-punt 43 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li tqiegħed operatur ekonomiku f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża, għaliex iżżomm kompletament l-effetti ta’ miżuri nazzjonali favorevoli għall-kompetituri tiegħu, tista’ titqies li taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-imsemmi operatur.

81      Kif jirriżulta mill-punti 43 u 52 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat is-soluzzjoni li hija sostniet fuq il-konstatazzjoni li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kellhom bħala għan li jippreżervaw il-kompetizzjoni u li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam kienu jagħtu dritt lill-kompetitur ta’ impriża li tibbenefika minn miżura nazzjonali li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta minn tali miżura.

82      Issa, fil-qasam tal-antidumping, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku jiddisponi dan li ġej:

“Determinazzjoni jekk l-interess tal-Unjoni jitlobx intervent għandha ssir fuq il-bażi ta’ apprezzament tal-interessi varji kollha meħuda globalment, inklużi l-interessi tal-industrija domestika u tal-utenti u konsumaturi. Determinazzjoni li ssir skont dan l-Artikolu għandha biss issir fejn il-partijiet kollha ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu l-veduti tagħhom magħrufa skont il-paragrafu 2. F’tali eżami, il-bżonn li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni minn dumping dannuż u li tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva għandu jingħata kunsiderazzjoni speċjali. Ma jistgħux jiġu applikati miżuri, kif stabbiliti fuq il-bażi tad-dumping u d-dannu misjub, fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata, jistgħu jikkonkludu b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu applikati tali miżuri”.

83      Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Kummissjoni, għandhom, qabel jadottaw miżuri antidumping, jiddeterminaw jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jittieħdu tali miżuri. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tadottax miżuri, minkejja li jiġu stabbiliti dumping u dannu, jekk ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li tagħmel dan.

84      Huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ġiet adottata l-eżenzjoni inkwistjoni (ara l-premessa 551 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336).

85      Sabiex jiġi ddeterminat l-interess tal-Unjoni, it-tielet sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku tippreċiża li “l-bżonn li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni minn dumping dannuż u li tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva għandu jingħata kunsiderazzjoni speċjali”.

86      Minn din is-sentenza, jirriżulta li għal dan il-għan, l-interess tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom affettwata minn prattiki ta’ dumping dannużi huwa meħud inkunsiderazzjoni bi prijorità.

87      Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jittieħdu miżuri antidumping, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-interessi varji kollha, meħuda globalment, b’tali mod li l-interessi tal-produtturi ma humiex l-uniċi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

88      Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-interessi inkwistjoni jinkludu dawk tal-utenti tal-prodott ikkonċernat.

89      Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li, peress li t-tielet sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku tirrigwarda biss is-sitwazzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-interess tal-Unjoni, tal-interessi tal-utenti tal-prodott ikkonċernat li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom ma tiġix affettwata f’każ bħal dak imsemmi fil-punt 87 iktar ’il fuq, ġie eskluż.

90      Għall-kuntrarju, l-interessi ta’ ċerti utenti tal-prodott ikkonċernat li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom tiġi ppreżervata mill-effetti ta’ eventwali distorsjoni introdotta minn tali eżenzjoni taqa’ fl-interess tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku.

91      Ir-rabta bejn l-interessi tal-utenti tal-prodott ikkonċernat li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom tiġi ppreżervata u l-interess tal-Unjoni tirriżulta, minbarra mir-referenza għall-interessi tagħhom magħmula fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, mill-konstatazzjoni tal-istabbiliment, fl-imsemmi regolament, ta’ għan ġenerali ta’ preżervazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern li ma huwiex limitat għas-sitwazzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-Unjoni.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fit-tielet sentenza tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, hemm referenza għal kompetizzjoni effettiva u mhux biss għas-sitwazzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni u għall-interessi speċifiċi tagħhom.

93      Barra minn hekk, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku huwa previst li l-ammont tad-dazji antidumping definittivi, mhux biss ma għandux jaqbeż il-marġni ta’ dumping, iżda lanqas għandu jaqbeż id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

94      Għalhekk, minn naħa, il-produtturi tal-Unjoni ma jingħataw ebda vantaġġ kompetittiv fir-rigward tal-esportaturi ta’ pajjiżi terzi li jipprattikaw dumping, u min-naħa l-oħra, l-ammont tad-dazji antidumping ma jmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju, biex b’hekk jiġu ppreżervati l-interessi tal-operaturi ekonomiċi li jintervjenu downstream fis-settur, b’mod partikolari l-utenti tal-prodott ikkonċernat.

95      Minn dan jirriżulta li r-Regolament bażiku ma għandux l-għan biss li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni iżda jfittex ukoll l-għan li jippreżerva kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

96      Konsegwentement, jeżisti dritt għall-utenti tal-prodott ikkonċernat li ma jġarrbux kompetizzjoni distorta li tkun ikkawżata minn att adottat mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tar-Regolament bażiku, bl-istess mod li jeżisti dritt għall-kompetitur ta’ impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat li ma ġġarrabx kompetizzjoni distorta minn tali għajnuna.

97      Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dan id-dritt, att tal-Kummissjoni li jista’ jippreġudikah għandu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tad-detentur ta’ dan id-dritt u għalhekk jaffettwah direttament.

98      Mill-perspettiva tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).

99      Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, li tostakola li operatur ekonomiku mqiegħed, wara l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża jitqies li huwa direttament ikkonċernat minn dan l-att, ma tipprekludix li l-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta tiġi ssodisfatta.

100    Ċertament, ir-rikorrenti ssostni, bħar-rikorrenti fil-kawżi msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni adottat miżura, li permezz tad-differenzi fit-trattament li hija twassal għalihom, tista’ taffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha.

101    Madankollu, għall-kuntrarju tal-fatti inkwistjoni fil-kawżi msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, l-interessi tar-rikorrenti, inkluż il-preżervazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħha, huma meħuda inkunsiderazzjoni skont ir-Regolament bażiku li abbażi tiegħu ġiet adottata l-eżenzjoni inkwistjoni.

102    Għall-kuntrarju, fil-kawżi deskritti fil-punt 79 iktar ’il fuq, l-interessi tar-rikorrenti ma kinux ippreżervati minħabba s-sistema legali li kienet tagħti vantaġġ lill-kompetituri tagħhom, peress li huma ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema.

103    Għalhekk, fis-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 1 sa 3, u 34), tfakkar li l-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni kienet tinkludi z-zokkor prodott, minn naħa, matul l-ipproċessar tal-pitravi taz-zokkrija mill-produzzjoni domestika tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, matul ir-raffinar taz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum importat minn pajjiż terz, fejn il-prodott finali huwa kimikament identiku fiż-żewġ każi. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu intiżi sabiex iżidu l-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni li kienet qed tesperjenza nuqqas. Uħud fosthom kienu joħolqu vantaġġ lill-produtturi tal-Unjoni billi jippermettulhom jipproduċu u jikkummerċjalizzaw ammont limitat ta’ zokkor, kif ukoll ta’ iżoglukożju, li jeċċedi l-kwota ta’ produzzjoni domestika. Ir-rikorrenti, li ma kinux produtturi taz-zokkor u iżoglukożju, iżda impriżi ta’ raffinar taz-zokkor tal-kannamieli importat, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema legali inkwistjoni.

104    Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616, punti 2 sa 9, 32 u 48), id-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu joħolqu vantaġġ għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix. Ir-rikorrenti, li kienu proċessuri industrijali tal-frott u tal-ħaxix u mhux produtturi ta’ dan l-ikel, kienu invokaw diskriminazzjoni bejniethom u l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar. Madankollu, dawn ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema legali inkwistjoni.

105    Fl-aħħar nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 73, 74, u 79 sa 81), l-għan tal-miżuri kkontestati kien li jimponu dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti. Ir-rikorrenti kienet produttur Amerikan tal-bijoetanol. Hija ma kinitx tesporta l-prodott tagħha lejn l-Unjoni, iżda kienet tbigħu lil operaturi tas-suq blenders. Peress li dawn tal-aħħar kienu jesportaw il-bijoetanol li kienu jixtru, b’mod partikolari lir-rikorrenti, ġie applikat dazju antidumping għal dan il-prodott. Id-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom kienu ġew adottati l-miżuri kkontestati kienu dawk tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), (li sar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet kienu jipprovdu li dazju antidumping huwa impost “fuq l-importazzjonijiet” ta’ prodotti li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet, l-istess bħas-sistema legali kollha stabbilita mir-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tiegħu, ma japplikawx għall-produtturi ta’ pajjiżi terzi, iżda biss għal dawk fosthom li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn l-Unjoni.

106    Issa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-kompetituri tagħha kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, peress li kienu joperaw fis-suq intern. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet tibbenefika, skont din is-sistema legali komuni, minn dritt li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha tiġi ppreżervata (ara l-punt 81 iktar ’il fuq). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li kienet ikkontestata, kienet adottata abbażi tal-imsemmija sistema, u kienet tawtorizza miżura nazzjonali li tintroduċi, f’din is-sistema, differenza fit-trattament li tista’ tkun l-oriġini ta’ sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża għar-rikorrenti.

107    Dan huwa wkoll il-każ fil-każ inkwistjoni.

108    Fil-fatt, kif ġie preċedentement irrilevat, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu applikati dazji antidumping, għandhom jiġu evalwati l-interessi inkwistjoni kollha meħuda globalment, b’mod partikolari, dawk tal-utenti tal-prodott ikkonċernat.

109    Huwa b’applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, li jsemmi l-utenti tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, b’mod partikolari, il-manifatturi kollha ta’ adeżivi, li ġie adottat l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

110    Għalhekk, il-manifatturi ta’ adeżivi likwidi jaqgħu, bħall-kompetituri tagħhom, jiġifieri l-manifatturi ta’ adeżivi f’taħlita xotta, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament bażiku, u barra minn hekk l-interessi tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

111    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq ma tipprekludix il-konklużjoni li l-eżenzjoni inkwistjoni għandha effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-manifatturi ta’ adeżivi likwidi, sa fejn dawn jistgħu, minħabba din l-eżenzjoni, jitqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża.

112    Barra minn hekk, huwa minnu li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-kompetituri tal-benefiċjarji ta’ miżura nazzjonali li teżenta lil dawn tal-aħħar minn piż huma, bħala prinċipju, suġġetti direttament għaliha, kif kien il-każ fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 6 u 50).

113    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ utent ta’ PVA, ma hijiex direttament suġġetta għad-dazji antidumping, li kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 huma imposti fuq l-importazzjonijiet.

114    Madankollu, id-dazji antidumping huma intiżi li jiġu mgħoddija, kompletament jew parzjalment, fuq ix-xerrejja tal-prodott ikkonċernat ġewwa l-Unjoni, f’dan il-każ, l-utenti ta’ PVA, b’mod partikolari l-manifatturi ta’ adeżivi likwidi.

115    Fil-fatt, l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ terġa tiftaħ l-investigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, sabiex teżamina jekk id-dazji antidumping kellhomx effetti fuq il-prezzijiet meta jkun jidher li dawn id-dazji wasslu biss għal bidla insuffiċjenti tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew tal-prezzijiet tal-bejgħ ulterjuri fl-Unjoni.

116    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sa fejn hija kkunsidrat li kien neċessarju, f’dan il-każ, li jiġu eżentati mid-dazji antidumping il-produtturi ta’ PVA intiż għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta, qieset li, fl-assenza ta’ tali eżenzjoni, l-utenti ta’ PVA li jimmanifatturaw tali adeżivi kienu jġarrbu, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż addizzjonali kkostitwiti mid-dazji antidumping. Issa, ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi preżunt li s-sitwazzjoni tal-utenti ta’ PVA li jimmanifatturaw l-adeżiv likwidu kienet differenti f’dan ir-rigward.

117    Għalhekk, mingħajr ma għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ importatriċi ta’ PVA li għandha wkoll ir-rikorrenti (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, bħala utent ta’ dan il-prodott, hija msejħa sabiex iġġarrab, kompletament jew parzjalment, id-dazji antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 112 sa 117 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-assenza ta’ obbligu, impost fuq ir-rikorrenti, bħala utent ta’ PVA li jinsab f’kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-eżenzjoni inkwistjoni, li tħallas hija stess id-dazji antidumping, ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-punt 111 iktar ’il fuq.

119    Imbagħad għandu jiġi ddeterminat jekk, minħabba l-eżenzjoni inkwistjoni, ir-rikorrenti tistax titqiegħed f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża.

120    F’dan ir-rigward, fil-punt 46 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li tagħti deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-miżuri nazzjonali evalwati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, l-inċidenza diretta għal tali rikorrent ma tistax madankollu tiġi misluta mis-sempliċi natura potenzjali ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni.

121    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta kienet teżiġi li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni kienet obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar kienx espona b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħet tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u, għaldaqstant, setgħet tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 47).

122    Fir-rigward taċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrenti, billi wrew li kienu joperaw fl-istess suq bħall-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, kienu ġġustifikaw b’mod rilevanti li d-deċiżjoni kontenzjuża setgħet tqegħedhom f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u li, għalhekk, din id-deċiżjoni kienet taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom li ma jġarrbux, fuq dan is-suq, kompetizzjoni distorta mill-miżuri inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 50).

123    F’dan il-każ, ir-rikorrenti esponiet, b’mod dettaljat u mingħajr ma kienet kontradetta f’dan ir-rigward, li hija kienet teżerċita l-attività tagħha fuq l-istess suq ta’ prodotti u fl-istess suq ġeografiku bħal wieħed mill-operaturi ekonomiċi li jibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, hija timmanifattura l-adeżiv likwidu b’bażi ta’ PVA ddestinat għall-industrija tal-kartun fl-Unjoni. Hija żiedet li l-adeżiv likwidu u l-adeżiv f’taħlita xotta kienu sostitwibbli u l-ispejjeż imġarrba mill-klijenti tagħha minħabba d-dazji antidumping setgħu jwassluhom sabiex pjuttost jixtru mingħand il-produtturi ta’ adeżivi f’taħlita xotta.

124    Għalhekk, ir-rikorrenti esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-eżenzjoni inkwistjoni setgħet tqegħedha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża.

125    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li f’dan il-każ huwa ssodisfatt l-ewwel kriterju msemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq kif ukoll il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta fl-intier tagħha.

126    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 49 sa 125 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tliet kundizzjonijiet previsti fit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq huma ssodisfatti. Għalhekk, ma għandux jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE humiex issodisfatti wkoll.

127    Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata sussidjarjament mill-Kummissjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

3.      Fuq leżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

128    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-rikorrenti hija direttament affettwata mill-eżenzjoni inkwistjoni, ir-rikors xorta jkun inammissibbli sa fejn l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ma kienx jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, peress li ma kienx jaffettwa l-interessi tar-rikorrenti billi jibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha. Skont il-Kummissjoni, eventwali llaxkar tal-ġurisprudenza dwar il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta li kienet tirriżulta mit-traspożizzjoni għal dan il-każ tas-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), kien joħloq riskju ta’ actio popularis u għandu jkun akkumpanjat, sabiex jiġi evitat tali riskju, mid-dimostrazzjoni mir-rikorrenti, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-att li jista’ jiġi kkontestat, tal-eżistenza ta’ bidla sostanzjali tas-sitwazzjoni legali tagħha.

129    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 għandu l-għan li jeżenta l-importazzjonijiet ta’ PVA li joriġinaw miċ-Ċina mid-dazji antidumping definittivi imposti mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, jekk il-PVA huwa importat għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta pprodott u mibjugħ f’forma ta’ trab għall-industrija tal-kartun.

130    Għalhekk, l-Artikolu 1(4) tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

131    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu sostanzjalment is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9).

132    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra atti li huma kienu d-destinatarji tagħhom. Meta, bħal f’dan il-każ, ir-rikors għal annullament huwa introdott minn rikorrent bħala parti mhux privileġġjata kontra att li ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ tali rikors għal annullament, kif kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri l-kundizzjonijiet li għadhom imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bl-eċċezzjoni tat-tielet frażi ta’ dan il-paragrafu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38, u d-digriet tal‑15 ta’ April 2021, Validity u Center for Independent Living vs Il‑Kummissjoni, C‑622/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:310, punt 39).

133    Għalhekk, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex destinatarji tal-att ikkontestat li jissodisfaw diġà l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ inċidenza diretta u inċidenza individwali.

134    Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq ma hijiex applikabbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex destinatarji tal-att ikkontestat li jissodisfaw diġà l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

135    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu III‑365(4) tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott f’termini identiċi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirriżulta li ż-żieda tat-tielet frażi f’din id-dispożizzjoni kienet intiża li testendi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi u li l-uniċi atti ta’ portata ġenerali li fir-rigward tagħhom kellu jinżamm approċċ restrittiv kienu l-atti leġiżlattivi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 26).

136    Għalhekk, l-għan tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa li tillaxka l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra l-atti kollha ta’ portata ġenerali, ħlief dawk li għandhom natura leġiżlattiva (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 27).

137    Issa, l-obbligu, impost fuq rikorrent li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li juri bidla “sostanzjali” tas-sitwazzjoni legali tiegħu sabiex jistabbilixxi li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat hija ssodisfatta kellu l-effett li jillimita l-illaxkar tal-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà tar-rikorsi mixtieqa mill-awturi tat-Trattat FUE.

138    Fit-tieni lok, l-għan imfittex mit-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkonsisti wkoll, kif jirriżulta mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27, u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Montessori, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 58).

139    F’dan il-każ, inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ibbażata fuq l-assenza ta’ dimostrazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ bidla sostanzjali tas-sitwazzjoni legali tagħha tista’ twassalha, jekk hija trid tkompli bl-azzjoni tagħha, tippreżenta quddiem l-awtoritajiet doganali kompetenti talba sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni. Madankollu, tali obbligu għandu natura artifiċjali, kif ġie kkonstatat fil-punt 68 iktar ’il fuq.

140    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 129 sa 139 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma hijiex fondata meta tinvoka l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 ma kienx iwassal fir-rigward tar-rikorrenti għal effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha.

141    Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għandha tiġi eskluża.

142    Għandu jiżdied li r-riskju ta’ actio popularis invokat mill-Kummissjoni ma huwiex stabbilit. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-inċidenza diretta tar-rikorrenti hija limitata, f’din is-sentenza, għall-każ fejn eżenzjoni minn dazji antidumping tintroduċi, f’sistema legali komuni għal ċerti utenti tal-prodott ikkonċernat, differenza fit-trattament li toriġina minn sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża (ara l-punti 110 u 111 iktar ’il fuq).

143    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

B.      Fuq ilmertu

144    Għandu jitfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta deċiżjoni li tikkonkludi l-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim li jistabbilixxi l-WTO”), kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Anness 1 A ta’ dan il-ftehim, li jinkludu l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (ĠU 1994, L 336, p. 11) u l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

145    F’dan il-każ, ir-rikorrenti, li ssostni li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 kien jikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, tinvoka wkoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping.

146    Ir-rikorrenti tfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping jipprovdu li d-dazji antidumping għandhom jiġu imposti mingħajr diskriminazzjoni. Fil-fehma tagħha, l-unika eċċezzjoni permessa tirrigwarda l-importazzjonijiet minn sorsi li minnhom ikun ġie aċċettat impenn.

147    Għalhekk, minħabba l-eżenzjoni inkwistjoni, ġew imposti dazji antidumping diskriminatorji għad-detriment tal-manifatturi ta’ adeżivi likwidi, għaliex dawn huma suġġetti għal dawn id-dazji filwaqt li l-manifatturi ta’ adeżivi f’taħlita xotta huma eżentati minnhom.

148    Għalhekk, l-eżenzjoni inkwistjoni tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq.

149    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li mill-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA, wieħed biss jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni, jiġifieri, l-uniku fornitur ta’ Cordial, il-manifattur ta’ adeżivi f’taħlita xotta li s-sitwazzjoni tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336. Għalhekk, hija tallega li l-eżenzjoni inkwistjoni hija diskriminatorja fir-rigward tal-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA l-oħra kollha.

150    Bi tweġiba għall-ilment imsemmi fil-punti 145 sa 148 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-eżenzjoni inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, it-tieni, li anki kieku dan kien il-każ, din id-differenza fit-trattament ma kinitx tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u t-tielet, li anki jekk tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, din tkun oġġettivament iġġustifikata mill-interess tal-Unjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

151    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-eżistenza tad-diskriminazzjoni msemmija fil-punt 149 iktar ’il fuq.

152    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 144 sa 149 iktar ’il fuq jirriżulta li l-uniku motiv tar-rikorrenti huwa maqsum f’żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq diskriminazzjoni bejn l-utenti ta’ PVA ġewwa l-Unjoni, u t-tieni wieħed, fuq diskriminazzjoni bejn l-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA.

1.      Fuq iddiskriminazzjoni bejn lutenti ta’ PVA

153    L-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku jiddisponi dan li ġej:

“Għandu jiġi impost dazju anti-dumping f’ammonti adatti f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja, fuq importazzjonijiet ta’ prodott, mis-sorsi kollha, li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża d-dannu, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk is-sorsi li minnhom ġew aċċettati impenji taħt it-termini ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

154    Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari, l-espressjoni “fuq bażi mhux diskriminatorja” ma humiex applikabbli għad-differenza fit-trattament magħmula bejn l-utenti tal-prodott ikkonċernat, li huma stabbiliti fit-territorju tal-membru tal-WTO li jimponi d-dazji antidumping.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tinvokax ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. L-ilment tagħha dwar id-diskriminazzjoni bejn l-utenti ta’ PVA huwa limitat sabiex jinvoka ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

156    Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għall-kuntrarju tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jipprovdi biss eċċezzjoni waħda għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, li tirrigwarda l-importazzjonijiet minn sorsi li minnhom ġie aċċettat impenn. Għalhekk, fil-fehma tagħha, kull eċċezzjoni oħra tkun neċessarjament diskriminatorja. Hija żżid li l-applikazzjoni eżiġenti li din id-dispożizzjoni tagħmel tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament hija speċifika ħafna.

157    Fid-dawl tal-limitazzjoni tal-ilment tar-rikorrenti, għandu jiġi konkluż, li jekk kif issostni l-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma kienx applikabbli għal differenza fit-trattament magħmula bejn utenti tal-prodott ikkonċernat, l-imsemmi lment ikun ineffettiv, u għalhekk dan għandu jiġi ddeterminat.

158    Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, u b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-partijiet jinvokaw l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping u l-interpretazzjoni tagħha mill-korpi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO.

159    L-ewwel sentenza tal‑Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tipprevedi dan li ġej:

“Meta dazju kontra d-damping jiġu mposti fir-rigward ta’ kwalunkwe prodotti, dan it-tip ta’ dazju f’kull każ jinġabar f’ammonti xierqa, fuq bażi mhux diskriminatorja ta’ l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mis-sorsi kollha li jitqiesu għad-damping jew li qegħdin jikkawżaw ħsara, ħlief fil-rigward ta’ importazzjoni minn sorsi fejn l-intrapriża tal-prezzijiet ġew aċċettati skond it-termini ta’ dan il-Ftehim […]”

160    Ir-referenza, mir-rikorrenti, għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping għandha tinftiehem bħala li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’konformità ma’ din id-dispożizzjoni.

a)      Fuq itteħid inkunsiderazzjoni taddispożizzjonijiet talFtehim li jistabbilixxi lWTO, kif ukoll talannessi tiegħu, u tarrapporti talkorpi talWTO li jintervjenu filproċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim

161    Għandu jiġi ddeterminat, sa fejn, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, kif ukoll tal-annessi tiegħu, u fit-tieni lok, ir-rapporti tal-korpi tal-WTO li jintervjenu fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod utli għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat, bħall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

1)      Fuq iddispożizzjonijiet talFtehim li jistabbilixxi lWTO, kif ukoll talannessi tiegħu

162    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-influwenza li jista’ jeżerċita ftehim internazzjonali li fih l-Unjoni kienet parti kontraenti, bħall-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994, fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt derivat, li s-supremazija ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt derivat kienet titlob li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’konformità ma’ dawn il-ftehimiet (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52, u tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Řízení Letového Provozu, C‑335/05, EU:C:2007:321, punt 16).

163    Qabel neżamina jekk f’dan il-każ hijiex possibbli tali interpretazzjoni konformi, preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, sa fejn jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping, għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Issa, peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku huma fformulati f’termini kważi identiċi, id-dispożizzjonijiet tat-tieni jikkorrispondu għal dawk tal-ewwel.

165    F’dan ir-rigward, ġie deċiż, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping kellha kamp ta’ applikazzjoni ekwivalenti għal dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, sa fejn kienet tipprojbixxi trattament diskriminatorju fl-irkupru tad-dazji antidumping imposti fuq prodott skont is-sors tal-importazzjonijiet inkwistjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il‑Kunsill, T‑462/04, EU:T:2008:586, punt 39).

166    Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandha ssir, sa fejn huwa possibbli, b’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping.

167    Għandu jiżdied li l-possibbiltà li ssir interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt derivat konformi ma’ ftehim internazzjonali, li għaliha ssir referenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq, ma tistax tapplika fir-rigward ta’ dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u nieqes minn ambigwità u li għalhekk ma teħtieġ ebda interpretazzjoni, kif turi l-espressjoni “sa fejn huwa possibbli”. Fil-fatt, kieku din il-ġurisprudenza tiġi applikata f’tali każ, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tat-testi tad-dritt derivat tal-Unjoni kien iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni, u dan ma jistax ikun aċċettat (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il‑BĊE, T‑751/16, EU:T:2018:475, punt 34). Għall-istess raġuni, fil-każ fejn is-sens tad-dispożizzjoni ta’ dritt derivat inkwistjoni ma jkunx nieqes minn ambigwità, interpretazzjoni konformi ma tistax tapplika meta l-interpretazzjonijiet kollha possibbli tal-imsemmija dispożizzjoni jmorru kontra r-regola ta’ grad ogħla.

168    Għalhekk, meta s-sens tad-dispożizzjoni ta’ dritt derivat inkwistjoni huwa, minn naħa, mingħajr ekwivoku, u min-naħa l-oħra, kuntrarju għar-regola ta’ grad ogħla, prevista mill-ftehim internazzjonali, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’konformità mal-imsemmija regola.

169    F’dan il-każ, ebda wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji ma huwa ssodisfatt.

170    Qabelxejn, l-espressjoni “mingħajr diskriminazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet.

171    Imbagħad, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku huwa simili għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping, ma jistax jitqies bħala li huwa kuntrarju għaliha.

172    Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tagħhom, il-kliem “fuq bażi mhux diskriminatorja” li jinsabu fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati b’konformità mal-kliem “fuq bażi mhux diskriminatorja” li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping.

173    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni preliminari ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet rilevanti oħra li jinsabu fil-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u l-annessi tiegħu. Fil-fatt, għall-interpretazzjoni ta’ trattat internazzjonali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tas-suġġett ta’ dan it-trattat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping, C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 67), kif jipprovdi, fil-qasam tal-interpretazzjoni tat-trattati internazzjonali, l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-Dritt tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonaijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), li tagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 42) u hija meħuda inkunsiderazzjoni mill-Korp tal-Appelli tal-WTO (Rapport tal‑20 ta’ Mejju 1996 dwar it-tilwima “L-Istati Uniti – Standards għall-gażolina riformulata u konvenzjonali (WT/DS 2/AB/R)”).

2)      Fuq irrapporti talkorpi talWTO li jintervjenu filproċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim

174    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda), stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-Dritt tat-Trattati, kien jimplika li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Ftehim antidumping, il-qorti tal-Unjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li l-korpi li jintervjenu fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO kienu adottaw (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet għar-rapporti tal-Bord jew tal-Korp tal-Appelli tal-WTO insostenn tal-interpretazzjoni tagħha ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet li jinsabu fl-anness tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li r-rapporti tal-korpi tal-WTO li jintervjenu fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim setgħu jiġu invokati għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 46, u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 34).

177    Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li xejn ma jipprekludiha milli tagħmel riferiment għar-rapporti tal-korpi tal-WTO li jintervjenu fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim meta tkun qiegħda tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping (ara b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑300/16, EU:T:2019:235, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 174 sa 177 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-kliem “fuq bażi mhux diskriminatorja” li jinsabu f’dan l-artikolu, għandhom jiġu interpretati b’konformità mal-interpretazzjoni mogħtija mill-korpi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO lill-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping.

b)      Fuq innatura applikabbli għallutenti talprodott ikkonċernat talprojbizzjoni li jiġu imposti dazji antidumping diskriminatorji

179    Fl-ewwel lok, il-Korp tal-Appelli tal-WTO indika, fil-paragrafu 335 tar-Rapport tat‑28 ta’ Lulju 2011 dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej - Miżuri Definittivi Anti-Dumping fuq Ċerti Qafliet tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina (WT/DS 397/R)”, li l-Ftehim antidumping kien jinkludi regoli li kienu jirrigwardaw il-prodotti, kif ukoll l-importaturi, l-esportaturi u l-produtturi. Fl-istess paragrafu tar-rapport, huwa ppreċiża li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping kienet tirreferi għall-prodotti u għall-fornituri f’daqqa.

180    Ċertament, il-Korp tal-Appelli ma eskludiex espliċitament li l-kliem “fuq bażi mhux diskriminatorja”, li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping, jistgħu japplikaw għall-utenti tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fit-territorju tal-membru tal-WTO li jimponi d-dazji antidumping. Madankollu, dawn l-operaturi ekonomiċi ma humiex previsti mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita minn dispożizzjoni, ladarba din, minn naħa, ma tirreferix għalihom, u min-naħa l-oħra, tinsab fi ftehim li jikkonċentra fuq il-prodotti nnifishom u fuq operaturi ekonomiċi oħrajn minbarra l-imsemmija utenti.

181    Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping jirriżulta li dan jirrigwarda esklużivament l-oriġini tal-prodotti u mhux l-użu tagħhom fit-territorju tal-membru tal-WTO li jimponi d-dazji antidumping.

182    Fil-fatt, l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping jirreferi għall-fornituri u għas-sorsi tal-prodott, u mhux għall-utenti tiegħu.

183    B’mod partikolari, fir-rigward tas-sorsi tal-prodott, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tipprovdi li dazju antidumping jiġi rkuprat mingħajr diskriminazzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, “mis-sorsi kollha”, bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet “minn sorsi” li minnhom ikun ġie aċċettat impenn fil-qasam tal-prezz skont dan il-ftehim.

184    Issa, il-Korp tal-Appelli tal-WTO indika, fil-paragrafu 338 tar-Rapport tat‑28 ta’ Lulju 2011 dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej - Miżuri Definittivi Anti-Dumping fuq Ċerti Qafliet tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina (WT/DS 397/R)”, li l-kelma “sorsi” li kienet tidher darbtejn fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping, kienet tirreferi għall-“esportaturi jew għall-produtturi” individwali, u mhux għal pajjiż sħiħ. Fil-paragrafu 354 tar-Rapport, huwa ppreċiża li l-kelma “sorsi” kienet tfisser “fornituri”. Għalhekk, fil-kuntest tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping, din l-aħħar kelma tidher li hija interkambjabbli mal-kliem “esportaturi” jew “produtturi”.

185    Ċertament, kif ġustament tindika r-rikorrenti, il-Korp tal-Appelli tal-WTO, fit-tilwima inkwistjoni, kien iddeċieda fuq il-kwistjoni dwar jekk, kif sostniet l-Unjoni (ara l-paragrafi 333 u 337 tar-Rapport), il-kelma “sorsi” li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping tistax tirrinvija għal pajjiż sħiħ u mhux tindika biss l-impriżi esportaturi kkunsidrati b’mod individwali.

186    Madankollu, kienet x’kienet il-kwistjoni li għaliha wieġeb il-Korp tal-Appelli tal-WTO, huwa għażel, sabiex iweġibha, li jippreċiża t-tifsira tal-kelma “sorsi” u għamel dan mingħajr ma ebda element tat-tweġiba tiegħu jippermetti li jiġi konkluż li l-portata ta’ din it-tifsira kienet limitata għat-tweġiba għall-kwistjoni msemmija fil-punt 185 iktar ’il fuq.

187    Id-definizzjoni tal-kelma “sorsi” sostnuta mill-Korp tal-Appelli tal-WTO, sa fejn hija tindika l-produtturi, l-esportaturi jew il-fornituri, tikkonferma li l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping jirrigwarda esklużivament l-oriġini tal-prodotti u mhux l-użu tagħhom fit-territorju tal-membru tal-WTO li jimponi d-dazji antidumping. Għalhekk, din id-definizzjoni tikkonferma l-konklużjoni li tinsab fil-punt 180 iktar ’il fuq.

188    Fit-tielet lok, jista’ jiġi rrilevat li l-Artikoli I u III tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994, li jirrigwardaw rispettivament it-“Trattament ġenerali tan-nazzjon l-iktar iffavorit” u t-“Trattament nazzjonali fil-qasam tal-impożizzjoni u tar-regoli interni”, li jservu ta’ bażi għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet fis-sistema legali stabbilita mill-WTO, jirreferu għal diskriminazzjonijiet bejn “nazzjonijiet” u għalhekk, bejn prodotti li joriġinaw minn membri differenti tal-organizzazzjoni u mhux għal diskriminazzjonijiet bejn prodotti mill-istess membru tagħha.

189    Fid-dawl tal-elementi kollha li jinsabu fil-punti 179 sa 188 iktar ’il fuq, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim antidumping ma tistax tiġi interpretata fis-sens li d-diskriminazzjoni li għaliha tirreferi tindika differenza fit-trattament applikabbli għall-utenti tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fit-territorju tal-membru tal-WTO li jimponi d-dazji antidumping.

190    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 162 sa 172 iktar ’il fuq, il-kliem “fuq bażi mhux diskriminatorja” li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu interpretati fl-istess sens.

191    Konsegwentement, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma japplikax għall-utenti tal-prodott ikkonċernat, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka utilment din id-dispożizzjoni sabiex tikkontesta differenza fit-trattament li tapplika għall-utenti tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fl-Unjoni.

192    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi eskluż bħala ineffettiv.

2.      Fuq iddiskriminazzjoni bejn lesportaturi Ċiniżi differenti

193    Ir-rikorrenti tfakkar li Cordial għandha biss fornitur wieħed ta’ PVA, kif jirriżulta mill-premessa 618 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, u li dan il-fornitur huwa esportatur Ċiniż.

194    Peress li l-eżenzjoni inkwistjoni hija limitata għall-PVA intiżi għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta, li huma mmanifatturati minn Cordial, l-esportatur Ċiniż jibbenefika, skont ir-rikorrenti, minn trattament favorevoli meta mqabbel mal-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA l-oħra.

195    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 jirriżulta li, billi tissuġġetta l-eżenzjoni inkwistjoni għall-kundizzjoni li l-PVA importat ikun intiż għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta pprodotti u mibjugħa f’forma ta’ trab għall-industrija tal-kartun, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ natura ġenerali u astratta (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-eżenzjoni tista’ tirrigwarda l-prodotti ta’ kull operatur ekonomiku li jesporta l-PVA intiż għall-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). Għalhekk, ma hijiex irriżervata għall-fornitur ta’ Cordial.

196    Konsegwentement, il-prodotti tal-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA kollha huma, bħala prinċipju, eliġibbli għall-eżenzjoni inkwistjoni.

197    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li fir-realtà l-fornitur Ċiniż ta’ Cordial biss jibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni.

198    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali tista’ tirreferi għar-rapport tal-korpi tal-WTO li jintervjenu fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, meta hija tinterpreta r-Regolament bażiku fid-dawl tal-Ftehim antidumping (ara l-punti 174 sa 178 iktar ’il fuq).

199    Issa, il-punt 7.101 tar-Rapport tal-Bord tas‑7 ta’ April 2000 dwar it-tilwima “Kanada - Protezzjoni tal-Privattivi għall-Farmaċewtiċi (WT/DS 114)” jirreferi għall-kunċett ta’ “diskriminazzjoni fattwali”. Hawnhekk huwa indikat li diskriminazzjoni fattwali huwa terminu ġenerali li jiddeskrivi l-konklużjoni legali li miżura apparentament newtrali tmur kontra regola dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għaliex l-effett reali tagħha huwa li timponi differenza fit-trattament żvantaġġuża.

200    Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni fattwali” huwa diġà użat fid-dritt tal-Unjoni, minkejja li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għall-finijiet tal-konstatazzjoni li miżura nazzjonali, minkejja li ma kinitx tippreżenta ruħha fil-forma ta’ vantaġġ fiskali li jidderoga minn sistema fiskali komuni, iżda fil-forma ta’ sistema fiskali ġenerali li tistrieħ fuq kriterji ta’ natura ġenerali, fir-realtà kienet twettaq diskriminazzjoni fattwali bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 74).

201    Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni fattwali” huwa simili għall-kunċett, iktar mifrux fid-dritt tal-Unjoni, ta’ “diskriminazzjoni indiretta” (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 1993, Spotti, C‑272/92, EU:C:1993:848, punti 17 u 18, u tas‑7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice, C‑350/96, EU:C:1998:205, punti 29 sa 31), kunċett stabbilit ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB, 13 ta’ Novembru 2007, D.H. et vs Ir‑Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2007:1113JUD005732500, punti 193 sa 195), li jirreferi għal kull forma ta’ diskriminazzjoni moħbija li twassal għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni manifesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑35/97, EU:C:1998:431, punti 37 u 38).

202    Għalhekk, abbażi tal-elementi pprovduti mir-rikorrenti insostenn tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjoni inkwistjoni hijiex l-oriġini ta’ diskriminazzjoni fattwali jew indiretta bejn l-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA.

203    Fl-ewwel lok, l-ilment tar-rikorrenti li l-eżenzjoni inkwistjoni tapplika biss għal esportatur Ċiniż ta’ PVA wieħed, il-fornitur ta’ Cordial, jimplika li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija eżenzjoni tistax tkun ta’ benefiċċju għal Cordial biss.

204    F’dan ir-rigward, il-proċess li jippermetti l-manifattura ta’ adeżivi f’taħlita xotta pprodotti u mibjugħa f’forma ta’ trab għall-industrija tal-kartun huwa deskritt bħala innovattiv fil-premessa 623 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336.

205    Madankollu, mill-fajl ma jirriżultax, u b’mod partikolari mill-elementi pprovduti mir-rikorrenti li Cordial kienet l-unika manifattur ta’ adeżivi f’taħlita xotta fl-Unjoni.

206    Barra minn hekk, ebda element tal-fajl, u b’mod partikolari, ebda element ipprovdut mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi preżunt li huwa impossibbli jew partikolarment diffiċli għal kull operatur ekonomiku ieħor minbarra Cordial li jimmanifattura tali prodott. F’dan ir-rigward, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li kien jeżisti ostakolu legali, tekniku jew finanzjarju li jipprekludi d-dħul ta’ tali operatur fis-suq tal-adeżivi f’taħlita xotta.

207    Għalhekk, l-eżistenza ta’ manifatturi oħra ta’ adeżivi f’taħlita xotta jew id-dħul tagħhom fis-suq tal-imsemmi adeżivi ma jistgħux jiġu esklużi. Issa, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li manifatturi oħra ta’ adeżivi f’taħlita xotta diġà għandhom provvista jew ser ikollhom provvista mingħand il-fornitur ta’ PVA ta’ Cordial, u mhux mingħand fornituri oħra, b’mod partikolari esportaturi Ċiniżi ta’ PVA. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li esportaturi Ċiniżi ta’ PVA oħra minbarra l-fornitur ta’ Cordial, jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni.

208    Fit-tieni lok, fil-premessi 618 u 624 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 hemm indikat li t-tip ta’ PVA importat minn Cordial huwa speċifikament żviluppat b’kooperazzjoni mal-fornitur tiegħu u li hija neċessarja relazzjoni fit-tul sabiex fornitur ikun jista’ jaddatta għar-rekwiżiti tal-prodott ta’ Cordial.

209    Madankollu, il-persistenza ta’ sitwazzjoni li fiha Cordial għandha biss fornitur wieħed tiddependi fuq għażla tal-produtturi ta’ PVA, b’mod partikolari l-esportaturi Ċiniżi ta’ dan il-prodott, u mhux minn elementi esterni imposti fuqhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punti 40 u 41).

210    Fil-fatt, ebda element tal-fajl, u b’mod partikolari, ebda element ipprovdut mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi preżunt li l-esportaturi Ċinizi ta’ PVA minbarra l-fornitur ta’ Cordial ma humiex f’pożizzjoni li jaddattaw il-produzzjoni tagħhom sabiex iwieġbu għad-domanda speċifika tagħha msemmija fil-punt 208 iktar ’il fuq.

211    Għalhekk, ma huwiex eskluż li esportaturi Ċiniżi oħra minbarra l-fornitur ta’ Cordial jistgħu, jekk jixtiequ, iwieġbu għall-bżonnijiet ta’ provvista tagħha.

212    Barra minn hekk, mill-premessa 624 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 jirriżulta li Cordial pproduċiet provi li juru li fil-passat, hija kienet provat tixtri l-PVA mingħajr produttur Tajwaniż, iżda ma setgħetx tikkonkludi xi ftehim, peress li dan il-produttur kien ibigħ il-prodott tiegħu esklużivament permezz ta’ negozjant fl-Unjoni u ma kienx lest jaddatta għar-rekwiżiti ta’ Cordial.

213    Ir-rieda ta’ Cordial li tillimita d-dipendenza tagħha fuq il-fornitur ta’ PVA tagħha tirriżulta mill-premessa 624 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336, u b’mod partikolari, mill-estratt li ġej, mhux ikkontestat mir-rikorrenti:

“[Cordial] diġà ppruvat tistabbilixxi sħubijiet ġodda iżda, minħabba d-daqs żgħir tagħha, ma setgħetx tistabbilixxi relazzjoni fit-tul ma’ fornituri alternattivi […] Il-kumpanija ressqet evidenza li fil-passat ippruvat fil-passat tixtri PVA minn produttur mit-Tajwan, iżda ma setgħetx tikkonkludi xi ftehim, peress li dan il-produttur ibigħ esklussivament permezz ta’ negozjant fl-U[njoni] u ma kienx lest jadatta l-prodotti tiegħu għar-rekwiżiti ta’ Cordial […]”

214    Minn din il-premessa jirriżulta li Cordial kienet lesta li twieġeb b’mod favorevoli għall-approċċi ta’ esportaturi oħra ta’ PVA, b’mod partikolari Ċiniżi, intiżi sabiex jipprovdulha dan il-prodott.

215    Din tikkonferma wkoll il-konklużjoni, li tinsab fil-punt 211 iktar ’il fuq, li esportaturi Ċiniżi oħra minbarra l-fornitur ta’ Cordial setgħu, kieku xtaqu, iwieġbu għall-bżonnijiet ta’ provvista tagħha.

216    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 203 sa 215 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżistenza ta’ ostakoli li jeskludu l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni għal esportaturi Ċiniżi ta’ PVA oħra minbarra l-fornitur ta’ Cordial, ma hijiex stabbilita.

217    Konsegwentement, l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament sfavorevoli li huma vittmi tagħha l-esportaturi Ċiniżi ta’ PVA minbarra l-fornitur ta’ Cordial ma hijiex pprovata. Fl-assenza ta’ tali differenza fit-trattament, ma jistax jitqies li ġiet stabbilita eventwali diskriminazzjoni fattwali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il‑Kunsill, T‑255/01, EU:T:2003:282, punt 61).

218    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi eskluż, kif ukoll il-motiv kollu.

219    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq lispejjeż

220    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens.

221    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Grünig KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.